Language of document : ECLI:EU:C:2002:434

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta’ Lulju 2002 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi ─ Artikolu 49 KE ─ Direttiva 73/148/KEE ─ Ċittadin ta’ Stat Membru stabbilit f’dan l-Istat u li jipprovdi servizzi lil persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra ─ Dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz”

Fil-kawża C-60/00,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Immigration Appeal Tribunal (ir-Renju Unit) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Mary Carpenter

u

Secretary of State for the Home Department,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, N. Colneric, u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, J. P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix Hackl,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal M. Carpenter, minn J. Walsh, barrister, inkarigat minn J. Wyman, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn D. Wyatt, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni ta’ M. Carpenter, irrappreżentata minn J. Walsh, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn D. Wyatt, u tal-Kummisjoni, irrappreżentata minn N. Yerrell u H. Michard, bħala aġenti, fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tas-16 ta’ Diċembru 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2000, l-Immigration Appeal Tribunal ressaq, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14, iktar ’il quddiem “id-Direttiva”).

2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Carpenter, ċittadina Filippina, u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar id-dritt ta’ din ta’ l-aħħar li tirrisjedi fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 KE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

4        L-ewwel paragrafu tad-Direttiva jaqra kif ġej:

“Billi l-libertà ta’ moviment ta’ persuni kif previst fit-Trattat u l-Programmi Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinvolvi restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri li jixtiequ li jkunu stabbiliti jew li jipprovdu servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.

5        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif previst f’din id-Direttiva, jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza ta’:

(a)      ċittadini ta’ Stat Membru li stabbilixxew ruħhom jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jixtiequ jipprovdu servizzi f’dak l-Istat;

(b)      persuni ta’ ċittadinanza ta’ Stati Membri li jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor bħala riċevituri ta’ servizzi;

(ċ)      il-konjuġi u t-tfal taħt il-wieħed u għoxrin sena ta’ dawn iċ-ċittadini, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza tagħhom;

(d)      il-qraba anzjani u dixxendenti ta’ dawn il-persuni ċittadini u tal-konjuġi ta’ dawn iċ-ċittadini, li huma dipendenti fuqhom, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza.”

6        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jispeċifika:

“Id-dritt ta’ residenza għal persuni li jipprovdu jew li jirċievu servizzi għandu jkun ta’ tul ugwali għall-perjodu li matulu s-servizzi jkunu pprovduti.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Jirriżulta mill-Immigration Act 1971 (Att ta’ l-1971 dwar l-immigrazzjoni) u mill-United Kingdom Immigration Rules (House of Commons Paper 395) (Regoli dwar l-immigrazzjoni adottati mill-Parlament tar-Renju Unit fl-1994, iktar ’il quddiem l-“Immigration Rules”), persuna li mhijiex ċittadin Britanniku ma tistax, bħala regola ġenerali, tidħol jew tirrisjedi fir-Renju Unit sakemm ma tkunx ingħatat permess sabiex tagħmel dan. Tali permessi jissejħu “permess għad-dħul” u “permess ta’ residenza”.

8        L-Artikolu 7(1) ta’ l-Immigration Act 1988 (Att ta’ l-1988 dwar l-immigrazzjoni) jipprovdi:

“Persuna m’għandhiex bżonn tikseb il-permess għad-dħul jew ta’ residenza fir-Renju Unit skond [l-Immigration Act, 1971] jekk tkun intitolata tagħmel dan abbażi ta’ dritt Komunitarju vinkolanti jew ta’ xi disposizzjoni adottata taħt l-Artikolu 2(2) ta’ l-European Communites Act 1972 [Att ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej]”.

9        Il-paragrafu 281 ta’ l-Immigration Rules jelenka r-rekwiżiti għall-kisba ta’ permess għad-dħul fir-Renju Unit bħala l-konjuġi ta’ persuna li hija preżenti u stabbilita fir-Renju Unit. Il-paragrafu 281(vi) jispeċifika li l-applikant għandu jkollu certifikat ta’ dħul validu (“entry clearance”) maħruġ fir-Renju Unit sabiex ikun jista’ jidħol bħala konjuġi. Madanakollu, persuna preżenti fir-Renju Unit, li jkollha permess għad-dħul u ta’ residenza fir-Renju Unit f’kapaċità oħra, tista’ taqleb għall-kategorija tal-konjuġi jekk hija tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 284 ta’ l-Immigration Rules.

10      Il-paragrafu 284 ta’ l-Immigration Rules jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kisba ta’ estensjoni tad-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala l-konjuġi ta’ persuna li hija preżenti u stabbilita fir-Renju Unit. Il-paragrafu 284(i) jipprovdi li l-applikant għandu jkollu permess ta’ residenza fir-Renju Unit limitat – li jinkludi permess għad-dħul – u l-paragrafu 284(iv) jipprovdi li l-applikant m’għandux ikun irrisjeda bi ksur tal-liġijiet dwar l-immigrazzjoni.

11      L-Artikolu 3(5)(a) ta’ l-Immigration Act 1971 jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar id-deportazzjoni (“deportation”) mir-Renju Unit. Huwa jipprovdi li:

“Persuna li mhijiex ċittadina Britannika tista’ tiġi deportata mir-Renju Unit

a)      jekk, kemm-il darba jkollha biss permess limitat għad-dħul jew ta’ residenza fit-territorju, hija ma tirrispettax xi kundizzjoni stabbilita fil-permess jew tibqa’ tirrisjedi wara li jkun skada t-terminu stabbilit fil-permess […]”

12      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-deportazzjoni tal-konjuġi ta’ ċittadini Britanniċi, is-Secretary of State huwa obbligat, skond il-paragrafu 364 ta’ l-Immigration Rules, li jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ qabel ma jiddeċiedi jekk jordnax id-deportazzjoni jew le. Madanakollu, dikjarazzjoni ta’ politika ġenerali (DP 3/96) tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom is-Secretary of State għandu bħala regola jagħti l-permess ta’ residenza lil konjuġi li huma suġġetti li jiġu ddeportati jew li jirrisjedu fir-Renju Unit b’mod illegali. Il-paragrafu 5 ta’ din id-dikjarazzjoni jipprovdi li, bħala regola ġenerali, m’għandhiex issir deportazzjoni meta l-persuna kkonċernata tkun intrabtet bi żwieġ ġenwin u dewwiemi ma’ persuna stabbilita fir-Renju Unit u meta l-konjuġi jkunu għexu flimkien fir-Renju Unit b’mod kontinwu minn meta żżewġu għal ta’ l-anqas sentejn qabel ma tkun inbdiet l-azzjoni għad-deportazzjoni. Din id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li mhuwiex raġonevoli li wieħed jistenna li l-persuna stabbilita fir-Renju Unit takkumpanja lill-konjuġi tagħha f’każ ta’ deportazzjoni.

 Il-kawża prinċipali

13      Fit-18 ta’ Settembru 1994, M. Carpenter, ċittadina Filippina, ngħatat permess sabiex tidħol fir-Renju Unit bħala viżitatur (“visitor”) għal perijodu ta’ sitt xhur. Hija baqgħet fir-Renju Unit wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu u naqset milli tapplika għal estensjoni tal-permess tar-residenza tagħha. Fit-22 ta’ Mejju 1996, hija żżewġet lil Peter Carpenter, ċittadin Britanniku.

14      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li P. Carpenter imexxi impriża li tbigħ spazji pubbliċitarji f’rivisti mediċi u xjentifiċi u li toffri diversi servizzi amministrattivi u ta’ pubblikazzjoni lill-edituri ta’ dawn ir-rivisti. Din l-impriża hija stabbilita fir-Renju Unit, fejn huma wkoll stabbiliti l-edituri tar-rivisti li fihom hija tbigħ spazji pubbliċitarji. Hija twettaq parti sinjifikattiva min-negozju tagħha ma’ persuni li jirreklamaw stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Komunità Ewropea. P. Carpenter jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ xogħol relatat ma’ l-impriża tiegħu.

15      Fil-15 ta’ Lulju 1996, M. Carpenter talbet lis-Secretary of State għal permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru. L-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-Secretary of State tal-21 ta’ Lulju 1997.

16      Is-Secretary of State iddeċieda wkoll li jordna d-deportazzjoni ta’ M. Carpenter lejn il-Filippini. Din id-deċiżjoni tagħti lil M. Carpenter il-possibilità li titlaq mir-Renju Unit minn jeddha. Fin-nuqqas, is-Secretary of State jiffirma ordni ta’ deportazzjoni u M. Carpenter jkollha tikseb ir-revoka tiegħu qabel ma tkun tista’ titlob il-permess sabiex tidħol fir-Renju Unit bħala l-konjuġi ta’ ċittadin Britanniku.

17      M. Carpenter appellat kontra d-deċiżjoni ta’ deportazzjoni quddiem l-Immigration Adjudicator (Renju Unit), billi sostniet li s-Secretary of State ma kellux is-setgħa li jiddeportaha għaliex hija kellha dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bis-saħħa tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, hija sostniet li, billi żewġha kellu jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra fuq xogħol, sabiex ikun jista’ jipprovdi u jirċievi servizzi, huwa seta’ jagħmel dan iktar faċilment minn mindu hija kienet tieħu ħsieb it-tfal li huwa kellu mill-ewwel żwieġ tiegħu, b’mod li d-deportazzjoni tagħha tirrestrinġi d-dritt ta’ żewġha li jipprovdi u jirċievi servizzi.

18      L-Immigration Adjudicator irrikonoxxa li ż-żwieġ ta’ M. Carpenter kien wieħed ġenwin u li hija kellha rwol importanti fit-trobbija tat-tfal tar-raġel tagħha. Huwa aċċetta wkoll li hija setgħet tkun indirettament responsabbli għaż-żieda fis-suċċess ta’ l-impriża ta’ żewġha u li skond dan ta’ l-aħħar kien persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tad-dritt Komunitarju. Skond l-Immigration Adjudicator, P. Carpenter għandu d-dritt li jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra sabiex jipprovdi servizzi u, għal dan il-għan, huwa għandu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-konjuġi tiegħu. Mandankollu, huwa ma jistax jiġi kkunsidrat li jkun qiegħed jeżerċita xi libertà ta’ moviment fis-sens tad-dritt Komunitarju waqt li jkun residenti fir-Renju Unit. Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 1998, l-Immigration Adjudicator ċaħad l-appell ta’ M. Carpenter

19      Fuq appell ta’ M. Carpenter, l-Immigration Appeal Tribunal ikkunsidra li l-kwistjoni ta’ dritt Kommunitarju mqajma quddiemu tirrigwarda l-punt jekk imurx kontra d-dritt Komunitarju, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 49 KE u/jew id-Direttiva, li s-Secretary of State jirrifjuta li jagħti dritt ta’ residenza lil M. Carpenter u jiddeċiedi li jiddeportaha, meta, minn naħa, P. Carpenter qiegħed jeżerċita d-dritt tiegħu li jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra, u meta, min-naħa l-oħra, it-trobbija tat-tfal u x-xogħol fid-dar magħmul minn M. Carpenter jistgħu indirettament jgħinu u jassistu lil P. Carpenter fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE, billi jagħtuh għajnuna ekonomika li tippermettilu jiddedika iktar żmien għall-impriża tiegħu.

20      Peress li qies li l-eżitu tal-kawża hekk ifformulata kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Immigration Appeal Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’sitwazzjoni fejn:

a)      ċittadin ta’ Stat Membru, li huwa stabbilit f’dan l-Istat Membru u li jipprovdi servizzi lil persuni fi Stati Membri oħra,

b)      għandu konjuġi li mhijiex ċittadin ta’ Stat Membru,

il-konjuġi li mhijiex ċittadin ta’ Stat Membru tista’ tibbaża ruħha fuq

i)      l-Artikolu 49 KE u/jew

ii)      id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi,

sabiex il-konjuġi li mhijiex ċittadin tingħata d-dritt ta’ residenza mal-konjuġi tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan ta’ l-aħħar?

Ir-risposta għad-domanda magħmula tkun differenti jekk il-konjuġi li mhijiex ċittadin ta’ Stat Membru tgħin indirettament liċ-ċittadin ta’ Stat Membru sabiex jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra, billi tieħu ħsieb it-tfal?”

 Fuq id-domanda preliminari

 L-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

21      M. Carpenter tammetti li hija stess m’għandha ebda dritt tirrisjedi f’xi Stat Membru hu liema hu, iżda ssostni li d-drittijiet tagħha joħorġu minn dawk li jgawdi P. Carpenter sabiex jipprovdi servizzi u sabiex jivvjaġġa fi ħdan l-Unjoni Ewopea. Żewġha għandu d-dritt jeżerċita l-attività tiegħu fis-suq intern kollu mingħajr ma jkun suġġett għal restrizzjonijiet illegali. Id-deportazzjoni ta’ M. Carpenter iġġiegħel lil P. Carpenter imur jgħix magħha fil-Filippini jew tissepara l-membri tan-nukleu familjari jekk huwa jibqa’ fir-Renju Unit. Fiż-żewġ każijiet, l-attività professjonali ta’ P. Carpenter tkun affettwata. Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għaliha jkun suġġett P. Carpenter jekk il-konjuġi tiegħu tiġi deportata hija kwistjoni purament interna, billi huwa jipprovdi servizzi fis-suq intern kollu.

22      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, id-disposizzjonijiet tad-Direttiva jfissru, per eżempju, li ċittadin Britanniku li jixtieq jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra għandu d-dritt jirrisjedi f’dak l-Istat għall-perjodu li fih ikun qiegħed jipprovdi servizzi u li l-konjuġi tiegħu għandha d-dritt tirrisjedi hemmhekk tul dan l-istess perjodu. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtu ebda dritt ta’ residenza fir-Renju Unit liċ-ċittadini Britanniċi, li f’kull każ għandhom tali dritt bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, u lanqas lill-konjuġi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265, punti 17 u 18).

23      L-istess gvern ifakkar li, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, Ġabra, p. I-3089), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni jekk ċittadin ta’ Stat Membru, li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor fejn huwa jirrisjedi, jistax jibbaza ruħu fuq l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) kontra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, li fit-territorju tiegħu huwa wkoll jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha. Fil-paragrafu 32 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat Membru, il-portata ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat madankollu ma tistax tiġi interpretata b’mod li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru partikolari jiġu esklużi mill-benefiċċju tad-dritt Komunitarju meta, minħabba l-imġiba tagħhom, dawn ta’ l-aħħar isibu ruħhom, fir-rigward ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ kwalunkwe persuna oħra li tibbenefika mid-drittijiet u mil-libertajiet iggarantiti bit-Trattat.

24      Madankollu, peress li P. Carpenter m’eżerċitax id-dritt tiegħu għall-moviment liberu, martu ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenzi Singh u Asscher, iċċitati iktar ’il fuq. Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jagħti ebda dritt ta’ dħul jew ta’ residenza fir-Renju Unit lil persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ M. Carpenter.

25      Skond il-Kummisjoni, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ M. Carpenter u dik tal-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu lejn Stat Membru ieħor sabiex jistabbilixxi ruħu jew jaħdem hemmhekk.

26      F’dan il-każ ta’ l-aħħar, il-konjuġi, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tiegħu, ikun bla dubju ta’ xejn kopert mid-dritt Komunitarju u jkun intitolat jistabbilixxi ruħu maċ-ċittadin ta’ Stat Membru fl-Istat Membru ospitanti, billi altrimenti l-imsemmi ċittadin jista’ jkun dissważ milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, il-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat Membru għandu jkollu, meta dan ta’ l-aħħar jerġa’ lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ta’ l-inqas l-istess drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza bħal dawk li jagħtih id-dritt Komunitarju jekk il-konjuġi tiegħu jagħżel li jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

27      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju msemmi fil-punt 23 tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn iċ-ċittadin ta’ Stat Membru qatt ma fittex li jistabbilixxi ruħu mal-konjuġi tiegħu fi Stat Membru ieħor, iżda sempliċement jipprovdi servizzi mill-Istat ta’ oriġini tiegħu. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tali sitwazzjoni għandha pjuttost titqies bħala sitwazzjoni interna, fis-sens tas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1982, Morson u Jhanjan (35/82 u 36/82, Ġabra p.3723), b’mod li d-dritt ta’ M. Carpenter li tirrisjedi fir-Renju Unit, jekk jeżisti, huwa kwistjoni li taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-leġiżlazzjoni adottata għall-implementazzjoni tagħhom, ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li m’għandhom ebda rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C-97/98, Ġabra p. I-7319, punti 42-45).

29      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ din is-sentenza, parti sinjifikattiva min-negozju ta’ P. Carpenter tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi, bi ħlas, lil persuni li jirreklamaw stabbiliti fi Stati Membri oħra. Tali servizzi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE kemm jekk il-fornitur imur, għal dan l-iskop, fl-Istat Membru ta’ min jirċievi s-servizzi kif ukoll jekk huwa jipprovdi s-servizzi transkonfinali mingħajr ma jiċċaqlaq mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit (ara, fir-rigward tal-prattika msejħa “cold calling”, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, Ġabra p. I-1141, punti 15 u 20 sa 22).

30      Għaldaqstant, P. Carpenter qiegħed jeżerċita d-dritt għal-libertà li jipprovdi servizzi ggarantit mill-Artikolu 49 KE. Barra minn hekk, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt jista’ jiġi invokat minn fornitur fil-konfront ta’ l-Istat li fih huwa jkun stabbilit, kemm-il darba s-servizzi jkunu pprovduti lil persuni li jirċievu s-servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alpine Investments, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

31      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti serviżżi, id-Direttiva tfittex li tabolixxi r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Komunità.

32      Jirriżulta kemm mill-għan tad-Direttiva kif ukoll mill-kliem użat fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) tagħha li din ta’ l-aħħar tapplika fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat Membru jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u jmur fi Stat Membru ieħor sabiex jistabilixxi ruħu hemmhekk, jew sabiex jipprovdi servizzi hemmhekk, jew sabiex jirċievi servizzi hemmhekk.

33      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(1), li skondu “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuni msemmija fl-Artikolu 1 id-dritt li jħallu t-territorju tagħhom”, mill-Artikolu 3(1), li skondu “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuni msemmija fl-Artikolu 1 id-dritt li jidħlu fit-territorju tagħhom fuq preżentazzjoni ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu”, mill-Artikolu 4(1), li skondu “[k]ull Stat Membru għandu jagħti d-dritt ta’ residenza permanenti lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li stabbilixxew ruħhom fit-territorju tiegħu” u mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, li skondu “[i]d-dritt ta’ residenza għal persuni li jipprovdu jew li jirċievu servizzi għandu jkun ta’ tul ugwali għall-perjodu li matulu s-servizzi jkunu pprovduti”.

34      Huwa minnu li l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva jestendi lill-konjuġi taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri msemmija fis-subparagrafi (a) u (b) ta’ l-istess artikolu d-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Iżda, safejn id-Direttiva tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, id-drittijiet mogħtija lill-konjuġi ta’ l-imsemmija ċittadini ngħatawlhom sabiex huma jkunu jistgħu jakkumpanjaw lil dawn ta’ l-aħħar meta huma jeżerċitaw, fiċ-ċirkustanzi previsti fid-Direttiva, id-drittijiet li għandhom bis-saħħa tat-Trattat billi jmorru jew jirrisjedu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

35      Għaldaqstant jirriżulta kemm mill-għanijiet kif ukoll mill-kontenut tagħha li d-Direttiva tirregola l-kundizzjonijiet li fihom ċittadin ta’ Stat Membru, u l-persuni l-oħra li jissemmew fl-Artikolu 1(1)(ċ) u (d), jistgħu jħallu l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ l-imsemmi ċittadin u jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u (b), u dan għal perijodu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4(1) jew (2).

36      Billi d-Direttiva ma tirregolax id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ fornitur ta’ servizzi fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan ta’ l-aħħar, ir-risposta għad-domanda preliminari għalhekk tiddependi minn jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ residenza favur il-konjuġi jistax jiġi dedott mill-prinċipji jew regoli oħra tad-dritt Komunitarju.

37      Kif ġie kkonstatat fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, P. Carpenter jeżerċita d-dritt għal-libertà li jipprovdi servizzi previst fl-Artikolu 49 KE. Is-servizzi pprovduti minn P. Carpenter jammontaw għal parti sinjifikattiva min-negozju tiegħu li huwa jwettaq kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għall-benefiċċju ta’ persuni stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra kif ukoll fit-territorju ta’ dawn ta’ l-aħħar.

38      F’dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa l-importanza li jiżgura l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri sabiex jelimina l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti u tad-direttivi tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fi ħdan il-Komunità [ara, per eżempju, l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2); l-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familja tagħhom (ĠU L 257, p. 13), u l-Artikoli 1(1)(ċ) u 4 tad-Direttiva 73/148].

39      Huwa paċifiku li s-separazzjoni tal-konjuġi Carpenter tkun ta’ detriment għall-ħajja tal-familja tagħhom, u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet li fihom P. Carpenter jeżerċita libertà fundamentali. Fil-fatt, din il-libertà ma tkunx tista’ tkun kompletament effettiva kieku P. Carpenter kellu jiġi dissważ milli jeżerċitaha minħabba l-ostakoli magħmula fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għad-dħul u r-residenza tal-konjuġi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Stat Membru jista’ jinvoka raġunijet ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika miżura nazzjonali li tista’ tkun ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi biss jekk din il-miżura tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li jiġu osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 43, u tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-36/95, Ġabra p. I-3689, punt 24).

41      Id-deċizjoni li M. Carpenter tiġi ddeportata tikkostitwixxi indħil fl-eżerċizzju minn P. Carpenter tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”), li jifforma parti mid-drittijiet fundamentali, li skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li barra minn hekk hija rriaffermata mill-preambolu ta’ l-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE, huma protetti fis-sistema legali Komunitarja.

42      Għalkemm il-Konvenzjoni ma tiggarantixxi bħala tali ebda dritt għal persuna barranija li tidħol jew tirrisjedi fit-territorju ta’ pajjiż partikolari, it-tneħħija ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba viċini tagħha tista’ tammonta għal indħil fid-dritt għar-rispett għall-ħajja tal-familja kif iggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni. Tali ndħil jikser il-Konvenzzjoni jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri jekk ma jkunx “skond il-liġi”, immotivat minn għan leġittimu wieħed jew iktar skond l-imsemmi paragrafu u “meħtieġ f’soċjetà demokratika”, jiġifieri ġġustifikat minn ħtieġa soċjali imperattiva u, b’mod partikolari, proporzjonat għall-għan leġittimu mfittex (ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Boultif vs L-Iżvizzera tat-2 ta’ Awissu 2001, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 2001-IX, punti 39, 41 u 46).

43      Deċiżjoni li tiġi ddeportata s-Sinjura Carpenter, meħuda f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma tirrispettax il-bilanċ bejn l-interessi in kwistjoni, jiġifieri minn naħa, id-dritt ta’ P. Carpenter għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika.

44      Għalkemm fil-kawża prinċipali, mart P. Carpenter kisret il-liġijiet tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni meta ma telqitx mit-territorju nazzjonali wara li skadielha l-permess ta’ residenza bħala viżitatur, l-imġiba tagħha minn meta waslet fir-Renju Unit f’Settembru 1994 ma kienet is-suġġett ta’ ebda lment li seta’ jagħti lok għall-biża li hija setgħet fil-futur tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika. Barra minn dan, huwa paċifiku li ż-żwieġ tal-konjuġi Carpenter, li ġie ċċelebrat fir-Renju Unit fl-1996, huwa wieħed ġenwin u li s-sinjura Carpenter għadha tikkonduċi ħajja tal-familja effettiva b’mod partikolari billi tieħu ħsieb it-tfal li kellu żewġha minn żwieġ preċedenti.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni li M. Carpenter tiġi ddeportata tikkostitwixxi indħil mhux proporzjonat ma’ l-għan imfittex.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, li jipprovdi servizzi lil persuni li jirċievu servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jirrifjuta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dan il-fornitur li hija ċittadin ta’ pajjiż terz.

 Fuq l-ispejjeż

47      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domanda mressqa lilha mill-Immigration Appeal Tribunal, b’digriet tas-16 ta’ Diċembru 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi li l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, li jipprovdi servizzi lil persuni li jirċievu servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jirrifjuta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dan il-fornitur li hija ċittadin ta’ pajjiż terz.

Rodríguez Iglesias

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Cunha Rodrigues

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Lulju 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż