Language of document : ECLI:EU:C:2014:27

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fit-23 ta’ Jannar 2014 (1)

Kawża C‑487/12

Vueling Airlines SA

vs

Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 1 de Ourense (Spanja)]

“Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni — Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Libertà tat-tariffi — Protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur — Ħlas mitlub għar-reġistrazzjoni tal-bagalji tal-passiġġieri bħala żieda fil-prezz fakultattiva — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lit-trasportaturi bl-ajru li jitolbu tali ħlas”





1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tippreċiża l-portata tal-prinċipju tal-libertà ta’ tariffi stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (2).

2.        B’mod partikolari, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n°1 de Ourense (Spanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lit-trasportaturi bl-ajru milli jitolbu ħlas għar-reġistrazzjoni tal-bagalji tal-passiġġieri (3) bħala żieda fil-prezz fakultattiva hijiex kompatibbli ma’ tali dispożizzjoni.

3.        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008 huwa intitolat “Il-libertà ta’ l-ipprezzar” u jaqa’ taħt il-kuntest tal-Kapitolu IV dwar id-dispożizzjonijiet tat-tariffi ta’ servizzi tal-ajru. Fl-Artikolu 1 tiegħu, dan l-artikolu jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), [dwar il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-obbligi ta’ servizzi pubbliku] it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u abbażi ta’ reċiproċità, it-trasportaturi ta’ l-ajru ta’ pajjiżi terżi, għandhom jistabbilixxu nollijiet ta’ l-ajru u rati ta’ l-ajru għal servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.”

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Vueling Airlines SA (iktar ʼil quddiem “Vueling”), li tikkummerċjalizza vjaġġi bl-ajru permezz, b’mod partikolari, ta’ portal internet, u l-Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia (Istitut tal-konsum tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, iktar ʼil quddiem l-“IGC”) dwar is-suġġett tal-impożizzjoni minn din tal-aħħar ta’ multa li tissanzjona l-kontenut ta’ kuntratti ta’ trasport bl-ajru ta’ Vueling.

5.        Fil-fatt, f’Awwissu 2010, Vueling żiedet b’EUR 40 il-prezz bażiku ta’ biljetti tal-ajru (EUR 241.48) mixtrija minn Arias Villegas minħabba r-reġistrazzjoni, elettronikament, ta’ żewġ bagalji.

6.        Fil-15 ta’ Novembru 2010, meta ġiet lura mill-vjaġġ tagħha, din tal-aħħar ressqet ilment kontra Vueling, peress li qieset li l-kuntratt ta’ trasport konkluż mal-imsemmija kumpannija kien ivvizzjat bi klawżola abbużiva. L-IGC, li l-ilment intbagħat lilu, għaldaqstant impona sanzjoni amministrattiva ta’ ammont ta’ EUR 3 000 fuq Vueling abbażi tal-Artikolu 97 tal-Liġi 48/1960 dwar l-ivvjaġġar bl-ajru (Ley 48/1960 sobre Navegación Aérea), tal-21 ta’ Lulju 1960 (4), kif ukoll tal-Artikoli 82, 86, 87 u 89 tat-test ikkodifikat tal-Liġi Ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u tal-liġijiet l-oħra kumplimentari (texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias) (5).

7.        L-Artikolu 97 tal-LNA jipprevedi, fil-fatt, dan li ġej:

“It-trasportatur huwa obbligat li jittrasporta, għall-prezz tal-biljett, il-vjaġġatur u l-bagalji tiegħu, fil-limiti ta’ piż stabbiliti mir-regolamenti, indipendentement min-numru tal-pakketti u mil-volum tagħhom.

L-eċċess ta’ bagalja huwa suġġett għal stipulazzjoni speċifika.

Għal dan il-għan, ma humiex ikkunsidrati bħala bagalji l-oġġetti u l-bagalji tal-idejn li l-vjaġġatur iżomm miegħu. It-trasportatur huwa obbligat li jittrasporta mingħajr ħlas fil-kabina, bħala bagalja tal-idejn, l-oġġetti u l-pakketti li l-vjaġġatar iżomm miegħu, inklużi l-oġġetti mixtrija fil-ħwienet li jinsabu fl-ajruport. Huwa biss għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ piż jew ta’ daqs tal-oġġett, relattiv għall-karatteristiċi tal-inġenju tal-ajru li t-tlugħ abbord ta’ dawn l-oġġetti jew pakketti jista’ jiġi rrifjutata.”

8.        Wara li tilfet ir-rikors tagħha ppreżentat quddiem l-IGC fi proċeduri amministrattivi, Vueling ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fis-27 ta’ April 2012, peress li qieset li s-sanzjoni amministrattiva imposta fuqha hija kuntrarja għall-prinċipju tal-libertà tat-tariffi stipulata fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008.

9.        Fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 97 tal-LNA jistabbilixxi d-dritt tal-passiġġier tal-ajru li jirreġistra bagalja mingħajr spiża żejda jew żieda tal-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru. Dan id-dritt jinsab fid-definizzjoni legali tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u jikkostitwixxi miżura loġika u raġonevoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li ma jmur kontra l-liberalizzazzjoni tat-tariffi tal-ajru stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

10.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li fuq din il-perspettiva ma hemm jaqblux il-qrati Spanjoli kollha. Fil-fatt, xi wħud minnhom jiddeċiedu, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008 jawtorizza lit-trasportaturi bl-ajru li japplikaw żieda fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru għar-reġistrazzjoni ta’ bagalja, peress li tali dispożizzjoni għandha tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet kuntrarji tad-dritt Spanjol.

11.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n°1 de Ourense ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“(1) L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali (l-Artikolu 97 tal-[LNA]) li tobbliga lill-kumpanniji ta’ transport bl-ajru ta’ vjaġġaturi jirrikonoxxu, fi kwalunkwe każ, lill-passiġġieri d-dritt li jirreġistraw bagalja mingħajr spiża addizzjonali jew żieda fil-prezz bażiku tal-biljett miftiehem?”

12.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjegaw ir-raġunijiet għaliex nikkunsidraw li, permezz tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament Nru 1008/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni jasal li jirrikonoxxi lit-trasportaturi bl-ajru libertà ta’ tariffi li jirkupraw is-servizzi kollha tas-suq marbutin mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, inklużi servizzi bħalma huma r-reġistrazzjoni tal-bagalji, filwaqt li jkunu protetti d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi permezz tal-istabbiliment ta’ standards obbligatorji relatati mal-informazzjoni tagħhom.

I –    L-interpretazzjoni tiegħi

13.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk il-prinċipju tal-libertà tat-tariffi stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprojbixxi lill-kumpanniji tal-ajru li jitolbu ħlas, bħala żieda fil-prezz fakultattiva, għar-reġistrazzjoni tal-bagalji ta’ passiġġier.

14.      Fi kliem ieħor, trasportaturi bl-ajru bħalma huma Vueling, Ryanair Ltd, easyJet Airline Co. Ltd, Hop! jew Germanwings jaġixxu b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni meta jitolbu ħlas għal servizz fakultattiv għar-reġistrazzjoni ta’ bagalji ta’ passiġġieri?

A –    Osservazzjonijiet preliminari

15.      Din il-kwistjoni tqum minħabba l-wasla fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-linji msejħa “low cost” (spiża baxxa), maħluqa mil-liberalizzazzjoni u l-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-settur kif ukoll mill-iżvilupp tal-mudell kummerċjali ta’ dawn il-linji.

16.      Fil-fatt, dan il-mudell jikkonsisti f’li jkun offrut lil klijentela li tixtieq tnaqqas l-ispejjeż tagħha ta’ trasport ta’ titjiriet regolari, ta’ tul qasir jew medju, għal tariffi partikolarment baxxi, filwaqt li jiggarantixxu l-istess livell ta’ sigurtà bħal kwalunkwe linja oħra, iżda joffru servizz ta’ kwalità limitata. Il-linji tal-ajru “low cost” b’hekk jiffokaw fuq is-servizzi essenzjali għal loġika ta’ spejjeż baxxi ħafna (6). Billi jitolbu prezz għal kull servizz normalment inkluż fil-prezz tal-biljett tal-ajruplani tradizzjonali, huma jagħmlu użu iktar ta’ tariffi differenzjati u progressivi. B’hekk, is-servizzi addizzjonali tradizzjonali offruti mill-operaturi stabbiliti, bħar-riżerva tal-postijiet, it-trasport tal-bagalji, l-ikel fuq l-ajruplan jew saħansitra li tkun disponibbli l-istampa, isiru servizzi fakultattivi. Konsegwentement, ma huwiex dejjem faċli li jiġu stmati l-ispejjeż anċillari li jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-prezz ta’ xiri tal-biljett propost fil-bidu tar-riżerva u li jitqabblu l-prezzijiet mitluba mil-linji differenti.

17.      Fir-rigward ta’ Vueling, din tbigħ vjaġġi bl-ajru permezz, b’mod partikolari, ta’ portal internet. Jekk illum jien nagħmel riżerva fittizja permezz ta’ dan il-portal, hekk huwa kif titwettaq l-istrateġija kummerċjali tagħha.

18.      Meta klijent jagħżel titjira speċifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżerva aċċessibbli bl-imsemmi portal, jidhru tliet tipi ta’ tariffi jidhru fin-nofs tal-paġna internet, jiġifieri t-tariffa “Basic” it-tariffa “Optima” u t-tariffa “Excellence”. Taħt kull waħda minn dawn it-tariffi tinsab deskrizzjoni bil-kliem tal-vantaġġi li huma jagħtu, b’simboli, jekk ikun il-każ, b’logos (7).

19.      Skont din id-deskrizzjoni, it-tariffa “Basic” tippermetti li persuna tivvjaġġa bl-aħjar prezz. Ma għandha l-ebda logo partikolari.

20.      It-tariffa “Optima”, min-naħa tagħha, hija ssimbolizzata mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ siġġu, ta’ bagalja kif ukoll ta’ arloġġ. Hija tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi rreġistrata bagalja vverifikata ta’ 23 kilogramm, li jkun hemm post fuq quddiem jew wara tal-ajruplan u li jsir benefiċċju minn vantaġġi speċjali fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-modifika tal-biljett tal-ajru. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tariffa “Excellence”, din ġiet issimbolizzata, fil-jum tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn rappreżentazzjoni grafika ta’ siġġu, ta’ bagalja kif ukoll ta’ arloġġ. Tippermetti, minbarra l-vantaġġ tat-tariffa “Optima”, li persuna jkollha bagalja tal-idejn ta’ piż massimu ta’ 14-il kilogramma kif ukoll post fl-ewwel filliera tal-ajruplan. Hija tippermetti, barra minn hekk, lill-klijent li jirreġistra mill-ewwel wara l-proċess ta’ riżerva, li jaċċedi għas-sala “VIP”, li jkollu prijorità fl-apparat ta’ reġistrazzjoni u mal-kontroll tas-sigurtà u t-tlugħ. Hija tippermettilu, finalment, li jkollu servizz ta’ ikel abbord, li tinbidel it-titjira u, jekk ikun il-każ, li jkollu rimbors fil-każ ta’ annullament jew jakkumula punti ta’ lealtà.

21.      Meta l-klijent jagħżel it-tariffa “Basic” għall-vjaġġ kollu tiegħu, dikjarazzjoni tal-ispejjeż marbutin ma’ din ir-riżerva tidher fil-lemin tal-paġna tas-sit internet, taħt it-titlu “Ir-rotta tiegħek”. Din id-dikjarazzjoni tinkludi, minbarra t-tariffa “Basic” tat-titjira proprja li tinkludi t-taxxi, ammont korrispondenti għall-ispejjeż ta’ ġestjoni kif ukoll l-ispejjeż konnessi, jekk ikun hemm, mal-ħlas b’karta ta’ kreditu. It-total ta’ dawn l-ispejjeż jirrappreżenta l-“Prezz finali kollox inkluż”. Sabiex ikompli bir-riżerva, il-klijent għandu għaldaqstant jikkomunika d-data personali tiegħu. Wara għandhom jiġu aċċettati l-“Kundizzjonijiet ta’ trasport” kif ukoll il-“Kundizzjonijiet dwar l-użu tas-sit”. Il-punt 8.4 tal-“Kundizzjonijiet ta’ trasport”, dwar il-bagalji, jippreċiża kif ġej:

“Għat-tariffa Basic, ir-reġistrazzjoni ta’ bagalja ta’ 23 kg massimu għal kull passiġġier hija suġġetta għall-ħlas ta’ żieda li tvarja skont il-partikolaritajiet ta’ kull titjira. It-tariffi Optima u Excellence jinkludu r-reġistrazzjoni bla ħlas ta’ bagalja ta’ 23 kg massimu.

Tkun xi tkun it-tariffa magħżula, il-passiġġier jista’ jirreġistra iktar minn bagalja waħda ta’ 23 kg massimu, bil-kundizzjoni li jħallas għal kull waħda minnhom iż-żieda korrispondenti. Huwa possibbli li l-bagalji itqal ikunu rreġistrati, billi titħallas żieda u fil-limitu ta’ 23 kg kull waħda.

[...].”

22.      Wara li jkun aċċetta dawn il-kundizzjonijiet, il-klijent huwa għaldaqstant mitlub li jkompli l-proċess ta’ riżerva billi jikklikkja fuq it-tab “Ippersonalizza t-titjira tiegħek”. Vueling toffri b’hekk diversi servizzi li jikkompletaw is-servizz tal-ajru stess, li l-klijent jagħżel li jirrifjuta jew jaċċetta b’riżerva tal-ħlas addizzjonali fakultattiv. Huwa f’dan l-istadju li l-klijent jista’, pereżempju, jagħżel “sa minn” EUR 13 (tariffa ta’ sejħa), li jirreġistra bagalja jew li jivvjaġġa b’annimal domestiku. F’kull wieħed minn dawn l-istadji, l-istadju ta’ “Prezz finali kollox kompriż” huwa emendat skont l-għażliet li jagħżel il-klijent. Il-klijent jista’ għaldaqstant jiffinalizza r-riżerva tiegħu billi jagħmel ħlas ta’ somma waħda li tikkorrispondi għall-prezz globali tal-vjaġġ.

23.      Kif tindika Vueling fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha (8), l-għan huwa għaldaqstant li toffri lill-klijenti servizz ta’ trasport bl-ajru ppersonalizzat, adattat għall-ħtiġijiet tagħhom u għall-mezzi ekonomiċi tagħhom, billi titwettaq segmentazzjoni tal-offerta. L-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija tinvolvi, minn naħa, li jkun hemm distinzjoni bejn l-elementi essenzjali tas-servizz ta’ trasport bl-ajru li jikkomponu dan s-servizz u l-elementi aċċessorji li jikkomponu dan is-servizz u, min-naħa l-oħra, li l-elementi aċċessorji jinbidlu f’elementi fakultattivi sabiex il-klijenti jistgħu jagħżlu dawn l-għażliet jekk iqisuhom neċessarji, abbażi ta’ kunsens espliċitu ta’ aċċettazzjoni (“opt-in”). Li jivvjaġġa bl-aħjar prezz, kif tippermetti t-tariffa “Basic” jimplika, konsegwentement, li ssir rinunzja għal ċertu numru ta’ servizzi li huma, għall-kuntrarju, inklużi fit-tariffi ogħla “Optima” jew “Excellence”.

24.      L-istrateġija ta’ linja “low cost” għaldaqstant tista’ titqassar kif ġej:

“Sabiex klijent jibbenfika minn prezz estremament attraenti, [il-linja tal-ajru] tagħmel tajjeb għat-trasport tiegħu, iżda t-trasport tiegħu biss” (9).

25.      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, jista’ jikkontesta dan il-mudell ekonomiku? Strateġija bħal din, li ttendi li titlob ħlas fakultattiv għal servizzi bħalma huma r-reġistrazzjoni tal-bagalji, hija kuntrarja għad-drittijiet tal-konsumatur u għall-istandards stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qafas ta’ dan ir-regolament?

26.      Ma naħsibx.

27.      Ċertament, il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ajru u d-deregolazzjoni tas-settur li hija implikat huma akkumpanjati minn prattiki abbużivi u qarrieqa min-naħa tal-linji tal-ajru, u b’mod partikolari l-linji “low cost”. Ħafna kienu kkundannati minħabba klawżoli kkunsidrati illeċiti jew abbużivi li jinsab fil-kuntratt tagħhom ta’ trasport (10) jew fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tagħhom. Għaldaqstant dawn tal-aħħar ibatu minn pubbliċità ħażina, speċjalment peress li huma bbażati fuq mudell li jmur kontra l-kodiċijiet tradizzjonali tat-trasport bl-ajru. Ħafna passiġġieri huma, konsegwentement, sorpriżi li jkollhom iħallsu żidiet fil-prezzijiet għal servizzi li, sa issa, ġew inklużi b’mod sħiħ fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru. Hija din in-naħa l-oħra tal-munita tal-liberalizzazzjoni tas-suq? Ovvjament, iva. Din il-liberalizzazzjoni mibdija mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fl-1987 kellha l-għan li tiftaħ is-swieq nazzjonali u li ttejjeb il-kompetittività tal-linji tal-ajru billi jinfetaħ is-suq għall-kompetizzjoni u jkunu limitati s-setgħat regolatorji rrikonoxxuti sa issa lill-Istati Membri. L-għan, finalment, kien li tinkiseb diversifikazzjoni ikbar tal-offerta kif ukoll tariffi irħas għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

28.      Huwa inkontestabbli li dan l-għan intlaħaq. Il-wasla ta’ linji ġodda fis-suq tat-trasport bl-ajru ġiegħel lill-operaturi stabbiliti — li l-bieraħ kienu kkritikati li jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom jew li jiftiehmu fuq il-prezzijiet — sabiex jirrevedu t-tariffi tagħhom. Il-prezzijiet tat-titjiriet għaldaqstant naqsu b’mod sostanzjali, u b’hekk il-konsumaturi li qabel ma kellhomx il-mezzi li jivvjaġġaw sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw bl-ajruplan. Din il-liberalizzazzjoni għaldaqstant għenet sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ klijentela li kienet ristretta b’setgħa ta’ akkwist limitat. Il-linji “low cost” iltaqgħu mal-pubbliku tagħhom u l-operaturi stabbiliti stabbilixxew, sa issa, l-attivitajiet tagħhom f’verżjonijiet li huma simili għal “low cost”, peress li Air France SA żviluppat is-sussidjarja tagħha HOP! u Deutsche Lufthansa AG, Germanwings.

29.      Id-deregolamentazzjoni tas-settur għaldaqstant, ċertament, wassal għal eċċessi mit-trasportaturi bl-ajru stabbiliti u mil-linji “low cost”, kif juru b’mod suffiċjenti l-kundanni ta’ easyJet Airline Co. Ltd, ta’ Ryanair Ltd, ta’ Brussels Airlines jew saħansitra ta’ Air France SA. Madankollu, ma rridux ninsew li, billi tistimula l-kompetizzjoni u tiftaħ is-suq għal operaturi ġodda, din il-liberalizzazzjoni tas-suq fl-aħħar nett wasslet għal diversi vantaġġi ta’ benefiċċju dirett għall-konsumatur permezz ta’ tnaqqis sinjifikattiv fil-prezzijiet.

30.       Rigward it-tariffa tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru, b’mod partikolari dik relatata mar-reġistrazzjoni tal-bagalji, ma għandux għaldaqstant ikun hemm dibattitu qarrieqi. Għalkemm huwa leġittimu li jkun hemm riklassifikazzjoni tal-prattiki kummerċjali tat-trasportaturi bl-ajru, jibqa’ l-fatt li r-Regolament Nru 1008/2008 jtendi għal deregolamentazzjoni tas-settur permezz tar-rikonoxximent min-naħa ta’ dawn it-trasportaturi ta’ libertà ta’ tariffi. F’din il-kawża, il-kwistjoni hija għaldaqstant li jiġi ddeterminat jekk ħlas għal reġistrazzjoni ta’ bagalja bħala żieda tal-prezz fakultattiva jaqax taħt il-kamp ta’ din il-libertà jew jekk huwiex prattika illegali li tiġi inkluża fid-dispożizzjonijiet ġenerali u speċjali previsti mil-leġiżlazzjoni relatata mal-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, f’ebda każ, il-kwistjoni ma tistax tippermetti li terġa’ tiġi stabbilita leġiżlazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li titneħħa, ħlief li tieħu l-post tagħha.

31.      F’din il-kawża, inqis li dan il-ħlas fakultattiv jaqa’ taħt il-kamp tal-libertà tat-tariffi rrikonoxxuta mill-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

B –    L-interpretazzjoni tagħna tat-testi

32.      Sabiex naslu għal din il-konklużjoni, għandhom jintużaw il-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni li fosthom jinsab il-mudell teleoloġiku. Fil-fatt, kif ser naraw, il-kliem użat mill-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 2(18) u 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 huma estremament wesgħin jew vagi.

33.      Issa, huwa assolutament evidenti li sistema stabbilita fil-kuntest tar-Regolament Nru 1008/2008 hija intiża għal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru. Dan il-moviment beda bir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 2409/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar nollijiet u rati għal servizzi tal-ajru (11) u kellu bħala għan, permezz tal-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni, diversifikazzjoni ikbar tal-offerta kif ukoll tariffi orħos għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

34.      Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa lit-trasportaturi bl-ajru libertà tat-tariffi totali fuq in-“nollijiet ta’ l-ajru [tal-passiġġieri]” (12). Huwa, konsegwentement, illimita s-sovranità sħiħa eżerċitata sa issa mill-Istati Membri f’dan il-qasam billi ssostitwixxa s-setgħa ta’ approvazzjoni ta’ tariffi li għandhom din tal-aħħar b’miżura sempliċi ta’ notifika minn qabel u billi llimita l-intervent tagħhom għall-każijiet fejn il-livelli tat-tariffi kienu eċċessivament għoljin hekk li ppenalizzaw lill-utenti, jew kienu mnaqqsa b’mod kostanti b’mod li tintemm din it-xejra.

35.      Ir-Regolament Nru 1008/2008 għandu l-għan ukoll, skont Artikolu 1(1) tiegħu, li jirregola l-prezzijiet ta’ servizzi tal-ajru intra-Komunitarji.

36.      Fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni rriafferma l-prinċipju tal-libertà ta’ tariffi tan-“nollijiet ta’ l-ajru”. B’hekk huwa kompla l-moviment tad-deregolamentazzjoni tas-settur sabiex jillimita iktar il-kamp ta’ intervent tal-Istati Membri peress li l-miżuri relatati man-notifika minn qabel tat-tariffi kif ukoll mal-klawżoli ta’ salvagwardja msemmijin hawn fuq huma mħassra.

37.      Fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki abbużivi jew qarrieqa tat-trasportaturi. Kif ser naraw, din il-libertà tat-tariffi hija suġġetta għal obbligu ta’ ċarezza fid-dettall tas-servizzi pprovduti sabiex il-livell tat-tariffi jista’ jiġi eżattament evalwat mill-utent fil-kuntest tal-kompetizzjoni bejn l-offerti. Dan jista’ jsir biss għall-prezz ta’ kumplessità relattiva li, fil-fehma tiegħi, għandu l-istess konsegwenza tal-ispirtu tas-sitema maħsuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-għan li huwa assenjat għalih, jiġifieri d-diversifikazzjoni tal-offerti u, konsegwentement, il-multipliċità tas-servizzi adattati għas-setgħa ta’ xiri tal-utent.

38.      Fil-preżent, ser neżamina fid-dettall kull wieħed mill-prinċipji li fuqhom huma bbażati t-tariffi tas-servizzi tal-ajru.

1.      Il-prinċipju tal-libertà tat-tariffi

39.      Kif indikajt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jirriafferma l-prinċipju tal-libertà tat-tariffi tan-“nollijiet ta’ l-ajru” fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Qabel ma tiġi eżaminata f’iktar dettall il-portata ta’ dan il-prinċipju, għandhom isiru ż-żewġ osservazzjonijiet li ġejjin.

40.      L-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiddefinixxix il-kunċett stess ta’ tariffa. Madankollu, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, nibda mill-premessa li dan il-kunċett jindika t-tariffa ta’ trasport li l-passiġġier jirriżerva għal rotot, għal titjiriet, għal dati u, jekk ikun il-każ, fi klassi ta’ riżerva speċifiċi.

41.      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li l-libertà tat-tariffi ma tapplikax fir-rigward ta’ tariffi applikabbli għas-servizzi tal-ajru li jaqgħu taħt obbligu ta’ servizz pubbliku, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Din il-libertà ma tapplikax lanqas fir-rigward ta’ ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn dawk li jiġġestixxu l-ajruporti, jiġifieri fir-rigward ta’ taxxi, ta’ tariffi tal-ajruport kif ukoll ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet relatati mas-sigurtà jew mal-karburant li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jaqgħu taħt id-diskrezzjoni ta’ operaturi ekonomiċi u li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi speċifikament u distintament fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008//2008.

42.      Dan premess, bl-eċċezzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ spejjeż, jidhrilna li l-libertà li jgawdu minnha t-trasportaturi bl-ajru f’dak li jirrigwarda t-tariffi tas-servizzi tagħhom hija totali.

43.      Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni juża espressjoni partikolarment wiesgħa sabiex jiddefinixxi l-portata materjali ta’ din il-libertà.

44.      Fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tar-Regolament Nru 1008/2008, il-libertà tat-tariffi għandha tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ “tarifs des passagers”, kunċett li, fih innifsu, għandu sens wiesa’ ħafna. Fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u dik Ingliża, il-leġiżlatur tal-Unjoni juża espressjoni anki usa’, peress li juża rispettivament it-termini “flugpreise” u “air fares”, li jinkludu t-“tariffi tal-ajru”. Barra minn hekk, fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola, din l-istess sa tuża t-terminu “tarifas […] de los servicios aérios”.

45.      Barra minn hekk, dawn in-“nollijiet ta’ l-ajru” jew ukoll dawn it-“tariffi tal-ajru” huma ddefiniti, b’mod omoġenju, u huma x’inhuma l-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 1008/2008, fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu bħala l-“prezzijiet [...] li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru [...] għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra” (13).

46.      Issa, il-kunċett ta’ “prezzijiet [...] li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru [...] għat-trasport ta’ passiġġieri”, fis-sens tal-punt 18 ta’ dan ir-regolament, jista’ jkopri l-ispejjeż netti kollha ġġenerati mill-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport, minn meta ssir ir-riżerva tat-titjira li jkun għamel il-klijent sal-konsenja tal-bagalji ta’ dan tal-aħħar fuq it-trolleys. L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru timplika, fil-fatt, diversi servizzi li fosthom insibu r-reġistrazzjoni, it-tlugħ u li jintlaqgħu l-passiġġieri abbord l-ajruplan, it-trasport ta’ dawn tal-aħħar u tal-bagalji tagħhom mill-post ta’ tluq sal-post tal-wasla, u f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà, li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri matul it-titjira, l-inżul tagħhom u, finalment, il-konsenja tal-bagalji tagħhom. Dawn is-servizzi kollha jinvolvu spejjeż marbutin mhux biss mat-trasport tal-passiġġier fis-sens strett, iżda wkoll mal-ipproċessar tar-riżerva tiegħu, mal-ħruġ tal-biljett tal-ajru tiegħu, mal-użu u mal-manutenzjoni tal-apparat u tal-infrastruttura tal-ajruport kif ukoll mal-ġarr tal-bagalji. Dawn jassumu wkoll, għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru, l-intervent ta’ diversi professjonisti, bħall-aġenti kummerċjali, l-ekwipaġġ u l-persunal fuq l-art, il-mekkaniċi u impjegati oħra fil-manutenzjoni.

47.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu biss li jirregola l-“prezzijiet [...] li jkollhom jitħallsu [...] għat-trasport ta’ passiġġieri”. Fil-fatt huwa jsemmi espressament il-prezzijiet marbutin mar-“remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra”; li jmur lil hinn mill-ispejjeż direttament marbutin mal-eżekuzzjoni tat-trasport bl-ajru f’sens strett. F’dan ir-rigward, ma naħsibx li l-kunċett ta’ “servizzi awżiljarji”, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008, huwa marbut neċessarjament mas-servizzi proposti mill-aġenziji. Dan il-kunċett, jista’, konsegwentement, ikopri ħafna servizzi.

48.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli, konsegwentement, li l-kunċett ta’ tariffi tal-passiġġieri jkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi kummerċjali, kemm jekk huma servizzi obbligatorji jew indispensabbli għat-trasport tal-passiġġier jew jekk huma servizzi iktar aċċessorji, li jistgħu jkunu suġġetti ta’ żieda fil-prezz fakultattiva (14).

49.      Rigward il-ħlas relatat mar-reġistrazzjoni ta’ bagalja, ma hemm, fil-fehma tiegħi, l-ebda dubju li dan jaqa’ taħt dan il-kunċett, u li jidħol, konsegwentement, fil-kuntest tal-libertà tat-tariffi rrikonoxxuta mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, infakkar li r-reġistrazzjoni ta’ bagalja tikkostitwixxi servizz ta’ merkanzija li tinvolvi spiża għat-trasportatur bl-ajru, peress li jimplika spejjeż ta’ ipproċessar, ta’ għażla, ta’ ħażna, ta’ kunsinna, kif ukoll ta’ kustodja ta’ bagalji.

50.      Fit-tieni lok, il-libertà tat-tariffi rrikonoxxuta lit-trasportaturi bl-ajru tkopri wkoll il-modi ta’ applikazzjoni tat-tariffi tal-passiġġieri. B’riżerva tal-osservanza tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 dwar l-informazzjoni tal-konsumatur, it-trasportaturi bl-ajru b’hekk huma liberi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw l-imsemmija tariffi. Fi kliem ieħor, bl-eċċezzjoni tal-linji tal-ajru li jaqgħu taħt missjoni ta’ servizz pubbliku, dawn it-trasportaturi bl-ajru huma ħielsa li jiddefinixxu l-firxa ta’ servizzi li huma biħsiebhom jinkludu fil-kuntest tal-kuntratt tat-trasport tagħhom u sabiex jiddeterminaw kif biħsiebhom jitolbu ħlas mingħajr ma l-Istati Membri jkollhom vuċi f’dan ir-rigward. Kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Istati Membri ma għandhomx, skont dan ir-regolament, is-setgħa li jispeċifikaw fid-dettall il-kundizzjonijiet tat-tariffi applikabbli għall-prezz tal-biljett tal-ajru lanqas li jispeċifikaw is-servizzi li għandhom jiġu inklużi f’dan tal-aħħar (15). Hija permezz ta’ din ir-regola li jkun hemm id-diversi mudelli kummerċjali u strateġiji kompetitittivi tal-linji tal-ajru u li dawn tal-aħħar jistgħu jiddeċiedu li jiddiversifikaw u jaqsmu f’segmenti l-offerti tagħhom.

51.      Rigward it-tariffi fuq bagalja rreġistrata, u sa fejn dan is-servizz ma huwiex impost mir-regoli ta’ sigurtà bħalma tista’ tkun id-disponibbiltà ta’ post, it-trasportaturi bl-ajru jkollhom, konsegwentement, l-għażla.

52.      Huma jistgħu wkoll jagħżlu li jinkludu l-ispiża tas-servizz fit-tariffa bażika tal-biljett tal-jaru, kif jagħmlu l-maġġoranza tal-operaturi stabbiliti li jixtiequ li jiffokaw fuq il-kwalità tas-servizz tagħhom u jsaħħuha minħabba l-kompetizzjoni mil-“low cost”.

53.      It-trasportaturi bl-ajru jistgħu jiddeċiedu wkoll li jnaqqsu l-ispejjeż marbutin mal-ipproċessar, mal-għażla, mat-trasport u mal-kunsinna tal-bagalja billi jneħħu dan is-servizz mill-offerta bażika u billi jipproponuh għal żieda fil-prezz fakultattiva. Din il-prattika tippermetti li tkun proposta titjira għal tariffi iktar vantaġġużi minn dawk offerti minn linji oħra u taqa’ fil-kuntest tal-loġika tas-suq koperta bir-Regolament Nru 1008/2008 iżda li tippermetti fuq kollox li tiġi ggarantita tariffa li hija proporzjonata għas-servizzi li l-utent jitlob.

54.      Tali interpretazzjoni hija evidentement mhux applikabbli għall-bagalji tal-idejn (jew bagalji tal-kabina), peress li t-trasportatur għandu jiżgura li dawn ikunu bla ħlas, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, b’differenza minn bagalja rreġistrata, il-bagalja tal-idejn hija r-responsabbiltà unika tal-passiġġier. Barra minn hekk, ma hija bl-ebda mod taqa’ taħt il-kuntest tas-servizzi tas-suq pprovduti mit-trasportatur tal-ajru u koperta mir-Regolament Nru 1008/2008, peress li ma tinvolvi l-ebda spiża marbuta mar-reġistrazzjoni, ma li tkun irrintraċċjata u li tkun maħżuna, għall-kuntrarju ta’ bagalja rreġistrata.

55.      Min-naħa l-oħra, il-fatt li jkunu miegħek u taħt is-sorveljanza l-oġġetti personali li huma meqjusin l-iktar prezzjużi jew l-iktar indispensabbli jirrigwarda d-dinjità tal-persuna stess kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien ma nistax naċċetta l-prinċipju, anki fil-futur, tat-tariffa tal-bagalja tal-kabina.

56.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, aħna naħsbu, konsegwentement, li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jipprekludix li linja tal-ajru bħal Vueling titlob ħlas għar-reġistrazzjoni tal-bagalji tal-passiġġieri bħala żieda fil-prezz fakultattiva.

57.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni u jkollha tikkunsidra li r-reġistrazzjoni ta’ bagalja taqa’ taħt servizz obbligatorju li l-ispiża tagħha hija inkluża fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru, ikun neċessarju għaldaqstant li jiġi ddefinit b’mod universali l-kontenut stess ta’ dan is-servizz. Dan jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi, għat-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-daqs kif ukoll il-piż massimu awtorizzat ta’ bagalji permess filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà marbutin mat-tip ta’ apparat li jista’ jintuża. Issa, huwa ċar li tali deċiżjoni sabiex tiddefinixxi r-regoli tekniċi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bagalji ma taqax taħt is-setgħat tagħha, lanqas taħt il-funzjoni tiegħu.

58.      Barra minn hekk, tali attitudni jidhrilna li hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni libera u mal-protezzjoni tal-konsumaturi li fuqhom ir-Regolament Nru 1008/2008 huwa bbażat. Minn naħa, tkun xi tkun il-forma li din id-definizzjoni tieħu, tali attitudni twassal għal kompetizzjoni limitata fis-servizz tas-suq, li, ovvjament, iddgħajjef l-effettività ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, din tipprekludi li jkun hemm tariffa proporzjonata mas-servizzi mitluba mill-utent, hekk li l-passiġġier li jivvjaġġa bil-bagalja tal-idejn tiegħu biss iħallas l-ispiża tar-reġistrazzjoni tal-bagalja ta’ passiġġier ieħor, li jidhrilna li jikkomprometti l-protezzjoni tal-konsumatur.

2.      Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur

59.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni nkwadra l-libertà tat-tariffi rrikonoxxuta lit-trasportaturi bl-ajru bil-ħtieġa tal-osservanza tar-rekwiżiti marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008.

60.      Taħt l-intestatura “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 jippreċiża, fil-paragrafu 1, dan li ġej:

“In-nollijiet ta’ l-ajru [...] għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll [...] kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

a)      in-noll ta’ l-ajru [...]

b)      it-taxxi;

ċ)      il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

d)      ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru [...]. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

61.      Din id-dispożizzjoni dwar it-tariffi tas-servizzi tal-ajru tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-regoli ġenerali stabbiliti fil-qafas tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Hija għandha l-għan li tiżgura iktar trasparenza fit-tariffi li jitolbu t-trasportaturi bl-ajru sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar tal-konsumatur kontra l-prattiki qarrieqa jew abbużivi spiss wisq ikkritikati mill-passiġġieri.

62.      Fil-fatt, ma hemmx għalfejn jiġi ppreċiżat li t-tariffa hija l-kriterju li tiddetermina l-għażla tat-trasportatur bl-ajru mill-passiġġieri. Issa, hemm differenza kbira bejn it-tariffa bażika tal-biljett tal-ajru u l-prezz totali mħallas mill-passiġġier fl-aħħar tar-riżerva tiegħu minħabba l-ispiża għolja ta’ komponenti oħra, u b’mod partikolari taxxi, tariffi u żidiet oħra fakultattivi.

63.      Barra minn hekk, il-prattiki kummerċjali, iżda wkoll id-diversi ħlasijiet imposti fuq il-linji tal-ajru, taw lok għal numru kbir ta’ komponenti tal-prezz għall-biljetti tal-passiġġieri, u dan ma jikkontribwixxix għat-trasparenza tal-istrutturi tat-tariffi.

64.      Fl-aħħar nett, xi wħud minn dawn l-ispejjeż huma, għal raġunijiet ta’ marketing, moħbija, li huwa f’kontradizzjoni mal-ħtieġa li l-prezzijiet mitluba jkunu kkomunikati b’mod trasparenti.

65.      Fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant għamel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, it-tariffa tal-passiġġieri, it-taxxi u t-tipi l-oħra ta’ tariffi, li huma inevitabbli u prevedibbli fil-mument tal-pubblikazzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, iż-żidiet fil-prezz fakultattivi.

66.      Fir-rigward tat-tariffi tal-passiġġieri, tat-taxxi u tat-tipi l-oħra ta’ tariffi, it-trasportatur bl-ajru huwa obbligat li jsemmi l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà ta’ kull waħda minn dawn it-tariffi, ikunu xi jkunu l-forma li bihom huma ppubblikati.

67.      Rigward iż-żidiet fil-prezz fakultattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha ebookers.com Deutschland, iċċitata iktar ʼil fuq, li t-trasportatur bl-ajru għandu jiżgura li dawn jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità, u da fil-bidu ta’ kwalunkwe proċedura ta’ riżerva, u li jiġi żgurat li l-klijent b’hekk jista’ jaċċetta jew jirrifjuta s-servizz inkwistjoni abbażi tal-kunsens espiliċitu tiegħu (“opt-in”) (18).

68.      B’hekk, għalkemm trasportatur bl-ajru jista’, fil-kuntest tal-libertà tat-tariffi li hija rrikonoxxuta lilu fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, jitlob ħlas għar-reġistrazzjoni ta’ bagalji bħala żieda fil-prezz fakultattiva, huwa għandu, fi kwalunkwe każ, josserva r-rekwiżiti speċifikament previsti fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir- regolament b’riferiment għall-informazzjoni tal-konsumatur.

69.      Fil-preżent, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 97 tal-LNA. Infakk arli dan l-artikolu huwa interpretat mill-qorti tar-rinviju bħala li jipprojbixxi lit-trasportaturi bl-ajru milli jitolbu ħlas għar-reġistrazzjoni ta; bagali ta’ passiġġieri permezz taż-żieda fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru.

70.      Interpretata b’dan il-mod, din il-leġiżlazzjoni, evidentement, ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hija terġa’ ddaħħal regolament tal-Istat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jitneħħa fil-kuntest tar-Regolament Nru 1008/2008, permezz ta’ deregolamentazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni tas-settur. Kif indikajt, bl-eċċezzjoni tal-linji tal-ajru li jaqgħu taħt missjoni ta’ servizz pubbliku, l-Istati Membri ma għandhomx dritt li jkollhom vuċi dwar il-livelli tal-prezz stabbiliti mit-trasportaturi bl-ajru, dwar il-kundizzjonijiet tat-tariffi applikabbli u dwar in-natura tas-servizzi li jistgħu jiġu inklużi fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru.

71.      Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni tibda l-armonizzazzjoni intiża mill-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ “regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità” (19), skont it-titolu tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, mill-premessi 2, 5, 16 u 18 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-għan huwa li jtendi lejn applikazzjoni iktar effettiva, iktar koerenti u iktar omoġenja tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq intern tal-avjazzjoni b’mod li, minn naħa, tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn applikazzjoni differenti tar-regoli fil-livell nazzjonali u, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-konsumaturi li jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru. Sa fejn it-trasport bl-ajru huwa, min-natura tiegħu, suq internazzjonali, li fuqu l-linji tal-ajru tal-istess daqs joperaw permezz ta’ mezzi ta’ riżerva li llum ma għandhom l-ebda fruntiera, huwa indispensabbli, fid-dawl tal-għanijiet intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li l-attività ta’ dawn tal-aħħar tkun effettivament immexxija mir-regoli komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Issa, tali leġiżlazzjoni tikser manifestament dawn l-għanijiet.

72.      Konsegwentement u fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-prinċipju tal-libertà tat-tariffi stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lit-trasportaturi bl-ajru milli jitolbu ħlas, bħala żieda fil-prezz fakultattiva, għar-reġistrazzjoni tal-bagalji tal-passiġġier.

73.      Nikkunsidraw, madankollu, li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw li, fil-ħlas mitlub għal tali servizz, it-trasportaturi bl-ajru josservaw ir-rekwiżiti imposti fuqhom li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament billi jikkomunikaw b’mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu, u dan fil-bidu tal-proċedura ta’ riżerva mibdija mill-klijent, il-modalitajiet ta’ tariffi marbutin mar-reġistrazzjoni tal-bagalji u li jippermettu lil dan il-klijent li jaċċetta jew li jirrifjuta s-servizz inkwistjoni permezz ta’ proċedura espliċita ta’ aċċettazzjoni.

74.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Vueling osservatx l-imsemmija kunsiderazzjonijiet fir-rigward ta’ Arias Villegas.

II – Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n 1 de Ourense kif ġej:

Il-prinċipju tal-libertà tat-tariffi stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lit-trasportaturi bl-ajru mili jitolbu ħlas, bħala żieda fil-prezz fakultattiva, għar-reġistrazzjoni tal-bagalji tal-passiġġier.

Madankollu, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw li, fil-ħlas mitlub għal tali servizz, it-trasportaturi bl-ajru josservaw ir-rekwiżiti imposti fuqhom li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 billi jikkomunikaw b’mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu, u dan fil-bidu tal-proċedura ta’ riżerva mibdija mill-klijent, il-modalitajiet ta’ tariffi marbutin mar-reġistrazzjoni tal-bagalji u li jippermettu lil dan il-klijent li jaċċetta jew li jirrifjuta s-servizz inkwistjoni permezz ta’ proċedura espliċita ta’ aċċettazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, p. 3).


3 – Il-kunċett ta’ bagalji rreġistrati ma huwiex iddefinit fil-kuntest tar-Regolament Nru 1008/2008. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nitlaq mill-prinċipju li dan il-kunċett japplika għall-effetti personali li jakkumpanjaw lill-passiġġier matul il-vjaġġ tiegħu, li t-trasportatur jaċċetta l-kustodja tagħhom u li għalihom joħroġ dokument ta’ identifikazzjoni, kuntrarjament għall-bagalji tal-kabina li jibqgħu fil-kustodja tal-passiġġier.


4 – BOE Nru 176, tat-23 ta’ Lulju 1960, p. 10291. Artikolu kif emendat bil-Liġi 1/2011 tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE Nru 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 24995, iktar ʼil quddiem il-“LNA”).


5 – Test adottat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 (Real Decreto Legislativo 1/2007), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181).


6 – Għandu jiġi nnotat li dan il-mudell ekonomiku ma jaffettwax biss lis-settur tat-trasport bl-ajru. Fis-settur tal-lukandi, il-katina Formule 1 tiffoka wkoll fuq il-ħtieġa ewlenija tal-klijent — dak li jorqod bl-irħas prezz — u tnaqqas is-servizz għall-espressjoni sempliċi tiegħu minħabba li ma tipprovdi, b’mod ġenerali, l-ebda servizz anness bħall-ikel kif ukoll l-ospitalità bil-lejl, u s-servizzi normalment offruti, bħat-televiżjoni, huma offerti bħala fakultattivi bi ħlas. Fis-settur tad-distribuzzjoni, xi ditti tal-ikel bħal Leader Price, Lidl kif ukoll Ed, żviluppaw ħwienet bi xkaffar issimplifikat għall-estrem, mnaqqsa ta’ prodotti bażiċi. Fis-settur tal-karozzi, il-vetturi tal-futur “ultra low cost” tar-Renault-Nissan, bħal dawk tas-serje Logan tad-ditta Dacia, għandhom jiġu żviluppati fis-sens ta’ simplifikazzjoni fl-estrem, li jżommu biss dak li huwa meqjus bħala essenzjali għas-sewwieq u/jew obbligatorja skont l-istandards Ewropej.


7 – Ikkonstatajna li s-simboli murija taħt kull waħda minn dawn it-tariffi jistgħu jinbidlu skont il-jum tar-riżerva, fil-waqt li jibqgħu inklużi fit-tariffa kkonċernata.


8 – Punti 4 sa 9 tal-imsemmija osservazzjonijiet.


9 –      Dikjarazzjoni magħmula minn Kelleher, President-Direttur ta’ Southwest Airlines, l-ewwel linja tal-ajru “low cost” Amerikana.


10 –      Possibbiltà li jiżdied il-prezz tal-biljett wara r-riżerva, eżenzjoni minn responsabbiltà, rifjut ta’ rimbors fil-każ ta’ forza maġġuri, assenza ta’ kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni għal problemi tekniċi, rifjut ta’ tlugħ, ħlas mitlub għal taxxi tal-ajruport kontijiet, ħlasijiet ta’ ġestjoni diversi u varji, ipproċessar ta’ data personali, eċċ.


11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427.


12 – Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2409/92. It-tariffi tal-ajru huma ddefiniti, fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament bħala l-prezzijiet imħallsa mill-passiġġieri “għat-trasport tagħhom u għat-tagħbija tal-bagalji tagħhom fuq servizzi bl-ajru u xi kondizzjonijiet li permezz tagħhom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lil servizzi ta’ l-aġenzija u servizzi awżiljarji oħra”.


13 – Korsiv miżjud minni.


14 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland (C‑112/11), li ż-żidiet fil-prezz fakultattivi huma “marbuta ma’ servizz li, filwaqt li jissupplimentaw is-servizz tal-ajru nnifsu, la huma obbligatorji u lanqas indispensabbli għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, tant li l-klijent jagħżel jekk għandux jaċċettahom jew jirrifjutahom” (punt 14).


15 – Punt 19 tal-imsemmija osservazzjonijiet.


16 – Direttiva tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).


17 – Direttiva tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64).


18 – Punt 14 ta’ din is-sentenza.


19 – Korsiv miżjud minna.