Language of document : ECLI:EU:T:2011:42

Kawża T-385/07

Fédération internationale de football association (FIFA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Xandir televiżiv — Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE — Miżuri adottati mir-Renju tal-Belġju li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà Belġjana — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt Komunitarju — Motivazzjoni — Artikoli 43 KE u 49 KE — Dritt ta’ proprjetà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Interess dirett

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun ikkonċernata individwalment minn deċiżjoni ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Rikorrent identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Rikorrent ikkonċernat individwalment

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/479)

3.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Possibbiltà miftuħa għall-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni — Ġustifikazzjoni — Garanzija tad-dritt għall-informazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessi 18 u 21; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

4.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza primarja

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 18; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

5.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà — Kompetenzi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 21; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1) u (2))

6.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt — Inammissibbiltà ta’ miżuri mhux konformi mad-drittijiet fundamentali

(Artikoli 46 KE u 55 KE)

7.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Proċeduri nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà

(Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

1.      Il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, li jibda jopera b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-miżuri meħuda minn Stat Membru skont l-imsemmi Artikolu 3a(1), joħloq għall-Istati Membri l-obbligu li l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn l-imsemmija miżuri jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fl-Istat Membru mniżżla fil-lista kkonsolidata u mehmuża mal-imsemmija deċiżjoni, kif iddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat fil-miżuri tiegħu approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri minbarra l-Istat Membru awtur ta’ dawn il-miżuri u li jixtiequ jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni fl-Istat Membru miżmuma oriġinarjament mill-organizzaturi ta’ avveniment. Għalhekk, it-tali deċiżjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-organizzaturi ta’ tali avvenimenti, fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnhom u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat. Għalhekk, dawn l-organizzaturi huma direttament ikkonċernati minn tali deċiżjoni.

(ara l-punti 39-42)

2.      Il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ fejn din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.

Issa, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol, din tikkostitwixxi avveniment skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552/KEE, dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi, fis-sens li hija organizzata bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u li din is-sitwazzjoni kienet tgħodd ukoll fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni 2007/479 tal-Kummissjoni, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE. L-imsemmi organizattur tat-Tazza tad-Dinja kien perfettament identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk kien ikkonċernat individwalment minnha.

(ara l-punti 43-45)

3.      L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, ikkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali, stabbiliti bid-dritt Komunitarju primarju.

Il-libertà tal-espressjoni, kif protetta bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju u tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika tali restrizzjonijiet. Skont l-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a ta’ din l-aħħar direttiva huma intiżi li jipproteġu d-dritt għal informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-pubbliku tat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti, nazzjonali jew le, li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

Għalhekk, meta dawn jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Dawn il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu wkoll adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

(ara l-punti 52, 55-58)

4.      L-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, li tirreferi għalih il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 li temenda d-Direttiva 89/552, ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma għandhiex tinftiehem li l-fatt li t-Tazza tad-Dinja ġiet inkluża fil-lista nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jwassal sabiex titqies bħala awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li t-Tazza tad-Dinja tista’ validament dejjem tiġi inkluża kollha kemm hi f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

Minkejja dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, ir-riferiment għat-Tazza tad-Dinja fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tqis li l-inklużjoni ta’ logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti jikser id-dritt Komunitarju minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avvenimenti ta’ importanza għas-soċjetà. Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għaliex din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment wieħed, tista’ tiġi kkonfutata abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex daqshekk importanti għas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

(ara l-punti 59, 60, 95)

5.      Billi ġie stabbilit li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom fis-sens stabbilit mill-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva f’dan ir-rigward.

Meta avveniment huwa ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-istħarriġ li teżerċita abbażi tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, billi tonqos milli topponi l-inklużjoni tiegħu fil-lista stabbilita mill-Istat Membru inkwisjtoni għar-raġuni li avveniment ieħor, eventwalment ta’ importanza iktar sinjifikattiva għas-soċjetà, ma huwiex imniżżel.

Fil-fatt, fir-rigward tal-għażla fost il-bosta avvenimenti konkreti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tad-Direttiva 97/36, ma jistax jiġi direttament jew indirettament impost fuq l-Istati Membri li jinkludu fil-listi tagħhom avvenimenti li ma humiex dawk li huma jagħżlu li jinkludu u li jidderogaw mir-regoli tat-Trattat b’mod iktar wiesa’ milli jixtiequ.

(ara l-punti 94, 114, 115)

6.      Meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarju jiżguraw l-osservanza tagħhom. Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà, tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

(ara l-punt 138)

7.      Il-proċeduri implementati mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu dwar l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista teħtieġ, skont l-imsemmi Artikolu 3a, li dan ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jiġu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 152)