Language of document : ECLI:EU:C:2009:101

Kawża C-228/06

Mehmet Soysal

u

Ibrahim Savatli

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1))

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija; Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1))

1.        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, li jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovvduti servizzi, għandha effett dirett. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fi kliem ċar, preċiż u inkundizzjonat, klawżola inekwivoka ta’ “standstill”, li tinvolvi obbligu sottoskritt mill-partijiet kontraenti li jikkonsisti legalment f’sempliċi astensjoni. Konsegwentement, id-drittijiet li l-imsemmija dispożizzjoni tikkonferixxi fuq iċ-ċittadini Torok li għalihom hija applikabbli jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jista’ jiġi validament invokat minn xufiera Torok li huma impjegati minn impriża stabbilita fit-Turkija, li jipprovdu legalment servizzi fi Stat Membru, minħabba li l-ħaddiema tal-fornitur ta’ servizzi huma indispensabbli sabiex dan il-fornitur ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu.

(ara l-punti 45, 46)

2.        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, li jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovvduti servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, tal-ħtieġa ta’ viża sabiex ċittadini Torok ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi f’dan l-Istat Membru għan-nom ta’ impriża stabbilita fit-Turkija, peress li, f’dik id-data, tali viża ma kinitx meħtieġa.

Fil-fatt, id-dispożizzjoni msemmija tipprekludi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovvduti servizzi fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1973, fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat.

Fir-rigward taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu mid-dritt tal-moviment liberu ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta din l-attività għall-għoti ta’ viża, li fuq kollox ma tistax tiġi imposta fuq iċ-ċittadini Komunitarji, tista’ tipprekludi l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà, b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji żejda u ripetitivi li timplika l-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni li l-validità tagħha hija limitata fiż-żmien. Barra minn hekk, fil-każ fejn l-applikazzjoni għal viża tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà msemmija.

Isegwi li tali leġiżlazzjoni, li ma kinitx teżisti fl-1 ta’ Jannar 1973, mill-inqas għandha l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn ċittadini Torok, tal-libertajiet ekonomiċi ggarantiti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw fl-Istat Membru kkonċernat matul id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għad-dritt taċ-ċittadini Torok residenti fit-Turkija, li jipprovdu liberament servizzi fl-Istat Membru kkonċernat.

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi biss l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni Komunitarja ta’ dritt derivat. F’dan ir-rigward, is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq l-atti tad-dritt Komunitarju derivat teżiġi li dawn l-atti jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-imsemmija ftehim.

Min-naħa l-oħra, il-klawżola ta’ “standstill”, stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ regoli li japplikaw bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini Komunitarji.

(ara l-punti 47, 55-59, 61, 62 u d-dispożittiv)