Language of document : ECLI:EU:C:2013:245

Kawża C‑103/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Systran SA u Systran Luxembourg SA

“Appell — Artikoli 225(1) KE, 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE — Kawża kontra l-Komunità Ewropea sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali — Evalwazzjoni tan-natura mhux kuntrattwali tal-kawża — Ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ April 2013

1.        Proċedura ġudizzjarja — Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali — Talba intiża sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fuq il-punti ta’ liġi mqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali — Kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Rikors għad-danni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Limiti — Natura tar-responsabbiltà invokata — Verifika mill-qorti — Rikors li jinvolvi l-istħarriġ tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura kuntrattwali — Assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali

(Artikoli 235 KE, 240 KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 41)

2.        Sabiex tiġi ddeterminata liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni legali partikolari mressqa kontra l-Komunità sabiex din tikkumpensa dannu, għandu jiġi eżaminat jekk din l-azzjoni għandhiex l-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikoli 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li għandu natura awtonoma, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tiegħu, jiġifieri li jippermetti tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali. F’dan il-kuntest, aditi b’rikors għad-danni, il-qrati Komunitarji għandhom, qabel ma jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża, jiddeterminaw preliminarjament il-ġurisdizzjoni tagħhom billi jipproċedu b’analiżi intiża li tistabbilixxi n-natura tar-responsabbiltà invokata u għalhekk in-natura stess tal-kawża inkwistjoni.

Biex dan isir, il-qrati Komunitarji ma jistgħux sempliċement jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli allegati mill-partijiet. Huma għandhom jivverifikaw jekk ir-rikors għad-danni li bih huma aditi għandux, bħala għan, talba għad-danni bbażati b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dawn il-finijiet, dawn il-qrati għandhom jivverifikaw, permezz ta’ analiżi tal-elementi differenti tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet inkwistjoni, jekk jeżistix bejniethom kuntest veru kuntrattwali, marbut mas-suġġett tal-kawża, li l-eżami dettaljat tiegħu huwa indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż.

Fil-każ li mill-analiżi preliminari tal-imsemmija elementi jirriżulta li hemm bżonn li jiġi interpretat il-kontenut ta’ wieħed jew iktar kuntratti konklużi bejn il-partijiet inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-imsemmija qrati għandhom iwaqqfu, f’dan l-istadju, l-eżami tagħhom tal-kawża u jiddikjaraw lilhom infushom bħala bla ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq din il-kawża, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fl-imsemmija kuntratti. F’tali ċirkustanza, l-eżami tar-rikors għad-danni intiż kontra l-Komunità jimplika l-evalwazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura kuntrattwali li, abbażi tal-Artikolu 240 KE, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 61-64, 66, 67)