Language of document : ECLI:EU:C:2012:751

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑480/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Isvezja

“VAT – Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita r-reġistrazzjoni bħala grupp għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni – Kompatibbiltà mad-dritt tal-VAT tal-Unjoni Ewropea”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża l-Kummissjoni tfittex dikjarazzjoni li bir-restrizzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni, l-Isvezja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) (2).

2.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi regoli dwar it-trattament ta’ iktar minn persuna waħda bħala entità waħda għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa (ħafna drabi msejjaħ “ragruppament għall-finijiet tal-VAT”). Kawża dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu simili tressqet ukoll kontra r-Repubblika tal-Finlandja (3).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi r-regoli dwar il-gruppi tal-VAT kif ġej:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT [iktar ’il quddiem il-‘Kumitat tal-VAT’], kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

B –    Il-liġi nazzjonali

4.        L-Artikolu I tal-Kapitolu 6a tal-Liġi dwar il-VAT 1994:200 (mervärdesskattelagen) 1994:200 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Svediża tal-VAT”) jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, żewġ entitajiet ekonomiċi jew iktar jistgħu, fiċ-ċirkustanzi msemmija f’dan il-kapitolu, ikunu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda (grupp tal-VAT), u l-attività eżerċitata mill-grupp tal-VAT tista’ tkun ikkunsidrata bħala attività waħda.”

5.        L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 6a tal-Liġi Svediża tal-VAT jipprovdi kif ġej:

“Dawn li ġejjin biss jistgħu jkunu parti minn grupp tal-VAT:

1. entitajiet ekonomiċi, imqiegħda taħt is-sorveljanza tal-ispettorat tal-finanzi li jeżerċitaw attività li hija eżentata għax id-dħul minn din l-attività huwa eżenti taħt l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10 tal-Kapitolu 3, u

2. entitajiet ekonomiċi li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jikkunsinnaw merkanzija jew jipprovdu servizzi lill-entitajiet ekonomiċi msemmija hawn fuq fil-paragrafu 1, jew

3. entitajiet ekonomiċi li huma aġenti fuq kummissjoni u prinċipali, u li għandhom rabta ta’ kummissjoni bħal dik imsemmija fil-Kapitolu 36 tal-Liġi tat-taxxa fuq id-dħul (1999:1229).”

6.        L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi Svediża tal-VAT jeżenta l-provvista ta’ servizzi bankarji u finanzjarji u tranżazzjonijiet li jikkonsistu f’bejgħ u xiri ta’ stocks u ishma jew tranżazzjonijiet simili.

7.        L-Artikolu 10 tal-Kapitolu 3 tal-istess liġi jeżenta wkoll il-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassugarazzjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li, prinċipalment, operaturi ekonomiċi fis-settur finanzjarju u fis-settur tal-assigurazzjoni biss jistgħu jifformaw grupp tal-VAT.

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Isvezja li fiha argumentat li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Svediża li jillimitaw il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni ma humiex kompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

9.        Ir-Renju tal-Isvezja wieġeb permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2008 fejn iddikjara li, fl-opinjoni tiegħu, il-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-gruppi tal-VAT kienet konformi mad-Direttiva tal-VAT.

10.      Fl-20 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Isvezja li fiha hija ddikjarat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Ir-Renju tal-Isvezja wieġeb b’ittra tal-20 ta’ Jannar 2010 li fiha sostna li l-interpretazzjoni tiegħu tad-Direttiva tal-VAT kienet korretta.

11.      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni pproċediet b’din il-kawża li kienet ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2010. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT billi limita l-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni.

12.      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-kawża inammissibbli għax is-suġġett tar-rikors imur lil hinn mill-ilment ifformulat mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Alternattivament, ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-kawża tiġi miċħuda bħala infondata.

13.      Ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Irlanda intervenew insostenn tar-Renju tal-Isvezja. Dawn l-Istati Membri u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru 2012.

IV – Ammissibbiltà

14.      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jargumenta li l-Kummissjoni f’ebda stadju tal-proċedura amministrattiva ma semmiet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju, l-ilment tagħha kien limitat għal ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. L-ugwaljanza fit-trattament tqajmet l-ewwel darba fil-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk estendiet u mmodifikat illegalment is-suġġett tal-kawża.

15.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u bażijiet bħall-opinjoni motivata (4). Sa fejn it-talba ma tkunx issemmiet fl-opinjoni motivata, din ma tistax tkun iddikjarata ammissibbli fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Madankollu, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑458/08, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi estiż b’tali mod li jwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn l-espożizzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat (5).

17.      L-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistipula, taħt il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà, li rikors promotur f’kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiddikjara s-suġġett tal-proċeduri u għandu jipprovdi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors (6). Dak li huwa rikjest, minn tal-inqas, huwa sommarju tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom dawn l-ilmenti huma bbażati (7). L-iżvolġiment regolari tal-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat mhux biss għall-ħarsien tad-drittijiet tal-Istati Membri inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi ggarantit li s-suġġett tal-eventwali proċedura kontenzjuża tkun tilwima ddefinita b’mod ċar (8).

18.      Fl-opinjoni tiegħi, meta motiv li jitqajjem l-ewwel darba fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun sostanzjalment differenti minn motiv li jkun tqajjem fil-proċeduri prekontenzjużi, ir-riżultat inevitabbli huwa li l-Kummissjoni tkun estendiet u emendat is-suġġett tal-proċeduri. F’ċirkustanzi simili, ma jistax ikun argumentat li l-Kummissjoni qiegħda sempliċement tispjega f’iktar dettall l-argumenti li tqajmu f’termini ġenerali fi stadju preċedenti tal-proċeduri (9). Għall-kuntrarju, l-istruttura tal-kawża ssir fundamentalment differenti.

19.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ta’ din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. L-ilment tal-Kummissjoni baqa’ l-istess matul il-proċedura amministrattiva u matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jiġifieri, bil-limitazzjoni tal-possibbiltà tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT tal-Artikolu 11 għal ċerti setturi, bl-esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha fl-Isvezja, sitwazzjonijiet komparabbli qed jingħataw trattament differenti.

20.      Id-differenza bejn in-newtralità fiskali u l-prinċipju iktar ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament tista’ tiġi ridotta għall-kwistjoni ta’ jekk operaturi ekonomiċi li ma jikkompetux direttament ma’ xulxin humiex f’sitwazzjoni komparabbli. Dan għaliex in-newtralità fiskali tapplika biss f’dan il-kuntest tal-kompetizzjoni. Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ madankollu jirriżulta jekk sitwazzjonijiet komparabbli jkunu ttrattati b’mod differenti (10). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, kwalunkwe distinzjoni bejn newtralità fiskali u ugwaljanza fit-trattament tista’ tkun biss ta’ importanza sekondarja jew saħansitra terzjarja sabiex tiġi riżolta l-kawża inkwistjoni.

21.      Wasalt għal din il-konklużjoni minħabba r-rwol prinċipali li għandha l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT fid-deċiżjoni dwar jekk l-Isvezja hijiex taġixxi b’mod kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni billi tillimita l-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel pass huwa li tkun ikkunsidrata t-tifsira letterali tal-Artikolu 11. Huwa biss meta l-kliem rilevanti fl-Artikolu 11 ikunu miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti li jista’ jsir riferiment għall-kuntest u għall-għan tiegħu (11). F’dan l-istadju l-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ugwaljanza fit-trattament isiru rilevanti bħala argumenti li jispjegaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT (12). Fir-realtà, dawn il-prinċipji ma għandhomx rwol indipendenti mill-Aritkolu 11 bħala elementi tal-obbligi tar-Renju tal-Isvezja li jistgħu jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

22.      Għalhekk il-fatt li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’sens iktar wiesa’ minn dak ta’ newtralità fiskali ma jfissirx li l-Kummissjoni introduċiet talba ġdida li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tindirizza.

V –    L-argumenti tal-partijiet

23.      Il-Kummissjoni targumenta li l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni tmur kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għax kwalunkwe sistema nazzjonali ta’ ragruppament ipprovduta minn Stat Membru għandha tkun miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha stabbiliti f’dak l-Istat Membru, irrispettivament min-negozju tagħhom. Skont il-Kummissjoni dan huwa evidenti mill-kliem tal-Artikolu 11, li jipprovdi li “kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.”

24.      Il-Kummissjoni targumenta li din l-interpretazzjoni hija msaħħa wkoll bil-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT li huwa li jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli waħda operaturi ekonomiċi li huma entitajiet separati għall-finijiet ta’ teknikalità biss. L-Artikolu 11 jissemplifika l-amministrazzjoni u jiġġieled l-abbuż. Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-għanijiet huma rilevanti għall-operaturi ekonomiċi kollha, u mhux għal dawk ta’ settur partikolari biss.

25.      Il-Kummissjoni tkompli targumenta li l-liġijiet Svediżi rilevanti ma humiex konsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għax sitwazzjonijiet simili qed jiġu ttrattati b’mod differenti mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva (13). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, fis-settur tat-taxxa, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun stabbilit b’diskriminazzjoni li taffettwa kummerċjanti li ma humiex neċessarjament f’kompetizzjoni bejniethom iżda li madankollu jinsabu f’sitwazzjoni simili.

26.      Il-Kummissjoni ssostni li fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, l-operaturi ekonomiċi kollha stabbiliti fl-Isvezja huma f’pożizzjoni simili, iżda l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni tfisser li dawn l-operaturi ekonomiċi qed jingħataw trattament iktar favorevoli mill-operaturi ekonomiċi f’setturi oħra. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ma teżistix raġuni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament.

27.      Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li d-dispożizzjoni Svediża hija konformi mal-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Fin-nuqqas ta’ kliem iktar preċiżi fl-Artikolu 11, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu liema persuni stabbiliti fit-territorju tagħhom jistgħu jirrikorru għar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT.

28.      Ir-Renju tal-Isvezja jargumenta li huwa xieraq li jiġi introdott ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT b’mod speċjali fis-settur finanzjarju għax huwa settur li fih l-attivitajiet huma ħafna drabi maqsuma bejn persuni ġuridiċi differenti. Dan huwa kkawżat minn rekwiżiti regolatorji. Barra minn hekk, is-settur finanzjarju huwa espost b’mod qawwi għal kompetizzjoni minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra u, peress li dawn l-operaturi ekonomiċi għandhom aċċess għal sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT, operaturi ekonomiċi Svediżi li jipprovdu servizzi finanzjarji jkunu fi żvantaġġ meta mqabbla magħhom jekk ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT ma jkunx possibbli.

29.      Barra minn dan, ir-Renju tal-Isvezja jargumenta li l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-operaturi ekonomiċi fis-settur finanzjarju u fis-settur tal-assigurazzjoni sservi sabiex tipprojbixxi evitar tat-taxxa li jitwettaq, pereżempju, meta grupp ta’ kumpanniji jinkludi fil-kontijiet tiegħu tranżazzjonijiet li seħħew bejn membri tal-grupp u kumpanniji barra mill-grupp bħala tranżazzjonijiet interni.

30.      Ir-Renju tal-Isvezja huwa tal-opinjoni li l-liġi Svediża dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT hija konformi kemm mal-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament kif ukoll mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tistabbilixxi rekwiżiti għan-newtralità tal-kompetizzjoni u l-liġi Svediża dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti għax operaturi ekonomiċi fis-settur finanzjarju jikkompetu essenzjalment bejn xulxin biss. Il-liġi Svediża lanqas ma hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fit-tifsira l-iktar wiesgħa tiegħu għax operaturi ekonomiċi fis-settur finanzjarju ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ operaturi ekonomiċi f’setturi oħra. Dan huwa hekk peress li operaturi ekonomiċi fis-settur finanzjarju huma ħafna drabi maqsuma bejn persuni ġuridiċi differenti minħabba rekwiżiti regolatorji.

31.      Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Isvezja jargumenta li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, wieħed għandu jispira ruħu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar l-eżenzjonijiet u r-rati tat-taxxa mnaqqsa (14). Peress li l-Artikolu 11 jippermetti li tranżazzjonijiet bejn membri ta’ grupp tal-VAT jitwettqu mingħajr ma jkunu suġġetti għall-VAT, u għalhekk id-dispożizzjoni hija deroga mis-sistema ġenerali tal-VAT, il-portata tiegħu għandha tkun interpretata b’mod ristrett.

VI – Analiżi

A –    Kummenti preliminari

32.      Fl-opinjoni tiegħi l-kwistjoni deċiżiva hija s-segwenti: Stat Membru li għażel li jintroduċi sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT huwa intitolat li jillimita l-operazzjoni ta’ din is-sistema għal ċerti operaturi ekonomiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, mingħajr ma jestendi l-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT skont l-Artikolu 11 għall-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti?

33.      Ir-risposta tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, mill-portata tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkunsidraw bħala “persuna taxxabbli waħedha” persuni stabbiliti fit-territorju tagħhom li huma indipendenti legalment, iżda li jkollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni abbażi tan-natura tan-negozju tal-operaturi ekonomiċi, b’tali mod li ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli jkunu esklużi (15)? L-Isvezja rrispettat il-limiti tal-Artikolu 11 (16)?

34.      Qabel kollox, huwa utli li nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-determinazzjoni tat-tifsira ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-għanijiet, il-kuntest u l-kliem tagħha għandhom kollha jiġu kkunsidrati (17). Kif diġà semmejt, ser nikkunsidra l-ewwel il-kliem tal-Artikolu 11 u, jekk ikun neċessarju, il-kuntest u l-għanijiet tiegħu.

B –    Interpretazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-kliem ta’ direttiva (18). Fuq din il-bażi, mill-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT huwa ċar li din hija dispożizzjoni fakultattiva. Madankollu, jekk Stat Membru jiddeċiedi li juża r-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-ragruppament għandhom ikunu konformi mad-Direttiva tal-VAT.

36.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li r-ragruppament għall-finijiet tal-VAT japplika għal kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm dawn il-persuni jkollhom rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi mill-qrib bejniethom. Ma hemm ebda restrizzjoni oħra f’din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jargumenta li l-użu tal-espressjoni “kwalunkwe persuni” tillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri li japplikaw restrizzjonijiet ulterjuri fl-implementazzjoni nazzjonali tagħhom ta’ dan l-artikolu. Fl-opinjoni tiegħi, “kwalunkwe persuni” tkopri persuni irrispettivament mis-settur tal-attività ekonomika li fih huma involuti. Għalhekk, l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT teskludi kwalunkwe limitazzjoni tal-portata tiegħu għal setturi ekonomiċi partikolari.

37.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-analiżi ta’ hawn fuq ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 11, ma huwiex strettament neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi billi tikkunsidra l-kuntest u l-għanijiet tiegħu (19). Madankollu, ser niddiskuti din il-kwistjoni fil-każ li l-konklużjoni tiegħi fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 11 ma tiġix aċċettata.

C –    Il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT fil-kuntest iktar wiesa’ tas-sistema tal-VAT

38.      Il-formazzjoni ta’ grupp tal-VAT tirriżulta fil-ħolqien ta’ persuna taxxabbli waħda għall-finijiet tal-VAT li hija komparabbli, minn kull aspett, ma’ persuna taxxabbli li tikkonsisti f’entità waħda biss (20). Irrispettivament min-natura tiegħu ta’ skema speċjali, ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT la jintroduċi limitazzjonijiet u lanqas iwessa’ d-drittijiet ta’ persuna taxxabbli kif iddefinita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT.

39.      Is-sistema tal-VAT tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità taħt żewġ kundizzjonijiet: meta t-taxxa tiġi imposta bl-iktar mod ġenerali possibbli u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi (21). Is-sistema tal-VAT għandha twassal għal newtralità fil-kompetizzjoni, sabiex fit-territorju ta’ Stat Membru merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, irrispettivament mit-tul tal-produzzjoni u mill-katina tad-distribuzzjoni (22). Meta tkun tiffunzjona b’mod ideali, din ’l hekk imsejħa “tassazzjoni newtrali” la għandha taffettwa l-kompetizzjoni u lanqas id-deċiżjonijiet li operaturi ekonomiċi jieħdu fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, bħall-forma legali jew l-istruttura organizzattiva (23).

40.      L-istabbiliment ta’ grupp tal-VAT jagħti bidu għar-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa tal-grupp tal-VAT u jittermina r-responsabbiltà separata għall-ħlas tat-taxxa tal-membri tiegħu li kienu persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT qabel ma saru parti mill-grupp (24). It-trattament għall-finijiet tal-VAT tat-tranżazzjonijiet tal-grupp, kemm dawk lil jew minn entitajiet barra mill-grupp, huwa komparabbli mat-trattament għall-finijiet tal-VAT ta’ persuna taxxabbli waħda li topera individwalment. Tranżazzjonijiet bejn il-membri individwali tal-grupp, u li jibqgħu għalhekk fi ħdan il-grupp, huma kkunsidrati bħala li twettqu mill-grupp għall-grupp stess. Għaldaqstant, tranżazzjonijiet interni ta’ grupp tal-VAT ma jeżistux għall-finijiet tal-VAT.

41.      Meta grupp tal-VAT jaġixxi skont ir-regoli tas-sistema tal-VAT, id-dritt tal-persuni membri ta’ dan il-grupp tal-VAT li jnaqqsu l-VAT għall-akkwisti ma huwiex estiż (25). Dan id-dritt jibqa’ japplika biss għal dawk il-provvisti magħmula għall-attivitajiet li huma suġġetti għall-VAT mill-grupp tal-VAT. Il-membri tal-grupp tal-VAT lanqas ma huma intitolati li jnaqqsu l-VAT fuq provvisti magħmula għall-attivitajiet li huma eżentati mill-VAT.

D –    L-għan tad-dispożizzjonijiet dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT

42.      Fid-dawl tal-għan u l-kontenut tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, li jiena spjegajt hawn fuq, ma nistax naqbel mal-argument tar-Renju tal-Isvezja li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni fir-rigward tas-setturi ekonomiċi li għalihom għandha tkun miftuħa l-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT. Jiena wasalt għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

43.      Ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT ma jagħtix benefiċċji ekonomiċi meta akkwist isir għall-attivitajiet suġġetti għall-VAT, peress li x-xerrej jista’ jnaqqas il-VAT tal-input. F’sitwazzjoni simili fil-prinċipju huwa irrilevanti jekk l-akkwist isirx fi ħdan il-grupp tal-VAT mingħajr VAT tal-input jew bil-VAT tal-input minn barra l-grupp tal-VAT.

44.      F’ċerti sitwazzjonijiet membri ta’ grupp tal-VAT jistgħu jakkwistaw benefiċċji ekonomiċi billi jifformaw parti mill-grupp (26). Pereżempju, il-fatt li tkun parti minn grupp tal-VAT jista’ jkun ta’ ġid f’sitwazzjoni fejn il-membru li jagħmel akkwist suġġett għall-VAT, minħabba li l-attivitajiet tiegħu huma eżentati mill-VAT, ma kellu ebda dritt li jnaqqas il-VAT jew ma kellux dritt li jnaqqas il-VAT kollha. Jekk tali membru jakkwista mingħand fornitur barra mill-grupp, trid titħallas il-VAT. Madankollu, jekk jakkwista mingħand membru ieħor tal-grupp, ebda VAT ma tkun trid titħallas.

45.      Meta operatur ekonomiku ma jkunx intitolat li jnaqqas il-VAT tal-input sostnuta fl-akkwist, jista’ jkun ta’ vantaġġ ekonomiku għalih li jipproduċi l-merkanzija jew is-servizzi huwa stess. Pereżempju, bank li ma huwiex intitolat li jnaqqas il-VAT jista’ jibbenefika ekonomikament jekk jipproduċi internament is-servizzi tal-IT neċessarji għall-attivitajiet bankarji tiegħu minflok ma jixtrihom mingħand terzi. Madankollu, jekk ikun hemm il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT, huwa jista’ jagħti s-servizzi tal-IT tiegħu lil sussidjarja li tifforma parti mill-grupp u jieħu l-istess vantaġġ.

46.      Il-motivazzjoni ekonomika hawn fuq deskritta tista’ tagħmilha raġonevoli li Stat Membru, fejn il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT ma hijiex ġeneralment mogħtija lill-operaturi ekonomiċi kollha, jagħti xorta waħda din il-possibbiltà lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, li huma persuni taxxabbli li joperaw prinċipalment f’attivitajiet li huma eżentati mill-VAT. Dan iżda ma jfissirx li dan ikun legali skont id-dritt tal-VAT tal-Unjoni.

E –    Jista’ r-ragruppament għall-finijiet tal-VAT ikun limitat għal ċerti setturi ekonomiċi?

47.      Huwa ovvju li l-liġi tal-VAT ta’ Stat Membru dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT għandha tkun konformi mal-għanijiet tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT kif ipprovduti fid-Direttiva tal-VAT. F’dan ir-rigward l-Istati Membri ma għandhom ebda diskrezzjoni.

48.      Għandu jitfakkar li mill-bżonn ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li ma tinvolvi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (27).

49.      Kif innotat hawn fuq, ir-Renju tal-Isvezja jargumenta li l-limitazzjoni tal-possibbiltà tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni hija ġġustifikata minħabba l-bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi f’dawn is-setturi vis à vis operaturi internazzjonali. Minbarra dan, jargumenta li din il-limitazzjoni hija ġġustifikata minħabba regolazzjoni u superviżjoni iktar stretti fis-settur finanzjarju u fis-settur tal-assigurazzjoni meta mqabbla ma’ dawk imwettqa f’setturi oħra. Ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT huwa essenzjali f’dawn is-setturi peress li operaturi ekonomiċi individwali f’dawn is-setturi għandhom ikunu organizzati bħala persuni ġuridiċi separati għal raġunijiet regolatorji.

50.      Mingħajr ma nxejjen l-importanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, infakkar li l-għanijiet tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT huma s-semplifikazzjoni amministrattiva u l-evitar tal-abbuż. Dawn l-għanijiet ma humiex limitati għal ċerti setturi iżda japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha irrispettivament mis-settur li fih joperaw.

51.      Fir-rigward tat-tendenza tas-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni li jaqsmu l-attivitajiet tagħhom bejn persuni ġuridiċi differenti, għandu jkun innotat ukoll li strutturi ta’ grupp f’diversi stadji bħalissa huma tipiċi f’ħafna setturi oħra wkoll. F’oqsma bħal dak tas-servizzi soċjali u tas-saħħa u tal-bejgħ tal-proprjetà, ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT jista’ jkollu l-istess vantaġġi (28). Skont il-leġiżlazzjoni Svediża, persuni taxxabbli li jipprovdu provvisti eżenti, u li jistgħu jifformaw ragruppament għall-finijiet tal-VAT, huma f’pożizzjoni iktar favorevoli meta mqabbla ma’ gruppi ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jipprovdu provvisti eżenti u li huma mċaħħda minn din il-possibbiltà.

52.      Għandu jiġi enfasizzat li wara r-reġistrazzjoni tiegħu, grupp tal-VAT huwa persuna taxxabbli waħda normali. Ebda restrizzjoni oħra ma tapplika, anki jekk ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT huwa tabilħaqq sistema speċjali (29).

53.      Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni koerenti u ugwali tad-dritt tal-VAT tal-Unjoni, il-limitazzjoni tal-istatus taxxabbli ta’ persuna abbażi tas-setturi ma tistax tkun iġġustifikata. Tipi differenti ta’ għanijiet prattiċi, soċjali, ekonomiċi u oħrajn f’settur għandhom ikunu kkunsidrati fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-VAT li tirregola dak is-settur. Madankollu, dawn il-fatturi ma għandhomx ikunu l-bażi tad-definizzjoni ta’ persuni taxxabbli għall-finijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT (30).

54.      Għal din ir-raġuni ma tistax tiġi aċċettata l-anoloġija bejn l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar eżenzjonijiet u rati mnaqqsa tal-VAT (31) li l-Istat Membru jixtieq jiġbed min-natura fakultattiva tar-ragruppament għall-finijiet tal-VAT. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet dwar eżenzjonijiet u rati tat-taxxa mnaqqsa tad-Direttiva tal-VAT huma bbażati fuq għanijiet politiċi speċifiċi għal setturi partikolari li huma rrikonoxxuti, jew tal-inqas aċċettati, mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, l-Istati Membri huma ħielsa li jimplementaw it-tnaqqis tal-piż tal-VAT ta’ ċerti gruppi ta’ konsumaturi (32).

55.      Id-dispożizzjonijiet dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT, min-naħa l-oħra, jirregolaw l-istatus ta’ grupp ta’ persuni bħala persuna taxxabbli waħda taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Id-Direttiva tal-VAT ma tipprovdi għal ebda għanijiet ta’ politika speċifiċi mhux fiskali li jistgħu jkunu adottati bl-użu ta’ din is-sistema. Għalhekk, analoġija iktar utli għall-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT tista’ tinsab fil-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri fakultattivi fil-kuntest tas-suq intern (33). F’din il-ġurisprudenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li n-natura fakultattiva ta’ miżura ma tfissirx li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-portata tagħha b’mod li ma jkunx ipprovdut fid-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni.

F –    Osservazzjonijiet finali

56.      L-ilment tal-Kummissjoni huwa espliċitament limitat għal-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni. Għalhekk l-osservazzjoni li ser nagħmel ma tistax tikkonferma r-riżultat tal-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Isvezja. Madankollu, din l-osservazzjoni tipprovdi illustrazzjoni utli tal-problemi li jistgħu jirriżultaw mil-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT u fil-fatt kienet diskussa mill-partijiet fis-seduta.

57.      Fil-fatt il-Liġi Svediża tal-VAT ma teskludix mill-gruppi tal-VAT il-persuni ġuridiċi indipendenti kollha li joperaw f’setturi oħra li ma humiex is-settur finanzjarju jew is-settur tal-assigurazzjoni. Skont l-Artikoli 2(2) u 2(3) tal-Kapitolu 6a tal-Liġi Svediża tal-VAT, dawn li ġejjin jistgħu jkunu parti minn grupp tal-VAT ukoll; (i) entitajiet ekonomiċi li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jikkunsinnaw merkanzija jew li jipprovdu servizzi lill-entitajiet ekonomiċi li jipprovdu servizzi finanzjarji u servizzi ta’ assigurazzjoni u (ii) entitajiet ekonomiċi li huma aġenti fuq kummissjoni u prinċipali, u li għandhom rabta ta’ kummissjoni bħal dik imsemmija fil-Kapitolu 36 tal-Liġi tat-taxxa fuq id-dħul.

58.      Kif ġie ċċarat waqt is-seduta, iż-żewġ tipi ta’ entitajiet li semmejt fil-punti (i) u (ii) hawn fuq jistgħu jindirizzaw parti mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom lill-konsumaturi barra l-grupp. Għandu jingħad ukoll li, skont l-informazzjoni pprovduta mir-rappreżentant tal-Gvern Svediż, fil-prattika l-proporzjon tal-attivitajiet indirizzati barra l-grupp kien limitat għal 20 % (34). Din l-informazzjoni hija rilevanti għaliex turi li s-sistema Svediża ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT tista’ tikkawża problemi fir-rigward tan-newtralità tal-kompetizzjoni, li huwa wieħed mill-aspetti tan-newtralità fiskali, u li dawn il-problemi ġew irrikonoxxuti, u sa ċertu punt, indirizzati, mill-Istat Membru.

59.      Peress li l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni ma hijiex assoluta fil-leġiżlazzjoni Svediża, il-membri ta’ grupp tal-VAT jistgħu jiksbu benefiċċju ekonomiku mir-ragrupprament tal-VAT anki fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom barra mis-settur finanzjarju u mis-settur tal-assigurazzjoni.

60.      Abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet, jiena tal-opinjoni li, jekk Stat Membru jagħżel li jipprovdi l-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT, din għandha tkun miftuħa għall-operaturi ekonomiċi attivi fis-setturi kollha fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT (35). Limitazzjonijiet għal dan il-prinċipju jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk ikun hemm bżonn li tittieħed azzjoni kontra abbuż potenzjali għal tranżazzjonijiet identifikati b’mod ċar. Fin-nuqqas ta’ dan, il-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni ma hijiex aċċettabbli.

VII – Konklużjoni

61.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li:

–        bil-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għas-settur finanzjarju u għas-settur tal-assigurazzjoni, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u;

–        tordna lir-Renju tal-Isvezja jħallas l-ispejjeż u;

–        tordna lir-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU L 347, p.1.


3 – Kawża C-74/11, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja. Ser nagħti llum ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-85/11, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, li tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri humiex intitolati li jinkludu persuni li ma humiex taxxabbli f’ragruppament għall-finijiet tal-VAT, u din il-kwistjoni hija tabilħaqq rilevanti wkoll fil-Kawża C-74/11, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja. Il-Kummissjoni kkontestat ukoll l-inklużjoni ta’ persuni li ma humiex taxxabbli f’ragruppament għall-finijiet tal-VAT f’diversi kawżi oħra, b’mod partikolari fil-Kawża C-109/11, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka; fil-Kawża C-95/11, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka; fil-Kawża C-65/11, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi; u fil-Kawża C-86/11, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat it-talba tagħha għal konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għal din il-kawża u għall-Kawża C-85/11, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda.


4 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010 (Ġabra p. I-11599, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, punti 24-26).


6 – Id-dispożizzjoni korrispondenti fl-edizzjoni l-ġdida tar-Regoli tal-Proċedura li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 hija l-Artikolu 120(c). ĠU L 265 p.1.


7 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).


9 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).


10 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal Tourisme SA (C-36/99, Ġabra p. I-6049). Fil-fatt, anki l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT stess tista’ tkun ikkontestata fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, Ġabra p. I-3251). Għal eżempju reċenti ta’ kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk Stat Membru kisirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali fl-implementazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, ara d-digriet tad-19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking Limited (C-117/11).


11 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-582/08, Ġabra p. I-7195, punt 51). Ara wkoll il-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.


12 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 31) u tas-27 ta’ April 2006, Solleveld (Kawżi Magħquda C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punt 36).


13 – Il-Kummissjoni hawn tagħmel riferiment għas-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06, Ġabra p. I-2283, punti 49 u 51).


14 –      Ara t-Titolu IX u l-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT rispettivament.


15 – Dwar problemi simili, ara s-sentenza Turn- und Sportunion Waldburg (iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).


16 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming (C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 44).


17 – Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, A Oy (C-33/11, punt 27).


18 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 51.


19Ibid. b’mod iktar partikolari l-punt 51. Ara wkoll il-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.


20 – L-implementazzjoni prattika tal-għażla tal-grupp tal-VAT tvarja. F’ċerti Stati Membri li introduċew il-gruppi tal-VAT huwa obbligatorju għall-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti, u f’oħrajn dan huwa fakultattiv.


21 –      Ara l-premessa 5 tad-Direttiva tal-VAT.


22 – Ara l-premessa 7 tad-Direttiva tal-VAT.


23 – B. Terra u J. Kajus, A Guide to the European VAT Directives, IBFD, 2012, Kapitolu 7.3.


24 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica (C-162/07, Ġabra p. I-4019, punti 19 u 20).


25 – Għal sommarju tas-sistema ta’ tnaqqis, ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Tóth (C-324/11, punt 25; u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-possibbiltà ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud [COM(2009) 325 finali, paġni 11 u 12].


27 – Ara s-sentenza NCC Construction Danmark (iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Għal diskussjoni dwar is-sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT fis-sistema Svediża tal-VAT, ara Håkan Magnusson: Gruppregistrering till mervärdesskatt, Skattenytt, 1998/11.


29 – Il-partijiet iddiskutew il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedix eċċezzjoni jew deroga li għandha tkun interpretata b’mod strett. Jiena tal-opinjoni li dan ma huwiex approċċ utli, speċjalment peress li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, tidher li qiegħda ssostni li r-ragruppament għall-finijiet tal-VAT ma huwiex deroga mis-sistema ġenerali tal-VAT, iżda sistema speċjali. Madankollu, il-Kummissjoni donnha ħadet pożizzjoni opposta fil-Kawża C-85/11, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda.


30 – Nosserva li fil-punt 2 tal-Anness A tat-Tieni Direttiva tal-VAT kien iddikjarat li “[j]ekk Stat Membru għandu l-intenzjoni li ma jintaxxax ċerti attivitajiet, dan għandu jsir permezz ta’ eżenzjonijiet iktar milli bl-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa tal-persuni li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Għalhekk, fis-sistema tal-VAT tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-istatus ta’ persuna taxxabbli ma għandhomx ikunu applikati sabiex jintlaħqu għanijiet politiċi speċifiċi.


31 –      Iċċitati iktar ’il fuq.


32 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-94/09, Ġabra p. I-4261, punt 28: “[…] meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita mill-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 li japplika rata mnaqqsa tal-VAT għal kategorija ta’ servizzi li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, il-possibbiltà li jillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa tal-VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ din il-kategorija.” Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-169/00, Ġabra p. I-2433, punt 30); tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, Ġabra p. I-4395, punt 24); u tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (C-442/05, Ġabra p. I-1817, punt 43).


33 – Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ sitwazzjoni komparabbli fid-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ għażla leġiżlattiva, ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C-408/01, Ġabra p. I-12537, punt 20), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[...] l-għażla tal-Istat Membru [fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92)] tikkonċerna għalhekk il-prinċipju stess tal-għoti ta’ protezzjoni ikbar lil trade marks b’reputazzjoni, iżda ma tikkonċernax is-sitwazzjonijiet koperti minn din il-protezzjoni meta mogħtija mill-Istat Membru.”


34 – Skont il-proposta leġiżlattiva għad-dispożizzjonijiet dwar ir-ragruppament għall-finijiet tal-VAT fl-Isvezja, massimu ta’ 20 sa 30 % tal-attività tista’ tkun diretta barra mill-grupp tal-VAT. Fil-każ ta’ impriżi li jipprovdu servizzi ta’ sostenn tekniku għas-servizzi finanzjarji, ir-rekwiżit li din għandha tkun l-attività prinċipali tagħhom kien iġġustifikat f’din il-proposta b’riferiment għall-bżonn li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-kompetizzjoni tal-gruppi tal-VAT fir-rigward tal-fornituri barranin. Ara l-abbozz ta’ liġi Nru 1997/98:148, paġna 37.


35 –      Sistema nazzjonali ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT introdotta għal ċerti setturi biss tista’ tkun suġġetta għal kritika wkoll mill-perspettiva ta’ għajnuna mill-Stat peress li tali sistema tinvolvi vantaġġ selettiv għall-operaturi ekonomiċi attivi f’dawn is-setturi.