Language of document : ECLI:EU:C:2013:239

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ April 2013 (*)

“Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Obbligu li l-kuntratti ta’ xogħol jiġu redatti bl-Olandiż – Kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Nuqqas ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑202/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidsrechtbank te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2011, fil-proċedura

Anton Las

vs

PSA Antwerp NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u J. Malenovský, Presidenti tal-Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Las, minn C. Delporte, advocaat,

–        għal PSA Antwerp NV, minn C. Engels u M. Holvoet, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, advocaat,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Vodina u G. Karipsiades, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Rozet, bħala aġenti,

–        għall-Autorité de surveillance AELE, minn X. Lewis kif ukoll minn M. Moustakali u F. Simonetti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Las u l-persuna li kienet timpjegah, PSA Antwerp NV (iktar ʼil quddiem, “PSA Antwerp”), dwar il-pagament minn din tal-aħħar ta’ diversi ammonti wara t-tkeċċija tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Belġjan

3        L-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni Belġjana jipprovdi:

“Il-Belġju jikkonsisti minn erba’ reġjuni lingwistiċi: ir-reġjun ta’ lingwa Franċiża, ir-reġjun ta’ lingwa Olandiża, ir-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale u r-reġjun ta’ lingwa Ġermaniża.

Kull muniċipalità tar-Renju tagħmel parti minn wieħed minn dawn ir-reġjuni lingwistiċi.

[…]”

4        Id-digriet tal-Vlaamse Gemeenschap, tad-19 ta’ Lulju 1973, li jirregola l-użu tal-lingwi fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema kif ukoll fl-atti u d-dokumenti ta’ impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 1973, p. 10089, iktar ’il quddiem, id-“digriet dwar l-użu tal-lingwi”), ġie adottat abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 129(1) tal-Kostituzzjoni, li jipprovdi li “[i]l-Parlamenti tal-Komunità Franċiża u tal-Komunità Fjamminga, kull wieħed minnhom għal dak li jikkonċernah, jirregolaw b’digriet, b’esklużjoni tal-leġiżlatur federali, l-użu tal-lingwi għar-[...] relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-persunal tagħhom, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti”.

5        L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Dan id-digriet huwa applikabbli għall-persuni fiżiċi u morali li għandhom sede tal-operat fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża. Huwa jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam ta’ relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam ta’ atti u ta’ dokumenti ta’ impriża mitluba mil-liġi.

[...]”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jispeċifika li “[i]l-lingwa li għandha tintuża fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll għall-atti u għad-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi, hija l-Olandiż”.

7        L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess digriet jipprovdi kif ġej:

“Min jimpjega għandu jistabbilixxi fil-lingwa Olandiża l-atti u d-dokumenti kollha, mitluba mil-liġi, u d-dokumenti kollha indirizzati lill-persunal tiegħu.

Madankollu, jekk il-kompożizzjoni tal-persunal tiġġustifika dan u fuq talba unanima tad-delegati tal-ħaddiema fil-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ kunsill tal-impriża, fuq it-talba unanima tad-delegazzjoni unjonistika jew, fin-nuqqas tat-tnejn li huma, fuq talba ta’ delegat ta’ trade union rappreżentattiva, min jimpjega għandu jżid mal-avviżi, komunikazzjonijiet, atti, ċertifikati u formularji indirizzati lill-persunal, traduzzjoni f’waħda jew f’diversi lingwi.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 10 tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi:

“Id-dokumenti jew l-atti li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma nulli. In-nullità għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti.

[...]

Id-deċiżjoni ta’ nullità ma tistax tikkawża dannu lill-ħaddiem u tħalli eżistenti d-drittijiet ta’ terzi. Min jimpjega għandu jwieġeb għad-danni kkawżati mid-dokumenti jew atti nulli tiegħu lill-ħaddiem jew lit-terzi.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Abbażi ta’ “Letter of Employment” bid-data tal-10 ta’ Lulju 2004 u miktuba bl-Ingliż (iktar ’il quddiem, il-“kuntratt ta’ xogħol”), A. Las, ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien ġie ngaġġat bħala “Chief Financial Officer”, għal żmien indeterminat, minn PSA Antwerp, kumpannija rreġistrata f’Anvers (il-Belġju), iżda li tifforma parti minn grupp multinazzjonali li jopera terminals fil-portijiet li għandu s-sede tiegħu f’Singapore. Il-kuntratt ta’ xogħol kien jipprovdi li A. Las kellu jeżerċita prinċipalment l-attivitajiet professjonali tiegħu fil-Belġju, minkejja li ċerti servizzi kellhom jiġu pprovduti mill-Pajjiżi l-Baxxi.

10      B’ittra tas-7 ta’ Settembru 2009, miktuba bl-Ingliż, A. Las kien tkeċċa b’effett immedjat. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol, PSA Antwerp ħallset lil A. Las kumpens għat-tkeċċija ugwali għal tliet xhur paga kif ukoll kumpens addizzjonali ugwali għal sitt xhur paga.

11      B’ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009, l-avukat ta’ A. Las argumenta ma’ PSA Antwerp li peress li l-kuntratt ta’ xogħol u, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, dwar il-kumpens għal tkeċċija dovut lil A. Las, ma kinux miktuba bil-lingwa Olandiża, huma għandhom jiġu ddikjarati nulli skont is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi, ladarba PSA Antwerp hija impriża li s-sede tal-operat tagħha huwa fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju. Minn dan, l-avukat ta’ A. Las ikkonkluda li l-partijiet ma kinux marbuta bit-termini tal-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol u li A. Las kellu dritt jitlob kumpens iktar sostanzjali minn dak li kien jimpjegah.

12      Peress li PSA Antwerp u A. Las ma waslux għal qbil dwar dan, fit-23 ta’ Diċembru 2009 dan tal-aħħar fetaħ kawża quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen sabiex din il-qorti tistabbilixxi hija nfisha l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas lilu.

13      Insostenn tat-talba tiegħu, A. Las jirrepeti l-argument li l-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa vvizzjat b’nullità assoluta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi. PSA Antwerp issostni li dan id-digriet ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ mill-qorti tar-rinviju sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol jirrigwarda persuna li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu tal-ħaddiema. Issa, l-applikazzjoni tal-imsemmi digriet tikkostitwixxi ostakolu għal din il-libertà fundamentali li ma jistax jiġi ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. PSA Antwerp iżżid li l-kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi rrispettat peress li huwa konformi mal-volontà tal-partijiet, espressa f’lingwa li tinftiehem minn kull waħda minnhom, jiġifieri l-Ingliż, peress li d-direttur tal-imsemmija kumpannija li ffirmah huwa ċittadin Singaporjan li ma jifhimx il-lingwa Olandiża.

14      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-arbeidsrechtbank te Antwerpen għandha dubji rigward il-fatt li raġuni ta’ interess ġenerali titlob li l-kuntratt ta’ xogħol ikun mitkub bil-lingwa Olandiża f’sitwazzjoni transkonfinali fejn il-partijiet – f’dan il-każ impjegat li jitkellem bl-Olandiż u min jimpjega li ma jitkellimx bl-Olandiż – għażlu manifestament, minħabba l-importanza tal-kariga li kellha tiġi okkupata, li jirrediġu kuntratt ta’ xogħol f’lingwa li tinftiehem miż-żewġ partijiet.

15      Huwa f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l-arbeidsrechtbank te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-[digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi] jikser l-Artikolu [45 TFUE] dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, sa fejn jimponi fuq kull impriża li għandha s-sede tagħha stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa [Olandiża], taħt piena ta’ nullità, li d-dokumenti kollha relatati mar-relazzjoni ta’ xogħol meta timpjega ħaddiem għal xogħol ta’ natura internazzjonali jinkitbu bl-Olandiż?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti ikkonstatata ex officio mill-qorti.

17      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li huwa stabbilit li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, peress li ġie konkluż bejn ċittadin Olandiż, li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, u kumpannija stabbilita fit-territorju tar-Renju tal-Belġju.

18      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-Artikolu 45 TFUE jista’ jiġi invokat mhux biss mill-ħaddiema nfushom, iżda wkoll minn dawk li jimpjegawhom. Fil-fatt, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu rreklutati u impjegati mingħajr diskriminazzjoni għandu neċessarjament ikollu bħala korollarju tiegħu d-dritt tal-persuni li jimpjegaw li jirreklutawhom b’osservanza tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 23, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, punt 28).

19      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Radziejewski, C‑461/11, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari,, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludu għaldaqstant kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels, C‑379/09, Ġabra p. I‑1379, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan ir-rigward, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fis-seduta jirriżulta li, fir-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali konklużi minn persuni li jimpjegaw li għandhom is-sede tal-operat tagħhom fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju, hija biss il-lingwa Olandiża li hija awtentika.

22      Tali leġiżlazzjoni jista’ jkollha effett dissważiv għall-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw li ma jitkellmux bl-Olandiż li ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

23      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, hija ġurisprudenza ferm stabbilita li miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jsegwu għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq dan l-għan, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Communauté française u l-Gvern tal-Wallonien, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 55).

24      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżit tripplu, qabel kollox, li tippromwovi u tistimula l-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, imbagħad, li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema billi tagħtihom l-opportunità li jeżaminaw id-dokumenti ta’ impjieg bil-lingwa tagħhom kif ukoll li jibbenefikaw mill-protezzjoni effettiva tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji li jintalbu jirrikonoxxu dawn id-dokumenti u, fl-aħħar nett, li tiżgura l-effikaċja tal-kontrolli u tas-sorveljanza tal-ispezzjoni tax-xogħol.

25      Rigward l-ewwel għan invokat mill-Gvern tal-Belġju, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ politika intiża għall-protezzjoni u għall-promozzjoni ta’ lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, Ġabra p. I‑3787, punt 85).

26      Fil-fatt, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, kif ukoll skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. B’mod konformi mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa jew tal-lingwi uffiċjali ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Runevič‑Vardyn u Wardyn, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 86).

27      Għaldaqstant, l-għan li jiġi promoss u stimulat l-użu tal-lingwa Olandiża, li hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju tal-Belġju, jikkostitwixxi interess leġittimu tali li jiġġustifika, bħala regola ġenerali, restrizzjoni għall-obbligi imposti permezz tal-Artikolu 45 TFUE.

28      Rigward it-tieni u t-tielet għan invokati mill-Gvern tal-Belġju u bbażati rispettivament fuq il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u l-iffaċilitar tal-kontrolli amministrattivi relatati magħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrikonoxxi li dawn huma inklużi fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punti 70 u 71, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C‑515/08, Ġabra p. I‑9133, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun fi proporzjon mal-imsemmija għanijiet.

30      F’dan il-każ, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-ksur tal-obbligu li kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn ħaddiem u persuna li timpjega li għandha s-sede tal-operat tagħha fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju jiġi redatt bl-Olandiż huwa ssanzjonat bin-nullità ta’ dan il-kuntratt, li għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti sakemm tali konstatazzjoni ma tippreġudikax lill-ħaddiem u d-drittijiet tat-terzi.

31      Issa, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali ma jitkellmux neċessarjament il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali sitwazzjoni, l-istabbiliment ta’ kunsens liberu u informat bejn il-partijiet jirrekjedi li dawn ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kuntratt tagħhom f’lingwa oħra għajr il-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

32      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li mhux biss timponi l-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat għall-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali iżda li tippermetti minbarra dan li tiġi stabbilita verżjoni awtentika ta’ tali kuntratti f’lingwa magħrufa mill-partijiet kollha kkonċernati tkun ta’ inqas preġudizzju għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-għanijiet segwiti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

33      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u għaldaqstant ma tistax titqies bħala proporzjonata.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti kkonstatata ex officio mill-qorti.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti kkonstatata ex officio mill-qorti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.