Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Retten i Kolding (id-Danimarka) fis-27 ta’ Ġunju 2013 – FOA, li qed tidher għal Karsten Kaltoft vs Komun ta’ Billund

(Kawża C-354/13)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Retten i Kolding

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FOA, li qed tidher għal M. Karsten Kaltoft

Konvenut: Komun ta’ Billund

Domandi preliminari

Huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, kif jipprovdi, pereżempju, fl-Artikolu 6 TUE dwar id-drittijiet fundamentali, li fis-suq tax-xogħol, b’mod ġenerali jew iktar partikolari għal amministrazzjoni pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, tista’ tinħoloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità?

Fil-każ ta’ projbizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, din hija direttament applikabbli għal rapporti bejn ċittadin Daniż u l-persuna li timpjegah, b’din tal-aħħar tkun amministrazzjoni pubblika?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata projbizzjoni fl-Unjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq l-obeżità, kemm ġenerali kif ukoll jekk b’mod partikolari għal amministrazzjoni pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur ta’ eventwali projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, għandha tirriżulta b’oneru tal-prova diviż, b’tali mod li, f’każ fejn tista’ tiġi preżunta tali diskriminazzjoni, l-applikazzjoni effettiva ta’ din il-projbizzjoni teżiġi li l-oneru tal-prova jinkombi fuq il-persuna li tħaddem li tkun konvenuta fi proċeduri kontenzjużi (ara t-tmintax-il premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264)?

L-obeżità tista’ tiġi kkunsidrata bħala diżabbiltà li taqa’ taħt il-protezzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) u skont liema kriterji jeħtieġ jiġi evalwat jekk l-istat ta’ obeżità ta’ persuna għandux l-effett konkret li bih din il-persuna tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà?