Language of document : ECLI:EU:T:2011:419

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

6 ta’ Settembru 2011 *

“Rikors għal annullament – Regolament (KE) Nru 1007/2009 – Kummerċ tal-prodotti mill-foki – Projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ – Eċċezzjoni favur il-komunitajiet Inuit – Applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘att regolatorju’ – Nuqqas ta’ interess dirett jew individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑18/10,

Inuit Tapiriit Kanatami, stabbilita f’Ottawa (il-Kanada),

Nattivak Hunters and Trappers Association, stabbilita fi Qikiqtarjuaq (il-Kanada),

Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, stabbilita f’Pangnirtung (il-Kanada),

Jaypootie Moesesie, residenti fi Qikiqtarjuaq,

Allen Kooneeliusie, residenti fi Qikiqtarjuaq,

Toomasie Newkingnak, residenti fi Qikiqtarjuaq,

David Kuptana, residenti f’Ulukhaktok (il-Kanada),

Karliin Aariak, residenti f’Iqaluit (il-Kanada),

Efstathios Andreas Agathos, residenti f’Ateni (il-Greċja),

Canadian Seal Marketing Group, stabbilit fi Québec (il-Kanada),

Ta Ma Su Seal Products, Inc., stabbilita f’Cap-aux-Meules (il-Kanada),

Fur Institute of Canada, stabbilit f’Ottawa,

NuTan Furs, Inc., stabbilita f’Catalina (il-Kanada),

GC Rieber Skinn AS, stabbilita f’Bergen (in-Norveġja),

Inuit Circumpolar Conference Greenland (ICC), stabbilita f’Nuuk, Groenland (id-Danimarka),

Johannes Egede, residenti f’Nuuk,

Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), stabbilita f’Nuuk,

irrappreżentati inizjalment minn J. Bouckaert, M. van der Woude u H. Viaene, sussegwentement minn Bouckaert u Viaene, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou u L. Visaggio, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, Y. de Vries, J. Langer u M. Noort, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn É. White, P. Oliver u J.-B. Laignelot, sussegwentement minn E. White, P. Oliver u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich, President, F. Dehousse, I. Wiszniewska‑Białecka, M. Prek (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Fis-16 ta’ Settembru 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36, iktar ’il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”), li għandu bħala suġġett, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-istabbiliment ta’ regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki.

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-11 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti, Inuit Tapiriit Kanatami, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Efstathios Andreas Agathos, il-Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., il-Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Conference Greenland (ICC), Johannes Egede u Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), ippreżentaw dan ir-rikors, intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

3        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji, li fiha talbu lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex tordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni tar-regolament ikkontestat.

4        Il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba għal miżuri provviżorji fit-termini stabbiliti.

5        B’digriet tat-30 ta’ April 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.

6        B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fl-20 u l-21 ta’ Mejju 2010, il-Parlament u l-Kunsill qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

7        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fil-31 u fil-21 ta’ Mejju 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Ir-rikorrenti u l-Parlament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti. Il-Kunsill ma ppreżentax osservazzjonijiet.

8        B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill ippreżenta talba intiża sabiex l-Anness A7 tar-rikors, ikkostitwit mill-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, tat-18 ta’ Frar 2009, dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, ippreżentata mill-Kummissjoni [COM (2008) 469 finali, tat-23 ta’ Lulju 2008], jiġi rtirat mill-proċess, bħaċ-ċitazzjoni ta’ parti mill-avviż inkwistjoni li tidher fil-punt 46 tar-rikors.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2010, il-Parlament ippreżenta xi osservazzjonijiet fuq it-talba għall-irtirar mill-proċess ippreżentata mill-Kunsill.

10      Permezz ta’ digriet tal-6 ta’ Lulju 2010, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Kummissjoni sabiex jintervjenu.

11      Fit-13 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Parlament u tal-Kunsill.

12      Fid-19 u fl-20 ta’ Awwissu 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom li kienu limitati għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minnhom, ippreżentaw talba oħra għal miżuri provviżorji, ibbażata fuq l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, kif ukoll fuq l-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura, li fihom talbu sabiex il-President tal-Qorti Ġenerali jordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni tar-regolament ikkontestat, sakemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq ir-rikors għall-annullament ippreżentat kontra dan l-istess regolament.

14      B’digriet tad-19 ta’ Awwissu 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10 R II, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirrestrinġu, skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament ikkontestat, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti, sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm lil din il-proċedura għal miżuri provviżorji.

15      Il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tieni talba għal miżuri provviżorji fis-7 ta’ Settembru 2010. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentax osservazzjonijiet.

16      Fil-5 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw talba skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura dwar l-interpretazzjoni tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Awwissu 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 14 iktar ’il fuq.

17      Rispettivament, fl-14, fit-18 u fit-13 ta’ Ottubru 2010, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba.

18      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10 RII‑INTP, mhux ippubblikat fil-Ġabra) it-talba għal interpretazzjoni ġiet miċħuda bħala inammissibbli.

19      B’digriet tal-25 ta’ Ottubru 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10 R II, mhux ippubblikat fil-Ġabra, attwalment appellat) il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-tieni talba għal miżuri provviżorji.

20      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-6 u fl-14 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw talba għar-rinviju tal-kawża preżenti quddiem l-Awla Manja. Sussidjarjament, u fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni talbet ir-rinviju tal-kawża quddiem awla komposta minn ħames imħallfin.

21      Fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara dawn it-talbiet, u fid-dawl tal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża.

22      Fid-19 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti u l-Parlament ippreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq in-noti ta’ intervent limitati għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni.

23      B’ittra tat-8 ta’ Frar 2011, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal domanda dwar l-interess dirett tar-rikorrenti tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrispondew għal dawn id-domandi fit-termini mogħtija. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentax risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali.

24      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, u fil-każ fejn hija tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew tirriżerva d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward, tistabbilixxi terminu, għalih u għall-Kunsill, sabiex jippreżentaw risposta, skont l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad lir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għad-deċiżjoni finali;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikorsi ammissibbli;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż tagħhom.

 Id-dritt

29      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

30      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull waqt, ex officio, u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Din id-deċiżjoni tittieħed taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 114(3) u (4) ta’ dan l-istess regolament.

31      Skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ il-Qorti Ġenerali jidrilha li hija għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti tal-proċess u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

 Fuq l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

32      Għandu jiġi osservat li r-regolament ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tat-Trattat KE (Artikolu 95 KE) filwaqt li r-rikors ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE.

33      Il-partijiet iqisu li l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikros għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2010, Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il‑Kummissjoni, T‑532/08, Ġabra p. II-3959, punt 70, u Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni, T‑539/08, Ġabra p. II‑4017, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-kawża preżenti, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tiegħu kienu rregolati mill-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti

36      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, iqajmu tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, rispettivament, fuq li r-regolament ikkontestat ma huwiex att regolatorju, fuq li fih miżuri ta’ implementazzjoni u fuq li ma jaffettwax individwalment lir-rikorrenti.

37      Ir-rikorrenti jikkontestaw it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni.

 Fuq il-kunċett ta’ “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

38      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

39      Għandu jiġi osservat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tqajjem novità fil-konfront tat-Trattat KE fir-rigward tal-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, jiġifieri li, issa persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni, il-kunċett ta’ “att regolatorju” ma huwiex iddefinit mit-Trattat FUE.

40      Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, hemm lok li sseħħ interpretazzjoni litterali, storika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

41      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE jippermetti lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet bħala atti ta’ portata individwali kif ukoll kontra l-atti ta’ portata ġenerali, bħal regolament li jirrigwarda direttament lil din il-persuna u li jippreġudikaha minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 36).

42      Minkejja li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE ma jsemmix it-terminu “deċiżjoni”, huwa jirrepeti dawn iż-żewġ possibbiltajiet u jżid oħra. Huwa jippermetti l-preżentata ta’ rikors kontra l-atti individwali, kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jirrigwardaw persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni. Mit-tifsira komuni tal-kelma “regolatorju” jirriżulta li l-atti previsti minn din it-tielet possibbiltà għandhom ukoll portata ġenerali.

43      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà ma tipprevedix l-atti ta’ portata ġenerali kollha, iżda kategorija iktar ristretta, jiġifieri l-atti regolatorji.

44      Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi diversi kategoriji ta’ atti tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità jiġifieri, minn naħa, l-atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra l-atti restrittivi l-oħra, intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, li jistgħu jkunu atti individwali jew ta’ portata ġenerali.

45      Minn dan għandu jiġi dedott li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti kollha li hija destinatarja tagħhom, kif ukoll, minn naħa, kontra l-atti ta’ portata ġenerali, leġiżlattivi jew regolatorji, li jikkonċernawha direttament u individwalment u min-naħa l-oħra, kontra ċerti atti ta’ portata ġenerali, jiġifieri l-atti regolatorji, li jikkonċernawha u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni.

46      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tat-terminu “regolatorju” u tat-terminu ekwivalenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-Trattat FUE, bil-kontra tat-terminu “leġiżlattiv”, tirriżulta wkoll minn diversi dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 114 TFUE, li jirrigwardaw l-approssimazzjoni tad-“dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri”.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li d-distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u regolatorji, kif proposta mill-Parlament u mill-Kunsill, u li tinsab fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq, tikkonsisti fiż-żieda tal-kwalitattiv “leġiżlattivi” wara l-kelma “atti” billi jsir riferiment għall-ewwel żewġ possibbiltajiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-konklużjoni fil-punt 45 iktar ’il fuq, it-terminu “atti” jirreferi għall-ewwel żewġ possibbiltajiet li jipprevedu, barra l-atti li tagħhom il-persuna fiżika jew ġuridika hija d-destinatarja, l-atti kollha, leġiżlattivi jew regolatorji, li jikkonċernawha direttament u individwalment. B’mod partikolari, l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji fihom miżuri ta’ implementazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà tal-aħħar.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, bil-kontra tal-affermazzjoni tar-rikorrenti, mill-kliem tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-għan tal-Istati Membri ma kienx li jillimitaw il-portata ta’ din id-dispożizzjoni għall-atti delegati biss, fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, iżda b’mod iktar ġenerali, għall-atti regolatorji.

49      It-tieni nett, l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tinsab fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-oriġini tal-proċess li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li inizjalment kienet ġiet proposta bħala r-raba’ paragrafu tal-Artikolu III-365, tal-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Fil-fatt, min-nota ta’ trażmissjoni tal-Presidju tal-Konvenzjoni (segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, CONV 734/03), tat-12 ta’ Mejju 2003, li, minkejja l-proposta għal emenda fir-rigward tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE li ssemmi l-“atti ta’ portata ġenerali”, il-Presidju żamm possibbiltà oħra, dik li ssemmi l-“atti regolatorji”. Hekk kif jirriżulta min-nota ta’ trażmissjoni ċċitata iktar ’il fuq, din il-formulazzjoni kienet tippermetti “li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji, billi żżomm approċċ restrittiv fir-rigward tar-rikorsi tal-individwi kontra l-atti leġiżlattivi (li għalihom, il-kundizzjoni ‘direttament u individwalment ikkonċernata’ tibqa’ tapplika)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50      It-tielet nett, minħabba l-għażla li twettqet li tiġi riprodotta tali formulazzjoni fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li l-finalità ta’ din id-dispożizzjoni hija li tippermetti lil persuna fiżika u ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra l-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni, billi jiġi evitat b’hekk il-każ fejn tali persuna jkollha tikser il-liġi sabiex ikollha aċċess għal qorti (ara n-nota ta’ trażmissjoni tal-Presidju tal-Konvenzjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti preċedenti, il-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE la tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti li jissodisfaw il-kriterji ta’ interess dirett u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, u lanqas kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jissodisfaw lil dawn il-kriterji, iżda biss kontra kategorija speċifika ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri l-atti regolatorji. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv jibqgħu iktar restrittivi milli fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra att regolatorju.

51      Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti dwar id-dritt għall-protezzjoni ġuridika effettiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 303, p. 1). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinterpreta, mingħajr ma teċċedi l-kompetenzi tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom individwu jista’ jippreżenta rikors kontra regolament, b’mod li jwassal sabiex jiġu mwarrba dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat u dan anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo‑Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 36, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2007, Lootus Teine Osaühing vs Il-Kunsill, T‑127/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 50).

52      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-obbligu ta’ interpretazzjoni “wiesgħa” tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżulta wkoll minn żewġ konvenzjonijiet internazzjonali adottati fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, kif ukoll il-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika, iffirmata f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992.

53      L-ewwel nett, għalkemm ir-rikorrenti jikkonkludu li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat skont dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, huma mkien ma jindikaw kif, konkretament, id-diversi kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli internazzjonali invokati, peress li l-argumenti tagħhom huma ġenerali ħafna u mingħajr impatt fuq l-imsemmija kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà.

54      It-tieni nett, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti f’dan is-sens (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20, u tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33) tirrigwarda l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni, meta titressaq kwistjoni quddiemha dwar il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, li teżamina din il-validità wkoll fid-dawl tad-dritt internazzjonali.

55      F’kull każ, għandu jitfakkar li t-Trattat stabbilixxa ġabra kompluta ta’ rimedji u proċeduri intiżi sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi jafdahom lill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 40). Id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali invokati ma jistgħux jinjoraw lil dawn ir-regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 306 sa 308, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 798).

56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem bħala li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi. Konsegwentement, att leġiżlattiv jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għall-annullament ta’ persuna fiżika jew ġuridika biss meta jikkonċernaha direttament u individwalment.

 Fuq il-klassifikazzjoni ta’ regolament ikkontestat

57      Fid-dawl tal-konklużjoni dwar l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fil-punt 56 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża preżenti, ir-regolament ikkontestat għandux jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv jew att regolatorju.

58      Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi kklassifikat fid-dawl tal-kategoriji tal-atti previsti mit-Trattat FUE.

59      Ir-Regolament ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE.

60      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 289(1) u (3) TFUE jirriżulta li l-atti ġuridiċi adottati skont il-proċedura definita fl-Artikolu 294 TFUE, imsemmija “proċedura leġiżlattiva ordinarja”, jikkostitwixxu atti leġiżlattivi.

61      Issa, peress li l-proċedura ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE tirripproduċi, essenzjalment, dik iddefinita fl-Artikolu 251 KE, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tal-kategoriji tal-atti ġuridiċi previsti mit-Trattat FUE, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv.

62      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex il-mod kif att ġie adottat, iżda l-portata, individwali jew ġenerali, tal-miżura li tiddetermina n-natura tiegħu. Għaldaqstant ikun permezz tal-portata tiegħu li att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala att regolatorju jew le. Barra minn hekk, l-aġġettiv “regolatorju” għandu jiġi interpretat skont it-tifsira komuni tiegħu, jiġifieri bħala li jirreferi għal att intiż sabiex jiddetermina r-regoli applikabbli b’mod ġenerali.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kriterju li jiddistingwi regolament minn deċiżjoni huwa jekk l‑att inkwistjoni huwiex ta’ portata ġenerali jew le. Fil-fatt, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2009, Veromar di Tudisco Alfio & Salvatore vs Il-Kummissjoni, T‑313/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Din il-ġurisprudenza tirreferi b’mod partikolari għat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li jipprovdi rikors kontra l-atti kollha li jikkonċernaw persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza huwa b’mod partikolari li tevita li, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, permezz tas-sempliċi għażla tal-forma ta’ regolament, ikunu jistgħu jeskludu r-rikors ta’ individwu kontra deċiżjoni li tirrigwardah direttament u individwalment u li b’hekk tippreċiża li l-għażla tal-forma ma tistax tbiddel in-natura ta’ att (ara d-digriet Veromar di Tudisco Alfio & Salvatore vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, fil-kawża preżenti, ma hijiex il-portata ġenerali tar-regolament ikkontestat li hija inkwistjoni, iżda l-allegata klassifikazzjoni tiegħu bħala att regolatorju. Għalkemm il-kriterju ta’ distinzjoni bejn att ta’ portata ġenerali u att individwali għandu jinstab fl-eventwali portata ġenerali tal-att inwkistjoni, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala att leġiżlattiv jew att regolatorju skont it-Trattat FUE hija bbażata fuq il-kriterju tal-proċedura, leġiżlattiva jew le, li wasslet għall-adozzjoni tiegħu.

66      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tinsab fil-punti 41 sa 56 iktar ’il fuq u tal-konklużjoni li r-regolament ikkontestat ma huwiex att regolatorju fis-sens ta’ dan l-artikolu, hemm lok li jiġi konkluż li dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli fuq il-bażi tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk ir-regolament ikkontestat fihx miżuri ta’ implementazzjoni.

67      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex ukoll ikkonċernati direttament u individwalment mir-regolament ikkontestat.

 Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

68      Fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, ma qajmux eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażat fuq nuqqas ta’ interess dirett, bl-eċċezzjoni ta’ sempliċi riferiment f’dan is-sens, li ma ġiex żviluppat li jinsab fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament.

69      Billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors jifformaw parti mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, d.M. vs Il-Kunsill u CES, 108/86, Ġabra p. 3933, punt 10, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk il-kundizzjoni tal-interess dirett prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hijiex sodisfatta.

70      Ir-rikorrenti, il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni, esprimew ruħhom fuq dan il-punt wara domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess dirett ta’ individwu jeħtieġ, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat tal-Unjoni jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu u, it-tieni nett, li ma titħalla ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li għandhom jimplementawh, peress li din l-implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara d-digriet Lootus Teine Osaühing vs Il-Kunsill, punt 51 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li jridu jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun ikkunsidrata bħala li hija direttament ikkonċernata minn att (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2010, ICO Services vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑441/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 56).

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li r-regoli intermedjarji previsti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq jikkorrispondu għal dawk li għandhom jiġu adottati fuq livell nazzjonali jew fuq il-livell tal-Unjoni.

74      Fil-kawża preżenti, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-regolament ikkontestat, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni ċentrali ta’ dan tal-aħħar, jipprovdi li, “[i]t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet [inuit] oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom”.

75      Konsegwentement, ir-regolament ikkontestat jipproduċi effetti diretti biss fuq is-sitwazzjoni legali ta’ wħud mir-rikorrenti li huma attivi fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti mill-foki. Fil-fatt, dan ir-regolament ma jipprojbixxix bl-ebda mod il-kaċċa tal-foki, li barra minn hekk isseħħ barra mis-suq tal-Unjoni u lanqas l-użu jew il-konsum ta’ prodotti mill-foki li ma humiex ikkummerċjalizzati. B’hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq prevista mir-regolament ikkontestat jista’ jkollha xi konsegwenzi fuq l-attività ta’ persuni li jintervjenu upstream jew downstream f’dan it-tqegħid fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li tali konsegwenzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw direttament minnu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2005, Bonino et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑40/04, Ġabra p. II‑2685, punt 56). Barra minn hekk, fir-rigward tal-konsegwenzi eventwali ta’ din il-projbizzjoni għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dawn tal-aħħar ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni legali, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑172/98, T‑175/98 sa T‑177/98, Ġabra p. II-2487, punt 62).

76      It-tieni nett, mill-Artikolu 3(4) tar-regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li “il-miżuri għall-implimentazzjoni [tal-Artikolu 3] imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju” prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124). L-istess, mill-premessa 17 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li “tiddefinixxi l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jirriżultaw mill-foki li jirriżulta minn kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għall-għajxien tagħhom”.

77      Għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-regolament ikkontestat, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki huwa pprojbit sakemm jiġi stabbilit li dawn il-prodotti ma ġewx minn kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u mill-komunitarjiet indiġeni oħra għall-finijiet tal-għajxien tagħhom, il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għal prodotti li jistgħu jissodisfaw lil dawn il-kundizzjonijiet ma humiex definiti.

78      Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat ma jippreċiżax, b’mod partikolari, x’għandu jinftiehem permezz ta’ “komunitajiet indiġeni oħra”, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tiegħu, u ma jagħti l-ebda spjegazzjoni fir-rigward tal-kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali għall-għajxien tagħhom u lanqas kif ser tiġi stabbilita l-oriġini Inuit jew tal-komunitajiet indiġeni l-oħra. B’hekk, fir-rigward tal-prodotti li jistgħu jiġu suġġetti għas-sistema ta’ eċċezzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux japplikaw ir-regolament ikkontestat mingħajr il-miżuri ta’ implementazzjoni stabbiliti minn regolament ta’ implementazzjoni, li għandhom, preċiżament, jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li taħthom it-tqegħid fis-suq tal-prodotti huwa awtorizzat (premessa 17 tar-regolament ikkontestat). Għaldaqstant, tali dispożizzjoni ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni kompleta, li hija suffiċjenti fiha nnifisha u li ma għandha bżonn l-ebda dispożizzjoni ta’ implementazzjoni, u li b’hekk tista’ tikkonċerna direttament lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 31). Huwa biss fuq il-bażi tal-miżuri relattivi għall-implementazzjoni tar-regolament ikkontestat li tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni tar-rikorrenti li taqa’ taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jaffettwa biss is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti li huma attivi fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti mill-foki u li huma kkonċernati mill-projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti. Bil-kontra, dan ma huwiex il-każ tar-rikorrenti li l-attività tagħhom ma hijiex it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti u/jew ta’ dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista mir-regolament ikkontestat, peress li, bħala prinċipju, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti mill-foki li ġejjin minn kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għall-finijiet tal-għajxien baqgħet awtorizzata.

80      B’mod iktar partikolari, l-ewwel nett, l-ewwel kategorija ta’ rikorrenti, jiġifieri il-kaċċaturi u n-nassaba tal-foki ta’ oriġini Inuit, kif ukoll it-tieni kategorija ta’ rikorrenti, li jgħaqdu flimkien l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivi fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki.

81      Jagħmlu parti minn dawn iż-żewġ kategoriji r-rikorrenti Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana u Johannes Egede, kif ukoll Inuit Tapiriit Kanatami, organizzazzjoni nazzjonali Kanadiża li tirrapreżenta u tippromwovi l-interessi tal-Inuit, ICC, organizzazzjoni nazzjonali ta’ Groenland li tirrappreżenta u tippromwovi l-interessi tar-residenti tagħha, il-Pangnirtung Hunters’ and Trapper’s Association, organizzazzjoni li tippromwovi u tipproteġi l-interessi tal-Inuit li jgħixu fir-reġjun ta’ Pangnirtung li jwettqu attivitajiet ta’ kaċċa u nsib, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, orgnanizzazzjoni li tippromwovi u tipproteġi l-interessi tal-Inuit li jgħixu fir-reġjun ta’ Broughton Island li jwettqu dawn l-attivitajiet, u KNAPK, li tirrappreżenta l-kaċċaturi u s-sajjieda Inuit u mhux Inuit ta’ Groenland.

82      It-tieni nett, Karliin Aariak hija attiva fl-ipproċessar tal-prodotti mill-foki, jiġifieri l-iddisinjar u l-bejgħ tal-ħwejjeġ mill-ġilda tal-foki. Madankollu, mir-rikors kif ukoll mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà jirriżulta li hija tagħmel parti wkoll mill-komunità Inuit. Peress li K. Aariak ma ssostni bl-ebda mod li hija attiva fit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti oħra ħlief dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala direttament ikkonċernata mir-regolament ikkontestatat.

83      It-tielet nett, Efstathios Andreas Agathos huwa tabib li jwettaq testijiet kliniċi dwar l-użu tal-valvi tal-foki għal finijiet mediċi u li, konsegwentement, ma huwiex attiv fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki.

84      Ir-raba’ nett, l-istess jgħodd għall-Fur Institute of Canada, li huwa korp nazzjonali mingħajr skop ta’ lukru li jipproteġi l-industrija tal-fer fil-Kanada, inklużi l-aġenziji ta’ leġiżlazzjoni tal-gvern. L-attivitajiet tiegħu huma l-koordinazzjoni, ir-riċerka xjentifika kif ukoll il-komunikazzjoni mal-media, mal-pubbliku ġenerali u mal-gvernijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali marbuta mal-kummerċ tal-fer. Isegwi li dan l-istitut ma huwiex direttament ikkonċernat minn projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki.

85      Bil-kontra, mill-proċess jirriżulta li Ta Ma Su Seal Products, NuTan Furs u GC Rieber Skinn kif ukoll il-korp li jgħaqqadhom, il-Canadian Seal Marketing Group, huma attivi sew fl-ipproċessar u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki li ġejjin minn kaċċaturi u minn nassaba Inuit u mhux Inuit. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom hija affettwata mill-projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki prevista mir-regolament ikkontestat.

86      Isegwi li, bl-eċċezzjoni ta’ Ta Ma Su Seal Products, ta’ NuTan Furs, ta’ GC Rieber Skinn u tal-Canadian Seal Marketing Group, ir-rikorrenti ma humiex direttament ikkonċernati bir-regolament ikkontestat.

87      Peress li l-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali huma kumulattivi, għandu jiġi eżaminat jekk Ta Ma Su Seal Products, NuTan Furs, GC Rieber Skinn u l-Canadian Seal Marketing Group humiex individwalment ikkonċernati minnu.

 Fuq l-interess individwali ta’ Ta Ma Su Seal Products, ta’ NuTan Furs, ta’ GC Rieber Skinn u tal-Canadian Seal Marketing Group

88      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, sabiex att ikkontestat jikkonċerna individwalment persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni, dan l-att għandu jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fil-konfront ta’ kull persuna oħra u minħabba dan il-fatt tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ deċiżjoni.

89      Hekk kif il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jirrilevaw ġustament, ir-regolament ikkontestat japplika f’sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u fih effetti legali fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. B’mod partikolari, il-projbizzjoni ġenerali tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ġejjin mill-kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u mill-komunitajiet indiġeni l-oħra, għall-għajxien tagħhom, hija fformulata b’mod ġenerali u tista’ tapplika mingħajr differenzi fuq kull operatur ekonomiku li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat.

90      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, Ta Ma Su Seal Products, NuTan Furs u GC Rieber Skinn kif ukoll il-korp li jgħaqqadhom flimkien, il-Canadian Seal Marketing Group, huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki li ġejjin mill-kaċċaturi u nassaba Inuit u mhux Inuit. Bħala tali, huma kkonċernati bir-regolament ikkontestat bħal kull operatur ieħor li jqiegħed fis-suq prodotti mill-foki.

91      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-korpi li jirrappreżentaw lill-kumpanniji Inuit u mhux Inuit attivi fil-katini ta’ manifattura tal-prodotti mill-foki, kif ukoll il-kumpanniji attivi fil-proċessar tal-prodotti mill-foki huma individwalment ikkonċernati mill-inqas fir-rigward tal-membri Inuit tagħhom jew tal-prodotti ta’ oriġini Inuit.

92      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, anki jekk jitqies li r-rikorrenti kkonċernati jaqgħu taħt, barra l-projbizzjoni ġenerali, l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-prodotti ta’ oriġini Inuit, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jindividwalizzahom b’mod analogu għal dawk li huma destinatarji ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti mkien ma jispjegaw kif ir-regolament ikkontestat jolqot lil dawn il-korpi u lil dawn il-kumpanniji minħabba ċerti partikolaritajiet li huma partikolari għalihom jew sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra.

93      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li Ta Ma Su Seal Products, NuTan Furs u GC Rieber Skinn kif ukoll il-Canadian Seal Marketing Group ma humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li dan ir-rikors għal annullament jiġi ddikjarat inammissibbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tal-Kunsill li jiġi rtirat mill-proċess l-Anness A.7 tar-rikors u ċ-ċitazzjoni, f’dan tal-aħħar, ta’ estratt minn dan id-dokument.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfu, għandhom jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l‑ispejjeż tal‑Parlament u tal-Kunsill, kif mitlub minn dawn tal‑aħħar.

96      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(4) tal-istess Regoli, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Inuit Tapiriit Kanatami, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, il-Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Efstathios Andreas Agathos, il-Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, il-Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Conference Greenland (ICC), Johannes Egede u Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Il-Lussemburgu, is-6 ta’ Settembru 2011.

E. Coulon

 

       A. Dittrich

Reġistratur

 

      President