Language of document : ECLI:EU:T:2010:373

Kawża T-348/07

Stichting Al-Aqsa

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PBSK u Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Rikors għal annullament — Adattament tat-talbiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Att li jħassar u jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Talba għall-adattament tat-talbiet għal annullament

(il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Kunċett ta’ persuna, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(2))

3.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, premessa 1 u Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

1.      It-terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE huwa, bħala prinċipju, applikabbli kemm meta r-rikors għall-annullament ta’ att jitressaq permezz ta’ rikors kif ukoll meta jitressaq, fil-kuntest ta’ kawża pendenti, permezz ta’ talba għall-adattament tat-talbiet għall-annullament ta’ att preċedenti li jkun tħassar u ġie sostitwit bl-att inkwistjoni. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors huma termini ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-liġi, filwaqt li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Madankollu, b’eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju, dan it‑terminu ma japplikax, fil‑kuntest ta’ kawża pendenti, meta, minn naħa, l‑att inkwistjoni u l‑att imħassar u ssostitwit minnu jkollhom, fir‑rigward tal‑parti kkonċernata, l‑istess suġġett, ikunu essenzjalment fondati fuq l‑istess motivi u jkollhom kontenut sostanzjalment identiku, b’tali mod li jkunu differenti biss fir‑rigward tal‑kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv tagħhom, u, min‑naħa l‑oħra, it‑talba għall‑adattament tat‑talbiet ma tkun ibbażata fuq ebda motiv, fatt jew prova ġdida għajr l‑adozzjoni stess tal‑att inkwistjoni li jħassar u jissostitwixxi dan l‑att preċedenti.

F’każ bħal dan, fil‑fatt, peress li s‑suġġett u l‑kuntest tal‑kawża kif stabbiliti fir‑rikors promotur ma jkunux qegħdin jinbidlu b’mod ieħor għajr fir‑rigward tad‑dimensjoni temporali tal‑kawża, iċ‑ċertezza legali b’ebda mod ma tkun affettwata mill‑fatt li t‑talba għall‑adattament tat‑talbiet titressaq wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għar-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent ikun obbligat, għaliex inkella tkun inammissibbli, iressaq it-talba tiegħu għall-adattament tat-talbiet tiegħu fl-imsemmi terminu ta’ xahrejn.

(ara l-punti 32-35, 44)

2.      It‑terminu “persuna”, fit‑tifsira tiegħu normalment aċċettata ġuridikament, li għaliha għandu jsir riferiment fin‑nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja espressa min‑naħa tal‑leġiżlatur, jindika ħaġa li għandha personalità ġuridika u għalhekk jindika kemm persuna fiżika u kemm persuna ġuridika.

Għalhekk, il‑persuni msemmija fl‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, jistgħu jkunu kemm persuni fiżiċi u kemm persuni ġuridiċi, filwaqt li l‑gruppi u entitajiet imsemmija fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑pożizzjoni komuni msemmija jistgħu jkunu t‑tipi l‑oħra kollha ta’ organizzazzjonijiet soċjali li, għalkemm nieqsa minn personalità ġuridika, għandhom xorta waħda ċerta forma ta’ eżistenza ftit jew wisq strutturata.

Din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata mill‑Artikolu 1(5) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprovdi li l‑Kunsill għandu jaħdem sabiex jiżgura li l‑ismijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ gruppi jew entitatjiet elenkati fl‑Anness, ikunu akkumpanjati b’dettalji preċiżi biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod preċiż l-individwi, il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew l-organizzazzjonijiet.

Il-fatt li l-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bl-istess mod bħal dik annessa mar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, isemmu biss persuni fiżiċi taħt it-titolu “Persuni”, filwaqt li diversi persuni ġuridiċi jissemmew taħt it-titolu “Gruppi u entitajiet”, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Dawn il-listi, stabbiliti għall-finijiet biss tal-implementazzjoni, fil-każijiet individwali elenkati minnhom, tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, ma għandhom effettivament ebda impatt fuq id-definizzjoni tal-persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-atti msemmija. Għalhekk, l-istess jista’ jingħad għal żbalji eventwali fil-klassifikazzjoni bejn persuni u gruppi u entitajiet li dawn il-listi jistgħu jkunu vvizzjati bihom.

(ara l-punti 57-59, 61)

3.      Sabiex tiġi interpretata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tagħha, kemm il-kuntest tagħha u kif ukoll l-għanijiet tagħha. Fid-dawl kemm tal-kliem, tal-kuntest u tal- għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, (ara, b’mod partikolari, il-premessa 1 tal-motivi ta’ din il-pożizzjoni komuni) u tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, kif ukoll tar-rwol maġġuri tal-awtoritajiet nazzjonali fil-proċess tal-iffriżar ta’ fondi previst mill-Arikolu 2(3) tar-regolament imsemmi, deċiżjoni ta’ bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-Kunsill b’mod validu, tittieħed fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi direttament u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv kontra l-parti kkonċernata bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u minħabba l-involviment tagħha fih.

Dan ikun il-każ fir-rigward ta’ sentenza dwar miżuri provviżorji li, fid-dawl tal-kontenut, tal-portata u tal-kuntest tagħha u kkunsidrata flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sanzjonijiet fil-qasam tat-terroriżmu, tikkostitwixxi deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Tali sentenza, flimkien mal-leġiżlazzjoni msemmija, tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(4) tal-pożizzjoni komuni msemmija u għalhekk tista’, bħala prinċipju, tiġġustifika fiha nnifisha l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

(ara l-punti 96, 97, 101, 105)

4.      Meta, wara eżami mill‑ġdid, il‑Kunsill ikollu l‑intenzjoni jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi taħt ir‑Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, fuq il‑bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, huwa ma jistax jinjora l‑iżviluppi ulterjuri ta’ dawn l‑investigazzjonijiet jew ta’ din il‑prosekuzzjoni. Għalhekk, jista’ jkun li investigazzjoni mill-pulizija jew mill-prosekutur tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ġudizzjarja minħabba li ma jkunx possibbli li jinġabru provi suffiċjenti jew li istruttorja ġudizzjarja twassal għal deċiżjoni li ma jkunx hemm lok li jitkomplew il-proċeduri għall-istess raġunijiet, jew inkella li deċiżjoni li tinbeda prosekuzzjoni twassal għall-abbandun tagħha jew għal-liberazzjoni mill-akkużi. F’dan il-każ, ikun inammissibbli li l-Kunsill ma jiħux inkunsiderazzjoni tali fatturi, li jagħmlu parti mill-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni. Deċiżjoni differenti tkun tfisser li l-Kunsill u l-Istati Membri jkunu qegħdin jingħataw is-setgħa eċċessiva li jiffriżaw b’mod indefinit il-fondi ta’ persuna b’mod li ma jaqax taħt stħarriġ ġudizzjarju u irrispettivament mill-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji li jkunu eventwalment inbdew.

L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw meta miżura amministrattiva nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni bħala terrorista tkun irtirata mill-awtur tagħha jew annullata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

Il‑Kunsill imur lil hinn mil‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu meta jżomm indefinittivament persuna fil‑lista li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 2580/2001, meta jsir l‑eżami mill‑ġdid perijodiku tas‑sitwazzjoni tagħha taħt l‑Artikolu 2(3) tar‑regolament imsemmi u taħt l‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, għas‑sempliċi raġuni li deċiżjoni dwar miżuri provviżorji meħuda mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti ma kinitx ġiet ikkontestata, fis‑sistema legali nazzjonali, permezz tal‑istanza ġudizzjarja ta’ appell dwar miżuri provviżorji jew permezz tal‑istanza ġudizzjarja dwar il‑mertu, meta fil‑frattemp id‑deċiżjoni amministrattiva li s‑sospensjoni tal‑effetti tagħha kienet intalbet lil dik l-awtorità kienet ġiet imħassra mill‑awtur tagħha.

(ara l-punti 164, 168, 169, 180)