Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgerichts Köln (il-Ġermanja) fit-13 ta' Diċembru 2010 - Emeka Nelson, Bill Chinazo Nelson, Brian Cheimezie Nelson vs Deutsche Lufthansa AG

(Kawża C-581/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Emeka Nelson, Bill Chinazo Nelson, Brian Cheimezie Nelson

Konvenuta: Deutsche Lufthansa AG

Domandi preliminari

Id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 1 jikkostitwixxi dritt għal danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta' ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, iffirmata f'Montréal fit-28 ta' Mejju 1999 (iktar 'il quddiem il-Konvenzjoni ta' Montréal)?

X'relazzjoni hemm bejn, minn naħa, id-dritt għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jista' jkun pretiż, skont is-sentenza tad-19 ta' Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923), mill-passiġġieri li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni kkawżati minn dewmien, previst fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Montréal, fid-dawl tal-esklużjoni, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 29 ta' din l-istess konvenzjoni, ta' danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens?

Kif jista' l-kriterju ta' interpretazzjoni li fuqu hija bbażata s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar 'il fuq, li jippermetti li d-dritt għal kumpens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jiġi estiż għal każijiet ta' dewmien, jiġi rrikonċiljat mal-kriterju ta' interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għal dan l-istess regolament fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403)?

____________

1 - Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jitħassar ir-regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)