Language of document : ECLI:EU:T:2016:689

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ Novembru 2016 (1)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet li jipperikolaw jew li jheddu lill-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjonijiet fil-qasam ta’ dħul fit-territorji tal-Istati Membri – Persuna fiżika li ssostni attivament jew li timplementa azzjonijiet li jipperikolaw jew li jheddu lill-Ukraina – Persuna fiżika li tikseb vantaġġ minn responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-annessjoni tal-Krimea – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑720/14,

Arkady Romanovich Rotenberg, residenti f’Saint Petersburg (ir-Russja), inizjalment irrappreżentat minn D. Pannick, QC, M. Lester, barrister, u M. O’Kane, solicitor, sussegwentement minn M. Pannick, Lester, S. Hey, H. Brunskill, solicitors, u Z. Al‑Rikabi, barrister, sussegwentement minn M. Pannick, Lester u Al‑Rikabi,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata, l-ewwel nett, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/508/PESK, tat-30 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 226, p. 23), it-tieni nett, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/432, tat-13 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 70, p. 47), it-tielet nett, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1524, tal-14 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L 239, p. 157), u r-raba’ nett, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/359, tal-10 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 67, p. 37), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6), kif implementat, l-ewwel nett, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 826/2014, tat-30 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 226, p. 16), it-tieni nett, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/427, tat-13 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 70, p. 1), it-tielet nett, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1514, tal-14 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L 239, p. 30), u, ir-raba’ nett, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/353, tal-10 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 67, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, V. Tomljenović u D. Spielmann, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

Wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

2        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6).

3        Sussegwentement, il-Kunsill adotta, fil-25 ta’ Lulju 2014, id-Deċiżjoni 2014/499/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2014, L 221, p. 15, u r-Regolament (UE) Nru 811/2014, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2014, L 221, p. 11), b’mod partikolari bil-għan li jiġu emendati l-kriterji li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi jistgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

4        L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2014/499 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145 emendata”), għandu jinqara kif ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

a)      persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw b’mod attiv jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom;

b)      persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw b’mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina;

c)      persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita b’mod li jmur kontra l-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn dan it-trasferiment; jew

d)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jappoġġaw attivament, materjalment jew finanzjarjament, jew li jieħdu benefiċċju minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina,

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

5        Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-istess artikolu.

6        L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata jippreskrivi d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) ta’ din l-istess deċiżjoni.

7        Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendat bir-Regolament Nru 811/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014 emendat”), jimponi l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 2(1)(a) sa (d) tal-imsemmija deċiżjoni.

8        Fit-30 ta’ Lulju 2014, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni 2014/508/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2014, L 226, p. 23) u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 826/2014, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2014, L 226, p. 16) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Lulju 2014”).

9        Permezz ta’ dawn iż-żewġ atti, isem ir-rikorrent, Arkady Romanovich Rotenberg, ġie inkluż, rispettivament, fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 emendat (iktar ’il quddiem il-“listi inkwistjoni”), għar-raġunijiet li ġejjin (iktar ’il quddiem l-“ewwel motivazzjoni”):

“Is-Sur Rotenberg ilu jaf għal żmien twil lill-President Putin u kien jipprattika l-judo miegħu.

Huwa stagħna matul it-tmexxija tal-President Putin. Huwa kien iffavorit mill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-għoti ta’ kuntratti importanti mill-Istat Russu jew minn intrapriżi tal-Istat. Il-kumpanniji tiegħu ingħataw diversi kuntratti vantaġġużi ħafna għat-tħejjijiet tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi.

Huwa azzjonist ewlieni ta’ Giprotransmost, kumpannija li rċeviet kuntratt ta’ akkwist pubbliku minn kumpannija proprjetà tal-Istat Russu biex tagħmel l-istudju ta’ fattibbiltà tal-bini ta’ pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, u għalhekk ġiet ikkonsolidata l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa, li b’hekk idgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukraina.”

10      Il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Lulju 2014, avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li kienu suġġetti għall-atti ta’ Lulju 2014.

11      Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni u entitajiet ikkonċernati jistgħu jressqu talba quddiem il-Kunsill għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kienu ġew inklużi fil-listi annessi mal-atti ta’ Lulju 2014, billi jehmżu magħha dokumenti ġustifikattivi.

12      Permezz ta’ ittri tal‑4 u tas-17 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ressaq talba quddiem il-Kunsill għal aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u talba għal eżami mill-ġdid ta’ din l-inklużjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal eżami mill-ġdid”).

13      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill wieġeb għat-talbiet tar-rikorrent imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq. Huwa indika b’mod partikolari li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet qed tiġi pproċessata u li r-rikorrent seta’ jkollu aċċess għal ċerti dokumenti, li kienu annessi mal-imsemmija ittra.

14      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid, ippermetta lir-rikorrent ikollu aċċess għal dokumenti oħra u nnotifikalu l-abbozz ta’ motivazzjoni li kellu l-intenzjoni jadotta għaż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, filwaqt li ffissalu terminu sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan l-abbozz ta’ motivazzjoni jgħid kif ġej:

“Is-Sur Rotenberg ilu jaf għal żmien twil lill-President Putin u kien jipprattika l-judo miegħu.

Huwa stagħna matul it-tmexxija tal-President Putin. Il-livell tiegħu ta’ suċċess ekonomiku huwa attribwibbli għall-influwenza ta’ persuni ewlenin li jieħdu deċiżjonijiet li jiffavorixxuh, b’mod partikolari fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Huwa bbenefika mir-relazzjoni personali mill-qrib tiegħu ma’ persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet peress li ngħata kuntratti importanti mill-Istat Russu jew minn intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat. Il-kumpanniji tiegħu ngħataw b’mod notevoli diversi kuntratti li jħallu ħafna qligħ għat-tħejjijiet tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi.

Huwa l-proprjetarju effettiv tal-kumpannija Volgomost, li, min-naħa tagħha, permezz tal-kumpannija ‘MIK’ tikkontrolla l-kumpannija Giprotransmost. Giprotransmost irċeviet kuntratt ta’ akkwist pubbliku minn kumpannija proprjetà tal-Istat Russu biex tagħmel l-istudju ta’ fattibbiltà tal-bini ta’ pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, u għalhekk ġiet ikkonsolidata l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa, li b’hekk idgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukraina.

Huwa l-president tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija tal-pubblikazzjoni Prosvescheniye, li notevolment implementat il-proġett ‘To the Children of Russia: Address – Crimea’, kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi li tfasslet biex tikkonvinċi lit-tfal tal-Krimea li issa huma ċittadini Russi li jgħixu fir-Russja u b’hekk jappoġġaw il-politika tal-gvern Russu li tintegra l-Krimea fir-Russja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmi abbozz ta’ motivazzjoni.

16      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u li ismu jinżamm fil-listi inkwistjoni, abbażi ta’ motivazzjoni ġdida emendata, li kienet tirrifletti l-osservazzjonijiet li dan tal-aħħar kien ressaqlu. Barra minn hekk il-Kunsill hemeż mal-ittra tiegħu dokumenti ġustifikattivi pubbliċi u stieden lir-rikorrent jesprimi l-fehmiet tiegħu, sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Frar 2015, dwar din il-motivazzjoni l-ġdida.

17      Fit-13 ta’ Marzu 2015, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/432, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2015, L 70, p. 47), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/427, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2015, L 70, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Marzu 2015”), il-Kunsill estenda sal-15 ta’ Settembru l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi previsti mill-atti ta’ Lulju 2014 u emenda l-listi inkwistjoni.

18      Wara dawn l-emendi, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni bil-motivazzjoni li ġejja (iktar ’il quddiem it-“tieni motivazzjoni”):

“Is-Sur Rotenberg ilu jaf għal żmien twil lill-President Putin u kien jipprattika l-judo miegħu.

Huwa stagħna matul it-tmexxija tal-President Putin. Il-livell tiegħu ta’ suċċess ekonomiku huwa attribwibbli għall-influwenza ta’ persuni ewlenin li jieħdu deċiżjonijiet li jiffavorixxuh, b’mod partikolari fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Huwa bbenefika mir-relazzjoni personali mill-qrib tiegħu ma’ persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet peress li ngħata kuntratti importanti mill-Istat Russu jew minn intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat. Il-kumpanniji tiegħu ngħataw b’mod notevoli diversi kuntratti li jħallu ħafna qligħ għat-tħejjijiet tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi.

Huwa wkoll is-sid tal-kumpannija Stroygazmontazh li ngħatat kuntratt Statli għall-bini ta’ pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, li b’hekk tikkonsolida l-integrazzjoni tagħha mal-Federazzjoni Russa li b’hekk imbagħad tkompli ddgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Huwa l-president tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija tal-pubblikazzjoni Prosvescheniye, li partikolarment implimentat il-proġett ‘Lit-Tfal tar-Russja: Indirizz – Krimea’, kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi li tfasslet biex tikkonvinċi lit-tfal tal-Krimea li issa huma ċittadini Russi li jgħixu fir-Russja u b’hekk jappoġġaw il-politika tal-gvern Russu li tintegra l-Krimea fir-Russja.”

19      Fl-14 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviżgħall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/432, u fir-Regolament Nru 269/2014, implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/427 (JO 2015, C 88, p. 3). Il-kontenut ta’ dan l-avviż kien jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak tal-avviż imsemmi fil-punti 10 u 11 iktar ’il fuq.

20      F’din l-istess data, il-Kunsill ippubblika t-tieni avviż għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 269/2014, implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/427 (ĠU 2015, C 88, p. 4), li permezz tiegħu huwa kien qed jinforma lill-imsemmija persuni dwar il-modalitajiet u l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom kif ukoll tal-possibbiltà li huma kellhom li jressqu talba quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD), konformement mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).

21      L-atti ta’ Marzu 2015 ġew ikkomunikati lill-avukati li kienu qed jirrappreżentaw lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-kawża permezz ta’ ittra tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015.

22      Fl-14 ta’ Settembru 2015, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1524, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2015, L 239, p. 157), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1514, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2015, L 239, p. 30) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Settembru 2015”), l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża mill-Kunsill sal-15 ta’ Marzu 2016, mingħajr ma l-motivazzjoni dwar ir-rikorrent ġiet emendata.

23      L-atti ta’ Settembru 2015 ġew ikkomunikati lill-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-kawża permezz ta’ ittra tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2015.

24      F’din l-istess ġurnata, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea żewġ avviżi essenzjalment identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq.

25      Fl-10 ta’ Marzu 2016, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/359, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2016, L 67, p. 37), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/353, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2016, L 67, p. 1), (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Marzu 2016”), l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża mill-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2016, mingħajr ma l-motivazzjoni dwar ir-rikorrent ġiet emendata.

26      L-atti ta’ Marzu 2016 ġew ikkomunikati lill-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-kawża permezz ta’ ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2016.

27      Fit-12 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea żewġ avviżi essenzjalment identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tal-atti ta’ Lulju 2014, sa fejn dawn jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza T‑720/14.

29      Fir-risposta, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill invoka b’mod partikolari l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, minħabba lis alibi pendens, inkwantu jsostni li huwa għal kollox identiku għal rikors ieħor, irreġistrat taħt ir-referenza T‑717/14, li r-rikorrent kien ippreżenta fl-istess ġurnata li kien ippreżenta dan ir-rikors.

30      Il-fażi tal-proċedura bil-miktub ingħalqet fl-14 ta’ April 2015.

31      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent talab sabiex ir-rikors jiġi adattat bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jikkonċernawh.

32      Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2015. F’din l-okkażjoni, huwa sostna li l-imsemmija nota kienet parzjalment inammissibbli, sa fejn ċerti motivi u argumenti invokati fir-rikors kontra l-atti ta’ Lulju 2014 ma kinux validi għat-talba għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015.

33      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent talab sabiex jadatta r-rikors bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tal-atti ta’ Settembru 2015, sa fejn dawn jikkonċernawh.

34      Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2015. F’din l-okkażjoni, tqajmet l-istess eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħal dik esposta fil-punt 32 iktar ’il fuq.

35      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent talab sabiex jadatta r-rikors bil-għan li jinkludi wkoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, sa fejn dawn jikkonċernawh.

36      Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Mejju 2016.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kunsill u talbithu jipproduċi dokument.

38      Il-Kunsill issodisfa din it-talba fit-terminu previst.

39      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016.

40      F’din l-okkażjoni, il-Kunsill, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, reġa’ tenna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu ibbażata fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kawża T‑717/14 kienet tħassret permezz ta’ digriet tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2014, wara r-rinunzjatar-rikorrent, u l-ġurisprudenza invokata minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Lulju 2014, sa fejn dawn jikkonċernawh;

–        tannulla l-atti ta’ Marzu 2015, ta’ Settembru 2015 u ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti l-oħra kkontestati”), sa fejn dawn jikkonċernaw;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad it-talbiet ta’ adattament tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament, iżżomm fis-seħħ l-effetti tad-Deċiżjoni 2016/359, fuq il-bażi tal-Artikolu 264 TFUE, sakemm isir effettiv l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/353.

 Id-dritt

43      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, il-ħames nett, fuq ksur mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjoni, tad-drittijiet fundamentali tiegħu, inkluż id-dritt ta’ proprjetà, id-dritt għal ħajja privata u tal-libertà ta’ intrapriża.

44      Jeħtieġ li tingħata deċiżjoni, inizjalment, dwar it-talba għal annullament tal-atti ta’ Lulju 2014 u, sussegwentement, dwar it-talbiet l-oħra tar-rikorrent.

 Fuq it-talba għal annullament tal-atti ta’ Lulju 2014

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

45      Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi annessi mal-atti ta’ Lulju 2014 hija vaga u mhux iddettaljata. B’hekk ma jkunx possibbli għalih li jifhem liema hu l-kriterju li abbażi tiegħu ġiet deċiża din l-inklużjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill ma speċifikax jekk ir-rikorrent ġiex ikkunsidrat bħala persuna responsabbli minn azzjonijiet jew minn politika li tikkomprometti jew thedded l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, bħala persuna assoċjata ma’ persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija jew bħala persuna li tipprovdi s-sostenn materjali jew finanzjarju attiv lir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-annessjoni tal-Krimea jew dwar id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina jew bħala persuna li tikseb vantaġġ minn dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Kunsill lanqas ma indika liema kienu dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u lanqas kif dawn kienu ffavorizzaw lir-rikorrent.

46      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

47      Għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata tieħu konjizzjoni tal-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jqis li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih jiġi adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jiġi mmotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, il-motivazzjoni kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrent fl-atti ta’ Lulju 2014 hija dik esposta fil-punt 9 iktar ’il fuq.

51      Għandu jiġi osservat li, minkejja li l-ewwel motivazzjoni ma tispeċifikax espliċitament liema huma, minn fost il-kriterji applikabbli, dawk li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jinkludi isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, jirriżulta b’mod ċar biżżejjed mill-kliem ta’ din il-motivazzjoni li huwa għamel użu mill-kriterji li jirrigwardaw:

–        il-“persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw b’mod attiv jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, [il-]persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, jew [il‑]persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi” [kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 269/2014 emendat kif ukoll, essenzjalment, fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, iktar ’il quddiem l-“ewwel kriterju rilevanti”];

–        il-“persuni fiżiċi jew ġuridiċi[, entitajiet jew korpi] li jappoġġaw attivament, materjalment jew finanzjarjament, jew li jieħdu benefiċċju minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina” [kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 269/2014 emendat kif ukoll, essenzjalment, l-Artikolu 1(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata, iktar ’il quddiem it-“tieni kriterju rilevanti”];

52      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, hekk kif isostni ġustament il-Kunsill, it-tielet paragrafu tal-ewwel motivazzjoni jikkostitwixxi applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, peress li jirreferi għar-rwol allegatament interpretat mir-rikorrent fi ħdan il-kumpannija Giprotransmost, li titqies li rebħet kuntratt pubbliku għat-twettiq tal-istudju ta’ fattibbiltà fir-rigward ta’ kostruzzjoni ta’ pont bejn ir-Russja u l-Krimea, u jispeċifika li l-kostruzzjoni ta’ dan il-pont tikkonsolida l-integrazzjoni tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa.

53      Din il-parti tal-ewwel motivazzjoni għaldaqstant tippermetti li wieħed jifhem li waħda mir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni tinsab fil-fatt li l-Kunsill qies li r-rikorrent, minħabba l-allegat rwol tiegħu ta’ azzjonist importanti tal-kumpannija Giprotransmost, kien jagħmel parti mill-persuni li jsostnu attivament jew li jimplementaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

54      Għandu jiġi osservat, bħalma josserva l-Kunsill, li t-tielet paragrafu tal-ewwel motivazzjoni jipprovdi raġunijiet preċiżi u konkreti għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent, sa fejn isemmi impriża speċifika u jirreferi għal kuntratt pubbliku speċifiku, li jirrigwarda proġett intiż li jikkontribwixxi sabiex jikkonsolida l-integrazzjoni tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa, li jipperikola l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

55      Fir-rigward tat-tieni kriterju rilevanti, mill-ewwel żewġ paragrafi tal-ewwel motivazzjoni jirriżulta li l-Kunsill qies li r-rikorrent kien jislet vantaġġ mir-relazzjonijiet personali tiegħu mal-President Putin, sa fejn, matul il-presidenza ta’ dan tal-aħħar, huwa seta’ jikseb kuntratti importanti mill-Istat Russu u minn impriżi pubbliċi Russi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi (ir-Russja).

56      Għalkemm huwa minnu li din il-parti tal-ewwel motivazzjoni ma tindikax liema huma d-deċiżjonijiet ikkonċernati u tiċċita biss l-eżempju tal-kuntratti relatati mal-Logħob Olimpiku, ir-riferiment espliċitu għall-President Putin u l-eżempju msemmi iktar ’il fuq jippermettu li jitqies li l-Kunsill ipprovda biżżejjed preċiżazzjonijiet.

57      Peress li l-interpretazzjoni tal-ewwel motivazzjoni ppermettiet lir-rikorrent jifhem ir-raġunijiet għalfejn ismu kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni u peress li l-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-obbligu previst mill-Artikolu 296 TFUE.

58      Il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija motivazzjoni hijiex fondata ma taqax taħt l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv, iżda taħt dik tat-tieni motiv. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Filwaqt li dawn il-motivazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji, huma jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li jista’ jkun suffiċjenti filwaqt li jesprimi motivazzjonijiet żbaljati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-atti ta’ Lulju 2014.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

60      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi qies li kienet teżisti bażi fattwali suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni b’applikazzjoni tal-ewwel u t-tieni kriterji rilevanti. F’dan il-kuntest, huwa jfakkar li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kunsill u li dan ma jistax jibbaża ruħu fuq suppożizzjonijiet.

61      Fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma stabbilixxiex, qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Lulju 2014, li kien azzjonist, jew saħansitra azzjonist maġġoritarju, ta’ Giprotransmost. Għalhekk, dan il-kriterju ma għandux japplika fil-konfront tiegħu.

62      Fir-rigward tat-tieni kriterju rilevanti, ir-rikorrent isostni li bl-ebda mod ma ġie pprovat li dan huwa assoċjat mir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u dwar l-annessjoni tal-Krimea u ta’ Sebastopol, li, barra minn hekk, fihom infushom, ma jaqgħux taħt il-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ir-riferimenti magħmula mill-Kunsill għar-relazzjonijiet tiegħu mal-President Putin, mal-ġid tiegħu u mal-kuntratti pubbliċi li jidher li kiseb ma għandhomx jitqiesu li huma rilevanti, inkwantu ma ġiex stabbilit li dawn iċ-ċirkustanzi jippreżentaw rabta mal-ġrajjiet li taw lok għal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi.

63      B’mod partikolari, ir-rikorrent jenfasizza li l-kuntratti li għalihom jirreferu l-atti ta’ Lulju 2014, b’mod partikolari dawk relatati mal-preparazzjoni tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi, ġew konklużi numru ta’ snin qabel ma seħħew dawn il-ġrajjiet, fejn għalhekk kellu jkun impossibbli għall-impriżi li kisbu dawn il-kuntratti u għall-azzjonisti li jipprevedu li, bil-konklużjoni tagħhom, kienu jgħaddu mir-riskju li jiġu imposti fuqhom miżuri restrittivi b’reazzjoni ma’ sitwazzjoni nieqsa minn kull rabta mal-imsemmija kuntratti. Riżultat bħal dan ikun inkompatibbli b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

64      Il-Kunsill iwieġeb li l-ewwel motivazzjoni tibbaża ruħha fuq informazzjoni ta’ oriġini pubblika li diġà kienet fil-pussess tiegħu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Lulju 2014.

65      Fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, il-Kunsill josserva li sorsi pubbliċi li jippermettu li jiġi stabbilit li, minkejja li r-rikorrent ma huwiex direttament azzjonist ta’ Giprotransmost, huwa jikkontrollaha permezz tal-kumpannija OAO Volgomost, li tagħha jidher li huwa l-proprjetarju effettiv. Fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulta minn dawn is-sorsi pubbliċi, ir-rikorrent ma jistax jiċħad l-istatus tiegħu bħala proprjetarju effettiv ta’ Volgomost.

66      Fir-rigward tat-tieni kriterju rilevanti, il-Kunsill isostni li huwa ma jirrikjedix li l-persuni indikati jiksbu personalment vantaġġ mis-sitwazzjoni tal-Ukraina u mill-annessjoni tal-Krimea jew ta’ Sebastopol. Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li huma jiksbu vantaġġ mir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawn is-sitwazzjonijiet. Skont il-Kunsill, li kieku kellu jkun mod ieħor, dan it-tieni kriterju ma jkunx wisq differenti mill-ewwel kriterju.

67      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni politika u ekonomika prevalenti fir-Russja tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suċċess ekonomiku tar-rikorrent, b’mod partikolari dovut għall-kisba ta’ bosta kuntratti pubbliċi li fir-rigward tagħhom huwa ma jiċħadx li kiseb vantaġġ, turi li huwa kiseb vantaġġ mir-reġim u mir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u mill-annessjoni tal-Krimea u ta’ Sebastopol. Dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet jinkludu evidentement lill-President Putin, li r-rikorrent ma jiċħadx li ilu jaf ħafna żmien, u uffiċjali għolja oħra Russi. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-President Putin u dawn l-uffiċjali għolja ma jaqgħux taħt il-miżuri restrittivi ma jaffettwax il-fondatezza tal-adozzjoni ta’ tali miżuri fir-rigward tar-rikorrent.

68      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar in-nuqqas ta’ ċertezza legali, il-Kunsill isostni li din hija kwistjoni nieqsa minn rilevanza. L-element deċiżiv għandu jkun li l-attribuzzjoni tal-kuntratti msemmija fl-atti ta’ Lulju 2014, li kienu vantaġġużi ħafna għar-rikorrent, ma kinitx tista’ sseħħ mingħajr il-permess tal-uffiċjali għolja tal-Gvern Russu. Issa, dawn huma responsabbli mis-sitwazzjoni fl-Ukraina u mill-annessjoni tal-Krimea u ta’ Sebastopol, jew minħabba r-responsabbiltà ġenerali tagħhom, jew minħabba deċiżjonijiet speċifiċi li huma ħadu f’dan il-kuntest. Ebda rabta ratione temporis ma hija neċessarja bejn il-vantaġġi miksuba mir-rikorrent u dawn il-ġrajjiet.

69      Barra minn hekk, jidher li l-kuntratt pubbliku miksub minn Giprotransmost jirrappreżenta wkoll eżempju ieħor ta’ kuntratti li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu meta applika t-tieni kriterju rilevanti fir-rigward tar-rikorrent.

70      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, f’dak li jirrigwarda r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, konformement ma’ deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’mod partikolari l-Artikolu 29 TUE. Peress li l-Qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-provi, l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal-Kunsill, l-istħarriġ hija teżerċita għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan il-kontroll ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali miżuri (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Madankollu, għalkemm il-Kunsill għaldaqstant għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż jew jinżamm f’lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom jitqies suffiċjenti fih innifsu sabiex jissostanzja din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (sentenzi tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45, u tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punt 38).

72      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 128).

73      F’dan il-każ, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi inkwistjoni b’applikazzjoni tal-ewwel u t-tieni kriterji rilevanti.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju rilevanti fil-konfront tar-rikorrent

74      Fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, għandu jiġi osservat li dan jimplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet jew l-azzjonijiet tal-persuna jew tal-entità msemmija u s-sitwazzjoni fl-Ukraina li tat lok għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, dawn il-persuni jew dawn l-entitajiet għandhom, minħabba l-aġir tagħhom, ikunu saru responsabbli minn azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

75      Il-motivazzjoni kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrent marbuta mal-ewwel kriterju rilevanti jirrigwarda l-fatt li huwa ġie kkunsidrat bħala azzjonist importanti, jew saħansitra l-azzjonist maġġoritarju, ta’ Giprotransmost, li ġie attribwit it-twettiq ta’ studju ta’ fattibbiltà relatata mal-kostruzzjoni ta’ pont bejn ir-Russja u l-Krimea. Skont il-Kunsill, l-attribuzzjoni nnifisha ta’ dan il-kuntratt jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrent isostni jew jimplementa azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina.

76      Fir-rigward tar-rikorrent, huwa jikkontesta l-allegazzjoni li huwa azzjonist, a fortiori li huwa l-azzjonist maġġoritarju ta’ Giprotransmost, li miegħu ma għandu l-ebda rabta.

77      Għandu jiġi osservat li l-Kunsill lanqas jipprova juri li huwa kellu fil-pussess tiegħu provi li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent innifsu kien azzjonist, jew saħansitra azzjonist maġġoritarju, ta’ Giprotransmost, hekk kif ġie indikat fl-ewwel motivazzjoni.

78      Barra minn hekk, wara kontestazzjonijiet min-naħa tar-rikorrent, esposti fl-ittri tiegħu msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, dwar il-kwalità tiegħu bħala azzjonist ta’ Giprotransmost, il-Kunsill espona spjegazzjoni differenti, li kienet tikkonsisti f’li jsostni li r-rikorrent kien jikkontrolla l-imsemmija kumpannija permezz tal-kumpannija parent tiegħu, Volgomost, li tagħha tqies li kien il-“proprjetarju effettiv”, hekk kif jirriżulta minn artiklu tal-istampa, iċċitat mill-Kunsill, li jgħid kif ġej:

“Skont ir-rapport Interfax, l-azzjonista maġġoritarja ta’ OAO Giprotransmost hija OOO MIK, li hija kollha kemm hi miżmuma minn OAO Volgomost. Min-naħa tagħha OAO Volgomost hija miżmuma b’mod maġġoritarju minn ħames kumpanniji Ċiprijotti: Tevaryso Trading Limited (19.91 %), Eltores Investments Ltd (19.91 %), Chrysanthemum Services Limited (19.69 %), Sormenia Investments Ltd (19.63 %) u E.C.C.P. Investments Limited (14.57 %). L-imprenditur, Arkady Rotenberg, issemma fl-istampa bħala l-proprjetarju effettiv ta’ Volgomost. Skont l-informazzjoni tal-Kommersant newspaper, huwa l-proprjetarju effettiv ta’ Volgomost.”

79      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li dan l-artiklu sempliċement jagħmel riferiment għal artikli oħra, li fir-rigward tagħhom ma hi pprovduta ebda preċiżazzjoni, li minnhom jirriżulta li r-rikorrent huwa l-proprjetarju effettiv ta’ Volgomost.

80      Issa, prova indiretta bħal din ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ittrasferixxa l-oneru tal-prova li taqa’ fuqu konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

81      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Kunsill, fl-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2014 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, isostni li xtaq ibiddel il-parti tal-ewwel motivazzjoni dwar Giprotransmost, bil-kliem li ġejjin:

“[Ir-rikorrent huwa] l-proprjetarju effettiv tal-kumpannija Volgomost, li, min-naħa tagħha, permezz tal-kumpannija ‘MIK’ tikkontrolla l-kumpannija Giprotransmost. Giprotransmost irċeviet kuntratt ta’ akkwist pubbliku minn kumpannija proprjetà tal-Istat Russu biex tagħmel l-istudju ta’ fattibbiltà tal-bini ta’ pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, u għalhekk ġiet ikkonsolidata l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa, li b’hekk idgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukraina.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

82      Fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2015 imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ikkontesta l-fatt li din l-emenda kienet korretta u ssostanzjata permezz ta’ provi suffiċjenti. Huwa sostna li huwa ma kellux rabta ma’ Volgomost u li l-artikli tal-istampa li fuqhom ibbaża lilu nnifsu l-Kunsill kienu jsemmu biss għajdut f’dan ir-rigward.

83      Ikkonfrontat b’dawn l-oġġezzjonijiet, il-Kunsill, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Frar 2015 imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, semma motivazzjoni ġdida, li ma tagħmilx riferiment għar-rwol tar-rikorrent f’Volgomost jew f’Giprotransmost, iżda għal kumpannija ġdida, jiġifieri Stroygazmontazh. Hija din il-motivazzjoni li finalment ittieħdet inkunsiderazzjoni sa mill-atti ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir stess tal-Kunsill jikkonferma li huwa ma kellux provi suffiċjenti tal-fatt li r-rikorrent kien jikkontrolla Giprotransmost, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Lulju 2014. F’dan ir-rigward, hemm ċertament lok li jiġi osservat li, hekk kif irrimarka l-Kunsill waqt is-seduta, l-ewwel u t-tieni motivazzjonijiet ma jikkontradixxux lil xulxin, minkejja li jirreferu għal żewġ kumpanniji differenti. Fil-fatt, Giprotransmost ġiet inkarigata minn studju ta’ fattibbiltà fir-rigward tal-bini tal-pont inkwistjoni, filwaqt li Stroygazmontazh ġiet inkarigata mill-bini tiegħu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din ir-rimarka tal-Kunsill bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi pprovat li r-rikorrent kien jikkontrolla Giprotransmost.

85      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument li l-Kunsill jislet mill-fatt li, fir-rikors relatat mal-Kawża T‑717/14 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ma kienx ikkontesta n-natura veritiera tar-rwol tiegħu fi ħdan Giprotransmost, hekk kif indikat fl-atti ta’ Lulju 2014, iżda llimita lilu nnifsu sabiex jinvoka l-assenza ta’ rilevanza ta’ dan ir-rwol. Fil-fatt, mingħajr ma jkollu jiddeċiedi dwar il-portata eżatta tal-kliem tar-rikorrent fl-imsemmi rikors, li ma tagħmilx parti mill-fajl ta’ din il-kawża, huwa evidenti li l-Kunsill ma kellux dan id-dokument għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta l-atti ta’ Lulju 2014.

86      Għalhekk, għandhom jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrent intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni kkunsidrata fir-rigward tal-atti ta’ Lulju 2014 fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti.

–       Fuq l-applikazzjoni lir-rikorrent tat-tieni kriterju rilevanti

87      Fir-rigward tat-tieni kriterju rilevanti, għandu jiġi osservat li dan ma jirrikjedix li l-persuni jew entitajiet ikkonċernati jiksbu vantaġġ personali mill-annessjoni tal-Krimea jew mid-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina. Jeħtieġ sempliċement, hekk kif josserva l-Kunsill, li huma jiksbu vantaġġ minn wieħed mill-“persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet” responsabbli minn dawn il-ġrajjiet, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn il-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw il-persuni indikati u l-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

88      Fil-fatt, li kieku kellu jkun meħtieġ, sabiex jiġi applikat dan il-kriterju, li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali rabta, ma jkunx hemm iktar interess fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, li jirrikjedi rabta bejn l-azzjonijiet imwettqa mill-persuni indikati u s-sitwazzjoni li seħħet fl-Ukraina.

89      Madankollu, f’dan il-każ, Il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat li seta’ japplika t-tieni kriterju rilevanti għar-rikorrent.

90      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-interpretazzjoni tal-ewwel motivazzjoni tippermetti li jiġi identifikat biss il-President Putin bħala responsabbli Russu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li minnu r-rikorrent huwa meqjus li qed jislet vantaġġ. Ir-riferiment għal “persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet”, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, huwa affermazzjoni vaga wisq, li ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 95).

91      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, huwa neċessarju, sabiex ikun jista’ jiġi applikat it-tieni kriterju rilevanti, li r-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li minnhom joriġinaw il-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw il-persuni indikati jkunu diġà minn tal-inqas bdew il-preparazzjoni tal-annessjoni tal-Krimea jew tad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina. Huwa meta din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta li għandu jitqies li l-benefiċjarji tal-imsemmija vantaġġi ma jistgħux jinjoraw l-involviment ta’ dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’din il-preparazzjoni u jistgħu jassumu li r-riżorsi tagħhom, miksuba mill-inqas parzjalment permezz tal-imsemmija vantaġġi, jaqgħu taħt il-miżuri restrittivi, bil-għan li jiġi prekluż li jagħtu sostenn lir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet inkwistjoni.

92      Min-naħa l-oħra, għalkemm it-tieni kriterju seta’ jiġi applikat anki meta l-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tiġix sodisfatta, ikun qed jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, hekk kif isostni r-rikorrent. Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkostitwixxu reazzjoni għall-politiki u għall-attivitajiet tal-awtoritajiet Russi li jirrigwardaw speċifikament lill-Ukraina, u mhux għall-aġir ta’ dawn l-awtoritajiet b’mod ġenerali. Issa, l-imsemmija politiki u attivitajiet ġew implementati minn tmiem Frar 2014.

93      F’dan il-każ, il-Kunsill jaċċetta li l-kuntratti mal-Istat Russu jew ma’ impriżi pubbliċi Russi li minnhom ibbenefika r-rikorrent, skont l-artikli tal-istampa invokati mill-Kunsill, jirrigwardaw perijodu preċedenti għal dak li matulu responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari l-President Putin, beda jhedded lill-Ukraina. Dawn il-kuntratti jirrigwardaw b’mod partikolari l-preparazzjoni tal-Logħob Olimpiku ta’ Sotchi, li seħħ matul ix-xitwa tal-2014.

94      Jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-Russja hija tali li attivitajiet ekonomiċi tad-daqs ta’ dawk imwettqa mir-rikorrent ma humiex possibbli mingħajr il-permess tal-President tal-imsemmi pajjiż, kif inhu l-każ, skont il-ġurisprudenza, fil-Belorussja (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Ternavsky vs Il‑Kunsill, T‑163/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:271, punt 121), f’dan il-każ, il-Kunsill ma pprovax li r-rikorrent kien ġie ffavorizzat mill-President Putin fil-mument meta dan tal-aħħar ta bidu għall-azzjonijiet li jirrigwardaw lill-Ukraina u li għalihom saret reazzjoni permezz tal-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 74 sa 85 iktar ’il fuq fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, il-Kunsill ma pprovax l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrent u Giprotransmost, minkejja li, kuntrarjament għal dak li jallega, ma jistax jinvoka l-kuntratt miksub minn din il-kumpannija bħala eżempju tal-vantaġġi miksuba mir-rikorrent.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ fir-rigward tal-atti ta’ Lulju 2014 u dawn tal-aħħar għandhom jiġu annullati, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati la l-argumenti l-oħra li r-rikorrent invoka f’dan il-kuntest u lanqas il-motivi l-oħra tiegħu.

 Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti l-oħra kkontestati

96      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2015, kif ukoll fl-24 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent talab sabiex jadatta r-rikors sabiex jinkludi wkoll l-annullament tal-atti kkontestati l-oħra, sa fejn dawn jikkonċernawh.

97      Meta adatta r-rikors sabiex jinkludi wkoll l-atti ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent żamm il-ħames motivi li huwa kien invoka kontra l-atti ta’ Lulju 2014, filwaqt li pprovda argumenti supplimentari li kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-fatt li l-Kunsill kien maż-żmien ikkunsidra raġunijiet parzjalment differenti fir-rigward tiegħu.

98      Peress li l-atti ta’ Settembru 2015 u ta’ Marzu 2016 kienu sempliċement estendew l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, mingħajr ma emendaw it-tieni motivazzjoni dwar ir-rikorrent, dan tal-aħħar, fit-tieni u t-tielet talbiet għal adattament tar-rikors, ma qajjimx argumenti ġodda, iżda llimita lilu nnifsu sabiex iżomm dawk invokati preċedentement.

99      Il-Kunsill ma jopponix l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet fihom infushom, iżda jsostni li ċerti motivi jew argumenti invokati fir-rikors kontra l-atti ta’ Lulju 2014 ma jistgħux jiġu trasposti għall-atti l-oħra kkontestati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

100    Ir-rikorrent isostni li l-atti l-oħra kkontestati, flimkien mal-atti ta’ Lulju 2014, jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn dawn jirrigwardawh. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli għalih li jifhem liema huma l-kriterji li l-Kunsill applika sabiex jiġġustifika ż-żamma tiegħu fil-listi inkwistjoni, u lanqas għalfejn ġie ffavorizzat u minn min.

101    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

102    It-tieni motivazzjoni kkunsidrata mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent ġiet riprodotta fil-punt 18 iktar ’il fuq.

103    Għandu jiġi osservat li l-ewwel tliet paragrafi tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-ewwel żewġ paragrafi tal-ewwel motivazzjoni, minkejja li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 55 sa 57 iktar ’il fuq huma applikabbli b’analoġija sabiex jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent fir-rigward ta’ dawn il-paragrafi.

104    Ir-raba’ u l-ħames paragrafi tat-tieni motivazzjoni jidentifikaw, fir-rigward tagħhom, elementi iktar speċifiċi u konkreti, marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fi ħdan il-kumpannija Stroygazmontazh u tad-dar ta’ pubblikazzjoni Prosvescheniye.

105    Mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-fondatezza ta’ dawn l-aħħar żewġ paragrafi, għandu jiġi osservat li dawn jiddefinixxu b’mod preċiż ir-rwol tar-rikorrent bħala proprjetarju ta’ Stroygazmontazh u president tal-bord tad-diretturi ta’ Prosvescheniye. Barra minn hekk, għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji, huwa indikat li dawn iwettqu attivitajiet li jistgħu faċilment jiġu assoċjati mal-ewwel kriterju rilevanti.

106    Fir-rigward ta’ Stroygazmontazh, huwa inkwistjoni l-fatt li din tal-aħħar rebħet kuntratt pubbliku bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ pont bejn ir-Russja u r-Repubblika Awtonoma tal-Krimea, fejn b’hekk tiġi kkonsolidata l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa.

107    Fir-rigward ta’ Prosvescheniye, hija inkwistjoni l-implementazzjoni tal-proġett “To the Children of Russia: Address – Crimea”, kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi intiża sabiex tipperswadi lit-tfal tal-Krimea li huma ċittadini Russi u li ssostni għalhekk il-politika tal-Gvern Russu intiż sabiex il-Krimea tiġi integrata fir-Russja.

108    Motivazzjoni bħal din tippermetti li jiġi mifhum li r-rikorrent, fid-dawl tar-rwol tiegħu f’kull waħda minn dawn il-kumpanniji, isostni r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħhom, li huma meqjusa mill-Kunsill li jaqgħu taħt l-azzjonijiet ikklassifikati fl-ewwel kriterju rilevanti, jiġifieri dawk li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati l-oħra ppermettiet lir-rikorrent jifhem li ismu kien inżamm fil-listi inkwistjoni minħabba l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-kumpanniji msemmija iktar ’il fuq u minħabba l-attivitajiet tagħhom, liema fatt huwa kkonfermat bil-fatt li, fil-kuntest tat-tieni motiv, huwa jikkontesta preċiżament il-fondatezza tar-raġunament segwit mill-Kunsill f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, peress li r-raġunijiet tal-għażla tal-Kunsill ġew indikati b’mod ċar f’dawn l-atti, il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħhom.

110    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-motivazzjoni tal-atti l-oħra kkontestati hija suffiċjenti u li l-fondatezza tagħha għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

111    Fir-rigward tal-parti tat-tieni motivazzjoni li kienet tinsab, essenzjalment, diġà fl-ewwel waħda, ir-rikorrent jinvoka argumenti li jikkorrispondu għal dawk invokati fir-rikors u fir-replika fir-rigward tal-atti ta’ Lulju 2014 (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), filwaqt li jippreċiża li l-kumpanniji ma bbenefikaw minn ebda favoritiżmi u filwaqt li jikkontesta l-fatt li l-Kunsill jista’ jirrikorri għal preżunzjoni li negozjant ta’ suċċess fir-Russja jista’, minħabba dan is-sempliċi fatt, jitqies li qed jislet vantaġġ mir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-annessjoni tal-Krimea jew tad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

112    Fir-rigward tar-raba’ paragrafu tat-tieni motivazzjoni, ir-rikorrent isostni li l-fatt li jinsab fil-pussess ta’ Stroygazmontazh ma jfissirx li huwa responsabbli minn azzjonijiet li jqiegħdu fil-perikolu l-integrità territorjali tal-Ukraina jew li jsostni tali azzjonijiet, ġaladarba l-proġett, fdat lil din il-kumpannija, li jinbena pont bejn ir-Russja u l-Krimea, kien intiż sew qabel l-annessjoni tagħha u ma ġiex deċiż mill-istess persuni li huma responsabbli minn din l-annessjoni.

113    Fir-rigward tar-rwol tiegħu fi ħdan id-dar tal-pubblikazzjoni Prosvescheniye, imsemmi fil-ħames paragrafu tat-tieni motivazzjoni, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li l-attivitajiet tiegħu jkunu marbuta mal-integrazzjoni tal-Krimea fir-Russja u jsostni ma jistax jitqies bħala responsabbli mill-kontenut tal-pubblikazzjoni msemmija mill-Kunsill, b’mod partikolari fid-dawl tal-eluf ta’ pubblikazzjonijiet żgurati mill-imsemmija dar tal-pubblikazzjoni.

114    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

115    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-ewwel tliet paragrafi tat-tieni motivazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 87 sa 94 iktar ’il fuq huma applikabbli, fejn għandu jiġi konkluż li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċieda li isem ir-rikorrent seta’ jinżamm fil-listi inkwistjoni abbażi tar-raġunijiet esposti fl-imsemmija paragrafi, b’applikazzjoni tat-tieni kriterju rilevanti.

116    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tqis li, mill-inqas, waħda mir-raġunijiet ikkunsidrati mill-Kunsill fir-rigward ta’ persuna msemmija minn dawn il-miżuri hija suffiċjentement preċiża u konkreta, li hija ssostanzjata u li tikkostitwixxi fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ tagħhom, il-fatt li raġunijiet oħra ma jkunux tali ma għandux jiġġustifika l-annullament tal-atti li jinkludu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Ternavsky vs Il‑Kunsill, T‑163/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:271, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-raba’ jew il-ħames paragrafi tat-tieni motivazzjoni jistriħux fuq provi suffiċjenti u għaldaqstant jekk jippermettux li jiġi ġġustifikat li, b’applikazzjoni tal-ewwel jew tat-tieni kriterju rilevanti, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni.

118    Bħala tfakkira, ir-raba’ paragrafu tat-tieni motivazzjoni għandu jinqara’ kif ġej:

“[Ir-rikorrent huwa] wkoll is-sid tal-kumpannija Stroygazmontazh li ngħatat kuntratt Statli għall-bini ta’ pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, li b’hekk tikkonsolida l-integrazzjoni tagħha mal-Federazzjoni Russa li b’hekk imbagħad tkompli ddgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukrajna.”

119    Hekk kif jesponi l-Kunsill, ir-rikorrent ma jikkontestax l-eżattezza tal-elementi fattwali msemmija f’dan il-paragrafu. Huwa lanqas ma jiċħad li huwa l-proprjetarju ta’ Stroygazmontazh u lanqas li din il-kumpannija ngħatat kuntratt pubbliku għall-bini ta’ pont bejn ir-Russja u l-Krimea. Fi kwalunkwe każ, il-provi prodotti mill-Kunsill, li huma preċedenti għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, jissostanzjaw dawn il-konstatazzjonijiet.

120    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni li tinsab fir-raba’ paragrafu tat-tieni motivazzjoni, li l-bini tal-pont inkwistjoni jikkonsolida l-integrazzjoni tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa u b’hekk jipperikola ulterjorment l-integrità territorjali tal-Ukraina.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirrimarka l-Kunsill, huwa attwalment impossibbli li jkun hemm konnessjoni diretta mill-art lejn il-Krimea mir-Russja, filwaqt li l-pont għandu jippermetti dan l-aċċess dirett u b’hekk għandu jiffaċilita l-iskambji bejn ir-Russja u l-Krimea, mhux biss fil-qasam tal-beni u tas-servizzi, iżda wkoll mill-perspettiva militari. Għalhekk il-Kunsill ġustament seta’ jqis li, fid-dawl tal-iżvilupp politiku u militari fir-reġjun, li ġie mmarkat bl-azzjonijiet tar-Russja li wasslu għaż-żamma ta’ allegat referendum dwar l-istatus tal-Krimea, u sussegwentement għar-rikonoxximent mir-Russja tar-riżultati ta’ dan ir-referendum u l-annessjoni illegali tal-Krimea, il-bini tal-pont inkwistjoni għandu jikkonsolida l-integrazzjoni tal-Krimea fir-Russja, fejn tiġi pperikolata ulterjorment l-integrità territorjali tal-Ukraina.

122    Il-kuntest li jirriżulta minn dawn l-azzjonijiet adottati mir-Russja jikkostitwixxi bidla maġġuri li tikkonferixxi implikazzjonijiet għal kollox ġodda fuq il-bini tal-pont inkwistjoni. B’hekk, huwa nieqes minn kull rilevanza l-argument tar-rikorrent li l-bini tal-pont bejn ir-Russja u l-Krimea kien diġà intiż preċedentement.

123    Għaldaqstant ir-raba’ paragrafu tat-tieni motivazzjoni jikkostitwixxi applikazzjoni korretta tal-ewwel kriterju rilevanti fir-rigward tar-rikorrent.

124    Minkejja li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, il-fondatezza ta’ wieħed mill-motivi kkunsidrati mill-Kunsill hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, għandhom jiġu eżaminati, ulterjorment, ukoll l-argumenti ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tar-raġuni msemmija fil-ħames paragrafu tat-tieni motivazzjoni.

125    Dan il-paragrafu għandu jinqara kif ġej:

“[Ir-rikorrent huwa] l-president tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija tal-pubblikazzjoni Prosvescheniye, li partikolarment implimentat il-proġett ‘Lit-Tfal tar-Russja: Indirizz – Krimea’, kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi li tfasslet biex tikkonvinċi lit-tfal tal-Krimea li issa huma ċittadini Russi li jgħixu fir-Russja u b’hekk jappoġġaw il-politika tal-gvern Russu li tintegra l-Krimea fir-Russja.”

126    Ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li huwa l-president ta’ din id-dar tal-pubblikazzjoni, iżda jsostni, minn naħa, li l-attivitajiet tagħha ma jwasslux għall-kunsiderazzjoni li huwa jsostni l-integrazzjoni tal-Krimea fir-Russja u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kellu ebda rwol f’dan ir-rigward.

127    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrimarka ġustament il-Kunsill, l-eżistenza ta’ dan il-proġett u tal-portata wiesgħa tiegħu, li wassal għall-produzzjoni ta’ iktar minn 2.5 miljun ktieb, huma murija minn numru ta’ dokumenti ta’ natura pubblika, provenjenti b’mod partikolari mis-sit internet tal-Kunsill Pubbliku tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenzi tal-allegat gvern tal-Krimea u anki mis-sit internet innifsu ta’ Prosvescheniye, kif ukoll minn dikjarazzjoni tal-kumpannija ta’ relazzjonijiet pubbliċi AGT Communications, li pparteċipat fil-kampanja inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill kellu dawn id-dokumenti fil-pussess tiegħu qabel ma adotta l-atti ta’ Marzu 2015, hekk kif jirriżulta mill-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

128    Il-proġett inkwistjoni, hekk kif juri t-titolu stess tiegħu (To the Children of Russia: Address – Crimea), jikkonsisti f’kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi intiża sabiex tipperswadi lit-tfal tal-Krimea li huma ċittadini Russi li jgħixu r-Russja. Għaldaqstant din il-kampanja ssostni l-politika tal-Gvern Russu intiża sabiex il-Krimea tiġi integrata fir-Russja.

129    B’mod partikolari, mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill jirriżulta li, skont il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenzi msemmi iktar ’il fuq il-proġett inkwistjoni ġie stabbilit “wara li ngħataw ordnijiet mill-President tar-Russja” u “fil-kuntest tal-allinjament tal-Krimea u ta’ Sebastopol mar-regoli skolastiċi Russi”. Barra minn hekk, il-Kunsill straħ fuq dokument tal-kumpannija ta’ relazzjonijiet pubbliċi AGT Communications, li pparteċipat fil-kampanja inkwistjoni, fejn jirriżulta li l-manwali prodotti minn Prosvescheniye kienu ġew ipprovduti “fil-kuntest tal-allinjament tas-sistema skolastika tal-Krimea man-normi Russi” u li l-kampanja kienet tinkludi “kompetizzjonijiet ta’ tpinġija għat-tfal bit-tema ‘Aħna ngħixu fir-Russja’”.

130    Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

131    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrent, fil-kapaċità tiegħu bħala president tal-bord tad-diretturi ta’ Prosvescheniye, ma setax raġonevolment jinjora l-linja editorjali tal-pubblikazzjonijiet tad-dar tal-pubblikazzjonijiet li huwa kien imexxi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-setgħa ta’ influwenza u r-responsabbiltà li huma mistennija li jirriżultaw minn tali funzjoni jinvolvu neċessarjament parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-kampanja mmexxija minn din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 58 u 59). B’hekk, il-Kunsill seta’ ġustament iqis li r-rikorrent kien jissodisfa l-ewwel kriterju rilevanti f’dan is-sens.

132    Għaldaqstant, it-tieni argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud ukoll.

133    Konsegwentement il-ħames paragrafu tat-tieni motivazzjoni ukoll jikkostitwixxi applikazzjoni korretta tal-ewwel kriterju rilevanti għas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv ma huwiex fondat fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames paragrafi tat-tieni motivazzjoni, filwaqt li huwa fondat fir-rigward tal-ewwel tliet paragrafi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, dan il-motiv ma jippermettix lir-rikorrent jikseb l-annullament tal-atti kkontestati l-oħra.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data

135    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni mill-Kunsill ta’ allegazzjonijiet mhux dettaljati, mhux fondati u ineżatti, li jippreġudikaw serjament ir-reputazzjoni tiegħu, li jikkonstataw l-involviment tiegħu f’każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ aġir kriminali, jikser il-prinċipji fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali, hekk kif stabbiliti b’mod partikolari fir-Regolament Nru 45/2001. Huwa jippreċiża li l-motivazzjonijiet ġodda kkunsidrati kontrih jinvolvu aġir kriminali min-naħa tiegħu, minkejja li l-Kunsill ma użax il-kliem “korruzzjoni” jew “aġir kriminali”.

136    Minbarra li jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent fuq il-mertu, il-Kunsill iżid li d-data allegatament ineżatta dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrent f’Giprotransmost ġiet eliminata permezz tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015. Peress li r-rikorrent ma spjegax kif l-argument tiegħu dwar din il-kumpannija jista jiġi traspost għall-motivazzjonijiet il-ġodda, dan il-motiv huwa inammissibbli.

137    L-ewwel nett, hemm lok li jintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

138    Fil-fatt, ir-rikorrent ma jispjegax kif l-argument tiegħu dwar Giprotransmost huwa applikabbli għall-atti kkontestati l-oħra, li ma jsemmux din il-kumpannija. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkoinċidu, essenzjalment, ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ma humiex sodisfatti.

139    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, taħt piena ta’ inammissibbiltà, il-motivi u argumenti invokati insostenn ta’ talba għal adattament tar-rikors għandhom jiġu esposti fi ħdan din it-talba b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwarha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il‑Kummissjoni, C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il‑Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 72).

140    It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, dan il-motiv huwa ineffettiv. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li l-Kunsill ittratta data personali dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrent f’Giprotransmost b’mod mhux konformi mar-Regolament Nru 45/2001, din iċ-ċirkustanza ma tkunx twassal għall-annullament tal-atti kkontestati l-oħra. Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jasal jipprova l-eżistenza ta’ tali trattament, ir-rikorrent ikun jista’ jinvoka l-ksur tal-imsemmi regolament, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

141    Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli ma tahx aċċess għall-provi li fuqhom huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża lilu nnifsu sabiex iżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u talli ma semgħux qabel f’dan ir-rigward. Huwa jżid li l-affermazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-fatt li l-kumpanniji tiegħu kienu ġew iffavorizzati u kisbu kuntratti ġenerużi mingħajr sejħa għal offerti saru biss fil-mori tal-kawża.

142    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

143    Għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Għandu jiġi osservat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit permezz tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, fejn dan il-prinċipju barra minn hekk ġie mtenni mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-legalità tar-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha awtorità tal-Unjoni sabiex tinkludi isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi tad-destinatarji tal-miżuri restrittivi adottati mill-imsemmija awtorità, timplika li din tal-aħħar għandha l-obbligu li tikkomunika dawn ir-raġunijiet lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li tiġi deċiża l-inklużjoni, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet deċiża, sabiex id-destinatarji tal-eżerċizzju jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini, id-dritt tagħhom li jressqu azzjoni legali (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt neċessarja kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli għalihom li jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni kif mitluba tagħmel skont it-Trattat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Issa, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprevedu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-organu kkonċernat, inklużi r-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha fil-lista, jew direttament, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn din għandha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u għandu jinforma dan il-fatt lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp ikkonċernat.

148    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 jirriżulta li dan huwa suġġett għal verifika kostanti u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014, il-lista annessa miegħu hija eżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

149    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, permezz tal-atti kkontestati l-oħra, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni b’motivazzjoni parzjalment differenti minn dik li tinsab fl-atti ta’ Lulju 2014.

150    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jisma’ lir-rikorrent qabel l-ewwel inklużjoni tiegħu, sabiex il-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett igawdu minn effett ta’ sorpriża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punti 110 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħala prinċipju kellu l-obbligu li jisimgħu qabel ma jiddeċiedi li jżommu fil-listi inkwistjoni. Madankollu, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għal dawn il-miżuri jirriżulta meta l-Kunsill jikkunsidra elementi ġodda kontra dawn il-persuni u mhux meta tali żamma fil-lista hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizzjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33).

151    Peress li l-motivazzjoni dwar ir-rikorrent fl-atti kkontestati l-oħra ġiet parzjalment emendata, il-Kunsill kellu l-obbligu li jisimgħu qabel ma adotta l-atti ta’ Marzu 2015.

152    F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie osservat fil-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill ittrażmetta lill-uffiċċju ta’ avukati li jirrappreżenta lir-rikorrent f’din il-kawża l-abbozz ġdid ta’ motivazzjoni li kellu l-intenzjoni jadotta għaż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, fejn kien ingħata terminu sabiex jippreżenta osservazzjonijiet.

153    Dan l-abbozz ta’ motivazzjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ħlief għar-raba’ paragrafu, huwa essenzjalment l-istess bħat-tieni motivazzjoni, li ġiet trasposta fl-atti ta’ Marzu 2015. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi paragrafu kien isemmi l-fatt li r-rikorrent kien il-proprjetarju effettiv ta’ Volgomost li, min-naħa tagħha, kienet tikkontrolla lil Giprotransmost. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kumpannija, il-kunsiderazzjonijiet li ssemmew fl-atti ta’ Lulju 2014 reġgħu ġew imtennija.

154    Fl-14 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent issottometta osservazzjonijiet lill-Kunsill b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmi abbozz ta’ motivazzjoni. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent sostna li r-raġunijiet kienu vagi u mhux rilevanti fir-rigward tal-kriterji previsti sabiex persuna tkun tista’ tiġi suġġetta għal miżuri restrittivi. B’mod partikolari, minn naħa, huwa ċaħad li kien il-proprjetarju effettiv ta’ Volgomost billi kkontesta l-provi li l-Kunsill invoka f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, huwa kkontesta l-fatt li r-rwol tiegħu fi ħdan Prosvescheniye jista’ jiġġustifika ż-żamma tiegħu fil-listi inkwistjoni.

155    Permezz ta’ ittra tal-13 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni, abbażi tat-tieni motivazzjoni, li kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li dan tal-aħħar kien ippreżentalu. Il-Kunsill annetta mal-ittra tiegħu dokumenti ġustifikattivi pubbliċi u stieden lir-rikorrent jagħti l-fehmiet tiegħu, sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Frar 2015, dwar din il-motivazzjoni l-ġdida.

156    Ir-rikorrent ma weġibx din l-istedina.

157    It-tfakkira tal-fatti li tippreċedi tippermetti li jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-obbligi previsti mill-ġurisprudenza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015.

158    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill issa kellu l-indirizz tar-rikorrent, li kien jinsab fit-talba li permezz tagħha ġie ppreżentat dan ir-rikors, il-fatt li l-Kunsill indirizza lilu nnifsu lir-rappreżentanti tiegħu ma tax lok għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

159    Fil-fatt, ir-rikorrent lanqas ma jallega li l-għażla tal-Kunsill li jikkomunika l-abbozzi tal-motivazzjoni l-ġdida li kellu jadotta fir-rigward tiegħu lill-avukati tiegħu kellha bħala konsegwenza li d-drittijiet tiegħu ġew ippreġudikati b’tali mod li jkun ġustifikat l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015 sa fejn dawn jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar il-fatt li huwa biss matul il-proċedura ġudizzjarja li l-Kunsill semma l-favoritiżmi li minnhom ibbenefikaw il-kumpanniji tiegħu u l-assenza ta’ sejħa għal offerti għall-kuntratti pubbliċi li l-kumpanniji tiegħu kisbu, għandu jiġi osservat li l-abbozzi ta’ motivazzjoni rċevuti mir-rikorrent jirreferu għaċ-ċirkustanza li huwa ġie ffavorizzat fil-kisba tal-kuntratti tiegħu, minħabba r-relazzjonijiet tiegħu mar-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrent, fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2015, ikkontesta l-allegazzjoni li ġie ffavorizzat. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu f’dan ir-rigward.

161    Fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2015 u ta’ Marzu 2016, apparti l-fatt li r-rikorrent ma jinvokax argumenti speċifiċi, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-motivazzjoni kkunsidrata mill-Kunsill ma ġarrbitx bidliet, minkejja li dan ma kienx obbligat li jisimgħu qabel, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 150 iktar ’il fuq.

162    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt, ukoll invokat mir-rikorrent, li l-Kunsill ma tahx smigħ, għandu jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas il-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-persuni kkonċernati d-dritt għal tali smigħ (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv sa fejn huwa jsostni t-talbiet intiżi għall-annullament tal-atti l-oħra kkontestati.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, tad-drittijiet fundamentali, inkluż tad-dritt għal proprjetà, tad-dritt għall-ħajja privata u tal-libertà ta’ intrapriża

164    Ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni jikkostitwixxu limitazzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ħajja privata u għall-libertà ta’ intrapriża. Huwa jżid li l-Kunsill ma spjegax kif iż-żamma ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu seta’ jeżerċita pressjoni fuq ir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-annessjoni tal-Krimea.

165    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

166    Għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxi dan id-dritt. Bl-istess mod, il-libertà ta’ intrapriża hija stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ din il-karta.

167    F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi li jolqtu b’mod partikolari lir-rikorrent jikkostitwixxu miżuri kawtelatorji, li ma humiex intiżi li jċaħħdu lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom, mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom jew mil-libertà ta’ intrapriża tagħhom. Madankollu, il-miżuri inkwistjoni jwasslu mingħajr dubju għal restrizzjoni tal-użu tad-dritt għall-proprjetà u jaffettwaw il-ħajja privata u l-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-drittijiet fundamentali ma jgawdux, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn naħa, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, [b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

170    Għalhekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandha tissodisfa kundizzjoni tripla (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 197).

171    L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    It-tieni nett, il-limitazzjoni għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 199).

173    It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    F’dan il-każ, dawn it-tliet kundizzjonijiet ġew issodisfatti.

175    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq ir-rikorrent dovuti għall-atti l-oħra kkontestati huma “previst[i] bil-liġi”, inkwantu huma ddikjarati f’atti li b’mod partikolari għandhom portata ġenerali u għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll motivazzjoni suffiċjenti kemm fir-rigward tal-portata tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent (ara l-punti 103 sa 110 iktar ’il fuq) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ġie stabbilit li din il-motivazzjoni, minkejja ċerti żbalji, kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-Kunsill seta’ leġittimament iżomm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni (ara l-punti 115 sa 134 iktar ’il fuq).

176    Fit-tieni lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi li jeżerċitaw pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Issa, dan huwa għan li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, bħall-konsolidazzjoni u ż-żamma tad-demokrazija, tal-Istat tad-Dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u tal-protezzjoni tal-populazzjonijiet ċivili.

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fis-27 ta’ Marzu 2014, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 68/262, intitolata “Integrità territorjali tal-Ukraina”, li permezz tagħha hija fakkret l-obbligu li kellhom l-Istati kollha, skont l-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li joqgħodu lura, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kull Stat u li jsolvu il-kontenzjuż internazzjonali tagħhom bl-użu ta’ mezzi paċifiċi. Hija faħħret l-isforzi mingħajr waqfien espressi b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali sabiex tittaffa s-sitwazzjoni li tirrigwarda l-Ukraina. Fid-dispożittiv ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Assemblea Ġenerali b’mod partikolari tenniet mill-ġdid l-importanza tas-sovranità, tal-indipendenza politika, tal-unità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina ġewwa l-fruntieri tagħha internazzjonalment rikonoxxuti u sejħet lill-partijiet kollha sabiex jipprovaw isolvu immedjatament, bl-użu ta’ mezzi paċifiċi, is-sitwazzjoni li tirrigwarda l-Ukraina, sabiex juru trażżin, sabiex joqgħodu lura minn kull att unilaterali u minn kull diskors jaħraq li jista’ jżid it-tensjoni u sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-isforzi internazzjonali ta’ medjazzjoni.

178    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    F’dan is-sens, il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    F’dan il-każ, fir-rigward tal-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent ma humiex manifestament sproporzjonati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 71, u tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 116).

181    Dan huwa minn tant li, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ġie stabbilit li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent kienu nżammu għall-atti l-oħra kkontestati minħabba li s-sitwazzjoni tiegħu kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel kriterju rilevanti, ġaladarba kien jagħmel parti mill-persuni li kienu responsabbli minn politiki u minn azzjonijiet li kienu jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina.

182    Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma tippermettix li jintlaħqu daqstant effettivament l-għanijiet intiżi, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq ir-responsabbli Russi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145, u l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014, jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jintlaħqu ċerti bżonnijiet essenzjali jew jiġu sodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati.

184    Bl-istess mod, konformement mal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2014/145, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul tal-persuni msemmija fit-territorju tagħha, b’mod partikolari għal raġunijiet urġenti ta’ natura umanitarja.

185    Fl-aħħar nett, il-preżenza ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sproporzjonata minħabba allegata natura potenzjalment illimitata. Fil-fatt, dawn il-listi huma suġġetti għal eżami mill-ġdid perjodiku sabiex il-persuni u entitajiet li ma jissodisfawx il-kriterji sabiex jissemmew fihom jitneħħew (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għaldaqstant ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex sproporzjonati u ma jistgħux jagħtu lok għall-annullament tal-atti l-oħra kkontestati.

187    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandhom jiġu annullati l-atti ta’ Lulju 2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, u li jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ippreżentati sussidjarjament mill-Kunsill (ara l-aħħar inċiż tal-punt 42 iktar ’il fuq), inkwantu ma hemmx lok li jiġi annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/353 sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

189    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrent għandhom jintlaqgħu fir-rigward tal-annullament tal-atti ta’ Lulju 2014, filwaqt li dawn għandhom jiġu miċħuda fir-rigward tal-atti kkontestati l-oħra, fejn għaldaqstant għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-30 ta’ Lulju 2014, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, hekk kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 826/2014, tat-30 ta’ Lulju 2014, huma annullati, sa fejn jirrigwardaw lil Arkady Romanovich Rotenberg.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

BerardisTomljenovićSpielmann

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 2016.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.