Language of document : ECLI:EU:C:2014:2472

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2014 (1)

Kawża C‑628/13

Jean-Bernard Lafonta

vs

Autorité des marchés financiers (AMF)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi finanzjarji – Direttiva 2003/6/KE – Kunċett ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali’ – Informazzjoni ‘ta’ natura preċiża’ – Direttiva 2003/124/KE – Effett potenzjali f’sens determinanti fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza) fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2013, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas‑suq) (2), u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal‑Kummissjoni 2003/124/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq (3).

2.        Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju saret fil-kuntest ta’ kawża bejn J. B. Lafonta u l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (AMF) fir-rigward ta’ tranżazzjoni finanzjarja li ppermettiet lil Wendel SA (iktar ’il quddiem “Wendel”), li fiż-żmien meta seħħew il-fatti rilevanti tal-kawża prinċipali J. B. Lafonta kien il-President tal-Bord tad-Diretturi tagħha, li tipparteċipa b’mod sinjifikattiv fil-kapital tal-kumpannija Saint-Gobain. L-AMF ikkunsidrat li, billi naqas milli jippubblika l‑informazzjoni relatata mal-implementazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni, J. B. Lafonta kiser id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il‑pubblikazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u imponietlu multa ta’ EUR 1.5 miljun.

II – Id-dritt tal-Unjoni

A –    Id-Direttiva 2003/6

3.        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘Informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]’ għandha tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar u li, li kieku saret pubblika, x’aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji derivattivi relatati.

[…]”

4.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali] milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta’ parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni.

L-ewwel subparagrafu ghandu japplika ghal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjoni:

(a)      permezz tas-sħubija tiegħu tal-korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza ta’ min joħroġha; jew

(b)      permezz ta’ l-assi finanzjarji fil-kapital ta’ min joħroġha; jew

(ċ)      billi jkollha aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha; jew

(d)      permezz ta’ l-attivitajiet kriminali taghha.

2.      Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 hija persuna ġuridika, il‑projbizzjoni stabbilita f’dak il-paragrafu għandha wkoll tapplika għall-persuni fiżiċi li jieħdu parti fid-deċiżjoni li jwettqu l-operazzjoni għall-kont tal-persuna kkonċernata.

3.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet kondotti fl-iskarika ta’ obbligu li sar dovut għall-akkwidt jew id-disponiment ta’ strumenti finanzjarji meta dak l-obbligu jirriżulta min ftehim konkluż qabel ma l-persuna kkonċernata kellha informazzjoni minn ġewwa.”

5.        Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawk li joħorġu strumenti finanzjarji jinfurmaw lill-pubbliku malli possibbli b’informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali] li tikkonċerna direttament lil dawk li joħorġuhom, imsemmija.

[…]

2.      Min joħroġ l-informazzjoni jista’ taħt ir-responsabbiltà proprja jittardja l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali], kif imsemmi fil-paragrafu 1, sabiex ma jippreġudikax l-interessi leġittimi sakemm din l-ommissjoni ma tiżvijax x’aktarx lill-pubbliku u sakemm dak li joħroġ l-informazzjoni jkun jista’ jassigura l-konfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li min joħroġ l-informazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma lill-awtorità kompetenti bid-deċizżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]”.

B –    Id-Direttiva 2003/124

6.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/124, intitolat “It-Tagħrif minn ġewwa [Informazzjoni kunfidenzjali]” jipprovdi li:

“1.      Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2003/6/KE, it-tagħrif għandu jitqies li jkun ta’ ‘natura preċiża’ jekk jindika sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni li tkun ġrat jew tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri u jekk ikunu speċifiċi biżżejjed sabiex jgħinu li tinħareġ konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkostanzi jew ta l-okkażjoni fuq il-prezzijiet ta’ l‑istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati.

2.      Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2003/6/KE, il-frażi ‘it-tagħrif [informazzjoni] li, li kieku jintgħamel pubbliku, x’aktarx li jkollu effett sinifikattiv fuq il-prezzijiet ta’ l‑istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati’ għandha tfisser it-tagħrif li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet tiegħu ta’ l-investiment.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7.        Bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2006 u x-xahar ta’ Ġunju 2007, Wendel ikkonkludiet flimkien ma’ erba’ stabbilimenti ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“banek”) kuntratti ta’ “Total Return Swaps” (swaps ta’ trasferiment ta’ output totali, iktar ’il quddiem it-“TRS”) li bħala attiv warajhom kellhom azzjonijiet tal-kumpannija Saint-Gobain, u sabiex jikkostitwixxu l-kopertura tagħhom, il-banek akkwistaw total ta’ 85 miljun titolu Saint-Gobain.

8.        Matul il-perijodu tal-kuntratti, Wendel kellha tħallas remunerazzjoni lill‑banek u hija rċeviet mingħandhom l-ammont ta’ dividendi marbuta mal-azzjonijiet Saint-Gobain. Waqt it-terminazzjoni tal-kuntratti, li setgħet isseħħ fiż‑żmien previst jew b’mod antiċipat fuq inizjattiva ta’ Wendel, kellha tkun ikkalkolata d-differenza bejn il-“prezz ta’ referenza”, korrispondenti għall-valur tat-titolu fil-mument tal-kostituzzjoni tat‑TRS u l-“prezz ta’ terminazzjoni”, korrispondenti għall-valur tat‑titolu fid-data tat-terminazzjoni. F’każ ta’ valur ogħla, dak jiġi akkwistat minn Wendel, filwaqt li, f’każ ta’ valur inqas, Wendel kellha tħallas id-differenza lill-bank.

9.        B’mod parallel għall-konklużjoni tat-TRS, Wendel kisbet, mill‑banek u minn stabbiliment ta’ kreditu ieħor, għajnuna finanzjarja f’ammont totali qrib għal dak tat-TRS.

10.      Peress li fit-3 ta’ Settembru 2007, Wendel iddeċidiet li tittermina b’mod progressiv it-TRS, hija akkwistat, bejn din id-data u s-27 ta’ Novembru 2007, iktar minn 66 miljun azzjoni li jirrappreżentaw 17.6 % tal-kapital tal-kumpannija Saint-Gobain u bejn is-26 ta’ Settembru 2007 u s-26 ta’ Marzu 2008 iddikjarat lill-AMF li laħqet il-livelli ta’ 5 %, 10 %, 15 % u 20 % tal-kapital ta’ Saint-Gobain.

11.      L-AMF ikkunsidrat li, għalkemm fit-3 ta’ Settembru 2007, il‑Bord tad-Diretturi ta’ Wendel iddeċieda uffiċjalment li jibdel l‑espożizzjoni ekonomika f’Saint-Gobain f’detenzjoni fiżika ta’ titolu ta’ din il-kumpannija, il-provi fir-rapport tal-investigazzjoni tat‑Taqsima tal-Investigazzjonijiet u tas-Sorveljanza tal-kuntratti tal-AMF dwar il‑kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-kapital ta’ Saint-Gobain minn Wendel u l-konkomitanza bejn l-iffirmar tal-kuntratti TRS u l-kisba, minn Wendel, ta’ finanzjamenti li ppermettewlha li, fl-istess waqt, takkwista t‑titoli Saint-Gobain ċeduti mill-banek fil-kuntest tat-terminazzjoni tat‑TRS, juru li volontà ta’ sehem sinjifikattiv fil‑kapital tal-kumpannija Saint-Gobain kienet teżisti mill-bidu u li huwa għal dan il‑għan li twettqet din it-tranżazzjoni.

12.      Għaldaqstant, l-AMF ikkritikat lil Wendel u lil J. B. Lafonta li ma ppubblikawx il-karatteristiċi prinċipali tat-“tranżazzjoni finanzjarja” imwettqa minn Wendel u “intiża sabiex tippermettilha takkwista sehem sinjifikattiv fil-kapital tal-kumpannija Saint-Gobain”, “sa mhux iktar tard mil-21 ta’ Ġunju 2007, data li fiha t-TRS kollha kienu ġew konklużi mal-istabbilimenti bankarji” u li ma ppubblikawx, qabel ma kienu suġġetti għall-obbligu li jiddikjaraw li laħqu l-livell ta’ 5 %, l-informazzjoni kunfidenzjali, li kienet tikkonsisti fl-“implementazzjoni, minn Wendel, tat-tranżazzjoni hawn fuq deskritta, sabiex tkun tista’ tikseb sehem sostanzjali fil-kapital tal-kumpannija Saint-Gobain”.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni tas-Sanzjonijiet tal-AMF laqgħet dawn l-ilmenti u imponiet sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 1.5 miljun fuq Wendel u fuq J.B. Lafonta.

14.      J. B. Lafonta ppreżenta appell quddiem il-cour d’appell ta’ Pariġi li kkonfermat id-deċiżjoni tal-AMF. J. B. Lafonta appella minn din is-sentenza fil‑Kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.      Skont J. B. Lafonta, l-informazzjoni hija “preċiża” biss jekk tippermetti lid-detentur tagħha jantiċipa s-sens ta’ kif ser ivarja l-prezz tat-titolu tal-persuna li joħroġ it-titoli meta din l-informazzjoni tiġi ppubblikata. Huwa jallega li hija biss informazzjoni li tippermetti l‑previżjoni ta’ jekk il-prezz tat-titolu kkonċernat huwiex ser jogħla jew jonqos li tippermetti lid-detentur tagħha jkun jaf għandux jixtri jew ibigħ u konsegwentement, tagħtih vantaġġ meta mqabbel mal‑intervenjenti l-oħra kollha fis-suq li jinjoraw din l-informazzjoni. Huwa jżid li, f’dan il-każ, kien impossibbli li jiġu antiċipati l‑konsegwenzi, ’il fuq jew ’l isfel, li seta’ jkollu fuq il-prezz tat-titolu Wendel mill-iżvelar tal-informazzjoni dwar sehem ta’ din il‑kumpannija fil-kapital tal-kumpannija Saint-Gobain.

16.      L-AMF tikkunsidra li tali rekwiżit imur lil hinn mill-kliem tat-test tad‑Direttivi 2003/6 u 2003/124 li ma jsemmix l-effett possibbli tal‑informazzjoni fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati. Hija tqis li “id-distinzjoni bejn l-informazzjoni preċiża u l-informazzjoni impreċiża tinsab fil-potenzjalità tal-effett tagħha fuq is-suq b’tali mod li kull informazzjoni li minnha huwa possibbli li jiġi konkluż li, kieku kienet magħrufa, setgħet twassal għal varjazzjoni tal-prezz, tikkostitwixxi minħabba dan il-fatt biss informazzjoni preċiża, peress li din il-karatteristika tkun kompleta billi jintwera l-effett sinjifikattiv li l-attività inkwistjoni jista’ jkollha fuq il-prezz tat-titolu”.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [2003/6] u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [2003/124] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jikkostitwixxu biss informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali] ta’ natura preċiża fis‑sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dawk li huwa possibbli li jiġu dedotti, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, li l-influwenza potenzjali tagħhom fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati tiġi eżerċitata f’sens speċifiku, ladarba dawn isiru pubbliċi?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      J.B. Lafonta, il-Gvern Franċiż, dak Ċek, Ġermaniż u Taljan kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. J. B. Lafonta, il-Gvern Franċiż u dak Pollakk kif ukoll il‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru 2014.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

19.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]”, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/6, u b’mod iktar partikolari n-“natura preċiża” ta’ tali informazzjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124.

20.      Kif jindika t-titolu tagħha, id-Direttiva 2003/6 hija intiża sabiex tiġġieled kontra insider dealing u l-abbuż tas-suq.

21.      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 2003/6 tistabbilixxi, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1) tagħha, il-projbizzjoni ta’ insider dealing (4), jiġifieri, il-projbizzjoni tal-użu illegali ta’ informazzjoni kunfidenzjali (5) u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6 tagħha, l-obbligu ta’ dawk li joħorġu l-istrumenti finanzjarji li jinformaw lill-pubbliku kemm jista’ jkun malajr, b’informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna direttament lill-imsemmija persuni li joħorġuhom. Barra minn hekk, l‑Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi (6) kontra persuni responsabbli b’mod partikolari għal ksur ta’ dawn l-Artikolu 2(1) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tagħha (7).

22.      Skont il-premessi 2 u 12 tagħha, id-Direttiva 2003/6 tipprojbixxi għalhekk l-insider dealings bil-għan li tipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji u ssaħħaħ il-fiduċja tal-investituri, fiduċja bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li huma ser jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u ser ikunu protetti kontra l-użu illegali tal-informazzjoni kunfidenzjali (8). Fil-premessa 15 tad-Direttiva 2003/6, il-leġiżlatur tal‑Unjoni Ewropea jikkunsidra li l-insider dealings u l-abbuż tas-suq jipprekludu trasparenza integrali u adegwata tas-suq, trasparenza li hija prerekwiżit indispensabbli għall-kummerċ mill-atturi ekonomiċi kollha li joperaw fi swieq finanzjarji integrati. L-ewwel sentenza tal-premessa 24 tad-Direttiva 2003/6 tispeċifika li l-komunikazzjoni rapida u ekwa ta’ informazzjoni lill-pubbliku ssaħħaħ l-integrità tas-suq, filwaqt li l‑komunikazzjoni selettiva mill-persuni li joħorġu t-titoli tista’ twassal għal telf ta’ fiduċja tal-investituri fl-integrità ta’ swieq finanzjarji (9).

23.      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]”, kif iddefinit mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6, huwa kunċett prinċipali li għandu importanza fundamentali fid-dawl tar-rwol ċentrali fi ħdan l‑Artikolu 2(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-obbligu tal-Istati Membri li japplikaw sanzjonijiet skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, jeżiġi li d‑definizzjoni ta’ dan il-kunċett tkun ċara u tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.

24.      Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali jirrigwardaw l-obbligu, previst mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/6, ta’ pubblikazzjoni, malli jkun possibbli, tal-informazzjoni kunfidenzjali. Dan l-obbligu msejjaħ “pożittiv” (10) jimponi lill-persuni li joħorġu strumenti finanzjarji li jiżguraw it-trasparenza neċessarja sabiex jiġu osservati l-għanijiet ta’ din id-direttiva (11).

25.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 jistabbilixxi l-erba’ elementi essenzjali li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali billi jagħmel riferiment, l-ewwel nett, għan-natura preċiża tagħha, it-tieni nett, għall-fatt li hija ma ġietx ippubblikata, it-tielet nett, għar-relazzjoni diretta jew indiretta tagħha kemm ma’ wieħed jew iktar persuni li joħorġu strumenti finanzjarji u, r-raba’ nett, il-kapaċità tagħha li jkollha effett sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati (12).

26.      Sabiex issaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-parteċipanti fis-suq li fosthom hemm il-persuni li joħorġu l-istrumenti finanzjarji, id‑Direttiva 2003/124 tipprovdi definizzjoni iktar kompleta ta’ tnejn mill-erba’ elementi essenzjali tad-definizzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (13), jiġifieri n-natura preċiża tal-informazzjoni (l-ewwel element) u l-portata tal-effett potenzjali tagħha fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew l-istrumenti finanzjarji derivati relatati (ir-raba’ element).

27.      Fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza Geltl, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żewġ elementi li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali stabbiliti rispettivament fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/124, jikkostitwixxu rekwiżiti minimi li kull wieħed minnhom għandu jiġi ssodisfatt sabiex informazzjoni tkun tista’ titqies “minn ġewwa [kunfidenzjali]” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6.

28.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura awtonoma ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi. In-natura preċiża ta’ informazzjoni ma tiddependix fuq il-kapaċità tagħha li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-istrumenti finanzjarji (14). Fil-fatt, skont l‑osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, “fl-istadju tad-determinazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni, ma huwiex rilevanti li wieħed jistaqsi jekk tali informazzjoni tistax isservi bħala bażi tad-deċiżjoni ta’ investitur raġonevoli”.

29.      F’dan ir-rigward nirrileva li ħafna drabi informazzjoni “ta’ natura preċiża” tista’, fir-realtà u fil-prattika, tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il‑prezz tal-istrumenti finanzjarji u tikkostitwixxi għalhekk informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, hemm lok li għal darb’oħra jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tan-natura preċiża ta’ informazzjoni u jekk tistax tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-istrumenti finanzjarji jikkostitwixxu żewġ kriterji kemm obbligatorji kif ukoll ġuridikament distinti.

B –    Il-kunċett ta’ natura preċiża

30.      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, informazzjoni titqies li għandha natura preċiża jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa waħda, l-informazzjoni għandha ssemmi numru ta’ ċirkustanzi li jeżistu jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser jeżisti jew avveniment li seħħ jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser iseħħ. Min-naħa l-oħra, din għandha tkun biżżejjed preċiża sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew tal-istrumenti finanzjarji derivati li huma marbuta magħhom (15).

31.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda t-tieni wieħed mill-imsemmija rekwiżiti u tistaqsi, essenzjalment, jekk dan ir-rekwiżit għandux ikun interpretat fis-sens li sabiex ikollha “natura preċiża” huwa neċessarju li informazzjoni tippermetti li jiġi antiċipat is-sens – ogħla jew inqas – ta’ varjazzjoni fil-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

32.      Hemm  qbil ġenerali bejn l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u l-Kummissjoni li r-risposta għal din id‑domanda għandha tkun fin-negattiv.

33.      J. B. Lafonta biss jipproponi risposta oħra, billi jqis li ksur tal‑ugwaljanza bejn investituri tidher biss jekk min għandu l‑informazzjoni huwa kapaċi li jantiċipa b’liema mod ser jiżviluppa s‑suq (ogħla jew inqas) meta din l-informazzjoni tiġi ppubblikata. Fl‑opinjoni tiegħu, din l-antiċipazzjoni waħidha tippermettilu jiddetermina jekk għandux jixtri jew ibigħ it-titolu kkonċernat sabiex jagħmel profitt. Fin-nuqqas, l-investitur għandu l-istess riskju bħall-kumplament tas-suq meta jintervjeni fit-titolu kkonċernat.

34.      Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 jirriżulta b’mod ċar li, sabiex titqies ta’ “natura preċiża” informazzjoni għandu jkollha natura suffiċjentement konkreta (16) jew speċifika (17) sabiex minnha tkun tista’ tinsilet konklużjoni dwar effett possibbli fuq il-prezz tal-istrumenti kkonċernati.

35.      Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/6 u lanqas l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 ma jagħmlu riferiment speċifiku għal informazzjoni li tippermetti l‑antiċipazzjoni tas-sens – ogħla jew inqas – ta’ varjazzjoni fil-prezz ta’ dawn l-istrumenti (18). Huwa ovvju li tali informazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni ta’ natura preċiża (19), iżda d-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk, mingħajr dan il-punt, din l-informazzjoni tistax titqies li għandha natura preċiża.

36.      Nirrileva għalhekk li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 huwa fformulat f’termini ġenerali u inklużivi ħafna (20).

37.      Fil-fatt, it-termini “konklużjoni dwar l-effett possibbli” (21) għandhom b’mod ċar portata wiesgħa ħafna u ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv li jipprevedu biss informazzjoni li tirrendi possibbli d-determinazzjoni tas-sens li jista’ jkollha varjazzjoni fil-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati (22).

38.      Huwa minnu li din id-dispożizzjoni teskludi mid-definizzjoni ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]” informazzjoni vaga jew ġenerali li, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni jew partikolarità tagħha, ma tippermetti li tiġi bbażata fuqha l-ebda konklużjoni dwar l-effett possibbli tagħha fuq il-prezzijiet tal-istrumenti kkonċernati (23). L-informazzjoni inkwistjoni hija min-natura tagħha mhux konklużiva u, għaldaqstant, ma tippreġudikax l-għanijiet tad-Direttiva 2003/6. Huwa għalhekk opportun li din l-informazzjoni tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]” sabiex tiġi evitata informazzjoni inutili żejda għall-parteċipanti tas-suq li jirriskja, minn naħa, li “tgħarraqhom” u, min-naħa l-oħra, li timponi obbligi eċċessivi lill-persuni li joħorġu l‑istrumenti finanzjarji.

39.      Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li fid-dawl tad-diffikultà f’ħafna każijiet li jiġi evalwat (24)ex ante jekk informazzjoni tistax tikkważa żieda jew tnaqqis tal-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, peress li hija d-delimitazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ informazzjoni “ta’ natura preċiża” biss għall-informazzjoni li tippermetti l-antiċipazzjoni tas-sens ta’ varjazzjoni tal-prezzijiet ta’ dawn l-istrumenti li twassal sabiex tneħħi kważi s-sustanza kollha tad-Direttivi 2003/6 u 2003/124 (25). Dan jistieden lill-persuni li joħorġu t-titoli għall-komunikazzjoni selettiva tal-informazzjoni b’kontradizzjoni mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/6.

40.      Barra minn hekk J. B. Lafonta jallega li l-pożizzjoni tiegħu hija sostnuta mid-duttrina tal-Kumitat tar-Regolaturi ta’ Titoli Ewropej (iktar ’il quddiem il-“KRTE”) (26). Fil-fatt, fil-punt 1.8 ta’ dokument intitolat “Market Abuse directive, Level 3 – second set of CESR guidance and information on the common operation of the directive to the market” ta’ Lulju 2007 (Direttiva dwar l-abbuż tas-suq, Livell 3 – it‑tieni sett ta’ linji gwida u ta’ informazzjoni tal-KRTE dwar l‑applikazzjoni komuni tad-direttiva fis-suq, iktar ’il quddiem il-“gwida”) (27), tal-KRTE jindika li informazzjoni hija preċiża biss, pereżempju, f’żewġ ċirkustanzi. L-ewwel, meta l-informazzjoni hija tali li tippermetti investitur raġonevoli jadotta deċiżjoni ta’ investiment mingħajr ma jieħu riskji finanzjarji limitati, jiġifieri, meta tippermettilu jevalwa b’ċertezza kif l-informazzjoni, ladarba tiġi ppubblikata, ser taffettwa l-prezz tal-istrument finanzjarju kkonċernat u tal-istrumenti finanzjarji derivati korrispondenti. Pereżempju, persuna li tkun taf li persuna partikolari li toħroġ it-titolu tinsab fil-punt li tkun is-suġġett ta’ offerta pubblika ta’ xiri tista’ tkun żgura li l-prezz tal-azzjoni tal‑persuna li toħroġ it-titolu ser jogħla, meta l-offerta ssir pubblika. It-tieni, jekk l-informazzjoni għandha tali natura li tista’ tintuża immedjatament fis-suq (28).

41.      Qabel xejn, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 8 tal-Feedback Statement (rapport) tal-KRTE (29) dwar il-gwida, ippubblikat fl-istess ħin tagħha, il-KRTE indika li l-għan tal-gwida huwa b’mod partikolari li jipprovdi eżempji ta’ informazzjoni li eventwalment tista’ tikkostitwixxi “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]”. Għandu jiġi kkonstatat li l-gwida ma għandhiex saħħa legali vinkolanti, u ma tistax tkun invokata sabiex tidderoga dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/6 u 2003/124 u, barra minn hekk, din kienet ippubblikata qabel is-sentenzi Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806 u Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397).

42.      Bħall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni waqt is‑seduta, jiena nikkunsidra li l-ewwel eżempju mogħti fil-punt 1.8 tal‑gwida huwa estrem ħafna u jsemmi sitwazzjoni rarissima fejn l‑informazzjoni hija ċara, kompluta u ma tħalli spazju għal ebda dubju. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, b’mod evidenti din iċ-ċertezza ma hijiex meħtieġa sabiex informazzjoni tkun tista’ titqies li hija kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament indikat, li l‑punt 1.15 tal-gwida jirriproduċi eżempji oħra ta’ avvenimenti, li jsostnu l-argument tiegħi li informazzjoni dwar is-sens tal-varjazzjoni tal-prezzijiet ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]”. It-tmien inċiż tal-punt 1.15 li jirrigwarda, b’mod partikolari, “ix-xiri jew il-bejgħ ta’ kapital jew ta’ attiv importanti” jidher li jirrigwarda b’mod preċiż ħafna l-informazzjoni tal‑każ Lafonta, jiġifieri t-TRS. Skont il-gwida dan jirrigwarda każ tipiku ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, it-tielet, is‑seba’ u l-inċiż ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 1.15 tal-gwida jagħtu wkoll eżempji ta’ “informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali]” filwaqt li s-sens tal-iżvilupp tal-prezzijiet ma huwiex prevedibbli minn din l-informazzjoni. Bħala konklużjoni, anki jekk jiġi preżunt li l-gwida hija rilevanti, jidhirli li J. B. Lafonta ma jistax jinvokaha insostenn tal-argument tiegħu.

43.      Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandhom jiġu interpretati fis-sens li informazzjoni titqies “ta’ natura preċiża” jekk hija “ssemmi sett ta’ ċirkustanzi li jeżisti jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser jeżisti jew avveniment li seħħ jew li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li ser iseħħ” u jekk huwa possibbli li jiġi konkluż li dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew dan l-avveniment huma tali li jwasslu għal varjazzjoni jew bdil fil-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji. Tali informazzjoni għandha tkun “biżżejjed preċiża sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett possibbli [taċ-ċirkustanzi jew tal-avvenimenti] fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati […]”.

44.      Għall-kuntrarju ma huwiex neċessarju li jkun possibbli li jiġi dedott, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li l-influwenza potenzjali ta’ din l-informazzjoni fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati ser tiġi eżerċitata b’mod determinat, ladarba din tkun ippubblikata.

C –    L-influwenza sinjifikattiva fuq il-prezzijiet

45.      Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tagħmilx riferiment għall-influwenza “sinjifikattiva” (30) ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati. Għalhekk huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li jiena ser nindirizza b’mod qasir ħafna dan ir-rekwiżit.

46.      Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, infakkar li n-natura sinjifikattiva jew le tal-influwenza li jista’ jkollha fuq il-prezzijiet l‑iżvelar ta’ ċerta informazzjoni ma huwiex rilevanti għar-rekwiżit ta’ preċiżjoni meħtieġ fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 (31). B’hekk informazzjoni, anki “ta’ natura preċiża”, ma tippreġudikax l-għanijiet tad-Direttivi 2003/6 u 2003/124 jekk hija tista’ biss taffettwa l-prezz tal‑istrumenti finanzjarji b’mod mhux sinjifikattiv u għaldaqstant ma tikkostitwixxix “tagħrif [informazzjoni] li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet tiegħu ta’ l-investiment”, skont l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124 (32).

47.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124, li jirrigwarda l-portata tal-effett potenzjali ta’ informazzjoni fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, jipprevedi bl-esklużjoni jew bil-filtrazzjoni ta’ informazzjoni, anki ta’ natura preċiża, li jkollhom effett insinjifikattiv fuq dawn il-prezzijiet u li, għaldaqstant ma jaffettwawx l-integrità tas-suq (33).

48.      L-istess bħall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, jien nikkunsidra li l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva lanqas illimita informazzjoni li tippermetti d-determinazzjoni tas-sens ta’ varjazzjoni fil-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati. Informazzjoni dwar l-instabbiltà ta’ titolu, ikun x’ikun is-sens, f’ċerti każijiet tista’ tkun informazzjoni li investitur raġonevoli jista’ juża bħala bażi għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu.

49.      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm mekkaniżmi finanzjarji li jippermettu lill-investitur jirtira benefiċċju f’każ ta’ varjazzjoni sinjifikattiva fil-prezz tat-titolu, ikun x’ikun is-sens ta’ din il-varjazzjoni, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet tas-suq.

50.      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat każ b’każ jekk informazzjoni fuq il-possibbiltà stess ta’ varjazzjoni sinjifikattiva tistax tkun informazzjoni li investitur raġonevoli jista’ juża bħala parti mill‑bażi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu, anki jekk din l‑informazzjoni ma hijiex indikattiva tas-sens ta’ din il-varjazzjoni.

51.      Sabiex nikkonkludi, ser nagħmel riferiment għall-eżempji ta’ informazzjoni li ta l‑Gvern Pollakk waqt is-seduta, ta’ informazzjoni li filwaqt li ma tindikax is-sens ta’ varjazzjoni possibbli fil-prezz lanqas ma hija kunfidenzjali fis-sens tad-Direttivi 2003/6 u 2003/124. B’hekk il-fatt li l‑President u Direttur Ġenerali ta’ impriża tas-settur tal-kostruzzjoni jirtira u jista’ jiġi ssostitwit minn direttur li għandu esperjenza twila fil‑qasam tat-telekomunikazzjoni tista’ tkun informazzjoni ta’ natura preċiża li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn investituri raġonevoli peress li wħud iqisu li din is-sostituzzjoni ser tagħti livell ogħla lill-impriża filwaqt li oħrajn ikunu tal-opinjoni li r-reklutaġġ ta’ direttur minn settur estern jista’ biss idgħajjifha (34). Fiż-żewġ każijiet, l‑informazzjoni għandha tkun ippubblikata, kif ikun possibbli, skont l‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/6.

VI – Konklużjoni

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation kif ġej:

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) u l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2003/124/KE tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplementa d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, ma għandhomx ikunu interpretati fis-sens li informazzjoni tista’ tikkostitwixxi informazzjoni ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet biss meta huwa possibbli li minnha jiġi dedott, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li l-influwenza potenzjali tagħha fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati ser tiġi eżerċitata b’mod determinanti, ladarba din tiġi ppubblikata.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348. Nirrileva li, skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, p. 1), id-Direttivi 2003/6 u 2003/124 tħassru b’effett mit-3 ta’ Lulju 2016. Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tar‑Regolament 596/2014 intitolat “L-informazzjoni privileġġata [kunfidenzjali]” jirriproduċi kemm il‑kontenut tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll tal-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2003/124 u jippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett.


4 – Fil-punt 48 tas-sentenza Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-projbizzjoni ta’ insider dealings stipulata fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6 huwa wkoll li jiggarantixxi l-ugwaljanza tal-partijiet kontraenti fi tranżazzjonijiet fil-Borża billi jevita illi wieħed minnhom, li għandu informazzjoni minn ġewwa [kunfidenzjali] u li jinsab, minħabba dan il-fatt, f’pożizzjoni vantaġġjuża meta mqabbel ma’ investituri oħrajn, jagħmel profitt għad-detriment ta’ ħaddieħor li ma jafx biha”.


5 – Ara s-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6 – Dawn il-miżuri u sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-Istati Membri huma “mingħajr preġudizzju għad-dritt ta[għhom] li jimponu sanzjonijiet kriminali”. Ara l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6.


7 – F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6).


8 – Ara s-sentenza Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 47).


9 – Ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 34).


10 – Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6, jipprovdi obbligu msejjaħ “negattiv” jiġifieri obbligu li ma jitwettaqx ċertu aġir fis-swieq f’każ li wieħed ikollu informazzjoni kunfidenzjali.


11 – Ara l-punti 20 sa 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 52) kif ukoll Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 25).


13 – Premessa 3 tad-Direttiva 2003/124.


14 – Ara s-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 52).


15 – L-ewwel kundizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397) u ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.


16 – Il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-espressjoni “natura konkreta” fil-punt 48 tas-sentenza Geltl (C-19/11, EU:C:2012:397).


17 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola “suficientemente específic”, bil-lingwa Ċeka “dostatečně konkrétní”, bil-lingwa Ġermaniża “spezifisch genug”, bil-lingwa Ingliża “specific enough”, bil-lingwa Taljana “sufficientemente specifica”, bil-lingwa Olandiża “specifiek genoeg” u bil-lingwa Slovakka “dostatočne konkrétna”.


18 – Il-Gvern Ċek irrileva li fid-Direttivi 2003/6 u 2003/124, ma hemm xejn li jindika n-neċessità li jiġi stabbilit is-sens li fih probabbilment ser jiżviluppaw il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji. Skont il-Gvern Franċiż mill-formulazzjoni tal‑Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 xejn ma jirriżulta “li, sabiex titqies preċiża, informazzjoni għandha tissodisfa rekwiżit addizzjonali li huwa dak li din l-informazzjoni tippermetti l-antiċipazzjoni tas-sens ta’ varjazzjoni tal-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati ladarba hija tiġi ppubblikata”.


19 – Din l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżit distint tal-influwenza sinjifikattiva stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124, għaliex tikkostitwixxi fl-opinjoni tiegħi “tagħrif [informazzjoni] li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad‑deċiżjonijiet tiegħu ta’ l-investiment”.


20 – Għandu jiġi enfasizzat li d-Direttivi 2003/6 u 2003/124 ma jipprekludux “komunikazzjoni selettiva”. Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2003/6.


21 – Enfasi miżjuda minni.


22 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 46). Kif irrileva l-Gvern Taljan, id-Direttiva 2003/124 “titkellem b’mod ċar fit-tieni sentenza tal‑Artikolu 1(1) dwar ‘konklużjoni dwar l-effett possibbli […] fuq il-prezzijiet’ u mhux dwar ‘l-effett probabbli […] fuq il-prezzijiet’”. Dan il-Gvern jikkunsidra li huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk informazzjoni tistax teknikament tinfluwenza l‑prezzijiet tal-istrument finanzjarju inkwistjoni. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l‑espressjoni “ta’ natura preċiża” hija intiża “biss sabiex teskludi l-informazzjoni ta’ natura vaga jew aċċessorja, li ma jistax ikollha effett b’mod raġonevoli fuq il‑prezzijiet u ma tistax għalhekk isservi bħala bażi ta’ evalwazzjoni tagħhom, [...] għajdut privati ta’ element fattwali suffiċjenti”.


23 – Fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:163), l‑Avukat Ġenerali Mengozzi jirrileva li “d-Direttiva 2003/124 toħloq biss żewġ rekwiżiti minimi li, fin-nuqqas tagħhom, informazzjoni ma tistax titqies bħala preċiża u għall-iskopijiet tal-interpretazzjoni tat-terminu ‘b’mod raġjonevoli jiġi mistenni’ la teħtieġ livell għoli ta’ probabbiltà li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni jitwettqu, u lanqas li l-informazzjoni tkun preċiża sal-punt li jinsiltu konklużjonijiet ċerti jew kważi ċerti dwar l-effett possibbli fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji jew tal-istrumenti finanzjarji derivattivi relatati”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Mengozzi żied li “informazzjoni ma tkunx daqshekk preċiża meta avveniment jitqies li huwa impossibbli jew improbabbli skont kriterju ta’ razzjonalità, ikun nieqes mir-raġonevolezza, minħabba li jkun baqa’, pereżempju, fil-livell ta’ sempliċi għajdut, inkella jkun ftit li xejn speċifiku li jipprekludi li jinħarġu konklużjonijiet ċerti jew kważi ċerti dwar l-effett possibbli fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji jew tal-istrumenti finanzjarji derivattivi relatati” (enfasi miżjuda minni).


24 – Il-Gvern Ċek jikkunsidra li “prattikament l-ebda persuna ma hija f’pożizzjoni li tipprevedi bi preċiżjoni l-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq finanzjarju; fi kliem iktar familjari, ħadd ma għandu ‘ballun tal-kristal’”.


25 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 47). Skont il‑Gvern Pollakk, “il-persuni li joħorġu t-titoli jevitaw b’mod faċli l-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, previst fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2003/6, bl-iskuża li jeżistu diverġenzi possibbli dwar l-effett tal‑iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji. Din is-sitwazzjoni hija manifestament kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/6 jiġifieri, li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament ta’ investituri fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni u tkabbir tal-kunfidenza tal-investituri fis-suq tal-kapital. Fl‑istess waqt, il-mezzi previsti mid-Direttivi 2003/6 u 2003/124 fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi fis-suq ikunu ferm kompromessi”.


26 – Il-KRTE kien stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE, tas-6 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 90). Skont l‑Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, kif emendat bl-Artikolu 1 tad‑Deċiżjoni 2004/7/KE tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Novembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 11), “Ir-rwol tal-[KRTE] għandu jkun li jagħti pariri lill-Kummissjoni, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, fil-limitu taż-żmien li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja, jew fuq l-inizjattiva tal-Kumitat innifsu, b’mod partikolari rigward it-tħejjija ta’ l-abbozz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-kamp tat-titoli, inklużi dawk li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-impriżi ta’ l-investimenti kollettivi fit-titoli trasferibbli”. L-imsemmija Deċiżjoni 2001/257 tħassret permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, tat-23 ta’ Jannar 2009, li tistabbilixxi l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (ĠU L 25, p. 18). L-Artikolu 2 ta’ din id‑deċiżjoni jirriproduċi essenzjalment it-test tal-Artikolu 2 tal-istess Deċiżjoni 2001/527.


27 – CESR/06-562b.


28 – Jidhirli li dan it-tieni eżempju ma jirrigwardax il-kriterju ta’ informazzjoni preċiża iżda pjuttost jiċċara l-kunċett ta’ influwenza sinjifikattiva prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124.


29 – CESR/07-402.


30 – Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124.


31 – Ara l-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 – L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124 l-istess bħall-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huma fformulati f’termini ġenerali. Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad‑Direttiva 2003/124, l-investituri raġonevoli jibbażaw d-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment fuq l-informazzjoni disponibbli ex ante. Din il-premessa 1 iżżid li “[d]in l-istima trid tqis l-impatt antiċipat tat-tagħrif [tal-informazzjoni] fid-dawl tat-totalità ta’ l-attività relatata ta’ min joħroġ it-titoli, rigward kemm ikun ta’ min joqgħod fuqu s-sors tat-tagħrif u kull varjanti oħra tas-suq li x’aktarx jaffettwaw l-istrument finanzjarju rrelatat jew l-istrument finanzjarju derivattiv irrelatat miegħu fiċ-ċirkostanzi mogħtija”. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 55 tas‑sentenza Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397).


33 – Din id-dispożizzjoni tista’ titqies li hija regola de minimis.


34 – Il-Gvern Pollakk qajjem ukoll l-eżempju ta’ impriża ta’ produzzjoni tal-ħalib li tinbidel f’impriża ta’ kostruzzjoni u tuża bħala artijiet għall-kostruzzjoni l‑proprjetajiet immobbiljari tagħha li qabel kienu ddedikati għall-produzzjoni tal‑ħalib. L-effett ta’ din il-bidla fuq is-sens tal-prezz tal-azzjonijiet tal-impriża inkwistjoni ma huwiex prevedibbli.