Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2011 minn ThyssenKrupp Elevator AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-505/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: ThyssenKrupp Elevator AG (rappreżentant: T. Klose, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta' Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07 (ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni), u sa fejn tiċħad ir-rikors u sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, tkompli tnaqqas b'mod raġonevoli l-multa imposta fuq l-appellanti permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta' Frar 2007;

iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti tinvoka sitt aggravji li jikkonċernaw l-inkompetenza tal-Kummissjoni, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattat KE, tat-Trattat FUE u tad-dispożizzjonijiet legali li jimplementawhom, kif ukoll użu ħażin tal-poter u ksur tad-drittijiet fundamentali.

Fl-ewwel lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-proċedura. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kien imissha annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba li l-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE) ma kienx japplika fid-dawl tal-fatt li l-ksur lokali kkonstatat ma kellux implikazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, meta l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 101 TFUE kien applikabbli, hija kien imissha kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, skont il-Komunikazzjoni dwar in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija suġġetta għas-sistema ta' kompetenzi paralleli stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 1. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li l-ftuħ sussegwenti ta' proċeduri min-naħa tal-Kummissjoni jammonta għal ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege li huwa protett bid-drittijiet fundamentali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li kien hemm ksur tal-prinċipju ne bis in idem peress li l-Kummissjoni ma kkunsidratx id-deċiżjonijiet ta' klemenza favur l-appellanti mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lill-appellanti responsabbli in solidum għall-aġir tal-kumpanniji sussidjarji tagħha. L-appellanti nfisha ma pparteċipatx fil-ksur. L-imputazzjoni ta' aġir lil terz abbażi ta' preżunzjoni żbaljata tar-responsabbiltà tal-unità ekonomika tmur kontra l-prinċipju in dubio pro reo u l-prinċipju ta' dritt għal smigħ xieraq.

Fir-raba' lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta ma ħaditx inkunsiderazjzoni l-fatt li l-konferma tar-responsabbiltà in solidum tal-appellanti tmur kontra l-prinċipju tan-natura personali tar-responsabbiltà. Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li hija ma żżomx parti suffiċjenti tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha sabiex titqies responsabbli u li, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija vvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni.

Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li, fis-sentenza tagħha, l-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligu legali tagħha li twettaq stħarriġ, u dan sa fejn eżaminat biss b'mod insuffiċjenti in-natura sproporzjonata tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku u tal-multiplikatur dissważiv u tal-iffissar ta' diversi multi għal ksur paralleli, kif ukoll tan-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-kollobarazzjoni tal-appellanti mill-Kummissjoni u li, għalhekk, hija kisret id-dritt għal smigħ xieraq u l-garanzija ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tagħmel parti minn dan id-dritt. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni sa fejn tikkonferma l-impożizzjoni ta' diversi multi, b'mod li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma ttiħditx inkunsiderazzjoni.

Fis-sitt lok, fir-rigward tal-ammont bażiku stabbilit għall-ksur li jikkonċerna l-Ġermanja; l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-prinċipju ta' trattament ugwali peress li dan l-ammont ma jiħux biss inkunsiderazzjoni d-dħul mill-prodotti inkwistjoni, u dan minkejja li raġunijiet imperattivi jipprekludu dan. F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni ddifferenzjata u preċiża fir-rigward ta' Schindler iżda, b'mod żbaljat fil-liġi, naqset milli tagħmel dan fir-rigward tal-appellanti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).