Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (l-Italja) fl-10 ta’ Mejju 2017 – Whirlpool Europe Srl et / Autorità per l’energia elettrica e per il gas e il sistema idrico

(Kawża C-263/17)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Whirlpool Europe Srl, Fenice - Qualità Per L’ambiente SpA, FCA Italy SpA, FCA Group Purchasing Srl, FCA Melfi SpA, Barilla G. e R. Fratelli SpA, Versalis SpA

Konvenuta: Autorità per l’energia elettrica e per il gas e il sistema idrico

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) u (6) u l-Artikolu 28, għandhom jiġu interpretati fis-sens li sistema stabbilita u ġestita minn entità privata, li magħha jkun konness numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, li mbagħad ikunu konnessi mas-sistema pubblika, tikkostitwixxi neċessarjament sistema tal-elettriku, u għaldaqstant “sistema ta’ distribuzzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħajr il-possibbiltà li jiġu esklużi minn tali klassifikazzjoni, sistemi privati li jinkludu dawn il-karatteristiċi, li jkunu ġew stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva u li oriġinarjament kienu intiżi għall-awtoproduzzjoni ?

F’każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun waħda affermattiva, il-klassifikazzjoni ta’ sistema tal-elettriku privata fil-kategorija tal-SDM prevista fl-Artikolu 28 tad-direttiva inkwistjoni tikkostitwixxi l-unika possibbiltà offruta minn din id-direttiva sabiex jittieħed kont tal-partikolaritajiet tagħha, jew huwa permess li l-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi kategorija differenti ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni suġġetti għal regoli ssimplifikati, differenti minn dik prevista għall-SDM?

Indipendentement mid-domandi preċedenti, id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu ta’ konnessjoni ta’ terzi huwa impost fil-każijiet kollha fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa previsti fl-Artikolu 28 ?

Indipendentement mid-domandi preċedenti, il-klassifikazzjoni ta’ sistema tal-elettriku privata bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72/CE, tippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jipprovdi, favur din is-sistema, sempliċiment għad-derogi mir-regoli ġenerali applikabbli għas-sistema ta’ distribuzzjoni previsti espressament mill-Artikolu 28 u mill-Artikolu 26(4) tal-istess direttiva, jew – fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet inklużi fil-“premessi” 29 u 30 tal-imsemmija direttiva – l-Istat Membru huwa permess, jew anki obbligat li jipprovdi għal eċċezzjonijiet oħra mill-applikazzjoni tar-regoli ġenerali applikabbli għas-sistemi ta’ distribuzzjoni, b’tali mod li jiħu segwiti l-għanijiet indikati fl-imsemmija “premessi” ?

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huwa possibbli jew obbligatorju, għall-Istat Membru, li jadotta leġiżlazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE – u b’mod partikolari, il-“premessi” 29 u 30, l-Artikolu 15(7), l-Artikolu 37(6)(b), u l-Artikolu 26(4) – jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik rilevanti fil-kawża odjerna, li tissuġġetta s-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa għal regoli, fil-qasam tad-dispaċċ u s-separazzjoni, effettivament identiċi għal dawk applikabbli għal sistemi pubbliċi u li, fil-qasam tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi li l-ammonti dovuti bħala korrispettiv għal dawn l-ispejjeż għandhom ikunu parzjalment proporzjonali wkoll għall-elettriku kkunsmat fi ħdan is-sistema magħluqa ?

____________

1 Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55)