Language of document : ECLI:EU:C:2011:611

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑411/10

N. S.

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (l-Ingilterra u Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit)]

“Regolament (KE) Nru 343/2003 – Trasferiment tal-persuni li jfittxu ażil lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil – Obbligu tal-Istat li jittrasferixxi sabiex jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 – Kompatibbiltà tat-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-KEDB u mal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjat – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Relazzjoni bejn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjat u l-KEDB – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit)







Werrej


I –  Introduzzjoni

II –  Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

2. Il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit

3. Id-dritt sekondarju

a) Ir-Regolament Nru 343/2003

b) Id-Direttiva 2001/55

c) Id-Direttiva 2003/9

d) Id-Direttiva 2004/83

e) Id-Direttiva 2005/85

B – Id-dritt internazzjonali pubbliku

1. Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati

2. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

III –  Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

IV –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –  L-argumenti tal-partijiet

VI –  Evalwazzjoni ġuridika

A – L-ewwel domanda

B – It-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi

1. Il-miżuri tal-ażil fid-dritt sekondarju u r-relazzjoni tagħhom mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-Konvenzjoni ta’ Genčve u mal-KEDB

a) Bażi legali abilitanti fid-dritt primarju

b) Id-Direttivi 2001/55, 2003/9, 2004/83 u 2005/85

c) Ir-Regolament Nru 343/2003

d) Konklużjoni interim

2. It-tagħbija żejda fuq is-sistema tal-ażil Griega

3. Kunsiderazzjoni tat-tagħbija żejda tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003

a) Ir-raba’ domanda: l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tittieħed responsabbiltŕ għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 fejn it-trasferiment lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lill-persuna li qed tfittex l-ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha

i) Il-problema ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali meta min ifittex l-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli

ii) L-obbligu li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003

iii) Konklużjoni interim

b) It-tieni u t-tielet domandi: Użu ta’ preżunzjonijiet konklużivi fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed responsabbiltŕ għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003

C – Il-ħames domanda: Ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-protezzjoni tagħhom skont il-KEDB

D – Is-sitt domanda: L-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB fl-Istat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003

1. L-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-riskju tal-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB wara t-trasferiment ta’ persuna li tfittex l-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003

2. Inkompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-preżunzjoni legali konklużiva li l-persuna li tfittex l-ażil mhux ser tkun esposta, fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, għar-riskju li titkeċċa lejn Stat ieħor, tkeċċija li ma tkunx kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genčve u mal-KEDB

E – Is-seba’ domanda

VII –  Konklużjoni


I –  Introduzzjoni

1.        Waħda mill-ikbar sfidi għall-ħolqien tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil hija l-istabbiliment ta’ tqassim ġust, iżda wkoll effettiv, tal-piż assoċjat mal-immigrazzjoni fuq is-sistemi ta’ ażil nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan jidher partikolarment ċar f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-mod li bih il-piż żejjed fuq is-sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru tista’ taffettwa l-arranġamenti tal-Unjoni sabiex jiġu ddeterminati l-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjonijiet ta’ ażil ippreżentati fl-Unjoni.

2.        Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (2). Il-karatteristika fundamentali tas-sistema sabiex jiġu allokati responsabbilitajiet fil-każijiet ta’ ażil introdotta minn dan ir-regolament hija li, fil-prinċipju, Stat Membru wieħed huwa responsabbli għal kull applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun applika għal ażil fi Stat Membru li ma jkunx primarjament responsabbli sabiex jeżamina dik l-applikazzjoni skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003, dan ir-regolament jipprovdi għal mekkaniżmi għat-trasferiment tal-persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.

3.        Madankollu, fid-dawl tal-kriżi attwali li taffettwa s-sistema ta’ ażil Griega, tqum il-kwistjoni, għall-Istati Membri l-oħra, jekk il-persuni li jfittxu l-ażil jistgħux jiġu ttrasferiti lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet tagħhom għal ażil jekk ma jistax jiġi ggarantit li dawk li jfittxu l-ażil se jiġu ttrattati u li l-applikazzjonijiet tagħhom ser jiġu eżaminati fil-Greċja skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”) u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Peress li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istati Membri d-dritt, permezz ta’ deroga mir-regoli normali dwar ir-responsabbiltà, li jwettqu l-eżami tal-applikazzjoni għal ażil ippreżentata fit-territorju tagħhom, pjuttost milli l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, tqum il-kwistjoni wkoll jekk dak li nistgħu nsejħu “d-dritt” tal-Istati Membri li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami huma stess jistax isir “obbligu” li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami jekk ikun hemm riskju li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex l-ażil se jiġu miksura jekk tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.

4.        Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin Afgan li qed ifittex ażil qiegħed jikkontesta r-ritorn tiegħu mir-Renju Unit lejn il-Greċja. F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, ir-Renju Unit jistax ikun meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni, f’każ bħal fil-kawża prinċipali, li jieħu r-responsabbiltà sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet għal ażil huwa stess, għalkemm il-Greċja hija primarjament responsabbli għall-eżami skont ir-Regolament Nru 343/2003.

5.         Peress li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha rilevanza partikolari f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika wkoll dwar il-kontenut u l-ambitu tal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit.

6.        Fir-risposta għad-domandi preliminari, għandha tiġi kkunsidrata wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ewropea”) mogħtija fil-21 ta’ Jannar 2011 fil-kawża M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (3) – jiġifieri wara d-deċiżjoni tar-rinviju – li fiha l-Qorti Ewropea kkunsidrat li t-trasferiment ta’ ċittadin Afgan li qed ifittex ażil mir-Renju tal-Belġju għall-Greċja jikkostitwixxi ksur mir-Renju tal-Belġju tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 13 tal-KEDB.

7.        Barra minn hekk, din il-kawża hija marbuta mill-qrib mal-Kawża C‑493/10, M.E. et, li ser nagħti l-konklużjonijiet tiegħi dwarha fl-istess jum bħal f’din il-kawża. Fil-kawża M.E. et il-kwistjoni ċentrali hija t-trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil mill-Irlanda għall-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003. Dik il-kawża ġiet magħquda ma’ din il-kawża permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, madankollu, qed nagħti konklużjonijiet separati f’din il-kawża u fil-kawża M.E. et.

II –  Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

8.        L-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem” jistabbilixxi li:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

9.        L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” jistabbilixxi li:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

10.      L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dritt għall-asil” jistabbilixxi li:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea [...].”

11.      L-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamenti, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni” jistabbilixxi li:

“1.       It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.

2.       Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”

12.      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi li:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

13.      L-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jistabbilixxi li:

”1.       Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.       Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

14.      L-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji” jistabbilixxi li:

“1.       Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.       Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kundizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.       Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEDB]. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli [t]ipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]

7.       L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

2.      Il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit

15.      Il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Protokoll Nru 30”), għandu żewġ artikoli li jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

1.      Il-Karta ma testendix il-fakultà tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

2.      B’mod partikolari, u sabiex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Meta dispożizzjoni tal-Karta tirreferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali, din għandha tapplika għall-Polonja jew għar-Renju Unit biss fil-limitu li d-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.”

3.      Id-dritt sekondarju

16.      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem sabiex jistabbilixxi sistema Ewropea komuni tal-Ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), sabiex b’hekk jiġi żgurat il-prinċipju ta’ non-refoulement u li ħadd ma jintbagħat lura lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu jkunu esposti għal persekuzzjoni. F’dik il-laqgħa speċjali, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa wkoll il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni ta’ protezzjoni temporanja għall-persuni spustati fuq il-bażi tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

17.       Il-miżuri adottati sabiex jimplementaw il-konklużjonijiet ta’ Tampere inkludew ir-regolament u d-direttivi li ġejjin (4):

–        ir-Regolament Nru 343/2003,

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (5),

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (6),

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat[us] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr [S]tat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (7),

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (8).

18.      Se nesponi issa, fid-dettal, dak li jipprovdu dan ir-regolament u dawn id-direttivi.

a)      Ir-Regolament Nru 343/2003

19.      Fl-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

20.      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.

3.      Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu, li jibgħat lil persuna [li] tfittex l-ażil lejn pajjiż terz, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

4.      Il-persuna [li] tfittex l-ażil għandha tkun infurmata bil-miktub f’lingwa li hi tista’ tkun mistennija li tifhem dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-limiti ta’ żmien tiegħu u l-effetti tiegħu.”

21.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi li:

“1.      Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

2.      Applikazzjoni għall-ażil għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant għall-ażil jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma tintgħamilx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]”

22.      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi li:

“1.      Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.      L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.”

23.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003 jiddikjara li:

“1.      Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000, li persuna [li] tfittex l-ażil tkun qasmet b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li tkun ġiet minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. Din ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha il-qsim irregolari tal-konfini ikun ġara.

2.      Meta Stat Membru ma jistax jew ma jkunx jista’ jinżamm responsabbli skond il-paragrafu 1, u fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), li l-persuna [li] tfittex l-ażil - li tkun daħlet fit-territorji ta’ l-Istati Membri b’mod irregolari jew li ċ-ċirkostanzi tad-dħul tagħha ma jistgħux ikunu stabbiliti - fiż-żmien li tkun iddepożitat l-applikazzjoni kienet toqgħod minn qabel għal perjodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

Jekk l-applikant kien joqgħod għal perjodi ta’ żmien ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stati Membri diversi, l-Istat Membru fejn dan kien l-aktar reċentement il-każ għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.”

24.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”

25.      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 343/2003 jiddikjara li:

“1.      L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

(a)      jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna [li] tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

(b)      itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

[…]

3.      L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

[…]”

26.      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li:

“Fejn Stat Membru li għandu [k]ienet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien perjodu ta’ tliet xhur, ir-responsibilita biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil għandha tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

[…]”

27.      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 jiddikjara li:

“1.      L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.

[…]

7.      Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perjodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ riċeviment tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu l-persuna, inklużi l-provvedimenti għal arranġamenti xierqa għal[l-]wasla [tagħha].”

28.      L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li:

“1.      Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.      Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

3.      It-trasferiment ta’ l-applikant mill-Istat Membru li fih applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit skond il-liġi nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, kemm jista’ malajr ikun prattiku, u sa l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba li jittieħed inkarigu jew mid-deċiżjoni fuq appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.

[…]

4.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna [li] tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna [li] tfittex l-ażil tkun ħarbet.

[…]”

b)      Id-Direttiva 2001/55

29.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2001/55 huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom.

30.      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/55, “protezzjoni temporanja” tfisser proċedura ta’ karattru eċċezzjonali sabiex tipprovdi, fl-eventwalità imminenti ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajiżi terzi li ma jkunux kapaċi jerġgħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, protezzjoni immedjata u temporanja lil dawn il-persuni, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll ir-riskju li s-sistema ta’ ażil ma tkunx kapaċi tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-ħidma effiċjenti tagħha, fl-interess tal-persuni kkonċernati u ta’ persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni.

31.      Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/55 jinkludi regoli dwar it-tul taż-żmien u l-implementazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Il-Kapitolu III jikkonċerna l-obbligi tal-Istati Membri lejn il-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja. Il-Kapitolu IV jirregola l-aċċess għall-proċedura ta’ ażil fil-kuntest tal-protezzjoni temporanja. Il-Kapitolu V jikkonċerna t-trasferiment lura tal-persuni kkonċernati u l-miżuri li għandhom jittieħdu wara li tkun intemmet il-protezzjoni temporanja. Il-Kapitolu VI jikkonċerna t-tqassim tal-piżijiet u r-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri fl-ispirtu ta’ solidarjetà fi ħdan l-Unjoni.

c)      Id-Direttiva 2003/9

32.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/9 jiddikjara li l-għan tagħha huwa li tippreskrivi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri.

33.      L-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 2003/9 huma relatati mad-dmirjiet ta’ informazzjoni tal-Istati Membri fil-konfront ta’ min ifittex ażil (l-Artikolu 5), il-provvista ta’ dokumentazzjoni għal min ifittex ażil (l-Artikolu 6), ir-residenza u l-libertà ta’ moviment għal min ifittex ażil (l-Artikolu 7), il-preżervazzjoni tal-unità tal-familja għal min ifittex ażil (l-Artikolu 8), it-tagħlim u l-edukazzjoni tal-minorenni (l-Artikolu 10), l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal min ifittex ażil (Artikolu 11), il-formazzjoni professjonali għal min ifittex ażil (l-Artikolu 12) u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għal min ifittex ażil (l-Artikoli 13 et seq.).

34.      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/9, intitolat “Appelli”, jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għotja ta’ benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell ġewwa l-proċedura preskritta fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta’ appell jew reviżjoni quddiem korp ġudizzjali.

2. Proċeduri għal aċċess għal assistenza legali f’każijiet bħal dawn għandhom ikunu preskritti fil-liġi nazzjonali.”

35.      Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/9, L-Istati Membri għandhom, f’osservanza tal-istruttura kostituzzjonali tagħhom, jiżguraw li jkunu stabbiliti gwida, immonitorjar u kontroll xierqa tal-livell ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza. Skont l-Artikolu 24(2), l-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex tkun trasposta din id-direttiva.

d)      Id-Direttiva 2004/83

36.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/83, l-għan tagħha huwa li tippreskrivi standards minimi dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u dwar il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

37.      Il-Kapitoli II, III u IV tad-Direttiva 2004/83 fihom għadd ta’ regoli u kriterji relatati mal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u relatati mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja. Il-Kapitolu IV jinkludi, fl-ewwel lok, dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jikkwalifika bħala refuġjat skont il-Kapitoli II u III (l-Artikolu 12) u, fit-tieni lok, jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-revoka, it-temma jew ir-rifjut għat-tiġdid tal-istatus ta’ refuġjat (l-Artikolu 14). Il-Kapitolu VI jinkludi r-regoli korrispondenti fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja (l-Artikolu 18) u fir-rigward tar-revoka, tat-temma jew tar-rifjut għat-tiġdid tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja (l-Artikolu 19). Il-Kapitolu VII jistabbilixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, inkluża b’mod partikolari l-protezzjoni minn refoulement (l-Artikolu 21). Il-Kapitolu VIII jirregola kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Skont l-Artikolu 36, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, inter alia, li l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplementaw din id-direttiva jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ.

e)      Id-Direttiva 2005/85

38.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/85, l-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti standards minimi dwar il-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat.

39.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/85, din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu, u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat tal-applikazzjonijiet skont din id-direttiva.

40.      Il-prinċipji bażiċi li fuqhom huma bbażati dawn il-proċeduri u l-garanziji li għandhom jingħataw lil dawk li jfittxu l-ażil f’dan ir-rigward huma stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85. Regoli speċifiċi dwar il-proċeduri għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat huma inklużi fil-Kapitolu III, li jintroduċi l-kunċett tal-pajjiż terz bla perikolu (l-Artikolu 27) u l-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla perikolu (l-Artikolu 31). Il-Kapitolu V jinkludi regoli dwar id-dritt għal rimedju effettiv ta’ dawk li jfittxu l-ażil (l-Artikolu 39).

B –    Id-dritt internazzjonali pubbliku

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati

41.      Skont l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ebda Stat Kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jirritorna (“refouler”) refuġjat bi kwalunkwe mod lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertajiet tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.

2.      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

42.      Skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.

43.      Skont l-Artikolu 13 tal-KEDB, kull min iġarrab ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kkontemplati f’din il-konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali anki jekk dan il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.

III –  Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

44.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi fuq appell imressaq minn ċittadin Afgan li qed ifittex ażil (iktar ’il quddiem l-“appellant fil-kawża prinċipali”) kontra deċiżjoni tal-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), fejn l-appellant fil-kawża prinċipali jikkontesta t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja mir-Renju Unit. L-appellat fil-kawża prinċipali, is-Secretary of State for the Home Department, huwa l-Ministru tal-Gvern responsabbli għall-immigrazzjoni u għal ażil fir-Renju Unit.

45.      Fil-vjaġġ tiegħu mill-Afganistan għar-Renju Unit, l-appellant fil-kawża prinċipali għadda, fost pajjiżi oħra, mill-Greċja, fejn fl-24 ta’ Settembru 2008 ġie arrestat u tteħdulu l-marki ta’ subgħajh. Huwa ma talabx ażil fil-Greċja. Wara detenzjoni f’dan l-Istat Membru, huwa ġie ordnat jitlaq mill-Greċja fi żmien 30 jum u sussegwentement intbagħat lejn it-Turkija. Wara li ħarab mid-detenzjoni fit-Turkija, huwa mar lejn ir-Renju Unit, fejn wasal fit-12 ta’ Jannar 2009 u fejn applika għal ażil fl-istess jum.

46.      Fl-1 ta’ April 2009, is-Secretary of State talab lill-Greċja, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, sabiex tieħu inkarigu tal-appellant fil-kawża prinċipali. Peress li l-awtoritajiet Griegi ma rrispondewx għal din it-talba fit-terminu stabbilit fir-Regolament Nru 343/2003, is-Secretary of State ikkunsidra li l-Greċja kienet aċċettat ir-responsabbiltà li jagħtiha dan ir-regolament fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni għal ażil.

47.      Fit-30 ta’ Lulju 2009, l-appellant fil-kawża prinċipali ġie informat li kien ser jiġi ttrasferit lejn il-Greċja fis-6 ta’ Awwissu 2009. Fil-31 ta’ Lulju 2009 is-Secretary of State adotta deċiżjoni skont l-Asylum and Immigration (Treatment of Claimants, etc) Act 2004 [Att tal-2004 dwar l-Ażil u l-Immigrazzjoni (Trattament tal-persuni li jagħmlu applikazzoni, eċċ.)] u informa lill-appellant fil-kawża prinċipali li l-ilment tiegħu bbażat fuq l-argument li t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja kien jikser id-drittijiet tiegħu skont il-KEDB kien manifestament infondat. L-effett ta’ din id-deċiżjoni kien li l-appellant fil-kawża prinċipali ma kellux id-dritt, skont il-liġi nazzjonali, sabiex jappella kontra d-deċiżjoni li jintbagħat il-Greċja, dritt li kien ikun intitolat għalih li kieku ntlaqa’ l-ilment tiegħu.

48.      Wara talba mingħajr suċċess sabiex is-Secretary of State jaċċetta responsabbiltà sabiex jiddetermina l-applikazzjoni għal ażil tiegħu skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 inter alia għar-raġuni li d-drittijiet fundamentali tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni jiġu miksura jekk jirritorna lejn il-Greċja, l-appellant fil-kawża prinċipali ġie informat, fl-4 ta’ Awwissu 2009, li s-Secretary of State kien qed iżomm fis-seħħ id-deċiżjoni li jintbagħat lejn il-Greċja.

49.      Fis-6 ta’ Awwissu 2009, l-appellant fil-kawża prinċipali għamel talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li tiċċertifika li t-talba tiegħu għal protezzjoni taħt il-KEDB kienet infondata u tad-deċiżjoni li jintbagħat il-Greċja. Bħala riżultat ta’ din it-talba, id-direzzjonijiet li kienu ngħataw sabiex jintbagħat lejn il-Greċja ġew ikkanċellati mis-Secretary of State.

50.      Fid-dawl tal-importanza tal-kwistjonijiet imqajma, fl-14 ta’ Ottubru 2009 l-Administrative Court tat lill-appellant fil-kawża prinċipali permess sabiex iressaq it-talba tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li ġie ordnat li l-kawża tiegħu għandha ssir il-kawża prinċipali fl-Ingilterra u Wales dwar ir-ritorn lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003.

51.      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Marzu 2010, l-Administrative Court ċaħdet it-talba tal-appellant fil-kawża prinċipali, iżda tatu l-permess li jappella quddiem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-importanza ġenerali tal-kwistjonijiet imqajma.

52.      Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li t-trattament tal-appell iqajjem mistoqsijiet fundamentali rigward l-ambitu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 u l-effett fuq dan l-artikolu tad-drittijiet li l-appellant fil-kawża prinċipali jinvoka fuq il-bażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ta’ konvenzjonijiet internazzjonali bħall-KEDB.

53.      F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-kawża prinċipali u għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      Deċiżjoni meħuda minn Stat Membru taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill 343/2003 (‘ir-Regolament’) jekk għandhiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil li mhijiex ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament, taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-UE għall-finijiet tal-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‘il-Karta’)?

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija ‘iva’:

2.      L-obbligu ta’ Stat Membru li josserva d-drittijiet fundamentali tal-UE (inkluż id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta) jispiċċa meta dak l-Istat Membru jibgħat lil min ifittex l-ażil lejn l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) jindika bħala l-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (‘l-Istat Responsabbli’), tkun xi tkun is-sitwazzjoni fl-Istat Responsabbli?

3.      B'mod partikolari, l-obbligu ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-UE jipprekludi t-tħaddim ta’ preżunzjoni konklussiva li l-Istat Responsabbli josserva (i) id-drittijiet fundamentali taħt l-UE tal-applikant; u/jew (ii) l-istandards minimi imposti mid-Direttivi 2003/9/KE (‘id-Direttiva dwar l-akkoljenza’); 2004/83/KE (‘id-Direttiva dwar il-kwalifika’) u/jew 2005/85/KE (‘id-Direttiva dwar il-proċeduri’) (kollettivament imsejħa ‘id-Direttivi’)?

4.      Alternattivament, Stat Membru huwa obbligat mid-dritt tal-UE, u jekk huwa hekk, f’liema ċirkustanzi, jeżerċita s-setgħa skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament sabiex jeżamina u jirrendi ruħu responsabbli għal applikazzjoni, meta trasferiment lejn l-Istat Responsabbli jkun jesponi lill-applikant għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2), u/jew 47 tal-Karta, u/jew għal riskju li l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttivi ma jiġux applikati fil-konfront tiegħu?

5.      L-ambitu tal-protezzjoni mogħtija lil persuna li fil-konfront tagħha japplika r-Regolament permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta huwa iktar wiesa’ mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (‘il-Konvenzjoni’)?

6.      Huwa kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta li dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tirrikjedi lil qorti, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk persuna tistax tiġi legalment spostjata lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament, tittratta lil dak l-Istat Membru bħala Stat li minnu il-persuna mhijiex sejra tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor bi ksur tad-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni jew tad-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus ta’ Refuġjati?

7.      Peress li d-domandi preċedenti jirrigwardaw l-obbligi tar-Renju Unit, ir-risposti għad-domandi 2-4 huma b’xi mod ikkwalifikati sabiex jittieħed kont tal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-Polonja u tar-Renju Unit?”

IV –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

54.      Id-deċiżjoni tar-rinviju, bid-data tat-12 ta’ Lulju 2010, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2010. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet, skont l-Artikolu 104b(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ttrattata skont il-proċedura b’urġenza. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2010, din it-talba ġiet miċħuda.

55.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2010, il-Kawżi C‑411/10 u C‑493/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2011, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

56.      Fil-proċedura bil-miktub, ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-appellant fil-kawża prinċipali, minn Amnesty International Limited u miċ-Ċentru AIRE (Advice on Individual Rights in Europe) (Parir dwar id-Drittijiet Individwali fl-Ewropa), mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u mill-Kummissjoni tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem, bħala parti intervenjenti fil-kawża prinċipali, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Ellenika, mill-Irlanda, mir-Repubblika Taljana, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Renju Unit, mir-Repubblika Ċeka, mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentanti tal-appellant fil-kawża prinċipali, ta’ Amnesty International Limited u taċ-Ċentru AIRE, tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u tal-Kumissjoni tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Ellenika, tal-Irlanda, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011.

V –  L-argumenti tal-partijiet

57.      L-ewwel domanda, li tistaqsi jekk deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 dwar jekk jeżaminax applikazzjoni għal ażil taqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni jew le, għandha tingħata risposta fl-affermattiv fil-fehma tal-Kummissjoni, tal-Gvern Finlandiż, tal-Gvern Franċiż, tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-appellant fil-kawża prinċipali, tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, ta’ Amnesty International Limited u taċ-Ċentru AIRE, u tal-Kummissjoni tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem. Anki fil-fehma tal-Gvern Awstrijakk, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni huma applikabbli għal deċiżjoni meħuda minn Stat Membru dwar jekk jeżerċitax id-dritt tiegħu li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

58.      Fil-fehma tal-Irlanda, tal-Gvern Taljan, tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern Belġjan, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jieħu responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma taqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Gvern Belġjan iżid kwalifika sinjifikattiva mad-dikjarazzjoni tiegħu billi jirrimarka li t-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn Stat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003 jaqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.

59.      Fir-risposta għall-ewwel domanda, il-Gvern Ċek jagħmel distinzjoni bejn il-każ meta Stat Membru jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 u l-każ fejn ma jeżerċitax dan id-dritt. Hija biss id-deċiżjoni li jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) li taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ eżerċizzju tad-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) ma jaqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.

60.      Il-Gvern Ġermaniż ma jikkummentax espressament fuq l-ewwel domanda u jwieġeb id-domandi l-oħra f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jitqies bħala “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

61.      Fir-risposti għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domandi, il-Kummissjoni, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern tar-Renju Unit (9) u l-Gvern Belġjan, l-appellant fil-kawża prinċipali u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati essenzjalment huma tal-fehma li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, tista’ ssir preżunzjoni konfutabbli li l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil għandu jaġixxi skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali. Madankollu, sa fejn għandu jiġi stabbilit f’każ speċifiku li t-trasferiment tal-persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli u t-trattament tal-persuna li tfittex ażil f’dan l-Istat Membru jikser id-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Istat Membru li jittrasferixxi huwa meħtieġ, fil-fehma tal-Kummissjoni, tal-Gvern Finlandiż, tal-Gvern Franċiż, tal-Gvern Belġjan, tal-Gvern tar-Renju Unit, tal-appellant fil-kawża prinċipali, tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, ta’ Amnesty International Limited u taċ-Ċentru AIRE, li jeżerċita d-dritt tiegħu li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż u tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’tali każ ma jibqax possibbli li min ifittex ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.

62.      Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza wkoll li l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami jista’ jeżisti biss f’ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri meta l-preżunzjoni li l-Istat Membru responsabbli ser jaġixxi skont id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ kategorija partikolari ta’ dawk li jfittxu ażil tkun ġiet manifestament ikkonfutata u l-persuna li tfittex ażil taqa’ f’din il-kategorija.

63.      Fil-fehma tal-Konfederazzjoni Svizzera (10), ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod inerenti fih preżunzjoni konfutabbli li l-Istati parteċipanti għandhom jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB. Madankollu, meta din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata f’każ speċifiku u ma jkunx iggarantit li l-persuna li tfittex ażil

64.      ażil ser tiġi ttrattata skont id-dritt internazzjonali fl-Istat responsabbli, trasferiment lejn dan l-Istat huwa eskluż u d-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 eċċezzjonalment isir obbligu.

65.      Fil-fehma tal-Gvern Taljan, tal-Gvern Pollakk, tal-Gvern Sloven, tal-Gvern Grieg u tal-Irlanda, min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jiġi dedott obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami. Fil-fehma tal-Gvern Grieg, tal-Gvern Sloven u tal-Gvern Pollakk, barra minn hekk, skont id-dritt tal-Unjoni Stat Membru ma jistax jirrevedi l-konformità ta’ azzjoni ta’ Stat Membru ieħor mad-dritt tal-Unjoni.

66.      B’risposta għall-ħames domanda, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Taljan u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija lil persuna li għaliha japplika r-Regolament Nru 343/2003 mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma huwiex usa’ mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 3 tal-KEDB. L-appellant fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza u Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, Amnesty International Limited u ċ-Ċentru AIRE jiddikjaraw, min-naħa loħra, li l-protezzjoni ta’ persuna li tfittex ażil li għandha tiġi ttrasferita fuq il-bażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni testendi lil hinn mill-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 3 tal-KEDB.

67.      Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jikkorrispondu għad-dritt fundamentali taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB. L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jagħtix dritt għal ażil iggarantit, iżda għal protezzjoni kontra t-tneħħija skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-ambitu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa usa’ minn dak tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB sa fejn l-ewwel paragrafu tiegħu jeħtieġ rimedju ġudizzjarju u sa fejn it-tieni paragrafu tiegħu ma huwiex limitat għal proċeduri ċivili u kriminali.

68.      B’risposta għas-sitt domanda, il-Kummissjoni, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-appellant fil-kawża prinċipali, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, Amnesty International Limited u ċ-Ċentru AIRE jargumentaw li liġi nazzjonali li timponi preżunzjoni konklużiva li kull Stat Membru huwa pajjiż mingħajr perikolu li minnu l-persuna li tfittex ażil ma tistax tintbagħat lejn Stat ieħor bi ksur tad-drittijiet tagħha skont il-KEDB u l-Konvenzjoni ta’ Genève hija inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza li din il-preżunzjoni tista’ titqies li tiġi kkonfutata biss fil-każ ta’ ksur ċar tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Gvern Taljan, min-naħa l-oħra, huwa tal-fehma li preżunzjoni konklużiva li tapplika taħt il-liġi nazzjonali, fis-sens li l-Istati Membri l-oħra huma pajjiżi mingħajr perikolu, hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

69.      B’risposta għas-seba’ domanda, il-Kummissjoni, il-Gvern Pollakk, il-Gvern tar-Renju Unit, l-appellant fil-kawża prinċipali, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem, Amnesty International Limited u ċ-Ċentru AIRE jargumentaw li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 30 ma jaffettwawx ir-risposti proposti tagħhom għad-domandi preliminari.

VI –  Evalwazzjoni ġuridika

A –    L-ewwel domanda

70.      Bl-ewwel domanda tagħha, li tistaqsi jekk deċiżjoni meħuda minn Stat Membru, skont id-dritt tiegħu li jieħu responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li jeżamina applikazzjoni għal ażil, minflok l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, taqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 TUE u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhomx jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jiddeċiedu jekk jeżerċitawx id-dritt tagħhom li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 (11).

71.      Ir-risposta għal din id-domanda għandha tikkunsidra l-Artikolu 6(1) TUE, li jikklassifika l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala dritt primarju tal-Unjoni (l-ewwel subparagrafu) u li jistabbilixxi wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea kif iddefiniti mit-Trattati (it-tieni subparagrafu). Fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni b’mod speċifiku tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE jirreferi għat-Titolu VII (l-Artikoli 51 sa 54) tal-Karta.

72.      L-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. L-Artikolu 51 jikkonferma, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, u għall-Istati Membri. It-tieni nett, jiġi żgurat li l-forza vinkolanti tad-drittijiet fundamentali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għall-Istati Membri ma jkollhiex l-effett li tittrasferixxi kompetenzi għad-detriment tal-Istati Membri jew li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fit-Trattati (12).

73.      Sabiex tiġi evitata l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Istati Membri, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi b’mod partikolari li

–        l-applikazzjoni tal-Karta ma għandhiex tillimita l-prinċipju tas-sussidjarjetà [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1)],

–        l-Istati Membri huma marbuta mill-Karta biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1)],

–        l-osservanza u l-applikazzjoni tal-Karta għandhom josservaw il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea kif mogħtija lilha fit-Trattati [it-tieni sentenza tal-Artikolu 51(1)].

74.      Barra minn hekk, l-Artikolu 51(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fih dikjarazzjoni ġenerali li l-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u li la tistabbilixxi xi setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni Ewropea, u lanqas ma timmodifika l-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.

75.      F’dan l-isfond, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tikkunsidra r-rekwiżit stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta mill-Karta biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward hija tistaqsi jekk l-Istati Membri jkunux “qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta jiddeċiedu, fuq il-bażi tad-diskrezzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, jekk jeżaminawx jew le applikazzjoni għall-ażil minflok l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.

76.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

77.       Kif jidher mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet”) (13), il-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta mill-Karta biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies bħala konferma tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tal-Istati Membri għad-drittijiet fundamentali ddefiniti fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. L-Ispjegazzjonijiet jagħmlu riferiment espress għad-deċiżjonijiet ta’ prinċipju f’Wachauf (14) u f’ERT (15), u għas-sentenza Karlsson et (16).

78.      Fis-sentenza Wachauf il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw ir-regoli tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, japplikaw dawn ir-regoli skont dawn ir-rekwiżiti (17). Fis-sentenza ERT il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li r-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali magħmula mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (18).

79.      Fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Ispjegazzjonijiet jirreferu kemm għall-ġurisprudenza Wachauf kif ukoll għall-ġurisprudenza ERT, l-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati bħala marbuta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, kemm meta jimplementaw regoli tal-Unjoni kif ukoll fil-kuntest ta’ restrizzjonijiet nazzjonali għal-libertajiet fundamentali (19).

80.       F’dan l-isfond, tqum il-kwistjoni f’din il-kawża ta’ jekk deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 dwar jekk jeżaminax applikazzjoni għal ażil għandhiex tiġi kkunsidrata, għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fid-dawl tal-ġurisprudenza Wachauf, bħala miżura nazzjonali li timplementa r-Regolament Nru 343/2003.

81.       Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Id-diskrezzjoni tal-Istat Membru fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni ma tipprekludix din l-evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, il-fattur kruċjali huwa li r-Regolament Nru 343/2003 jistipula regoli eżawrjenti sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil. Il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-ażil skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 hija parti integrali minn dawn ir-regoli u hija, inter alia, riflessa fil-fatt li r-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi regoli komprensivi li jirregolaw il-konsegwenzi legali ta’ tali deċiżjoni (20). Konsegwentement, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandhom jitqiesu wkoll bħala miżuri ta’ implementazzjoni, minkejja d-diskrezzjoni mogħtija lilhom.

82.      Din il-fehma hija kkonfermata fis-sentenza Wachauf (21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, inter alia, il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet individwali tar-Regolament Nru 1371/84 (22) mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 1371/84 ta lill-Istati Membri s-setgħa li jagħtu lill-kerrej ta’ razzett li jipproduċi l-ħalib, f’ċerti ċirkustanzi, kumpens għat-twaqqif definittiv tal-produzzjoni tal-ħalib fl-aħħar tal-kirja. Fil-kawża prinċipali, kerrej kien fetaħ kawża minħabba li kien irrifjutat dan il-kumpens minkejja li kien għalaq definittivament ir-razzett maħsub għall-produzzjoni tal-ħalib li huwa kien stabbilixxa. F’dan l-isfond, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, inter alia, dwar jekk dan ir-rifjut li jingħata kumpens kienx jirriżulta inevitabbilment mir-Regolament Nru 1371/84 u jekk kienx konsistenti mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni li kienu ġew rikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li r-rifjut li jingħata il-kumpens inkwistjoni lil kerrej li se jitlaq għandu jitqies bħala ksur tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jekk dan il-kerrej ġie mċaħħad, mingħajr kumpens, mill-frott tax-xogħol tiegħu u mill-investimenti tiegħu fl-azjenda okkupata (23). Madankollu, peress li r-Regolament Nru 1371/84 ippermetta lill-Istati Membri, speċifikament f’dawn il-każijiet, marġni suffiċjenti ta’ diskrezzjoni fl-għoti lill-kerrejja ta’ kumpens adegwat li kien konsistenti mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli li jinsabu fir-regolament inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala konsistenti mad-drittijiet fundamentali (24).

83.      Għalkemm f’Wachauf il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat, l-ewwel u qabel kollox, il-konsistenza tar-regolament ikkontestat mad-drittijiet fundamentali, hija kkonfermat, għall-inqas b’mod impliċitu, li d-deċiżjonijiet mill-Istati Membri li jagħtu kumpens lill-kerrejja li jitilqu, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fuq il-bażi tad-diskrezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1371/84, għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonfermat, fl-istess ħin, li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-diskrezzjoni mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ implementazzjoni għal dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni (25).

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 dwar jekk jeżaminax applikazzjoni għal ażil li ma tkunx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

B –    It-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi

85.      Mill-osservazzjonijiet preċedenti tiegħi jirriżulta li fid-deċiżjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 dwar jekk jeżaminawx applikazzjoni għal ażil li taqa’ taħt ir-responsabbiltà prinċipali ta’ Stat Membru ieħor skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħux ikunu meħtieġa, fid-dawl ta’ din il-ħtieġa li jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami huma stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jekk jiġi stabbilit li t-trasferiment lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lil min ifittex ażil għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u/jew għal riskju li dan l-Istat Membru ma huwiex ser ikun konformi mal-obbligi tiegħu skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85.

86.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dawn id-domandi għaliex għandha prova ċara li hemm distakk kbir bejn ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-Greċja rigward l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ ażil tagħha, minn naħa, u t-trattament attwali ta’ dawk li jfittxu l-ażil fil-Greċja, min-naħa l-oħra, b’tali mod li jista’ jkun hemm riskju li d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem ta’ dawk li jfittxu l-ażil ser jiġu miksura jekk jiġu ttrasferiti lejn il-Greċja.

87.       Sabiex nifhem aħjar dawn id-domandi, l-ewwel se neżamina l-miżuri tal-ażil fid-dritt sekondarju li huma rilevanti għal din il-kawża u r-relazzjoni bejn dawn il-miżuri u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni ta’ Genève u l-KEDB. Imbagħad se nikkunsidra l-problemi li tiffaċċja s-sistema Griega tal-ażil bħalissa. Wara dan ser nindirizza l-kwistjoni dwar kif it-tagħbija żejda fuq is-sistema Griega tal-ażil għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri l-oħra meta japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003.

1.      Il-miżuri ta’ ażil fid-dritt sekondarju u r-relazzjoni tagħhom mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB

a)      Bażi legali abilitanti fid-dritt primarju

88.      Il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea ġew estiżi għal kwistjonijiet relatati ma’ dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati bit-Trattat ta’ Amsterdam tal-1997, fejn il-kompetenzi dwar l-adozzjoni ta’ regoli fir-rigward ta’ ażil, tar-refuġjati, tal-immigrazzjoni u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew ittrasferiti lill-Unjoni Ewropea. Iddaħħal Artikolu 73k ġdid fit-Trattat KE, bħala bażi legali abilitanti fid-dritt primarju, li sussegwentement ġie nnumerat mill-ġdid bħala l-Artikolu 63 KE.

89.      Fi kwistjonijiet ta’ ażil, il-kompetenzi dwar l-adozzjoni ta’ regoli ġew ittrasferiti lill-Unjoni Ewropea fil-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 63(1) KE, li l-miżuri dwar l-ażil li għandhom jiġu adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u ma’ trattati rilevanti oħra. It-“trattati l-oħra rilevanti” jinkludu l-KEDB (26). Barra minn hekk, l-Artikolu 63(1) KE jipprovdi espressament li s-setgħa ta’ armonizzazzjoni fi kwistjonijiet ta’ ażil kienet limitata għall-istabbiliment ta’ standards minimi (27).

b)      Id-Direttivi 2001/55, 2003/9, 2004/83 u 2005/85

90.      Fuq il-bażi ta’ din il-bażi legali abilitanti fid-dritt primarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta erba’ Direttivi li jistabbilixxu standards minimi rigward diversi aspetti tas-sistemi nazzjonali ta’ ażil. L-ewwel direttiva adottata kienet id-Direttiva 2001/55, li tistabbilixxi, inter alia, standards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influssi bil-massa. It-tliet direttivi l-oħra introduċew standards minimi komuni għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil (id-Direttiva 2003/9), għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (id-Direttiva 2004/83), u għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjati (id-Direttiva 2005/85) kważi fl-Istati Membri kollha (28).

91.       Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Artikolu 63(1) KE, li jipprovdi li l-miżuri tad-dritt sekondarju adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-premessi tal-preamboli għad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 kollha jirreferu għall-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere li s-sistema Ewropea komuni tal-ażil li għandha tiġi żviluppata għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève (29). Il-premessi tal-preamboli għal dawn id-direttivi jenfasizzaw ukoll li dawn id-direttivi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (30), u li l-Istati Membri huma marbuta mill-istrumenti tad-dritt internazzjonali li huma parti għalihom fir-rigward tat-trattament tal-persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn id-direttivi (31).

92.      Id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 għalhekk jinkludu l-istandards sostantivi minimi rigward it-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex jilħqu l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil stabbiliti fid-direttiva msemmija. Bl-istess mod, l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet l-oħra li jimplementaw id-Direttiva jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ.

93.      Għalhekk, minn perspettiva legali, huwa żgurat li t-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom fl-Istati Membri, li għandhom josservaw l-istandards minimi li jinsabu fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85, fil-prinċipju huma konformi wkoll mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-KEDB (32).

c)      Ir-Regolament Nru 343/2003

94.      Skont il-premessa 3 tal-preambolu tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 343/2003 - adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 63(1) KE - huwa li jintroduċi metodu ċar u li jiffunzjona sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni Ewropea (33). Skont il-premessa 4, dan il-metodu għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati u għandu, b’mod partikolari, jippermetti li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, sabiex b’hekk ikunu żgurati aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ ażil u l-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għall-ażil.

95.      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, li huma wkoll maħsuba sabiex jipprevjenu li l-persuni li jfittxu l-ażil ifittxu l-iktar sistemi favorevoli għalihom (forum shopping), ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbillixxi dispożizzjoni li tipprovdi li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ta’ Stat Membru wieħed, li huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Dawn il-kriterji oġġettivi jinkludu, pereżempju, l-eżistenza ta’ rabta, fir-rigward tal-liġi dwar l-ażil u ċ-ċittadini barranin, bejn il-persuna li tfittex l-ażil jew membru tal-familja u Stat Membru (34). Fil-każ ta’ dħul illegali fl-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru tal-ewwel dħul huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003 (35). Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil huwa obbligat li jieħu ħsieb persuna li tfittex l-ażil li tkun ippreżentat applikazzjoni fi Stat Membru differenti u li jwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tagħha (36). Il-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil huwa stabbilit fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 343/2003.

96.      Is-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 343/2003 dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil u dwar it-trasferiment ta’ min ifittex ażil lejn dan l-Istat Membru ma tikkunsidrax espressament id-differenzi fl-organizzazzjoni jew fit-tmexxija tas-sistemi ta’ ażil u l-proċeduri ta’ ażil fl-Istati Membri differenti. Ma jsirx riferiment speċifiku għat-trattament (mistenni) ta’ min ifittex ażil fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil tiegħu la fil-kuntest tal-istabbiliment tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli u lanqas b’konnessjoni mal-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil bejn l-Istati Membri.

97.      In-nuqqas ta’ riferiment speċifiku għat-trattament ta’ min ifittex ażil fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jista’ jiġi spjegat permezz tal-interazzjoni bejn ir-Regolament Nru 343/2003 u d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u permezz tal-interazzjoni bejn dan ir-regolament u l-obbligi fuq l-Istati Membri individwali skont id-dritt internazzjonali. Peress li, skont dawn id-Direttivi, it-trattament ta’ dawk li jfittxu ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom għandhom jissodisfaw l-istandards minimi sostanzjali f’kull Stat Membru u peress li l-Istati Membri aderixxew mal-KEDB u mal-Konvenzjoni ta’ Genève, huwa żgurat, minn perspettiva legali, li t-trattament ta’ dawk li jfittxu ażil f’kull Stat Membru jissodisfa r-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-KEDB (37).

98.      Meta jitqiesu minn din il-perspettiva, la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Genève jew il-KEDB ma jipprekludu s-sistema introdotta bir-Regolament Nru 343/2003, li tistabbilixxi r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih għandhom jintlaqgħu dawk li jfittxu ażil għall-iskop li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom u dwar it-trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil lejn dan l-Istat Membru mingħajr riferiment espresa għall-organizzazzjoni speċifika u għall-ġestjoni tas-sistema ta’ ażil u l-proċeduri ta’ ażil f’dan l-Istat Membru (38).

d)      Konklużjoni interim

99.      Fil-qosor, għandu jiġi ddikjarat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li r-regoli tad-dritt sekondarju dwar it-trattament ta’ dawk li jfittxu ażil u dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u r-Regolament Nru 343/2003 huma, fil-prinċipju, konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-KEDB, kemm fil-għan tagħhom u kif ukoll fl-istruttura legali tagħhom.

2.      It-tagħbija żejda fuq is-sistema ta’ ażil Griega

100. Ir-Regolament Nru 343/2003 ma fih ebda dispożizzjoni espressa fil-każ li l-Istati Membri - minħabba l-lokazzjoni ġeografika tagħhom, pereżempju - jaffaċċjaw għadd ta’ persuni li jfittxu l-ażil li jeċċedi l-kapaċitajiet tas-sistema ta’ ażil tagħhom, bir-riżultat li, fil-prattika, ma jkunux jistgħu jibqgħu jiggarantixxu li dawk li jfittxu l-ażil ser jiġu trattati u li l-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom ser jiġu eżaminati skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u skont l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mid-dritt internazzjonali (39).

101. Jidher li fil-Greċja hemm tali sitwazzjoni ta’ urġenza.

102. Indikazzjoni ċara f’dan ir-rigward hija pprovduta mis-sentenza tal-Qorti Ewropea f’M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (40), fejn il-Qorti Ewropea indirizzat il-każ ta’ ċittadin Afgan li daħal b’mod illegali fl-Unjoni Ewropea mit-Turkija permezz tal-Greċja, u li mbagħad ġie miżmum fil-Greċja. Mingħajr ma applika għal ażil hemmhekk, huwa telaq mill-Greċja wara r-rilaxx tiegħu u eventwalment applika għal ażil fil-Belġju. Peress li, wara li eżaminaw id-dettalji taċ-ċittadin Afgan li kien qed ifittex ażil, l-awtoritajiet Belġjani għaċ-ċittadini barranin kkonkludew li, minħabba l-ewwel dħul illegali taċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil, il-Greċja kienet responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjoni għal ażil tiegħu skont l-Artikolu 3(1) flimkien mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Belġju fetaħ il-proċedura għat-trasferiment taċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 u, wara l-konklużjoni ta’ dik il-proċedura, bagħtu lejn il-Greċja. Qabel it-trasferiment tiegħu, madankollu, iċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil kien ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea.

103. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ewropea kkonstatat li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil fil-Greċja kellhom jitqiesu bħala li jiksru l-Artikolu 3 tal-KEDB. B’riferiment għan-nuqqasijiet fl-eżami tal-applikazzjoni taċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil, ir-riskju ta’ refoulement dirett jew indirett lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu mingħajr ebda eżami serju tal-merti tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu, u għan-nuqqas ta’ rimedju effettiv, il-Qorti Ewropea stabbiliet ukoll ksur tal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB. Hija kkonstatat ukoll li l-Belġju wkoll kien kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB peress li, billi bagħat liċ-ċittadin Afgan li qed ifittex ażil lura lejn il-Greċja, huwa kien esponieh għar-riskji marbuta man-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta’ ażil Griega, u għall-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-għajxien li kienu jiksru l-Artikolu 3 tal-KEDB. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ewropea kkonstatat ukoll li l-Belġju kien kiser l-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

104.  Il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri individwali wkoll ħadu pożizzjoni ta’ kritika fir-rigward tas-sistema għal ażil Griega u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-għajxien għal dawk li jfittxu l-ażil fil-Greċja fil-kuntest tar-Regolament Nru 343/2003 u t-trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil lejn il-Greċja. Pereżempju, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2010 (41), il-Verfassungsgerichtshof Awstrijaka (Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat, fir-rigward ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tat-trasferiment lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 ta’ mara Afgana waħedha bi tlett itfal, li, għalkemm, fil-prinċipju, hemm il-possibbiltà ta’ provvediment mill-Istat fejn il-persuni vulnerabbli jiġu rritornati lejn il-Greċja sabiex tiġi implementata l-proċedura għal ażil, dan ma jistax jiġi preżunt awtomatikament mingħajr assigurazzjoni individwali speċifika min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

105.  Il-konstatazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-qorti inferjuri, li huma riprodotti mill-qorti tar-rinviju bħala l-qorti tal-appell fid-deċiżjoni tar-rinviju, jagħtu stampa simili (42). Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni indikat li fit-3 ta’ Novembru 2009 hija bagħtet lill-Greċja ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 226 KE u li fl-24 ta’ Ġunju 2010 hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni supplimentari, fejn allegat li l-Greċja kienet, inter alia, kisret diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 (43).

106. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li s-sistema Griega ta’ ażil tinsab taħt pressjoni kunsiderevoli bħala riżultat ta’ tagħbija żejda, u bħala riżultat ta’ dan ma jistax jibqa’ jiġi ggarantit li dawk li jfittxu l-ażil se jiġu trattati u li l-applikazzjonijiet tagħhom ser jiġu eżaminati skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li dawk li jfittxu ażil li huma ttrasferiti minn Stat Membru ieħor lejn il-Greċja skont ir-regoli u l-mekkaniżmi tar-Regolament Nru 343/2003 ser jesperjenzaw trattament, wara t-trasferiment tagħhom, li ma huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-KEDB.

3.      Kunsiderazzjoni tat-tagħbija żejda tas-sistemi ta’ ażil tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003

107. Fid-dawl tat-tagħbija żejda tas-sistema Griega ta’ ażil u l-effetti ta’ din it-tagħbija żejda fuq it-trattament ta’ dawk li jfittxu ażil u fuq l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju tiffaċċja l-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru jistax jittrasferixxi lil persuna li tfittex ażil lejn il-Greċja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, anki jekk jiġi stabbilit li trasferiment bħal dan jesponi lil min ifittex ażil għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tespandi fuq din il-kwistjoni ta’ prinċipju fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ domandi.

108. Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika rigward jekk, fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istati Membri jistgħux jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li, wara t-trasferiment tal-persuna li tfittex ażil, l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil ser josserva kemm l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-persuna li qed tfittex ażil (it-tielet domanda), bir-riżultat li trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003 għandu dejjem jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, indipendentement mis-sitwazzjoni fl-Istat responsabbli (it-tieni domanda).

109. F’każ li dawn id-domandi jiġu mwieġba fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, permezz tar-raba’ domanda tagħha, jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, Stat Membru huwiex obbligat, fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, li jieħu responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, fejn it-trasferiment lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lill-persuna li tfittex l-ażil għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha u/jew għal riskju li l-istandards minimi stipulati fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 mhux se jiġu applikati għaliha.

110. Se nibda billi nikkunsidra r-raba’ domanda. Imbagħad ser nindirizza t-tieni u t-tielet domandi.

a)      Ir-raba’ domanda: l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 fejn it-trasferiment lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lill-persuna li qed tfittex ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha

i)      Il-problema ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali meta min ifittex ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli

111. Jekk Stat Membru ma jkunx jista’, għal kwalunkwe raġuni, jikkonforma mar-regoli tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 jew mal-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali rigward it-trattament tal-persuni li jfittxu ażil jew rigward l-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom, ikun hemm riskju de facto li jekk il-persuni li jfittxu ażil jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, dawn ser jiġu esposti għal trattament li jikser id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom.

112. F'dan ir-rigward, jista’ jkun hemm biża’, pereżempju, ta’ ksur tad-dritt għar-rispett u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament inuman jew degradanti li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli (44).

113. Jekk ikun hemm riskju serju fi Stat Membru ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-persuni li jfittxu ażil li jiġu ttrasferiti hemmhekk, jew ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, it-trasferiment tal-persuni li jfittxu ażil lejn dan l-Istat Membru wkoll ikun inkompatibbli mal-Artikolu 1 jew mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, id-dinjità tal-bniedem mhux biss għandha tiġi “irrispettata” iżda wkoll “protetta”. Tali funzjoni pożittiva ta’ protezzjoni hija inerenti wkoll fl-Artikolu 4 tal-Karta (45). Barra minn hekk, l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprovdi espressament f’dan ir-rigward li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li hu jew hi jiġi/tiġi soġġett/a għall-piena kapitali, tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti ieħor (46).

114. It-tagħbija żejda totali tas-sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru tista’ tfisser ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, li jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tat-trasferiment ta’ persuna li tfittex l-ażil lejn dan l-Istat Membru mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

115. Skont l-Artikolu 18 tal-Karta, id-dritt għal ażil għandu jiġi ggarantit bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-Trattat tal-Unjoni u tat-Trattat dwar il-FUE (47). Wieħed mill-elementi ċentrali tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa l-projbizzjoni ta’ tkeċċija diretta jew indiretta jew ir-ritorn ta’ refuġjat lejn Stat ta’ persekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 33 ta’ dik il-Konvenzjoni, element magħruf bħala l-prinċipju ta’ non-refoulement. Minkejja li ma hemmx qbil dwar l-ambitu preċiż ta’ din il-projbizzjoni dwar ir-ritorn, għandu jitqies li din il-projbizzjoni tagħti lir-refuġjati (48) mhux biss protezzjoni minn deportazzjoni diretta lejn l-Istat ta’ persekuzzjoni, iżda wkoll protezzjoni minn deportazzjoni sussegwenti, fejn isir trasferiment lejn Stat li fih hemm riskju ta’ deportazzjoni lejn Stat ta’ persekuzzjoni (49).

116. Jekk it-tagħbija żejda ta’ sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru tfisser li r-refuġjati f’dan l-Istat Membru ser ikunu fir-riskju ta’ ritorn dirett jew indirett lejn Stat ta’ persekuzzjoni, l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għalhekk jipprojbixxi lill-Istati Membri l-oħra milli jittrasferixxu refuġjati lejn dan l-Istat Membru.

ii)    L-obbligu li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003

117. Mill-osservazzjonijiet preċedenti tiegħi jirriżulta, l-ewwel nett, li t-tagħbija żejda ta’ sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru tista’ twassal għal ambjent fejn wieħed jew iktar mid-drittijiet tal-persuni li jfittxu l-ażil stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistgħu jiġu miksura. It-tieni nett, jiena kkonkludejt li t-trasferiment tal-persuni li jfittxu l-ażil lejn Stat Membru li fih hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil ma huwiex kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

118. F’dan l-isfond, tqum id-domanda dwar jekk ir-Regolament Nru 343/2003 jistax jiġi interpretat b’tali mod li t-trasferimenti ta’ persuni li jfittxu l-ażil li jiksru d-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu esklużi.

119. Il-fatt li r-Regolament Nru 343/2003 għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali jirriżulta, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiddependux fuq interpretazzjoni ta’ strument ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (50). It-tieni nett, interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali hija meħtieġa b’mod partikolari peress li huwa espressament iddikjarat fl-Artikolu 63(1) KE, li jservi bħala bażi legali abilitanti għal dan ir-regolament fid-dritt primarju, li l-miżuri tal-Unjoni dwar l-ażil għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève u ma’ trattati rilevanti oħra (51). Il-premessa 15 tal-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003 tikkonferma wkoll li dan ir-regolament josserva d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li huma rrikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (52).

120. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jippermetti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li huwa wiesa’ biżżejjedsabiex ikunu jistgħu japplikaw dan ir-regolament b’mod li jkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fejn trasferiment lejn l-Istat Membru li jkun primarjament responsabbli jesponi lill-persuna li tfittex l-ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

121. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jeżaminaw l-applikazzjoni għal ażil ippreżentata minn persuna li tfittex ażil f’dan l-Istat Membru anki meta, skont l-Artikolu 3(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament, Stat Membru ieħor ikun primarjament responsabbli. Meta Stat Membru jeżerċita dan id-dritt li jieħu responsabbilità għall-eżami, dan isir l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ din ir-responsabbiltà.

122. Jekk it-trasferiment lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lil min ifittex ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Istat Membru li fih il-persuna li tfittex l-ażil ippreżentat l-applikazzjoni għal ażil jista’ għalhekk jelimina dan ir-riskju kompletament billi jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

123. Fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Istati Membri huma meħtieġa li japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali u li trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil lejn Stat Membru li fih ikun hemm riskju serju ta’ ksur ta’ wieħed jew iktar mid-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil għandu, bħala regola, jitqies bħala ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Istat Membru li jittrasferixxi, l-Istati Membri huma obbligati, fil-fehma tiegħi, li jeżerċitaw id-dritt li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami huma stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 meta jkun hemm riskju fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli ta’ ksur tad-drittijiet tal-persuna li tfittex ażil li se tiġi ttrasferita, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

124. Riskji serji ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 fl-Istat Membru primarjament responsabbli li ma jikkostitwixxux ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex ażil li għandha tiġi ttrasferita, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma humiex biżżejjed, min-naħa l-oħra, sabiex joħolqu obbligu għall-Istat Membru li jittrasferixxi li jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

125. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddikjarat, qabel kollox, li interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali ma tistax teħtieġ l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) meta l-Istat Membru ospitanti jikser id-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85, iżda mingħajr ma jikser il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, it-trasferiment ta’ persuna li tfittex l-ażil lejn Stat Membru fejn ma hemm ebda riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ dik il-persuna li tfittex ażil, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, normalment ma jwassalx għal ksur tal-Karta mill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment.

126. Barra minn hekk, ikun diffiċli li ssir rikonċiljazzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 jekk kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 ikun biżżejjed sabiex jimpedixxi t-trasferiment ta’ persuna li tfittex l-ażil lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli (53). Ir-Regolament Nru 343/2003 huwa maħsub li jistabbilixxi metodu ċar u li jiffunzjona sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil, li jippermetti wkoll li jiġi stabbilit malajr l-Istat Membru responsabbli (54). Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi dispożizzjoni li tipprovdi li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ kull applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni Ewropea tistrieħ fuq Stat Membru wieħed, li huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Fil-każ ta’ dħul illegali fl-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru tal-ewwel dħul huwa responsabblisabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003 (55)

127. Jekk kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 min-naħa tal-Istat Membru tal-ewwel dħul illegali jitqies bħala li jfisser li l-Istat Membru li fih il-persuna li tfittex l-ażil ippreżentat applikazzjoni għal ażil huwa meħtieġ li jeżerċita d-dritt tiegħu li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ikun qiegħed jinħoloq kriterju ta’ esklużjoni ġdid u wiesa’, minbarra l-kriterji oġġettivi sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament, kriterju li jkun ifisser li anki ksur minuri tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 fl-Istati Membri individwali jista’ jfisser li dawn l-Istati Membri jinħelsu mir-responsabbiltajiet tagħhom skont ir-Regolament Nru 343/2003 u d-dmirijiet assoċjati. Dan jista’ jirriżulta mhux biss fil-fatt li r-regoli dwar ir-responsabilità fformulati fir-Regolament Nru 343/2003 jiġu kompletament imdgħajfa, iżda jista’ jipperikola wkoll l-għan ta’ dawn ir-regoli, li huwa li jiddeterminaw malajr l-Istati Membri responsabbli sabiex jeżaminaw applikazzjonijiet għal ażil ippreżentati fl-Unjoni Ewropea.

iii) Konklużjoni interim

128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda li saret mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li Stat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal ażil huwa obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina dik l-applikazzjoni għal ażil huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 meta t-trasferiment lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli skont l-Artikolu 3(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jesponi lill-persuna li tfittex ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Riskji serji ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 fl-Istat Membru primarjament responsabbli li ma jikkostitwixxux ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex l-ażil li għandha tiġi ttrasferita, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma humiex biżżejjed, min-naħa l-oħra, sabiex joħolqu obbligu għall-Istat Membru li jittrasferixxi sabiex jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

b)      It-tieni u t-tielet domandi: Użu ta’ preżunzjonijiet konklużivi fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003

129. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk, fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istati Membri jistgħux jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li, wara t-trasferiment tal-persuna li tfittex l-ażil, l-Istat Membru primarjament responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil ser josserva l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u d-drittijiet fundamentali tal-persuna li qed tfittex l-ażil (it-tielet domanda), bir-riżultat li trasferiment tal-persuni li jfittxu ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003 għandu dejjem jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, irrispettivament mis-sitwazzjoni fl-Istat responsabbli (it-tieni domanda).

130. Fil-fehma tiegħi, dawn id-domandi għandhom jiġu mwieġba fin-negattiv.

131.  Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq, ir-riskju li trasferiment ta’ persuni li jfittxu l-ażil lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom se jesponihom de facto għal trattament li jikser id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem qatt ma jista’ jiġi kompletament eskluż. Jekk ikun hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tal-persuna li tfittex l-ażil, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-Istat Membru primarjament responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil, l-Istat Membru li fih dik il-persuna li tfittex l-ażil tkun ippreżentat l-applikazzjoni għal ażil tagħha huwa obbligat li jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

132. Huwa immedjatament ċar minn dawn il-konstatazzjonijiet li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 fuq il-bażi tal-preżunzjoni konklużiva li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li qed tfittex ażil ser jiġu osservati fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mad-dmir tal-Istat Membru li jinterpreta u japplika r-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali (56). F’dak il-każ, l-Istat Membru li fih il-persuna li tfittex l-ażil ippreżentat l-applikazzjoni għal ażil tagħha qatt ma jkun obbligat li jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, u għalhekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż li dawk li jfittxu l-ażil ser jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor minkejja r-riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

133. Għall-istess raġuni, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 fuq il-bażi tal-preżunzjoni konklużiva li l-istandards minimi kollha stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 ser jiġu osservati fl-Istat Membru ospitanti għandha tiġi miċħuda wkoll bħala li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-preżunzjoni konklużiva li l-istandards minimi kollha stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 ser jiġu osservati ma hijiex differenti, fil-prattika, mill-preżunzjoni konklużiva li d-drittijiet fundamentali tal-persuni li qed ifittxu l-ażil, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ser jiġu osservati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.

134. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Istati Membri huma preklużi, fil-prinċipju, milli jipproċedu mill-preżunzjoni konfutabbli, meta japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003, li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali ta’ min ifittex ażil ser jiġu osservati fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu. Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li t-trattament tal-persuni li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 għandhom jissodisfaw l-istandards minimi sostanzjali f’kull Stat Membru u li l-Istati Membri kollha għandhom josservaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (57) u - bħala Stati Kontraenti - il-KEDB u l-Konvenzjoni ta’ Genève. Fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni li huwa għalhekk (legalment) żgurat, jidher li huwa raġonevoli, fir-rigward tat-trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil, li l-Istati Membri jipproċedu mill-preżunzjoni konfutabbli li dawk li jfittxu l-ażil ser jiġu ttrattati b’mod konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem u mad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli (58). Għaldaqstant, il-premessa 2 tal-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003 tiddikjara espressament li l-Istati Membri, li kollha josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, għandhom jitqiesu bħala pajjiżi mingħajr perikolu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (59).

135. Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li joperaw tali preżunzjoni konfutabbli, madankollu, huma għandhom josservaw il-prinċipju tal-effettività, li jipprovdi li t-twettiq tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma jistax isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (60).

136. Jekk l-Istati Membri għalhekk jiddeċiedu li jintroduċu l-preżunzjoni konfutabbli li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali ta’ min ifittex ażil ser jiġu osservati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, dawk li jfittxu ażil għandhom jingħataw il-possibbiltà, proċeduralment, li attwalment jirribattu din il-preżunzjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, il-forma speċifika tal-evidenza disponibbli u d-definizzjoni tar-regoli u l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-evidenza għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu indirizzati fil-kuntest tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri individwali.

137. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun fis-sens li l-obbligu li r-Regolament Nru 343/2003 jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali jipprekludi l-operazzjoni ta’ preżunzjoni konklużiva li tipprovdi li l-Istat Membru primarjament responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil se josserva d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex ażil skont id-dritt tal-Unjoni u l-istandards minimi kollha stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85. L-Istati Membri ma humiex ostakolati, min-naħa l-oħra, milli jipproċedu mill-preżunzjoni konfutabbli, meta japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003, li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali ta’ min ifittex ażil ser jiġu osservati fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil tiegħu.

C –    Il-ħames domanda: Ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu ażil skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-protezzjoni tagħhom skont il-KEDB

138. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jagħtux lil dawk li jfittxu ażil li għandhom jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 343/2003 protezzjoni usa’ minn dik li jagħtihom l-Artikolu 3 tal-KEDB.

139. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma eżaminatx espressament l-isfond legali ta’ din id-domanda, id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea f’K.R.S vs Ir-Renju Unit (61) jidher li kellha rwol importanti fir-rinviju tagħha. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti Ewropea kienet meħtieġa tiddeċiedi rigward rikors ippreżentat skont il-KEDB minn ċittadin Iranjan li kellu jiġi trasferit mir-Renju Unit lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003. Iċ-ċittadin Iranjan li qed ifittex ażil ikkunsidra li t-tneħħija lejn il-Greċja tikser l-Artikolu 3 tal-KEDB. Fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti Ewropea ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament infondat.

140. Fiż-żmien meta saret id-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju għalhekk kienet qiegħda taffaċċja l-kwistjoni ta’ kif kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea f’K.R.S. vs Ir-Renju Unit. Kellu jiġi ċċarat jekk il-fehma tal-Qorti Ewropea, fis-sens li t-trasferiment taċ-ċittadin Iranjan li qed ifittex ażil lejn il-Greċja ma jiksirx l-Artikolu 3 tal-KEDB, tipprekludix konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

141. Kif diġà spjegajt, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Jannar 2011 f’M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (62), jiġifieri wara li ġiet ippreżentata d-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti Ewropea żviluppat iktar il-ġurisprudenza tagħha u kkunsidrat li t-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil mill-Belġju lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 kien jammonta għal ksur mill-Belġju tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

142.  Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, jidher li l-qorti tar-rinviju ma għadhiex iktar meħtieġa primarjament li tindirizza l-kwistjoni ta’ f’liema ċirkustanzi t-trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil lejn il-Greċja jista’, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea f’K.R.S. vs Ir-Renju Unit, iwassal għal konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet ta’ dik il-persuna li tfittex ażil kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda hija pjuttost meħtieġa tindirizza l-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ewropea f’M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, it-trasferiment ta’ persuni li jfittxu l-ażil lejn il-Greċja attwalment jistax xorta waħda jitqies li huwa kompatibbli mal-Karta.

143. F’dan l-isfond, il-ħames domanda għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba tiċċara r-relazzjoni bejn l-Artikoli 3 u 13 tal-KEDB u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (63) u l-mod li bih il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea dwar il-kompatibbiltà (jew in-nuqqas ta’ kompatibbiltà) mal-KEDB tat-trasferimenti ta’ dawk li jfittxu ażil lejn il-Greċja jaffettwa l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbiltà ta’ tali trasferimenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

144. Fir-risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet inklużi fil-Karta li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u ambitu bħad-drittijiet korrispondenti stabbiliti mill-KEDB. Huwa wkoll espressament ipprovdut fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li din id-dispożizzjoni ma timpedixxix lid-dritt tal-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni iktar estensiva.

145. Fl-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa enfasizzat li din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tiżgura l-konsistenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB. Skont l-Ispjegazzjonijiet, dan ir-riferiment għandu jiġi interpretat mhux biss bħala riferiment għat-test tal-KEDB u tal-Protokolli tagħha, iżda wkoll għall-kjarifika fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tat-tifsira u tal-ambitu tad-drittijiet iggarantiti. Madankollu, dan ma jippreġudikax l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

146. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu għaldaqstant jiġi żgurat li l-protezzjoni ggarantita mill-Karta fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkoinċidu mal-garanziji skont il-KEDB ma hijiex inqas mill-protezzjoni mogħtija mill-KEDB. Peress li l-protezzjoni mogħtija mill-KEDB qed tiżviluppa kontinwament fid-dawl tal-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti Ewropea (64), ir-riferiment għall-KEDB li jinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat bħala riferiment essenzjalment dinamika li, fil-prinċipju, ikopri l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea (65).

147. Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea essenzjalment dejjem jikkostitwixxu deċiżjonijiet ġudizzjarji speċifiċi għal kull każ partikolari u mhux ir-regoli tal-KEDB infushom, u għalhekk ikun żbaljat jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tiġi kkunsidrata bħala sors ta’ interpretazzjoni b’validità sħiħa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta (66). Din il-konstatazzjoni, ċertament, ma tistax taħbi l-fatt li għandhom jiġu attribwiti sinjifikat partikolari u importanza kbira lill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea rigward l-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bir-riżultat li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi interpretata l-Karta (67).

148. Din il-fehma hija kkonfermata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkunsidra sistematikament il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KEDB fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (68).

149. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun fis-sens li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi żgurat li l-protezzjoni ggarantita mill-Karta fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkoinċidu mad-dispożizzjonijiet tal-KEDB ma tkunx inqas mill-protezzjoni mogħtija mill-KEDB. Minħabba li l-firxa u l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-KEDB ġew iċċarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, għandhom jiġu attribwiti sinjifikat partikolari u importanza kbira lil dik il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

D –    Is-sitt domanda: L-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB fl-Istat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003

150. Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk liġi nazzjonali li fuq il-bażi tagħha, fl-istħarriġ tagħhom tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, il-qrati għandhom jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li l-Istat primarjament responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil huwa pajjiż mingħajr perikolu li fih dawk li jfittxu l-ażil ma jkunux esposti għar-riskju ta’ tkeċċija lejn Stat ta’ persekuzzjoni, li hija inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève jew mal-KEDB, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

151. Sabiex inwieġeb din id-domanda, l-ewwel se neżamina r-relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-riskju ta’ tkeċċija lejn Stat ta’ persekuzzjoni, li hija inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB u li tista’ timmaterjalizza f’każ li dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli. Fuq il-bażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet jiena mbagħad se nwieġeb is-sitt domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

1.      L-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-riskju tal-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB wara t-trasferiment ta’ persuna li tfittex l-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003

152. Skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull min ikollu d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea miksura għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu.

153.  Il-kundizzjoni bażika għall-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija għalhekk li d-drittijiet u l-libertajiet ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jkunu miksura. F’dan l-isfond, ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB jista’ jistabbilixxi dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biss jekk dan il-ksur jitqies ukoll bħala ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

154. Għalkemm ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB rigward it-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn Stat Membru li fih ikun hemm riskju serju li titkeċċa lejn Stat ta’ persekuzzjoni għandu jiġi distint strettament, de jure, minn kwalunkwe ksur assoċjat tad-dritt tal-Unjoni, hemm, bħala regola, parallel de facto f’każ bħal dan bejn il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB u l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

155. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn Stat Membru li fih ikun hemm riskju serju li titkeċċa lejn Stat ieħor bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamenali, li jipprovdi li d-dritt għal ażil għandu jiġi ggarantit b’rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève (69). Bis-saħħa ta’ dan ir-riferiment espress għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jagħti lir-refuġjati li ppreżentaw applikazzjoni għal ażil protezzjoni kontra trasferimenti li ma jkunux kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève (70). Għaldaqstant, it-trasferiment ta’ refuġjat lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil tiegħu ma jkunx kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jkun hemm riskju serju f’dan l-Istat Membru ta’ tkeċċija diretta jew indiretta lejn Stat ta’ persekuzzjoni, tkeċċija li ma hijiex kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

156. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk it-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn Stat Membru li fih hemm riskju serju li titkeċċa lejn pajjiż terz bi ksur tal-KEDB huwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta ma tistax tkun inqas mill-garanziji mogħtija taħt il-KEDB (71).

157. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea ċċarat il-garanziji mogħtija taħt il-KEDB dwar it-trasferiment ta’ dawk li jfittxu ażil bejn l-Istati Membri riċentement fis-sentenza tagħha M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja. Hija ddikjarat li t-tneħħija ta’ persuna li tfittex ażil lejn pajjiż intermedjarju, li huwa wkoll Parti Kontraenti, tħalli r-responsabbiltà tal-Istat li jagħmel it-trasferiment intatta, u li dan l-Istat huwa meħtieġ, skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, li ma jiddeportax persuna jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-persuna inkwistjoni, jekk tiġi ttrasferita lejn il-pajjiż intermedjarju, taffaċċja riskju reali li tiġi esposta għal trasferiment lejn Stat ieħor bi ksur tal-Artikolu 3 (72).

158. Fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, f’każ li t-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003 jikser l-Artikolu 3 tal-KEDB minħabba r-riskju ta’ refoulement indirett, ġeneralment ikun hemm ukoll ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm, b’mod partikolari, ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex ażil kif stabbiliti fl-Artikolu 1, fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19 (2) tal-Karta (73).

159. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, fil-qosor, li t-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003 huwa, bħala regola, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta l-persuna li tfittex ażil tkun esposta f’dan l-Istat Membru għal riskju serju li titkeċċa lejn Stat ta’ persekuzzjoni, tkeċċija li ma tkunx kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève jew mal-KEDB. Jekk it-trasferiment tal-persuna li tfittex ażil jikser id-dritt tal-Unjoni, ikun applikabbli l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.       Inkompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-preżunzjoni legali konklużiva li l-persuna li tfittex ażil mhux ser tkun esposta, fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, għar-riskju li titkeċċa lejn Stat ieħor, tkeċċija li ma tkunx kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-KEDB

160. Skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull min ikollu d-drittijiet u l-libertajiet ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea miksura għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti sabiex jiġi rrivedut dan il-ksur. Peress li dan ir-rimedju huwa maħsub sabiex jiċċara jekk id-drittijiet jew il-libertajiet fil-fatt ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ġewx miksura jew le, dan id-dritt għal rimedju effettiv jirriżulta minn meta jsir ilment plawżibbli relatat mal-ksur (74).

161.  Il-forma proċedurali speċifika tar-rimedju effettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija prinċipalment f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri huwa limitat bir-rekwiżit li l-effettività tar-rimedju għandha dejjem tkun iggarantita. Għandu jiġi mfakkar ukoll f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv għandha tiġi pprovduta bil-liġi (75) u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dak id-dritt u l-prinċipju tal-proporzjonalità.

162. Il-kontenut minimu tad-dritt għal rimedju effettiv jinkludi r-rekwiżiti li r-rimedju li għandu jingħata lill-benefiċjarju għandu jissodisfa l-prinċipju ta’ effettività (76). Skont dan il-prinċipju, it-twettiq tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma jistax isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (77).

163. Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-kummenti dwar l-essenza u l-kontenut minimu tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa evidenti immedjatament li liġi nazzjonali li tipprovdi li, fl-istħarriġ tagħhom tat-trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003, il-qrati għandhom jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li dan l-Istat Membru ma huwiex se jkeċċi lill-persuna li tfittex ażil lejn Stat ieħor bi ksur tal-KEDB jew tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

164. Il-fattur kruċjali f’dan ir-rigward huwa li tali preżunzjoni tagħmel eċċessivament diffiċli jew saħansitra tipprekludi de facto l-istħarriġ ġudizzjarju tar-riskju ta’ deportazzjoni sussegwenti lejn Stat ta’ persekuzzjoni, li tkun inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Loġikament, ikun diffiċli sabiex wieħed jifhem kif qorti nazzjonali tista’ tiċħad ir-riskju ta’ deportazzjoni sussegwenti lejn Stat ta’ persekuzzjoni mill-perspettiva tal-KEDB u tal-Konvenzjoni ta’ Genève, filwaqt li taċċetta r-riskju koestensiv ta’ deportazzjoni sussegwenti lejn Stat ta’ persekuzzjoni mill-perspettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għal din ir-raġuni, il-preżunzjoni konklużiva inkwistjoni, fis-sens li l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli mhux se jkeċċi lill-persuna li tfittex ażil lejn Stat ta’ persekuzzjoni bi ksur tal-KEDB u tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

165. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li liġi nazzjonali li tipprovdi li, fl-eżami ta’ jekk persuna li tfittex ażil tistax tiġi ttrasferita legalment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 343/2003, il-qrati għandhom jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li l-Istat Membru huwa pajjiż mingħajr perikolu li fih dawk li jfittxu ażil ma humiex esposti għar-riskju li jitkeċċew lejn Stat ta’ persekuzzjoni, bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

E –    Is-seba’ domanda

166. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-kontenut u l-ambitu tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hija essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl ta’ dan il-protokoll, id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma rilevanti għall-kawża preżenti jistax ikollhom effett sħiħ fl-ordinament ġuridiku tar-Renju Unit.

167. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq tkun taf jekk, u jekk iva sa liema punt, il-Protokoll Nru 30 jistax jitqies bħala “opt-out” mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għar-Renju Unit u għar-Repubblika tal-Polonja.

168.  Fil-fehma tiegħi, id-domanda dwar jekk il-Protokoll Nru 30 għandux jiġi kkunsidrat bħala opt-out ġenerali mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għar-Renju Unit u għar-Repubblika tal-Polonja tista’ tiġi mwieġba faċilment fin-negattiv (78). Din il-konklużjoni hija ssuġġerita minn analiżi tal-kliem tal-Protokoll Nru 30, fid-dawl b’mod partikolari tal-premessi tiegħu.

169. Skont l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 30, il-Karta ma testendix il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, sabiex tikkonstata li l-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, prattiki jew azzjoni tal-Polonja jew tar-Renju Unit ma humiex konsistenti mad-drittijiet fundamentali, mal-libertajiet u mal-prinċipji li l-Karta tafferma mill-ġdid.

170. Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 30 għalhekk jagħmilha ċara li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandhiex l-effett li ċċaqlaq il-kompetenzi għad-detriment tar-Renju Unit jew tal-Polonja jew li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-Trattati. L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 30 għalhekk sempliċement jerġa’ jafferma l-kontenut normattiv tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li huwa intiż li jevita preċiżament tali estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni jew tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (79). L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll għalhekk, fil-prinċipju, ma jikkontestax il-validità tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għar-Renju Unit u għall-Polonja (80).

171. Din il-fehma hija kkonfermata fil-premessi tal-preambolu għall-Protokoll, li jikkonferma, f’diversi postijiet, il-validità fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-ordinament ġuridiku Pollakk u f’dak Ingliż (81). Pereżempju, it-tielet premessa tiddikjara li skont l-Artikolu 6 TUE l-Karta għandha tkun applikata u interpretata mill-qrati tal-Polonja u tar-Renju Unit f’konformità stretta mal-ispjegazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu. Fit-tmien u fid-disa’ premessi isir riferiment għax-xewqa tal-Polonja u tar-Renju Unit li jiċċaraw ċerti aspetti tal-applikazzjoni tal-Karta u l-applikazzjoni tal-Karta rigward il-liġijiet u l-azzjoni amministrattiva tal-Polonja u tar-Renju Unit.

172. Filwaqt li l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 30 ma jikkontestax il-validità tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda għandu jitqies sempliċement bħala konferma espressa tal-kontenut normattiv tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30 jidher li jipprova jiċċara l-validità tad-dispożizzjonijiet individwali tal-Karta fl-ordinament ġuridiku tar-Renju Unit u f’dak tal-Polonja. Skont l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30, ma hemm xejn fit-Titolu IV tal-Karta li joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn dawn id-drittijiet jiġu previsti fil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

173. L-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30 jirrigwarda d-drittijiet fundamentali soċjali u l-prinċipji miġbura flimkien taħt it-Titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikoli 27 sa 38). Dan it-titolu, intitolat “Solidarjetà”, huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar oqsma kontroversjali fl-evoluzzjoni tal-Karta. Kien hemm tilwim mhux biss dwar il-kwistjoni fundamentali ta’ jekk id-drittijiet u l-prinċipji soċjali għandhomx jiġu inkorporati fil-Karta, iżda wkoll dwar kemm drittijiet soċjali għandhom jiġu inklużi, kif għandhom jiġu organizzati fid-dettall, x’forza vinkolanti għandu jkollhom, u jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala drittijiet fundamentali jew prinċipji (82).

174. Bid-dikjarazzjoni li t-Titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma joħloqx drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30 l-ewwel jafferma mill-ġdid il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, li l-Karta ma toħloqx drittijiet ġustizzjabbli bejn individwi privati. Madankollu, l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30 jidher ukoll li jeskludi drittijiet u intitolamenti ġodda tal-Unjoni mnissla mill-Artikoli 27 sa 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li dawk intitolati għalihom jistgħu jinvokaw fil-konfront tar-Renju Unit jew tal-Polonja (83).

175. Peress li d-drittijiet fundamentali kkontestati fil-kawża preżenti ma humiex fost id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji soċjali stabbiliti fit-Titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, madankollu, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata f’iktar dettall hawnhekk il-kwistjoni tal-validità u tal-ambitu preċiż tal-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30. Huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-għaxar premessa tal-preambolu tal-Protokoll Nru 30, fejn jingħad li r-riferiment f’dan il-protokoll għall-operazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Karta huma strettament bla ħsara għall-operazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-Karta.

176. L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 30 jipprovdi, fl-aħħar nett, li meta dispożizzjoni tal-Karta tirreferi għal liġijiet u prattiki nazzjonali, hija tapplika biss għall-Polonja jew għar-Renju Unit sal-punt li d-drittijiet jew il-prinċipji li jkun fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.

177.  Fid-dawl tal-premessi msemmija iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli li mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 30 wieħed jiddeduċi “opt-out” ġenerali mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għar-Renju Unit u għar-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 30 japplika biss għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jirreferu għal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali (84). Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li huma rilevanti f’din il-kawża.

178. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda għandha tkun fis-sens li l-interpretazzjoni tal-Protokoll Nru 30 ma pproduċiet ebda konstatazzjonijiet li jikkontestaw il-validità għar-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma rilevanti fil-kawża preżenti.

VII –  Konklużjoni

179. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Court of Appeal (England and Wales) kif ġej:

(1)      Deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar jekk jeżaminax applikazzjoni għal ażil li ma tkunx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

(2)      Stat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal ażil huwa obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina dik l-applikazzjoni għal ażil huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 meta t-trasferiment lejn l-Istat Membru primarjament responsabbli skont l-Artikolu 3(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jesponi lill-persuna li tfittex ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Riskji serji ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil, tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat[us] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr [S]tat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, fl-Istat Membru primarjament responsabbli li ma jikkostitwixxux ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex ażil li għandha tiġi ttrasferita ma humiex biżżejjed, min-naħa l-oħra, sabiex joħolqu obbligu għall-Istat Membru li jittrasferixxi sabiex jeżerċita d-dritt li jieħu r-responsabbiltà għall-eżami huwa stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

(3)      L-obbligu li r-Regolament Nru 343/2003 jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali jipprekludi l-operazzjoni ta’ preżunzjoni konklużiva li tipprovdi li l-Istat Membru primarjament responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tfittex ażil skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-istandards minimi kollha stabbiliti fid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85. L-Istati Membri ma humiex ostakolati, min-naħa l-oħra, milli jipproċedu mill-preżunzjoni konfutabbli, meta japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003, li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali ta’ min ifittex ażil ser jiġu osservati fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil tiegħu.

(4)      Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi żgurat li l-protezzjoni ggarantita mill-Karta fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkoinċidu mad-dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-“KEDB”) ma tkunx inqas mill-protezzjoni mogħtija mill-KEDB. Minħabba li l-firxa u l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-KEDB ġew iċċarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom jiġu attribwiti sinjifikat partikolari u importanza kbira lil dik il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(5)      Liġi nazzjonali li tipprovdi li, fl-eżami ta’ jekk persuna li tfittex ażil tistax tiġi ttrasferita legalment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 343/2003, il-qrati għandhom jipproċedu mill-preżunzjoni konklużiva li l-Istat Membru huwa pajjiż mingħajr perikolu li fih dawk li jfittxu ażil ma humiex esposti għar-riskju li jitkeċċew lejn Stat ta’ persekuzzjoni, bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-KEDB, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

(6)      L-interpretazzjoni tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, ma pproduċiet ebda konstatazzjonijiet li jikkontestaw il-validità għar-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma rilevanti f’din il-kawża.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109.


3 –      Rikors Nru 30696/09.


4 –      Minbarra r-Regolament u d-Direttivi msemmija hawnhekk, hemm ħafna iktar atti ta’ dritt sekondarju oħrajn relatati mal-ħolqien ta’ sistema komuni ta’ ażil, mal-implementazzjoni ta’ politika tal-immigrazzjoni illegali, u mal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, bħalma huma r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, p. 11) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).


5 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162.


6 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101.


7 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.


8 –      ĠU L 175M, 29.06.2006, p. 168.


9 –      Il-Gvern tar-Renju Unit irrisponda għad-domandi l-oħra f’każ li, għall-kuntrarju tal-proposta tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jieħu r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma taqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.


10 –      Fuq il-bażi tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit liema jkun l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (ĠU 2008 L 53, p. 5), il-Konfederazzjoni Svizzera tipparteċipa fis-sistema tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-Istati responsabbli għall-applikazzjonijiet għal ażil. Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan il-ftehim, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha d-dritt li tissottometti dikjarazzjonijiet dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet fejn qorti fi Stat Membru tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003.


11 –      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tindirizza din il-kwistjoni peress li s-Secretary of State kien argumenta li, meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jikkunsidraw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni sa fejn l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jaqax fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.


12 –      Ara wkoll l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 32).


13 –      ĠU 2007 C 303, p. 32. Skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. L-importanza tal-Ispjegazzjonijiet għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tal-Karta hija kkonfermata espressament ukoll fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.


14 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989 (5/88, Ġabra p. 2609).


15 –      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925).


16 –      Sentenza tat-13 ta’ April 2000 (C‑292/97, Ġabra p. I‑2737). Din is-sentenza tista’ tiġi kklassifikata fil-linja tal-ġurisprudenza Wachauf.


17 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I‑5769, punti 104 et seq.)


18 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 41 et seq.


19 –      Ara wkoll C. Ladenburger, Artikolu 51, f’Europäische Grundrechtecharta (ed. P. Tettinger/K. Stern), Munich 2006, punti 22 et seq.; C. Nowak, f’Handbuch der Europäischen Grundrechte (ed. Heselhaus/Nowak), Munich 2006, § 6, punti 44 et seq.


20 –      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istat Membru li jiddeċiedi volontarjament li jeżamina l-applikazzjoni għal ażil isir l-Istat Membru responsabbli fis-sens ta’ dan ir-regolament u jassumi l-obbligi assoċjati ma’ din ir-responsabbiltà.


21 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


22 –      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta’ Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 132, p. 11).


23 –      Sentenza Wachauf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19.


24 –      Ibid. (punti 22 et seq.).


25 –      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 104).


26 –      Analiżi korretta mogħtija minn M. Graßhof f’EU‑Kommentar (ed. Schwarze), it-2 edizzjoni, Baden-Baden 2009, l-Artikolu 63 KE, punt 4.


27 –      Artikolu 63(1)(b), (c) u (d) KE.


28 –      Skont l-Artikoli 1 et seq. tal-Protokoll (Nru 5) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni ta’ dawn id-Direttivi u dawn id-Direttivi għalhekk ma jorbtux jew ma humiex applikabbli għad-Danimarka (ara l-premessa 21 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/9, il-premessa 40 fil-preambolu tad-Direttiva 2004/83, u l-premessa 34 fil-preambolu tad-Direttiva 2005/85). Filwaqt li skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda ħadet sehem fl-adozzjoni tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85 (ara l-premessi 39 u 33 fil-preamboli ta’ dawn id-direttivi), hija ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/9 skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll (ara l-premessa 20 fil-preambolu ta’ din id-direttiva). Ir-Renju Unit ħa sehem fl-adozzjoni tat-tliet Direttivi skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll (ara l-premessa 19 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/9, il-premessa 38 fil-preambolu tad-Direttiva 2004/83, u l-premessa 32 fil-preambolu tad-Direttiva 2005/85).


29 –      Ara l-premessa 2 fil-preamboli tad-Direttiva 2003/9, tad-Direttiva 2004/83 u tad-Direttiva 2005/85.


30 –      Ara l-premessa 5 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/9, il-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva 2004/83, u l-premessa 8 fil-preambolu tad-Direttiva 2005/85.


31 –      Ara l-premessa 6 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/9, il-premessa 11 fil-preambolu tad-Direttiva 2004/83, u l-premessa 9 fil-preambolu tad-Direttiva 2005/85.


32 –      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (Kawżi magħquda C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, Ġabra p. I‑1493, punti 51 et seq.), u tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (Kawżi magħquda C‑57/09 u C‑101/09, Ġabra 1‑10979, punti 77 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/83, l-ewwel nett li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar id-determinazzjoni ta’ min jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat u l-kontenut tal-protezzjoni li għandha tingħata lir-refuġjati ġew adottati biex jipprovdu kunċetti u kriterji komuni għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, it-tieni nett, li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C-31/09, Ġabra p. 1‑5539, punt 38).


33 –      Skont l-Artikoli 1 et seq. tal-Protokoll (Nru 5) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u għalhekk ma kinitx inizjalment marbuta bih u lanqas ma kienet suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Il-Konvenzjoni ta’ Dublin għalhekk baqgħet fis-seħħ bejn id-Danimarka u l-Istati Membri (ara l-premessi 18 u 19 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003). Permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u Eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L335M, 13.12.2008, p. 75), l-ambitu tar-Regolament Nru 343/2003 ġie estiż għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka. L-Irlanda u r-Renju Unit ħadu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ara l-premessa 17 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003). Għandu jiġi mfakkar ukoll li xi Stati li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni pparteċipaw fi ftehim internazzjonali fis-sistema tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-applikazzjonijiet għal ażil, bħall-Konfederazzjoni Svizzera; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 –      Ara l-Artikoli 6(1), 7, 8 u 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003.


35 –      Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003. Madankollu, din ir-responsabbiltà tiskadi 12-il xahar wara d-dħul illegali.


36 –      Għaldaqstant, l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 jistabbilixxi li l-Istati Membri ma humiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala refuġjat skont id-Direttiva 2004/83 meta jkunu meħtieġa li jagħmlu dan skont ir-Regolament Nru 343/2003.


37 –      Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38 –      F’dan l-isfond, isir riferiment ukoll fil-premessi tal-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003 għall-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, fis-sens li s-sistema Ewropea komuni ta’ Ażil li għandha tiġi żviluppata għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara l-premessa 2 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003). Huwa enfasizzat ukoll li l-Istati Membri huma marbuta bl-istrumenti tal-liġi internazzjonali li huma parti minnhom rigward it-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament (ara l-premessa 12 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003) u li r-Regolament jirrispetta d-drittijiet u josserva l-prinċipji fundamentali li huma rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara l-premessa 15 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003).


39 –      Min-naħa l-oħra, il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat [COM (2008) 820 finali], li permezz tagħha r-Regolament Nru 343/2003 kellu jiġi fformulat mill-ġdid, tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ sospensjoni temporanja ta’ trasferimenti tal-persuni li jfittxu ażil lejn Stati Membri li qed jaffaċċjaw sitwazzjoni partikolarment urġenti li tqiegħed piż eċċezzjonalment kbir fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza, fuq is-sistemi ta’ ażil jew fuq l-infrastrutturi tagħhom (Artikolu 31). Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Kummissjoni, il-proposta hija mmirata sabiex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u s-sistemi ta’ ażil tal-Istati Membri.


40 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


41 –      Sentenza Nru U694/10, disponibbli fuq l-internet fis-Sistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija (http://www.ris.bka.gv.at).


42 –      Deċiżjoni tar-rinviju tat-12 ta’ Lulju 2010, punti 13 et seq.


43 –      Dawn l-ittri ta’ intimazzjoni huma annessi mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni bħala Annessi 1 u 2.


44 –      Id-domanda dwar jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistax japplika b’mod awtonomu, minbarra l-Artikolu 4 tal-Karta, ma teħtieġx li tiġi eżaminata iktar fil-fond għall-finijiet ta’ din il-kawża. Għandu jiġi ddikjarat, madankollu, li, skont l-opinjoni prevalenti fil-letteratura ġuridika Ġermaniża, l-ewwel għandu jiġi eżaminat l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Jekk l-interferenza fil-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt fundamentali speċifiku titqies li teżisti, dan id-dritt fundamentali speċifiku jipprevali u jeskludi l-Artikolu 1 tal-Karta bħala bażi iżolata jew supplimentari għall-evalwazzjoni; ara D. Jarass, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, Munich 2010, Artikolu 1, punt 4; D. Borowsky, f’Charta der Grundrechte der Europäischen Union (ed. J. Meyer), it-3 edizzjoni, Baden‑Baden 2011, Artikolu 1, punt 33; W. Höfling, f’Kölner Gemeinschaftskommentar zur Europäischen Grundrechte-Charta (ed. J. Tettinger/K. Stern), Munich 2006, Artikolu 1, punt 18.


45 –      Ara W. Höfling, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 4, punt 3; D. Borowsky, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 4, punt 20.


46 –      Id-domanda dwar jekk, u jekk iva f’liema ċirkustanzi, l-Artikolu 1 u/jew l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistgħux japplikaw b’mod awtonomu, flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma teħtieġx li tiġi eżaminata f’iktar dettall għall-finijiet ta’ din il-kawża. Għandu jiġi indikat, madankollu, li skont l-opinjoni prevalenti fil-letteratura ġuridika Ġermaniża, fil-każ ta’ koinċidenza mal-Artikolu 1 u/jew l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprevali bħala dispożizzjoni speċifika għall-eżaminazzjoni. Ara D. Jarass, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 19, punt 4.


47 –      Permezz tal-konstatazzjoni li d-dritt għall-ażil għandu jiġi garantit bir-rispett dovut għar-regoli tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE, isir riferiment fost affarijiet oħra, għall-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, annessa mat-Trattat UE u t-Trattat FUE. Madankollu, peress li skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit ħa sehem fid-Direttivi 2003/9, 2004/85 u 2005/85 u fir-Regolament Nru 343/2003, id-domanda dwar il-forza effettiva tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-konfront tar-Renju Unit ma tqumx fil-kawża prinċipali.


48 –      Minħabba li l-projbizzjoni fuq ir-ritorn skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève tapplika għar-refuġjati, l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dan ir-rigward huwa influwenzat mill-kunċett ta’ “refuġjat” fil-Konvenzjoni ta’ Genève [ara D. Jarass, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 18, punt 5]. Fil-kuntest tal-projbizzjoni fuq ir-ritorn skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-kunċett ta’ “refuġjat” ikopri mhux biss dawk li diġà ġew rikonoxxuti bħala refuġjati, iżda wkoll dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal rikonoxximent bħala refuġjat. Ara E. Lauterpacht/D. Bethlehem, “The scope and content of the principle of non-refoulement: Opinion”, f’Refugee Protection in International Law (ed. E. Feller/V. Türk/F. Nicholson), Cambridge 2003, p. 87, 116 et seq.


49 –      Ara E. Lauterpacht/D. Bethlehem, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 48), p. 122; K. Hailbronner, Asyl- und Ausländerrecht, it-tieni edizzjoni, Stuttgart 2008, punt 655.


50 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 87); tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28), u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, Ġabra p. I‑12193, punt 34).


51 –      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, K. Lenaerts, “The Contribution of the European Court of Justice to the Area of Freedom, Security and Justice”, ICLQ 2010, p. 255, 298, li jikkonkludi, wara analiżi rigoruża tal-ġurisprudenza l-iktar rIċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fid-deċiżjonijiet tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonċernata bir-rispett għad-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali tas-sistema Ewropea ta’ ażil.


52 –      Ara wkoll is-sentenzi Salahadin Abdulla et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 54), u Bolbol (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 38), rigward il-premessa 10 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/83, li hija fformulata bi kliem simili, u rigward l-obbligu li jirriżulta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali.


53 –      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li tkun parti minnha; ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, Ġabra p. I‑495, punt 34).


54 –      Ara l-premessi 3 et seq. tal-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003.


55 –      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003.


56 –      Ara l-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57 –      Rigward il-kontenut u l-ambitu tal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, ara l-punti 165 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 –      Pereżempju, fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2008, K.R.S. vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 32733/08), il-Qorti Ewropea iddikjarat li għandu jiġi preżunt li l-Greċja ser tikkonforma mal-obbligi skont id-Direttivi 2005/85 u 2003/9.


59 –      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Protokoll (Nru 24) dwar l-ażil għal ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan il-protokoll jistipula, l-ewwel nett, li minħabba l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom ikunu meqjusa bħala li jikkostitwixxu pajjiżi ta’ oriġini mingħajr perikolu fir-rigward ta’ xulxin għall-finijiet legali u prattiċi kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ ażil. F’dan l-isfond, il-Protokoll imbagħad jiddikjara li kwalunkwe applikazzjoni għal ażil magħmula minn ċittadin ta’ Stat Membru tista’ tiġi kkunsidrata jew iddikjarata ammissibli għall-ipproċessar minn Stat Membru ieħor biss skont il-kundizzjonijiet restrittivi ħafna stabbiliti fil-Protokoll.


60 –      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-effettività, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 43); tas-7 ta’ Lulju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28); tat-2 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 57), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, Ġabra p. 1‑7003, punt 25).


61 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.


62 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


63 –      L-Artikoli 3 u 13 tal-KEDB għandhom il-kontroparti tagħhom fl-Artikoli 4 u 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fl-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 4, huwa ddikjarat li d-dritt fl-Artikolu 4 jikkorispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandu l-istess kliem, bil-konsegwenza li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, dan għandu l-istess sens u ambitu bħall-KEDB. L-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47(1) jiddikjaraw li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB, iżda madankollu tagħti protezzjoni iktar estensiva, peress li tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.


64 –      Il-Qorti Ewropea kkonfermat permezz ta’ ġurisprudenza konsistenti li l-KEDB għandha titqies bħala “strument ħaj”; ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-25 ta’ April 1978, Tyler vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 5856/72, punt 31), u tas-16 ta’ Diċembru 1999, V. vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 24888/94, punt 72).


65 –      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, H.‑W. Rengeling/P. Szczekalla, Grundrechte in der Europäischen Union, Cologne 2004, punt 468, li jindika li l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jintroduċi livell għoli ta’ dinamiżmu fl-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. K. Naumann, “Art. 52 Abs. 3 GrCh zwischen Kohärenz des europäischen Grundrechtsschutzes und Autonomie des Unionsrechts”, EuR 2008, p. 424, jindika li, mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, ma huwiex possibbli li, fi kwalunkwe każ, tiġi ddikjarata t-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet skont il-KEDB, u li huwa biss riferiment dinamiku li jista’ jimpedixxi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea jitbiegħdu minn xulxin.


66 –      Ara wkoll il-punt 23 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 fil-kawża Elgafaji (sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, C-465/07, Ġabra p. I-921).


67 –      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, T. Von Danwitz, Artikolu 52, f’Europäische Grundrechtecharta (ed. P. Tettinger/K. Stern), Munich 2006, punti 57 et seq., li jenfasizza, minn naħa, li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tagħtix lill-Qorti Ewropea l-kompetenza esklużiva fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-drittijiet rilevanti, iżda, min-naħa l-oħra, jammetti li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bl-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet taħt il-KEDB, sa fejn ma tistax ma tilħaqx il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Qorti Ewropea. Ara wkoll K. Lenaerts/E. de Smijter, “The Charter and the Role of the European Courts”, Maastricht Journal of European and Comparative Law 2001, p. 90, 99, li jidhru li jaċċettaw li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tirrispetta u tadotta l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea.


68 –      Ara, iktar reċentament, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (Kawżi magħquda C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra 1‑11063, punti 43 et seq). Ara wkoll is-sentenza Elgafaji (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 44), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat bħala obiter dictum li l-interpretazzjoni mogħtija f’dik is-sentenza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/83 kienet totalment kompatibbli mal-KEDB, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea relatata mal-Artikolu 3 tal-KEDB. Fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB (C‑400/10 PPU, Ġabra p 1‑8965, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espressament, rigward l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li din d-dispożizzjoni għandha tingħata l-istess tifsira u l-istess ambitu bħall-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


69 –      Ara l-punti 114 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 –      F’dak li jirrigwarda r-referenza għall-Konvenzjoni ta’ Genève fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara N. Bernsdorff, f’Charta der Grundrechte der Europäischen Union (ed. J. Meyer), it-3 edizzjoni, Baden‑Baden 2011, Artikolu 18, punt 10; M. Wollenschläger, f’Handbuch der Europäischen Grundrechte (ed. Heselhaus/Nowak), Munich 2006, § 16, punt 32; G. Jochum, f’Europäische Grundrechtecharta (ed. P. Tettinger/K. Stern), Munich 2006, Artikolu 18, punt 6.


71 –      Ara l-punti 143 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72 –      M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 342.


73 –      F’dak li jirrigwarda d-domanda dwar jekk l-Artikoli 1, 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali humiex applikabbli b’mod awtonomu minn xulxin fil-każ ta’ trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn Stat Membru li ma jkunx kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 44 u 46 iktar ’il fuq.


74 –      Ara D. Jarass,, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 47, punt 11; S. Alber, f’Europäische Grundrechtecharta (ed. P. Tettinger/K. Stern), Munich 2006, Artikolu 47, punt 25; C. Nowak, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 19), § 51, punt 32. Ara wkoll il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti Ewropea relatata mal-Artikolu 13 tal-KEDB, li tipprovdi li d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fiha huwa applikabbli fejn ikun hemm ilment plawżibbli li jkun hemm ksur tal-KEDB. Ara M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 288, u s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2000 f’Kudła vs Il-Polonja (Rikors Nru 30210/96, punt 157).


75 –      Minħabba din il-limitazzjoni statutorja dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, il-limitazzjonijiet tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom ikunu stabbiliti jew mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mil-leġiżlatur nazzjonali. Meta d-dritt fundamentali huwa limitat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, madankollu, din il-limitazzjoni statutorja għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa bir-riżultat li - wara li jitqiesu b’mod partikolari t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri - tista’ tinkludi wkoll il-liġi konswetudinarja jew liġi kif tirriżulta mill-ġurisprudenza; ara: D. Jarass, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 52, punt 28; D. Borowsky, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Artikolu 52, punt 20.


76 –      F’dak li jirrigwarda r-rwol tal-prinċipju tal-effettività fl-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara S. Alber, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 74 iktar ’il fuq), l-Artikolu 47, punt 34; D. Jarass, “Bedeutung der EU-Rechtsschutzgewährleistung für nationale und EU-Gerichte”, NJW 2011, p. 1393, 1395. Ara wkoll il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti Ewropea dwar l-Artikolu 13 tal-KEDB, li tipprovdi li d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit f’dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju għandu jkun disponibbli għall-benefiċjarju fil-prattika kif ukoll fil-liġi, filwaqt li jippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tittratta kemm is-sustanza tal-ilment rilevanti mressqa skont il-Konvenzjoni kif ukoll biex tagħti għajnuna xierqa. Ara M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 290 et seq.


77 –      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60.


78 –      Ara wkoll: House of Lords – European Union Committee, The Treaty of Lisbon: an impact assessment. Volum I: Rapport (l-10 Rapport tas-Sessjoni 2007-08), http://www.parliament.the-stationery-office.co.uk/pa/ld200708/ldselect/ldeucom/62/62.pdf, paragrafi 5.87 u 5.103. Ara wkoll I. Pernice, The Treaty of Lisbon and Fundamental Rights, in S. Griller/J. Ziller (ed.), The Lisbon Treaty. EU Constitutionalism without a Constitutional Treaty?, Vjenna 2008, p. 235, 245.


79 –      Ara l-punti 71 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll P. Craig, The Lisbon Treaty, Oxford 2010, p. 239; I. Pernice, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), p. 246 et seq.


80 –      Ara wkoll House of Lords – European Union Committee, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), punt 5.103.a.; M. Dougan, “The Treaty of Lisbon 2007: winning minds, not hearts”, CMLR 2008, p. 617, 669. Ara wkoll P. Craig, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 79), p. 239, li jiddikjara korrettament, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 30 ma jagħmilx sens jekk l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll ikun fih “opt-out” ġenerali.


81 –      Ara House of Lords – European Union Committee, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), punt 5.102.


82 –      Ara E. Riedel, f’Charta der Grundrechte der Europäischen Union (ed. J. Meyer), it-3 edizzjoni, Baden‑Baden 2011, qabel it-Titolu IV, punti 7 et seq.


83 –      Ara House of Lords – European Union Committee, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), punt 5.103 (b), fejn jingħad li l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll iwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ “drittijiet” individwali tat-Titolu IV, milli tikkonkludi li dawn id-“drittijiet” jirrappreżentaw drittijiet infurzabbli legalment li jistgħu jiġu invokati kontra r-Renju Unit.


84 –      Ara wkoll M. Dougan, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 80), p. 670; House of Lords – European Union Committee, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), punt 5.103(c); I. Pernice, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 78), p. 248 et seq.