Language of document : ECLI:EU:C:2012:85

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Frar 2012 (*)

“Soċjetà tal-informazzjoni — Drittijiet tal-awtur — Internet — Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting — Ipproċessar ta’ informazzjoni maħżuna fuq pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet — Ħolqien ta’ sistema ta’ filtrazzjoni ta’ din l-informazzjoni sabiex jiġi pprojbit it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fajls li jiksru d-drittijiet tal-awtur — Assenza ta’ obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni maħżuna”

Fil-Kawża C‑360/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM)

vs

Netlog NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM), minn B. Michaux, F. de Visscher u F. Brison, advocaten,

–        għal Netlog NV, minn P. Van Eecke, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi:

–        2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399);

–        2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230);

–        2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32);

–        95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355); u

–        2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM) (iktar ’il quddiem “SABAM”) u Netlog NV (iktar ’il quddiem “Netlog”), kumpannija li topera pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet, dwar l-obbligu ta’ din tal-aħħar li toħloq sistema ta’ filtrazzjoni tal-informazzjoni maħżuna fuq il-pjattaforma tagħha sabiex timpedixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fajls li jiksru d-drittijiet tal-awtur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/31

3        Skont il-premessi 45, 46 u 48 tad-Direttiva 2000/31:

“(45) Il-limitazzjonijiet tar-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz kif inhuma stabbiliti f’din id-Direttiva ma jaffettwawx il-possibilità ta’ inġunzjonijiet ta’ diversi tipi; inġunzjonijiet bħal dawn jistgħu partikolarment jikkonsistu f’ordnijiet mill-qrati jew awtoritajiet ta’ amministrazzjoni li jkunu jinħtieġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta’ xi ksur, inkluża t-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew tat-twaqqif ta’ aċċess għaliha.

[…]

(47)      L-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligu ta’ monitoraġġ fuq dawk li jipprovdu servizz biss fir-rigward ta’ obbligi ta’ natura ġenerali; dan ma jikkonċernax l-obbligu ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku u, partikolarment, ma jaffettwax ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali bi qbil ma’ leġislazzjoni nazzjonali.

(48)      Din id-Direttiva ma taffetwax il-possibilità għall-Istati Membri li jkunu jinħtieġu li dawk li jipprovdu servizz, li jilqgħu informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, li japplikaw il-prekawzjonijiet li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija minnhom u li huma speċifikati minn liġi nazzjonali, sabiex jintebħu bi u ma jħallux ċerti tipi ta’ attavitajiet illegali.”

4        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting” jipprovdi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni pprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

5        Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

 Id-Direttiva 2001/29

6        Skont il-premessi 16 u 59 tad-Direttiva 2001/29:

“(16) [...] Din id-Direttiva għandha tiġi implementata f’perijodu ta’ żmien simili għal dak għall-implementazzjoni [tad-Direttiva 2000/31] dwar kummerċ elettroniku, minħabba l-fatt li dik id-Direttiva tipprovdi qafas armonizzat ta’ prinċipji u disposizzjonijiet relevanti fost oħrajn għall-partijiet importanti ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet dwar ir-risponsabbiltà f’dik id-Direttiva.

[...]

(59)      Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

7        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

8        L-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat.”

 Id-Direttiva 2004/48

9        Il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/48 hija redatta kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri, proċeduri u rimedji oħra disponnibbli, il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Safejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva [2001/29]. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29] m’għandux ikun affettwat b’din id-Direttiva.”

10      Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/48/KE:

“Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a)      id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE [...] jew id-Direttiva 2000/31/KE, in ġenerali u b’mod partikolari fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE;

[…]”

11      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

12      It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 tipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29/KE].”

 Id-dritt nazzjonali

13      L-Artikolu 87(1), fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tiegħu, tal-Liġi, tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Lulju 1994, p. 19297), li jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, jipprovdu:

“Il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza […] għandu jikkonstata l-eżistenza u jordna l-waqfien ta’ kull ksur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat.

Huwa jista’ wkoll joħroġ ordni ta’ waqfien kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jikser id-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat.”

14      L-Artikoli 20 u 21 tal-Liġi, tal-11 ta’ Marzu 2003, dwar ċerti aspetti ġuridiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (Belgisch Staatsblad, 17 ta’ Marzu 2003, p. 12962) jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      SABAM hija soċjetà ta’ amministrazzjoni li tirrappreżenta lill-awturi, il-kompożituri u l-edituri ta’ xogħlijiet mużikali. Fuq din il-bażi, hija b’mod partikolari inkarigata tawtorizza l-użu tax-xogħlijiet protetti tagħhom minn terzi.

16      Netlog topera pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet fejn kull persuna li tirreġistra tirċievi spazju personali msejjaħ “profil” li dan l-utent stess jista’ jimla’ u li huwa aċċessibbli fid-dinja kollha.

17      Din il-pjattaforma, li ta’ kuljum hija użata minn miljuni ta’ persuni, għandha l-funzjoni prinċipali li toħloq komunitajiet virtwali li permezz tagħhom dawn il-persuni jistgħu jikkomunikaw bejniethom u għalhekk jagħmlu ħbieb ġodda. Fuq il-profil tagħhom, l-utenti jistgħu b’mod partikolari jżommu djarju, jindikaw il-passatempi tagħhom u l-preferenzi tagħhom, juru l-ħbieb tagħhom, jeżebixxu ritratti personali jew jippubblikaw estratti ta’ vidjows.

18      Madankollu, SABAM qieset li n-netwerk soċjali ta’ Netlog jagħti wkoll lill-utenti kollha l-possibbiltà li jużaw, permezz tal-profil tagħhom, xogħlijiet mużikali u awdjoviżivi li jinsabu fir-repertorju ta’ SABAM billi jqiegħed dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li utenti oħra tal-imsemmi netwerk jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom, u dan mingħajr awtorizzazzjoni ta’ SABAM u mingħajr ħlas minn Netlog għal dan l-użu.

19      Matul ix-xahar ta’ Frar tas-sena 2009, SABAM ikkomunikat ma’ Netlog sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-ħlas minn Netlog għall-użu tar-repertorju ta’ SABAM.

20      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2009, SABAM intimat lil Netlog biex timpenja ruħha twaqqaf immedjatament u fil-futur it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali u awdjoviżivi li jinsabu fir-repertorju tagħha.

21      Fit-23 ta’ Ġunju 2009, SABAM ħarrket lil Netlog quddiem il-President tar-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel fil-kuntest ta’ azzjoni għal waqfien taħt l-Artikolu 87(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, billi talbet b’mod partikolari li huwa jordna lil Netlog biex twaqqaf immedjatament kull tqegħid għad-dispożizzjoni illegali tax-xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi li jinsabu fir-repertorju ta’ SABAM, taħt piena ta’ pagament ta’ penalità ta’ EUR 1 000 għal kull ġurnata ta’ dewmien.

22      F’dan ir-rigward, Netlog sostniet li jekk l-azzjoni ta’ SABAM tintlaqa’, dan ikun ifisser li jkun qed jiġi impost fuqha l-obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, ħaġa li hija pprojbita bl-Artikolu 21(1) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2003, dwar ċerti aspetti ġuridiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

23      Barra minn hekk, Netlog qieset, mingħajr ma SABAM ikkontradixxiet dan, li s-suċċess ta’ tali azzjoni jista’ jwassal biex hija tiġi ordnata toħloq, fir-rigward tal-klijentela kollha tagħha, in abstracto u b’mod preventiv, bi spejjeż tagħha u mingħajr limiti ratione temporis, sistema ta’ filtrazzjoni tal-parti l-kbira tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tagħha, bil-ħsieb li tidentifika l-fajls elettroniċi li jinkludu xogħlijiet mużikali, ċinemagrafiċi jew awdjoviżivi li fuqhom SABAM tqis li għandha drittijiet u sussegwentement tibblokka l-iskambju tagħhom.

24      Issa, il-ħolqien ta’ tali sistema ta’ filtrazzjoni probabbilment ikollu bħala effett li d-data personali tkun tiġi suġġetta għal ipproċessar li għandu jissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fuq il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u s-sigriet tal-komunikazzjonijiet.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttivi 2001/29 u 2004/48, moqrija flimkien mad-Direttivi 95/46, 2000/31 u 2002/58, interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950], jippermettu lill-Istati Membri li jawtorizzaw qorti nazzjonali, li quddiemha jitressqu l-proċeduri prinċipali u abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali li tipprovdi li: ‘Huma [il-qrati nazzjonali] jistgħu wkoll joħorġu ordni ta’ twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġi ppreġudikat id-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati miegħu’, sabiex tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni [hosting] jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż tiegħu u mingħajr limitazzjoni ratione temporis, sistema ta’ filtrazzjoni tal-parti l-kbira tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu, bl-għan li jiġu identifikati fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv li SABAM tallega li għandha drittijiet fuqhom, u mbagħad jibblokka l-iskambju tagħhom?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2004/48, 95/46 u 2002/58, moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu ordni mogħtija minn qorti nazzjonali lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex joħloq sistema ta’ filtrazzjoni:

–        tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu mill-utenti tas-servizzi tiegħu;

–        li tapplika indistintament fir-rigward ta’ dawn l-utenti kollha;

–        b’mod preventiv;

–        bi spejjeż tiegħu biss; u

–        mingħajr limitu ratione temporis,

li hija kapaċi tidentifika fajls elettroniċi li jinkludu xogħlijiet mużikali, ċinematografiċi jew awdjoviżivi li fuqhom il-parti li qed tressaq it-talba tqis li għandha drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-ħsieb li jiġi bblokkat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet li jiksru d-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża”).

27      F’dan ir-rigward, huwa l-ewwel nett paċifiku li kumpannija li topera pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet, bħal Netlog, taħżen fuq is-servers tagħha informazzjoni pprovduta minn utenti ta’ din il-pjattaforma, marbuta mal-profil tagħhom, u li għalhekk din hija fornitur ta’ servizz ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.

28      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, id-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu jitolbu li tinħareġ ordni fil-konfront ta’ kumpanniji li joperaw pjattaformi ta’ netwerks soċjali li joperaw fuq l-internet, bħal Netlog, li jaġixxu bħala intermedjarji fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, peress illi s-servizzi tagħhom jistgħu jiġu użati minn utenti ta’ tali pjattaformi biex jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

29      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qrati nazzjonali, skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tippermettilhom jordnaw lill-imsemmija intermedjarji jieħdu miżuri intiżi mhux biss biex itemmu l-ksur li diġà sar għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz tas-servizzi tagħhom bħala soċjetà ta’ informazzjoni, iżda wkoll biex jipprevjenu ksur ġdid (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, Ġabra p. I–11959, punt 31).

30      Fl-aħħar nett, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li r-regoli relatati mal-ordnijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skont l-imsemmija Artikolu 8(3) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11, bħal dawk dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali (ara s-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

31      B’dan premess, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, l-istess bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom josservaw il-limiti li jirriżultaw mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, kif ukoll mis-sorsi legali li dawn id-direttivi jirreferu għalihom (ara s-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

32      Għalhekk, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48, l-imsemmija regoli ma jistgħux jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 u, b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 12 sa 15 ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

33      Konsegwentement, dawn l-istess regoli għandhom b’mod partikolari josservaw l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, li jipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jadottaw miżuri li jobbligaw lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni li huwa jaħżen (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali projbizzjoni testendi b’mod partikolari għall-miżuri nazzjonali li jobbligaw lil fornitur intermedjarju, bħal fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, iwettaq monitoraġġ attiv tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-klijenti tiegħu sabiex jipprevjeni kull ksur futur għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, tali obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali huwa inkompatibbli mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, li jiddikjara li l-miżuri previsti minn din tal-aħħar għandhom ikunu ġusti u proporzjonati u ma għandhomx ikunu eċċessivament għoljin (ara s-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornitur ta’ servizz ta’ hosting il-ħtieġa li joħloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża, tobbligahx iwettaq, f’din l-okkażjoni, monitoraġġ attiv tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-utenti tas-servizzi tiegħu sabiex jipprevjeni kull ksur futur għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

36      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-implementazzjoni ta’ din is-sistema ta’ filtrazzjoni tippreżumi:

–        li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jidentifika qabel kollox, fi ħdan il-fajls kollha maħżuna fuq is-servers tiegħu mill-utenti kollha tas-servizzi tiegħu, il-fajls li jistgħu jinkludu xogħlijiet li fuqhom id-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jqisu li għandhom drittijiet;

–        li sussegwentement huwa jiddetermina, liema minn dawn il-fajls huma maħżuna u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod illegali; u

–        li fl-aħħar nett huwa jibblokka t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fajls li huwa jqis li huma illegali.

37      Għalhekk, tali monitoraġġ preventiv jeżiġi osservazzjoni attiva tal-fajls maħżuna mill-utenti għand il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat u jirrigwarda kemm kważi l-informazzjoni kollha hekk maħżuna kif ukoll l-utenti kollha tas-servizzi ta’ dan il-fornitur (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

38      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni mogħtija lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li joħloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tobbligah iwettaq monitoraġġ attiv ta’ kważi d-data kollha li tikkonċerna l-utenti kollha tas-servizzi tiegħu, sabiex jiġi pprevenut kull ksur futur għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Minn dan isegwi li l-imsemmija ordni timponi lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali li huwa pprojbit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

39      Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-konformità ta’ din l-ordni mad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li barra minn hekk jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali trid tilħaq l-għan intiż sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li jifformaw parti mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li jistgħu jinkisru min-natura u l-kontenut ta’ ċerta informazzjoni maħżuna u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tas-servizz ipprovdut mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

41      Il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali hija ċertament stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’dan premess, la minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li tali dritt huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut (sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

42      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 62 sa 68 tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271), il-protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ proprjetà, li jifformaw parti minnu d-drittijiet marbuta mal-proprjetà intellettwali, għandha titqiegħed f’bilanċ ma’ dik ta’ drittijiet fundamentali oħra.

43      B’mod iktar preċiż, mill-punt 68 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, fil-kuntest ta’ miżuri adottati biex jipproteġu lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, li jiżguraw bilanċ ġust bejn il-protezzjoni ta’ dan id-dritt u dik tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma milquta minn tali miżuri.

44      Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom b’mod partikolari jiżguraw bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li jibbenefikaw minnu d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, u dik tal-libertà ta’ impriża li jibbenefikaw minnha, taħt l-Artikolu 16 tal-Karta, l-operaturi bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting (ara s-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

45      Issa, fil-kawża prinċipali, l-ordni li tinħoloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tinvolvi monitoraġġ, fl-interess ta’ dawn id-detenturi, tal-informazzjoni kollha, jew ta’ parti kbira minnha, maħżuna għand il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat, fejn, barra minn hekk, dan il-monitoraġġ huwa illimitat fiż-żmien, jirrigwarda kull ksur futur u huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss ix-xogħlijiet eżistenti, iżda wkoll xogħlijiet li jkunu għandhom ma nħolqux fil-mument tal-ħolqien ta’ din is-sistema.

46      Għalhekk, tali ordni twassal għal ksur karatterizzat tal-libertà tal-intrapriża tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting peress li din tobbligah joħloq sistema informatika kumplessa, għalja, permanenti u bi spejjeż tiegħu, fatt li barra minn hekk huwa kuntrarju għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li jirrikjedi li l-miżuri għall-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ikunu inutilment kumplessi jew għalja (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni li tinħoloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża għandha titqies li hija ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li minnu jibbenefikaw id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, u min-naħa l-oħra, dik tal-libertà tal-intrapriża, li jibbenefikaw minnha l-operaturi bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

48      Barra minn hekk, l-effetti tal-imsemmija ordni ma humiex limitati għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, peress li s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tista’ wkoll tikser id-drittijiet fundamentali tal-utenti tas-servizzi ta’ dan il-fornitur, jiġifieri d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali kif ukoll għal-libertà tagħhom li jirċievu jew li jikkomunikaw informazzjoni; li huma drittijiet protetti bl-Artikoli 8 u 11 tal-Karta.

49      Fil-fatt, l-ordni li tinħoloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tinvolvi, minn naħa, l-identifikazzjoni, l-analiżi sistematika u l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar il-profili maħluqa fuq in-netwerk soċjali mill-utenti ta’ dan tal-aħħar, fejn l-informazzjoni dwar dawn il-profili hija data personali protetta, għaliex din tippermetti, bħala regola ġenerali, l-identifikazzjoni tal-imsemmija utenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

50      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ordni għandha r-riskju li tippreġudika l-libertà ta’ informazzjoni, għaliex din is-sistema għandha r-riskju li ma toħloqx distinzjoni suffiċjenti bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-introduzzjoni tagħha jista’ jkollha bħala effett li twassal għall-ibblokkar ta’ komunikazzjonijiet b’kontenut legali. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-risposta għad-domanda dwar il-legalità ta’ trażmissjoni tiddependi wkoll mill-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet legali għad-drittijiet tal-awtur li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, uħud mix-xogħlijiet jistgħu, f’ċerti Stati Membri, jaqgħu taħt id-dominju pubbliku jew jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tqegħid bla ħlas fuq l-internet min-naħa tal-awturi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

51      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi tadotta l-ordni li tobbliga lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting joħloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża, il-qorti nazzjonali kkonċernata ma tkunx qegħdha tosserva r-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali, minn naħa, u l-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal protezzjoni tad-data ta’ natura personali u l-libertà li tirċievi jew tikkomunika informazzjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2004/48, moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu ordni mogħtija lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex joħloq is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttivi:

–        2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”);

–        2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni;

–        2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni magħmula minn qorti nazzjonali lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex joħloq sistema ta’ filtrazzjoni:

–        tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu mill-utenti tas-servizzi tiegħu;

–        li tapplika indistintament fir-rigward ta’ dawn l-utenti kollha;

–        b’mod preventiv;

–        bi spejjeż tiegħu biss; u

–        mingħajr limitu ratione temporis,

li hija kapaċi tidentifika fajls elettroniċi li jinkludu xogħlijiet mużikali, ċinematografiċi jew awdjoviżivi li fuqhom il-parti li qed tressaq it-talba tqis li għandha drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-ħsieb li jiġi bblokkat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet li jiksru d-drittijiet tal-awtur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.