Language of document : ECLI:EU:C:2016:701

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Settembru 2016 (*)

[Test irrettifikat b’digriet tal-20 ta’ Diċembru 2017]

“Appell – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) – Funzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Kundizzjonijiet – Obbligu li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ dan il-memorandum ta’ qbil mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑8/15 P sa C‑10/15 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fid-9 ta’ Jannar 2015,

Ledra Advertising Ltd, stabbilita f’Nikosija (Ċipru) (C‑8/15 P),

Andreas Eleftheriou, residenti f’Limassol (Ċipru) (C‑9/15 P),

Eleni Eleftheriou, residenti f’Limassol (C‑9/15 P),

Lilia Papachristofi, residenti f’Limassol (C‑9/15 P),

Christos Theophilou, residenti f’Nikosija (C‑10/15 P),

Eleni Theophilou, residenti f’Nikosija (C‑10/15 P),

irrappreżentati minn A. Paschalides, dikigoros, A. Paschalidou, barrister, u A. Riza, QC, imqabbdin minn C. Paschalides, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

[Kif irrettifikat b’digriet tal-20 ta’ Diċembru 2017] Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn G. Várhelyi, K. Laurinavičius u O. Heinz, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, Rechtsanwalt,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur) u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Ledra Advertising Ltd, fil-Kawża C‑8/15 P, Andreas Eleftheriou, Eleni Eleftheriou u Lilia Papachristofi, fil-Kawża C‑9/15 P, kif ukoll Christos Theophilou u Eleni Theophilou, fil-Kawża C‑10/15 P, qegħdin jitolbu l-annullament, rispettivament, tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Novembru 2014, Ledra Advertising vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑289/13, EU:T:2014:981), tal-10 ta’ Novembru 2014, Eleftheriou u Papachristofi vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑291/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:978), u tal-10 ta’ Novembru 2014, Theophilou vs Il-Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑293/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:979) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati r-rikorsi tagħhom intiżi, fl-ewwel lok, għall-annullament tal-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ qbil dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fis-26 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013”) u, fit-tieni lok, għall-kumpens tad-dannu invokat mill-appellanti li skonthom jirriżulta mill-inklużjoni tal-imsemmija punti f’dan il-memorandum ta’ qbil u minn ksur tal-obbligu ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat MES

2        Fit-2 ta’ Frar 2012 ġie konkluż, fi Brussell (il-Belġju), it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir-Renju tal Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”). Dan it-trattat daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012.

3        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija fformulata kif ġej:

“Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. Dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (‘MES’) ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

4        Konformement mal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll mal-Artikolu 32(2) tal-imsemmi trattat, il-partijiet kontraenti, jiġifieri l-Istati Membri li l-munità tagħhom hija l-euro, għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-MES, li għandha personalità ġuridika.

5        L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tat-Trattat MES jipprovdu:

“1.      Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[...]

3.      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4.      B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. [...]”

6        L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprovdi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-[Bank Ċentrali Ewropew], kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi [tal-MES] bħala osservaturi”.

7        L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fil-Bord tad-Diretturi tal-MES]”.

8        L-Artikolu 12 tat-Trattat MES jiddefinixxi l-prinċipji li għalihom huwa suġġett is-sostenn għall-istabbiltà u jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

9        Il-proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES hija deskritta fl-Artikolu 13 tat-Trattat MES bit-termini segwenti:

“1.      Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil-kompiti li ġejjin:

(a)      l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[(2)];

(b)      l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)];

(c)      l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.      Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru kkonċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.      Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil-Kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћal kollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-[Trattat FUE], partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.      Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[...]

7.      Il Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

 Il-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013

10      Taħt it-titolu “Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tas-Cyprus Popular Bank u tal-Bank of Cyprus”, il-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem il-“punti kontenzjużi”) huma fformulati kif ġej:

“1.23.       L-eżami tal-valur finanzjarju u kontabbli diġà msemmi rrevela li l-ikbar żewġ banek f’Ċipru kienu f’insolvenza. Sabiex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni, il-Gvern implementa pjan ta’ riżoluzzjoni u ta’ ristrutturazzjoni kbira. Sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ futur żbilanċjat u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tas-settur, filwaqt li ma tiġix affettwata l-kompetizzjoni, ġiet adottata strateġija li tinkludi erba’ partijiet, li ma tinvolvix l-użu tal-flus tal-kontribwenti.

1.24.      L-ewwel nett, l-attiv kollu (inklużi s-self fil-qasam tat-trasport marittimu) u l-obbligi marbutin mal-Greċja, stmati rispettivament għal EUR 16.4 u 15-il biljun, skont l-ipoteżi sfavorevoli, ġew ċeduti. L-attiv u l-passiv Grieg ġie akkwistat minn Piraeus Bank, li r-ristrutturazzjoni tiegħu ttieħed taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Elleniċi. Iċ-ċessjoni saret permezz ta’ ftehim iffirmat fis-26 ta’ Marzu 2013. Peress li l-valur kontabbli tal-attiv jammonta għal EUR 19.2 biljun, dan it-trasferiment ippermetta li titnaqqas sostanzjalment l-espożizzjoni reċiproka bejn il-Greċja u Ċipru.

1.25.      Fir-rigward tal-fergħa tas-[Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd (iktar ’il quddiem is-“Cyprus Popular Bank”)] fir-Renju Unit, id-depożiti kollha ġew ittrasferiti lill-fergħa fir-Renju Unit [tat-Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia Ltd (iktar ’il quddiem il-‘Bank of Cyprus’)]. L-attiv relatat ġie integrat fi ħdan il-Bank of Cyprus.

1.26.      It-tieni nett, il-Bank of Cyprus ser jakkwista permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment, l-attiv Ċiprijott tas-Cyprus Popular Bank, għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll id-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu għall-assistenza urġenti ta’ likwidità, fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurati tas-Cyprus Popular Bank għandhom jinżammu mill-entità ta’ qabel. L-għan huwa li l-valur tal-attiv ċedut ikun superjuri għall-passiv ċedut b’mod li d-differenza tikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-Bank of Cyprus mis-Cyprus Popular Bank li tammonta għal 9 % tal-attiv stmat skont ir-riskji li ġew ċeduti. Il-Bank of Cyprus għadda minn kapitalizzazzjoni mill-ġdid b’mod li jilħaq, fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji (core tier one ratio) ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli ta’ stress test, li għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati miżmuma fil-Bank of Cyprus f’azzjonijiet ta’ kategorija A, bi dritt ta’ vot sħiħ u ta’ drittijiet għad-dividendi, tipprovdi l-ikbar parti tal-bżonnijiet ta’ kapital, b’żieda supplimentari f’kapital proprju min-naħa tal-entità ta’ qabel tas-Cyprus Popular Bank. Parti mid-depożiti mhux assigurati li jifdal tal-Bank of Cyprus għandha temporanjament tiġi ffriżata.

1.27.       It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kapitalizzazzjoni jintlaħqu, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti iktar dettaljata u aġġornata tal-attiv tal-Bank of Cyprus u tas-Cyprus Popular Bank skont l-eżiġenzi tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-bank, sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Għal dan il-għan, it-termini ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni indipendenti għandhom ikunu miftiehma sa mhux iktar tard minn [nofs April 2013], b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-FMI. Wara din l-evalwazzjoni, għandha ssir, jekk ikun meħtieġ, konverżjoni addizzjonali tad-depożiti mhux assigurati f’azzjonijiet ta’ kategorija A, b’mod li jiġi żgurat li jintlaħaq minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi fl-aħħar tal-programm. Jekk il-Bank of Cyprus jiġi surkapitalizzat meta mqabbel mal-mira, għandu jsir proċess ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet sabiex jiġu rrimborsati d-depożitanti bl-ammont li jikkorrispondi għas-surkapitalizzazzjoni.”

 Id-dritt nazzjonali

11      Skont il-punt 3(1) u l-punt 5(1) tal-O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos (Liġi dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ stabbiliment ta’ kreditu u ta’ stabbilimenti oħra), tat-22 ta’ Marzu 2013 [EE, Anness I (I), Nru 4379, 22.3.2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013”], il-Kentriki Trapeza tis Kypr (il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, iktar ’il quddiem il-“BĊĊ”) kien inkarigat bir-riorganizzazzjoni tal-istabbilimenti koperti mill-imsemmija liġi, flimkien mal-Ypourgeio Oikonomikon (Ministeru tal-Finanzi). Għal dan il-għan, minn naħa, il-punt 12(1) tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 jipprovdi li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ stabbiliment suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, inkluż permezz ta’ tnaqqis, ta’ emenda, ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ novazzjoni tal-kapital nominali jew tal-bilanċ ta’ kwalunkwe tip ta’ krediti eżistenti jew futuri fuq dan l-istabbiliment jew permezz ta’ konverżjoni ta’ titoli ta’ dejn f’fondi proprji. Min-naħa l-oħra, dan il-punt jipprovdi li d-“depożiti ggarantiti”, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 2 tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, huma esklużi minn dawn il-miżuri. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn id-depożiti huma dawk ta’ inqas minn EUR 100 000.

12      It-to peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireia Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 103 [Digriet tal-2013 dwar ir-riorganizzazzjoni permezz ta’ mezzi proprji tat-Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia Ltd, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 103, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 769, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 103”] jipprevedi rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Cyprus, li l-ispejjeż tagħha kellhom jiġu sostnuti, b’mod partikolari, mid-depożituri mhux iggarantiti, mill-azzjonisti tiegħu u mid-detenturi ta’ bonds tiegħu, bil-għan li dan il-bank ikun jista’ jkompli jipprovdi servizzi bankarji. B’hekk, id-depożiti mhux iggarantiti ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-Bank of Cyprus (37.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit), f’titoli konvertibbli mill-Bank of Cyprus, jew f’azzjonijiet jew f’depożiti (22.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit), u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ (40 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit). Konformement mal-punt 10 tiegħu, dan id-digriet daħal fis-seħħ fis-sitta ta’ filgħodu tad-29 ta’ Marzu 2013.

13      Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-punti 2 u 5 tat-to Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 104 [Digriet tal-2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tas-Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 104, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 781, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 104”] jipprevedu li fis-sitta u għaxra ta’ filgħodu tad-29 ta’ Marzu 2013 ċerti elementi ta’ assi u ta’ djun tas-Cyprus Popular Bank kellhom jiġu ttrasferiti lill-Bank of Cyprus, inklużi d-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000 inżammu mas-Cyprus Popular Bank fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

14      Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom is-Cyprus Popular Bank u l-Bank of Cyprus, sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Ir-Repubblika ta’ Ċipru għalhekk qieset li kien meħtieġ li dawn jiġu rrikapitalizzati u f’dan id-dawl ippreżentat lill-President tal-Grupp tal-Euro talba għal assistenza finanzjarja mill-FESF jew mill-MES.

15      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-Euro indika li l-assistenza finanzjarja mitluba kienet ser tingħata jew mill-FESF jew mill-MES, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jieħu s-sura ta’ memorandum ta’ qbil li n-negozjati fir-rigward tiegħu kellhom jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u mal-FMI, u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

16      Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munità tagħhom hija l-euro waslu għal ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil f’Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ dan il-ftehim u semma ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji. Il-Grupp tal-Euro indika li, fid-dawl ta’ dan il kuntest, huwa kien qiegħed jikkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja li setgħet tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kien, bħala prinċipju, iġġustifikat u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex iħaffu n-negozjati li kienu għaddejjin.

17      Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-għeluq tal-banek fid-19 u fl-20 ta’ Marzu 2013. L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-għeluq tal-banek sat-28 ta’ Marzu 2013 sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn jinġibdu ammonti kbar ta’ flus mill-kaxxieri tal-banek.

18      Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott irrifjuta l-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha f’Ċipru. Dan il-parlament imbagħad adotta l-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013.

19      Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro indika li kien intlaħaq qbil mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm makroekonomiku ta’ aġġustament futur, li kellu l-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro laqa’ l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness ta’ din id-dikjarazzjoni.

20      Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-Gvernatur tal-BĊĊ issuġġetta lill-Bank of Cyprus u lis-Cyprus Popular Bank għal proċedura ta’ riorganizzazzjoni. Fid-29 ta’ Marzu 2013, id-Digrieti Nru 103 u Nru 104 ġew ippubblikati għal dan il-għan, fuq il-bażi tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013.

21      Meta daħlu fis-seħħ dawn id-digrieti, l-appellanti kienu d-detenturi ta’ depożiti fil-Bank of Cyprus jew fis-Cyprus Popular Bank. L-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-imsemmija digrieti kkawżat tnaqqis sostanzjali fil-valur ta’ dawn id-depożiti, li l-ammont tiegħu ġie ppreċiżat mill-appellanti.

22      Waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ April 2013, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES:

–        iddeċieda li jagħti sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja, konformement mal-proposta tad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

–        approva l-abbozz tal-memorandum ta’ qbil innegozjat mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, u mir-Repubblika ta’ Ċipru;

–        inkariga lill-Kummissjoni sabiex tiffirma dan il-memorandum f’isem il-MES. 

23      Il-memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 ġie ffirmat mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal-BĊĊ u minn O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni, f’isem il-MES.

24      Fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l-ftehim dwar il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja kif ukoll proposta dwar il-modalitajiet ta’ ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din il-parti kienet maqsuma f’żewġ pagamenti li twettqu, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju 2013 (2 biljuni euro) u fis-26 ta’ Ġunju 2013 (1 biljun euro). It-tieni parti tal-għajnuna, ta’ ammont ta’ 1.5 biljuni euro, tħallset fis-27 ta’ Settembru 2013.

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

25      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2013, l-appellanti ppreżentaw tliet rikorsi intiżi:

–        għall-kundanna tal-Kummissjoni u tal-BĊE sabiex iħallsuhom kumpens ekwivalenti għat-tnaqqis fil-valur tad-depożiti rispettivi tagħhom;

–        “barra minn hekk u/jew sussidjarjament”, għall-annullament tal-punti kontenzjużi, u

–        għall-eżami b’urġenza tar-rikors u, sakemm isir dan l-eżami, għall-adozzjoni tal-“miżuri provviżorji neċessarji skont l-Artikolu [279 TFUE] sabiex titħares il-pożizzjoni [tagħhom] mingħajr madankollu ma jkun affettwat is-sostenn għall-istabbiltà mogħti lir-[Repubblika ta’ Ċipru]”.

26      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Ottubru 2013, rispettivament, il Kummissjoni u l-BĊE qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

27      Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi fl-intier tagħhom bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondati fid-dritt.

 It-talbiet tal-partijiet

28      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digrieti appellati, fir-rigward tal-ewwel żewġ talbiet imressqa fl-ewwel istanza, jiġifieri t-talba għal kumpens u/jew it-talba għall-annullament tal-punti kontenzjużi, u

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

29      Il-Kummissjoni u l-BĊE jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Awwissu 2015, il-Kawżi C‑8/15 P sa C‑10/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

31      Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw aggravju wieħed ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

32      Il-Kummissjoni u l-BĊE jitolbu li l-appelli jiġu ddikjarati inammissibbli u jżidu li, fi kwalunkwe każ, l-aggravju invokat insostenn tal-appelli għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Il-Kummissjoni u l-BĊE jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appelli għaliex l-appellanti qegħdin, essenzjalment, sempliċement jirriproduċu l-motivi u l-argumenti li huma diġà ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali u għaliex qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-diversi provi prodotti.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrent jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikoli 168(1)(d) u 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li ntalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 43).

36      B’mod partikolari, l-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jeżiġi li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati.

37      B’hekk, appell li sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il każ, permezz tal-aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin jippruvaw juru li d-digrieti appellati ma humiex immotivati jew huma mmotivati b’mod insuffiċjenti u qegħdin jikkontestaw it-tweġiba li l-Qorti Ġenerali tat espressament għal punti ta’ liġi, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

40      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-istruttura tal-argumenti żviluppati mill-appellanti fl-appelli tagħhom ma hijiex ċara, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appelli għandhom jiġu identifikati l-punti tar-raġunijiet ikkontestati tad-digrieti appellati kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fid-dritt.

41      Minn dan isegwi li l-appelli huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-appellanti

42      L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 45 tad-digrieti appellanti, iddeċidiet sempliċement li l-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE ma kienu jinkludu l-eżerċizzju ta’ ebda setgħa deċiżjonali proprja. B’hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES billi injorat il-fatt li l-Kummissjoni ffirmat il-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 meta dan tal-aħħar kien jinkludi kundizzjoni illegali. B’hekk, il-veri responsabbli għas-salvataġġ intern tal-banek Ċiprijotti kkonċernati huma l-Kummissjoni u l-BĊE.

43      F’dan ir-rigward, l-appellanti josservaw li huma kienu sostnew, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-kawża reali tat-tnaqqis fil-valur tad-depożiti tagħhom kienet tinsab fil-kundizzjonijiet li magħhom kienet marbuta l-faċilità ta’ assistenza finanzjarja mogħtija lir-Repubblika ta’ Ċipru u fil-mod kif dawn il-kundizzjonijiet kienu rikjesti mill-Kummissjoni u mill-BĊE. Fil-fatt, skont l-appellanti, dan l-Istat Membru kien imġiegħel jadotta d-Digrieti Nru 103 u Nru 104 mill-Kummissjoni u mill-BĊE, taħt il-ħarsa tal-uffiċjali ta’ dawn l-istituzzjonijiet li intervjenew b’urġenza għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, l-appellanti jispeċifikaw li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet ressqet talba għal faċilità ta’ assistenza finanzjarja bil-għan li jiġu rrikapitalizzati s-Cyprus Popular Bank u l-Bank of Cyprus, u mhux bil-għan li dawn jiġu riżolti permezz tal-użu prematur ta’ strument ta’ salvataġġ intern. Skont l-appellanti, il-pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni u tal-BĊE kienet, għall-kuntrarju, li kellu jintuża dan l-istrument.

44      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx għall-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru n-natura determinanti tar-rwol li kellhom l-imsemmija istituzzjonijiet fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 u, għaldaqstant, fil-materjalizzazzjoni tad-dannu finanzjarju marbut mar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Cyprus u mar-riżoluzzjoni tas-Cyprus Popular Bank.

45      L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat l-argument tagħhom fis-sens li l-Kummissjoni kienet astjeniet milli tiżgura li l-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

46      Għaldaqstant, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-allegat nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni meta, skont il-punt 164 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), il-kompiti attribwiti lill-Kummissjoni mit-Trattat MES jippermettulha, kif jipprevedi l-Artikolu 13(3) u (4) tiegħu, tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memorandums ta’ qbil konklużi mill-MES u meta, skont il-punt 174 ta’ dik is-sentenza, skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan it-trattat, il-memorandum ta’ qbil li jiġi nnegozjat mal-Istat Membru li jkun talab sostenn għall-istabbiltà għandu jkun kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kundizzjonijiet li magħhom tkun marbuta l-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

47      Issa, l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ salvataġġ intern bħal dik li tinsab fil-punti kontenzjużi tikkostitwixxi, skont l-appellanti, ksur manifest tad-dritt għall-proprjetà li jmur kontra l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

48      Il-Kummissjoni u l-BĊE jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Permezz tal-aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rwol li kellhom il-Kummissjoni u l-BĊE fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013. B’mod partikolari, huma jsostnu li dawn l-istituzzjonijiet huma l-veri awturi tas-salvataġġ intern implementat f’Ċipru u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat l-argument tagħhom fis-sens li l-Kummissjoni astjeniet milli tiżgura li l-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 kien kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

50      Dan l-aggravju jikkonċerna, minn naħa, il-punti 44 sa 47 tad-digrieti appellati, li fihom il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni u l-BĊE ma kinux il-kawża tal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013, u għalhekk iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għad-danni sa fejn kienu bbażati fuq l-illegalità tal-punti kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, dan l-aggravju jikkonċerna l-punti 48 sa 54 tad-digrieti appellati, li fihom il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li l-appellanti ma kinux stabbilixxew li d-dannu li fil-fehma tagħhom kienu ġarrbu kien ikkawżat mill-ksur mill-Kummissjoni ta’ allegat obbligu li tiżgura l-kompatibbiltà tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 mad-dritt tal-Unjoni.

51      Fil-punt 44 tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali osservat li l-imsemmi memorandum ta’ qbil kien ġie adottat flimkien mill-MES u mir-Repubblika ta’ Ċipru u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES, il-Kummissjoni kienet biss iffirmat l-istess memorandum ta’ qbil f’isem il-MES. Filwaqt li mbagħad ibbażat ruħha fuq il-punt 161 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 45 tal-imsemmija digrieti, li, għalkemm it-Trattat MES jagħti lill-Kummissjoni u lill-BĊE ċerti kompiti marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, minn naħa, il-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu ebda setgħa deċiżjonali proprja u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan it-trattat jorbtu biss lill-MES.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni u l-BĊE kienu ġew inkarigati sabiex jinnegozjaw mal-awtoritajiet Ċiprijotti programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jieħu s-sura ta’ memorandum ta’ qbil. Meta pparteċipaw fin-negozjati mal-awtoritajiet Ċiprijotti, meta pprovdew il-kompetenza esperta teknika tagħhom, meta pprovdew pariri u meta pproponew indikazzjonijiet ta’ gwida, il-Kummissjoni u l-BĊE aġixxew fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mill-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES. Issa, tali parteċipazzjoni mill-Kummissjoni u mill-BĊE fil-proċedura li twassal għall-iffirmar, kif previst f’din id-dispożizzjoni, tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 ma tippermettix il-klassifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala att li huwa imputabbli lilhom.

53      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 161 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), il-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES, importanti kemm huma importanti, ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja. Barra minn hekk, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu biss lill-MES.

54      Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li istituzzjoni waħda jew iktar tal-Unjoni jista’ jkollha ċertu rwol fil-kuntest tal-MES ma jibdilx in-natura tal-atti tal-MES, li ma jaqgħux fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

55      Madankollu, għalkemm tali konstatazzjoni tista’ taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament li jista’ jiġi ppreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-invokazzjoni, fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-BĊE, ta’ aġir illegali marbut, jekk ikun il-każ, mal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil f’isem il-MES, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE u skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jiżnaturawx il-kompetenzi li t-Trattati UE u FUE jagħtu lil dawn l-istituzzjonijiet (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 162).

57      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Kummissjoni, mill-Artikolu 17(1) TUE jirriżulta li din “għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “għandha tissorvelja l-implementazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni” (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 163).

58      Barra minn hekk, il-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat MES jobbligawha, kif jipprevedi l-Artikolu 13(3) u (4) ta’ dan it-trattat, tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memorandums ta’ qbil konklużi mill-MES (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 164).

59      Għaldaqstant, kif il-Kummissjoni stess ammettiet bi tweġiba għal mistoqsija magħmula matul is-seduta, din l-istituzzjoni żżomm, fil-kuntest tat-Trattat MES, ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE, b’tali mod li hija jkollha tastjeni milli tiffirma memorandum ta’ qbil li jkollha dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

60      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni u tat-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE meta qieset, fil-punti 46 u 47 tad-digrieti appellati, li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina rikors għad-danni bbażat fuq l-illegalità tal-punti kontenzjużi fuq il-bażi tas-sempliċi konstatazzjoni li l-adozzjoni tal-imsemmija punti ma kinitx formalment imputabbli lill-Kummissjoni u lanqas lill-BĊE.

61      Għaldaqstant, l-appelli għandhom jintlaqgħu u d-digrieti appellati għandhom jiġu annullati.

 Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

62      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża ineżami.

63      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar it-talba tal-appellanti, skont l-Artikolu 268 TFUE u skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE, dwar il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab li jirriżulta, minn naħa, mill-inklużjoni mill-Kummissjoni u mill-BĊE tal-punti kontenzjużi fil-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 u, min-naħa l-oħra, min-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu li tiżgura, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan il-memorandum ta’ qbil, li dan tal-aħħar ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il‑Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat diversi drabi li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il‑Qorti tal-Awdituri, C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 53).

66      F’dan il-każ, id-dispożizzjoni legali li fir-rigward tagħha l-appellanti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma żguratx l-osservanza tagħha fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013, hija l-Artikolu 17(1) tal-Karta. Din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, tikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-Trattat MES, b’tali mod li l-Karta ma tapplikax għalihom f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 178 sa 181), il-Karta, min-naħa l-oħra, tapplika għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jaġixxu barra mill-qafas legali tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil bħal dak tas-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni hija meħtieġa, kemm taħt l-Artikolu 17(1) TUE, li jagħtiha l-missjoni ġenerali li tissorvelja l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u kemm taħt l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat MES, li jobbligaha tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memorandums ta’ qbil konklużi mill-MES (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 163 u 164), tiżgura li tali memorandum ta’ qbil ikun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

68      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkontribwixxietx għal ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit minn din id-dispożizzjoni tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 113, u tat-12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, C‑358/15 P, EU:C:2016:338, punt 55).

70      Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 114, u tat-12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, C‑358/15 P, EU:C:2016:338, punt 56).

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tat-Trattat MES, l-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil bħal dak li rriżulta min-negozjati bejn l-awtoritajiet Ċiprijotti u, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, jissodisfa għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-intier tagħha.

72      Fil-fatt, is-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istabbilimenti ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għall-impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, ħafna drabi l-banek ikunu interkonnessi u numru minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li hemm ir-riskju li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jespandi b’mod rapidu għall-banek l-oħra jew fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jkollu effetti konsegwenzjali negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenza tad-19 ta’Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50).

73      F’dan il-każ, il-miżuri identifikati fil-punti kontenzjużi jipprevedu b’mod partikolari l-integrazzjoni, fil-Bank of Cyprus, tad-depożiti assigurati tas-Cyprus Popular Bank, il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati tal-Bank of Cyprus f’azzjonijiet, bi dritt ta’ vot sħiħ u bi drittijiet għad-dividendi, kif ukoll l-iffriżar temporanju ta’ parti oħra minn dawn id-depożiti mhux assigurati, bil-kundizzjoni li, jekk il-Bank of Cyprus ikun surkapitalizzat fid-dawl tal-għan li jintlaħaq livell minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi, ser jitwettaq xiri lura ta’ azzjonijiet sabiex id-detenturi ta’ depożiti mhux assigurati jiġu rrimborsati bl-ammont li jikkorrispondi għas-surkapitalizzazzjoni.

74      Fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih kienu ser jiġu espositi d-depożitanti fiż-żewġ banek ikkonċernati fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, tali miżuri ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti. Għaldaqstant, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma restrizzjonijiet mhux ġustifikati għal dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punti 79 sa 86).

75      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li, billi ppermettiet l-adozzjoni tal-punti kontenzjużi, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għal ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

76      Minn dan isegwi li l-ewwel kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, b’tali mod li t-talbiet għad-danni mressqa mill-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati fid-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(2) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

78      Peress li l-appelli ntlaqgħu iżda r-rikorsi ġew miċħuda, Ledra Advertising Ltd, A. Eleftheriou, E. Eleftheriou, L. Papachristofi, C. Theophilou u E. Theophilou, kif ukoll il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Novembru 2014, Ledra Advertising vs IlKummissjoni u IlBĊE (T289/13, EU:T:2014:981), tal-10 ta’ Novembru 2014, Eleftheriou u Papachristofi vs IlKummissjoni u IlBĊE (T291/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:978), u tal-10 ta’ Novembru 2014, Theophilou vs IlKummissjoni u IlBĊE (T293/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:979), huma annullati.

2)      Ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T289/13, T291/13 u T293/13 huma miċħuda.

3)      Ledra Advertising Ltd, Andreas Eleftheriou, Eleni Eleftheriou, Lilia Papachristofi, Christos Theophilou u Eleni Theophilou, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, kemm dawk tal-ewwel istanza u kemm dawk tal-appelli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.