Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (England and Wales) fil-11 ta' Awwissu 2010 - SAS Institute Inc. vs World Programming Ltd

(Kawża C-406/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SAS Institute Inc.

Konvenuta: World Programming Ltd

Domandi preliminari

Dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta' Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter 1 u tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 (verżjoni kodifikata) 2

Meta programm tal-kompjuter (iktar 'il quddiem l-"ewwel programm") huwa protett bi dritt tal-awtur bħala xogħol letterarju, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser illi ma jkunx hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi kompetitur tad-detentur tad-dritt tal-awtur, mingħajr aċċess għas-source code tal-ewwel programm, direttament jew permezz ta' proċess bħad-dekumpiljazzjoni tal-object code, joħloq programm ieħor (iktar 'il quddiem it-"tieni programm") li jirriproduċi l-funzjonijiet tal-ewwel programm?

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata b'xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

in-natura u/jew il-portata tal-funzjonalità tal-ewwel programm;

in-natura u/jew il-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol dedikati mill-awtur tal-ewwel programm sabiex joħloq il-funzjonalità ta' dan l-ewwel programm;

il-livell ta' dettall li bih il-funzjonalità tal-ewwel programm ġiet riprodotta fit-tieni programm;

il-fatt illi l-kodiċi sors tat-tieni programm jirriproduċi aspetti tal-kodiċi sors tal-ewwel programm b'tali mod li jmur lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex tiġi prodotta l-istess funzjonalità bħall-ewwel programm?

Meta l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi programmi ta' applikazzjoni miktuba minn utenti tal-ewwel programm b'lingwa ta' ipprogrammar ikkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm li tinkludi kliem prinċipali kkonċepiti jew magħżula mill-awtur tal-ewwel programm u sintassi kkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b'tali mod illi jinterpreta u jeżegwixxi l-programmi ta' applikazzjoni li jużaw l-istess kliem prinċipali u l-istess sintassi?

Meta l-ewwel programm jaqra minn fajls ta' data f'format partikolari kkonċepit mill-awtur tal-ewwel programm, u jikteb lejn tali fajls ta' data, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b'tali mod illi jaqra minn fajls ta' data tal-istess format u jikteb ljen tali fajls?

Ir-risposta għad-domandi 1, 3 u 4 tkun differenti jekk l-awtur tat-tieni programm ħoloq l-imsemmi programm billi:

osserva, studja u ttestja l-funzjonament tal-ewwel programm; jew

qara manwal miktub u ppubblikat mill-awtur tal-ewwel programm li jiddeskrivi l-funzjonijiet ta' dan l-ewwel programm (iktar 'il quddiem il-"manwal"; jew

għamel iż-żewġ affarijiet imsemmija fil-punt (a) u (b)?

Meta persuna għandha d-dritt tuża kopja tal-ewwel programm bis-saħħa ta' liċenzja, l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat fis-sens illi d-detentur tal-liċenzja għandu dritt, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, illi jagħmel operazzjonijiet ta' loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta' programm sabiex josserva, jittestja jew jistudja l-funzjonament tal-ewwel programm, sabiex jiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta' kull element tal-programm, jekk il-liċenzja tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jagħmel operazzjonijiet ta' loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-ewwel programm meta l-imsemmi programm huwa użat għall-finijiet partikolari permessi mill-liċenzja, iżda l-operazzjonijiet magħmula sabiex josserva, jistudja jew jittestja l-ewwel programm imorru lil hinn mill-ambitu tal-finijiet awtorizzati bil-liċenzja?

L-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat illi l-operazzjonijiet ta' osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-ewwel programm għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħmula sabiex jiġu deċiżi l-ideat jew il-prinċipji li huma l-bażi ta' kull element tal-ewwel programm, meta dawn isiru:

sabiex jiġi vverifikat il-mod li bih l-ewwel programm jiffuzjona, b'mod partikolari fir-rigward ta' dettalji li ma humiex deskritti fil-manwal, bil-għan li jinkiteb it-tieni programm bil-mod imsemmi fid-domanda 1 iktar 'il fuq;

sabiex jiġi vverifikat kif l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi d-dikjarazzjonijiet miktuba bil-lingwa tal-ipprogrammar illi huwa jinterpreta u jeżegwixxi (ara d-domanda 3 iktar 'il fuq);

sabiex jiġu vverifikati l-formats tal-fajls ta' data miktuba lejn l-ewwel programm jew moqrija minn dan l-ewwel programm (ara d-domanda 4, iktar 'il fuq);

sabiex jiġi pparagunat ir-rendiment tat-tieni programm mal-ewwel programm bil-għan li jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn ir-rendiment tagħhom huwa differenti u sabiex jitjieb ir-rendiment tat-tieni programm;

sabiex isiru testijiet paralleli fuq l-ewwel u t-tieni programmi bil-għan li jiġu pparagunati l-outputs tagħhom matul l-iżvilupp tat-tieni programm, b'mod partikolari billi jiġu mgħoddija l-istess skrittijiet ta' prova kemm mill-ewwel programm kif ukoll mit-tieni programm;

sabiex jiġi vverifikat l-output tal-log fajl iġġenerat mill-ewwel programm bil-għan illi jiġi prodott log fajl identiku jew simili fl-apparenza;

sabiex isir mezz li l-ewwel programm jipproduċi data output (fil-fatt, data li tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-kodiċi postali u stati tal-Istati Uniti) bil-għan li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix jew le mad-databases uffiċjali ta' tali data, u jekk dan ma jkunx il-każ, it-tieni programm jiġi pprogrammat b'tali mod illi jirrispondi bl-istess mod bħall-ewwel programm għall-istess input data.

B.    Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni 3

Meta l-manwal huwa protett bi dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, l-Artikolu 2(a) għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b'mod sostanzjali fit-tieni programm xi wieħed mill-elementi li ġejjin deskritti fil-manwal:

l-għażla ta' operazzjonijiet ta' statistika li ġew implementati fl-ewwel programm;

il-formuli matematiċi użati fil-manwal sabiex jiddeskrivu dawn l-operazzjonijiet;

il-kmandi jew kumbinazzjoni ta' kmandi li permezz tagħhom dawn l-operazzjonijiet jistgħu jiġu invokati;

l-għażliet li l-awtur tal-ewwel programm ippreveda meta mqabbla mad-diversi kmandi;

il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuta mill-ewwel programm;

l-għażla programmata minn qabel li l-awtur tal-ewwel programm għażel li jimplementa f'każ li kmand jew għażla partikolari ma ġewx speċifikati mill-utent;

in-numru ta' iterazzjonijiet li l-ewwel programm jagħmel f'ċerti ċirkustanzi?

L-Artikolu 2(a) għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b'mod sostanzjali, f'manwal li jiddeskrivi t-tieni programm, il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuti mill-ewwel programm?

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114

2 - Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (Test b'relevanza għaż-ŻEE) ĠU L 111, p. 16

3 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.230