Language of document : ECLI:EU:C:2017:209

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-Unjoni – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn qorti – Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza”

Fil-Kawża C‑3/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Lucio Cesare Aquino

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lucio Cesare Aquino, minn M. Verwilghen u H. Vandenberghe, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn E. Matterne, D. Lindemans u F. Judo, advocaten,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’ il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lucio Cesare Aquino u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 18 tal-Koninklijk besluit tot vaststelling van de cassatie-procedure bij de Raad van State (Digriet Irjali li jistabbilixxi l-proċedura ta’ kassazzjoni quddiem il-Kunsill tal-Istat), tat-30 ta’ Novembru 2006 (Belgisch Staatsblad, 1 ta’ Diċembru 2006, p. 66844), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta l-auditoraat (awtorità ta’ investigazzjoni) tiddeċiedi favur l-inammissibbiltà jew iċ-ċaħda tar-rikors, ir-rapport għandu jiġi nnotifikat mir-reġistratur prinċipali lir-rikorrent, li għandu tletin ġurnata sabiex jitlob it-tkomplija tal-proċedura sabiex jinstema’.

Jekk ir-rikorrent ma jitlobx li jinstema’, ir-reġistratur prinċipali għandu jibgħat il-proċess lill-awla, sabiex din tordna r-rinunzja għall-atti tal-istanza. […] Ir-rapport tal-auditoraat għandu jiġi nnotifikat fl-istess ħin bħas-sentenza lill-partijiet li ma jkunux għadhom irċevewh.

Jekk ir-rikorrent jitlob li jinstema’, il-konsulent jistabbilixxi, permezz ta’ digriet, id-data li fiha l-partijiet ikollhom jidhru.

Ir-reġistratur prinċipali għandu jsemmi dan il-paragrafu waqt in-notifika lir-rikorrent tar-rapport li jiddeċiedi favur l-inammissibbiltà jew iċ-ċaħda tar-rikors.

2.      Meta l-auditoraat ma tiddeċidix favur l-inammissibbiltà jew iċ-ċaħda tar-rikors, il-President tal-Awla jew il-konsulent li dan jiddelega għandu jiffissa direttament, permezz ta’ digriet, id-data tas-seduta li fiha jkun ser jiġi eżaminat ir-rikors.”

4        Is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 21 tal-gecoördineerde wetten op de Raad van State (Liġijiet Ikkoordinati dwar il-Kunsill tal-Istat), tat-12 ta’ Jannar 1973 (Belgisch Staatsblad, 21 ta’ Marzu 1973, p. 3461), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, applikabbli kemm għar-rikorsi għal annullament kif ukoll għar-rikorsi ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ qrati amministrattivi, jipprovdi:

“Teżisti preżunzjoni ta’ rinunzja għall-atti tal-istanza fir-rigward tar-rikorrent meta dan ma jippreżenta l-ebda talba ta’ tkomplija tal-proċedura fi żmien terminu ta’ tletin ġurnata min-notifika tar-rapport tal-auditoraat jew waqt in-notifika li skontha l-paragrafu 3 tal-Artikolu 30(1) għandu jiġi applikat u li fiha hija proposta ċ-ċaħda jew id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors.”

5        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 39/60 tal-Wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (liġi dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin), tal-15 ta’ Diċembru 1980 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“Il-partijiet u l-avukat tagħhom jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom oralment fis-seduta. Ma jistgħux jiġu invokati motivi oħra minbarra dawk indikati fir-rikors jew fin-nota.”

6        L-Artikolu 39/67 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet tar-[Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin)] ma huma suġġetti la għal oppożizzjoni, la għal oppożizzjoni ta’ terzi u lanqas għal reviżjoni. Huma jistgħu jkunu suġġetti biss għal appell ta’ kassazzjoni previst fl-Artikolu 14(2) tal-Liġijiet Ikkoordinati dwar il-Kunsill tal-Istat.”

 Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa ta’ nazzjonalità Taljana, ilu jgħix il-Belġju sa mis-sena 1970.

8        Permezz ta’ sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) tat-23 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin.

9        Fid-9 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta talba għal reġistrazzjoni mal-muniċipalità ta’ Maasmechelen (Il-Belġju). Fit-23 ta’ Frar 2012, id-Dienst Vreemdelingenzaken (uffiċċju tal-barranin, il-Belġju) innotifikalu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza u ordni ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà nazzjonali, tat-22 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012”).

10      Fis-6 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin, il-Belġju). Fil‑15 ta’ Mejju 2012, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ikkunsidrat, il-persuna interessata talbet lil din il-qorti tagħmel domanda preliminari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(4) u tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

11      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Awwissu 2012, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiemha bħala inammissibbli minħabba li r-rikors ma kien fih l-ebda motiv. B’mod partikolari, din il-qorti rrifjutat li tilqa’ t-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intiża għat-tressiq ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li din it-talba kienet tressqet eżattament qabel is-seduta u li l-persuna interessata ma kienet invokat ebda raġuni li setgħet tistabbilixxi li l-imsemmija talba ma setgħetx tiġi mressqa qabel.

12      Fl-24 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Wara li l-auditoraat iddeċidiet favur l-inammissibbiltà tal-appell minħabba l-assenza ta’ aggravji ammissibbli, il-persuna interessata astjeniet milli titlob, fit-terminu previst, it-tkomplija tal-proċedura sabiex tinstema’. Konsegwentement, fl-4 ta’ April 2013, fuq il-bażi tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Liġijiet Ikkoordinati dwar il-Kunsill tal-Istat, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) ikkonstata l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rinunzja għall-atti tal-istanza fit-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

13      Sadattant, fis-27 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien beda proċedura quddiem is-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju), sabiex jingħata sorveljenza elettronika. Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2012, l-imsemmija qorti kienet ċaħdet it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni oħra, tat-23 ta’ Mejju 2012, din l-istess qorti kienet ukoll ċaħdet talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-għoti ta’ libertà kundizzjonata.

14      Għalhekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju). Fih huwa sostna, b’mod partikolari, li l-aġir tal-qorti kiser l-Artikoli 16 u 28 tad-Direttiva 2004/38, u talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistoqsija dwar dan is-suġġett. Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, l-ewwel waħda minn dawn il-qrati ċaħdet l-appell billi enfasizzat li hija ma kinitx obbligata tibda proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-aggravji mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kinux ammissibbli għal raġuni speċifikament inerenti għall-proċedura quddiem il-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni).

15      Is-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) awtorizzat, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2012, is-sorveljanza elettronika tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2013, awtorizzat fir-rigward tiegħu l-libertà kundizzjonata mitluba.

16      Qabel dan, fis-6 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ressaq talba ġdida għal reġistrazzjoni mal-muniċipalità ta’ Maasmechelen. Fit-22 ta’ April 2013, din il-muniċipalità ħarġitlu permess ta’ residenza validu sat-3 ta’ April 2018.

17      Fil-31 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta kawża quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell), sabiex din:

–        tordna lill-Istat Belġjan jannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012, peress li din id-deċiżjoni kienet tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38;

–        tiddikjara li s-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell), fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Mejju 2012, u l-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni), fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, bi żball, ikklassifikaw bħala “temporanju” id-dritt ta’ residenza tiegħu u rrifjutawlu, ukoll bi żball, l-għoti ta’ libertà kundizzjonata;

–        tikkundanna lill-Istat Belġjan għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 25 000 minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-istrafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell), mill-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) kif ukoll mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin), minħabba li dawn il-qrati, li ddeċidew fl-aħħar istanza, kienu kisru d-dritt tal-Unjoni u naqsu milli josservaw l-obbligu tagħhom li jressqu rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2013, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) ċaħdet dan ir-rikors bħala parzjalment inammmissibbli u parzjalment infondat. Għalhekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Fir-rigward tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012, il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell) ikkonstatat li din kienet ibbażata biss fuq l-eżistenza tal-kundanni kriminali preċedenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, bi ksur tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, din il-qorti kkundannat lill-Istat Belġjan iħallsu s-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn din id-deċiżjoni.

20      Fir-rigward tad-dannu li jirriżulta mill-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin), il-qorti tar-rinviju ssostni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien stieden lil din il-qorti tressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’nota ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu u li din it-talba ġiet miċħuda bħala tardiva permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Awwissu 2012. Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li r-rikors ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) ġie miċħud minħabba rinunzja għall-atti.

21      Il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell) tindika li tqum għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk, għal kull waħda minn dawn it-tliet qrati msemmija mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Belġjan.

22      Fir-rigward tas-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell), il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma jirriżulta minn ebda att tal-proċess li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien talab lill-imsemmija qorti tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-deċiżjonijiet sussegwenti meħuda minnha, li kollha saru definittivi, ma kienu s-suġġett ta’ ebda proċedura ta’ tħassir u li għalhekk, il-persuna interessata ma setgħetx iġġarrab dannu minn dan. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda bażi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Belġjan minħabba l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja tal-imsemmija qorti.

23      Fir-rigward tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin), il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sentenza tal-24 ta’ Awwissu 2012 ċaħdet it-talba għat-tressiq ta’ talba għal domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li din it-talba kienet tressqet f’att proċedurali li wasal eżattament qabel is-seduta u minħabba li ma ġiet invokata ebda raġuni sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija talba ma setgħetx tiġi fformulata qabel.

24      Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tosserva li l-appell ippreżentat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) ma ġie eżaminat la fuq il-mertu u lanqas fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, sa fejn, peress li t-tkomplija tal-proċedura ma ġietx mitluba fit-terminu legali wara n-notifika tar-rapport tal-auditoraat, ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rinunzja għall-atti tal-istanza fit-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Għalhekk, tqum il-kwistjoni ta’ jekk, f’tali ċirkustanzi, l-imsemmija sentenza għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, minħabba l-fatt li l-proċedura ta’ appell ma involvietx evalwazzjoni fuq il-mertu. It-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-fatt, ġiet miċħuda minħabba li din kienet ġiet ifformulata f’att proċedurali li, minħabba d-data tal-preżentata tiegħu, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li tista’ tiġi stabbilita responsabbiltà tal-Istat Belġjan għal ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba żball evantwali mwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja, meta dan ikun jikkostitwixxi ksur manifest. Rifjut li jingħata bidu għal proċedura preliminari jista’ jikkostitwixxi tali ksur tad-dritt tal-Unjoni.

26      Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-rifjut tal-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) li tilqa’ t-talba intiża għat-tressiq ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 52(3), meħudin flimkien, tal-Karta.

27      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċedura li żvolġiet quddiem ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) kisritx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 52(3), meħudin flimkien, tal-Karta, peress li din iddeċidiet li regola ta’ proċedura ipprekludiet li tintlaqa’ t-talba intiża għat-tressiq ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba kienet, fil-fatt, ġiet miċħuda minħabba li din kienet ġiet ifformulata f’att proċedurali li, minħabba d-data tal-preżentata tiegħu, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni.

28      Fl-aħħar tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk din iċ-ċaħda saritx bi ksur tal-Artikolu 267 TFUE.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Köbler (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01 [EU:C:2003:513]) u Traghetti del Mediterraneo (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03 [EU:C:2006:391]) fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Istat għal aġir żbaljat mill-qrati li jinvolvi ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandha titqies bħala qorti tal-aħħar istanza l-qorti li d-deċiżjoni tagħha ma ġietx eżaminata fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni għaliex ir-rikorrent, li ppreżenta nota fil-proċedura ta’ kassazzjoni, huwa preżunt b’mod inkonfutabbli li rtira ruħu mill-proċeduri b’applikazzjoni ta’ regola proċedurali nazzjonali?

2)      Huwa kompatibbli mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ukoll fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u tal-Artikolu 52(3), moqrija flimkien, tal-Karta […] li qorti nazzjonali marbuta taħt din id-dispożizzjoni tat-Trattat [FUE] li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, tiċħad talba intiża sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari għas-sempliċi raġuni li t-talba hija fformulata f’nota li, skont ir-regoli proċedurali applikabbli, għandha tiġi miċħuda minħabba li ġiet ippreżentata tard?

3)      Fil-każ li l-ogħla fost il-qrati ordinarji ma teżaminax talba intiża sabiex tintalab deċiżjoni preliminari, għandu jitqies li twettaq ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ukoll fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u tal-Artikolu 52(3), moqrija flimkien, tal-Karta […], meta din il-qorti tiċħad it-talba għas-sempliċi raġuni li t-talba mhux ser issir “peress li l-aggravji ma humiex ammissibbli għal raġuni speċifika għall-proċedura quddiem il-Hof?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha jeżisti rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, tistax madankollu tiġi kkunsidrata bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, fil-każijiet fejn l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn deċiżjoni ta’ din il-qorti ma ġietx eżaminata minħabba r-rinunzja għall-atti tar-rikorrent.

31      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-qrati nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, għandhom l-obbligu li jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 6).

32      Fil-fatt, l-obbligu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jaqa’ fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha bejn il-qrati nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 54)

33      Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ rinviju previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu, b’mod partikolari, l-għan li jiġi evitat li ġurisprudenza nazzjonali li tkun inkonsistenti mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tiġi stabbilita fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 29).

34      Kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni. Il-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza għandhom jiżguraw li, fuq livell nazzjonali, tingħata interpretazzjoni uniformi tar-regoli ta’ dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 34, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 31).

35      F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 39/67 tal-ligi tal-15 ta’ Diċembru 1980, id-deċiżjonijiet tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) jistgħu jkunu suġġetti għal appell ta’ kassazzjoni previst fl-Artikolu 14(2) tal-Liġijiet Ikkoordinati dwar il-Kunsill tal-Istat.

36      Minn dan jirriżulta li r-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, sa fejn id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu mistħarrġa minn istanza superjuri li quddiemha l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet li din tieħu ma jingħatawx minn qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

37      Il-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi l-proċedura ta’ kassazzjoni quddiem il-Kunsill tal-Istat, rikorrent li jkun ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) huwa meqjus b’mod inkonfutabbli li jkun irtira ruħu mill-proċeduri fil-każ fejn huwa ma jkunx talab it-tkomplija tal-proċeduri f’terminu ta’ tletin ġurnata minn meta huwa jkun ġie nnotifikat bir-rapport tal-auditoraat li ddeċidiet favur l-inammissibbiltà jew iċ-ċaħda tar-rikors, bl-ebda mod ma jeffettwa l-fatt li d-deċiżjonijiet tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) jistgħu jiġu kkontestati quddiem istanza superjuri u, għaldaqstant, jingħataw minn qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha jeżisti rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, fil-każijiet fejn l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn deċiżjoni ta’ din il-qorti ma jkunx ġie eżaminat minħabba r-rinunzja għall-atti tar-rikorrent.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil qorti tiċħad talba intiża sabiex issir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għas-sempliċi raġuni li din it-talba ġiet ifformulata f’nota li, skont id-dritt proċedurali applikabbli, għandha tiġi miċħuda minħabba li ġiet ippreżentata tard.

40      Sa fejn, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (qorti tal-kawżi tal-barranin) ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u sa fejn it-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa inversa, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

41      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta appell ta’ kassazzjoni għandu jiġi miċħud għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà inerenti għall-proċedura quddiem din il-qorti.

42      F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li, sa fejn ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija, bħala prinċipju, marbuta li tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta tiġi invokata quddiemha domanda relattiva għall-interpretazzjoni tat-Trattat FUE (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25).

43      Mir-relazzjoni bejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l-oħra f’dak li jirrigwarda l-punt jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex marbuta li jirreferu kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma quddiemhom jekk id-domanda ma tkunx rilevanti, jiġifieri fil-każijiet fejn ir-risposta għal din id-domanda, tkun xi tkun, ma jkun jista’ jkollha ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 26).

44      Għaldaqstant, fil-każ fejn, konformement mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru kkonċernat, il-motivi mqajma quddiem qorti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja u rilevanti sabiex din il-qorti tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha.

45      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ domanda preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża (sentenza tat-2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 42).

46      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li, minħabba l-inammissibbiltà tal-appell ippreżentat mis-sentenza tas-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) tat-23 ta’ Mejju 2012, il-formulazzjoni ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevanti, peress li r-risposta għal din id-domanda ma seta’ jkollha l-ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża.

47      Xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli nazzjonali ta’ proċedura la jistgħu jippreġudikaw il-kompetenza li qorti nazzjonali għandha taħt l-Artikolu 267 TFUE u lanqas jeħilsuha mill-obbligi tagħha skont din l-istess dispożizzjoni.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm madankollu dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan jirriżulta li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali f’sitwazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 25).

50      Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li dan jirrikjedi li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl, C‑429/12, EU:C:2014:12, punt 26, u tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 30).

51      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element li jippermettilha li tiddubita l-konformità tar-regoli ta’ proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

52      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tkun ta’ natura li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29).

53      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l‑partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 55).

54      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li, abbażi tar-regoli proċedurali interni, il-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) iddikjarat inammissibbli l-motivi mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali insostenn tal-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tas-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) tat-23 ta’ Mejju 2012, minħabba li, minkejja li, permezz ta’ dawn il-motivi, il-persuna interessata kkontestat waħda mill-kontro-indikazzjonijiet adottati minn din il-qorti tal-aħħar sabiex tiġi miċħuda t-talba tiegħu għal libertà kundizzjonata, il-kontro‑indikazzjonijiet l-oħra adottati mill-imsemmija qorti, waħedhom, kienu ta’ natura li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

55      Għaldaqstant, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

56      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta appell ta’ kassazzjoni huwa miċħud għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà inerenti għall-proċedura quddiem din il-qorti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha jeżisti rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, fil-każijiet fejn l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn deċiżjoni ta’ din il-qorti ma jkunx ġie eżaminat minħabba r-rinunzja għall-atti tar-rikorrent.

2)      Ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

3)      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta appell ta’ kassazzjoni huwa miċħud għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà inerenti għall-proċedura quddiem din il-qorti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.