Language of document : ECLI:EU:T:2015:583

Kawża T‑344/15 R

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet –Regolament (KE) Nru 1049/2001– Dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34/KE – Oppożizzjoni minn Franza għall-iżvelar tad-dokumenti – Deċiżjoni li jingħata l-aċċess għal dokumenti lil terzi – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Fumus boni juris – Ibbilanċjar tal-interessi”

Sommarju – Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Settembru 2015

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Natura kumulattiva – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikolu 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 156(3))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li jingħata lil terzi aċċess għal dokumenti li ġejjin minn Stat Membru li oppona għal tali żvelar – Eżami prima facie tal-fondatezza tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikolu 256(1) TFUE u 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 156(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali – Rikors ta’ Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lil terzi l-aċċess għal dokumenti minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan l-Istat – Evalwazzjoni ta’ din l-oppożizzjoni – Kontroversja legali importanti sussegwenti għal interpretazzjoni restrittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja wara interpretazzjoni estensiva tal-Qorti Ġenerali – Eżistenza ta’ fumus boni juris

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3))

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni – Kunċett – Fini ta’ proċeduri għal miżuri – Effett sħiħ tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu

(Artikolu 256(1) TFUE, 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 156(3))

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Natura irreparabbli tad-dannu – Kunċett – Dannu li jirriżulta għal Stat Membru mill-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali u li ma jistax jiġi rreparat minn kumpens – Inklużjoni

(Artikolu 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 156(3))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 15, 16)

2.      Fil-qasam tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokumenti lil terzi li ħerġin minn Stat Membru, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jagħti lill-Istati Membri status privileġġat meta mqabbel ma’ detenturi oħrajn ta’ dokumenti, billi jipprovdi li kull Stat Membru għandu, għad-differenza ta’ dawn tal-aħħar, il-fakultà li jitlob lill-istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat Membru mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu. Fir-rigward tal-portata u tal-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-istituzzjoni fuq il-motivi tan-nuqqas ta’ żvelar mressqin minn Stat Membru, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha teżamina jekk dan tal-aħħar ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jeżerċita stħarriġ prima facie fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess lil terzi għal dokumenti li ħerġin minn Stat Membru li oppona għal tali żvelar, li fiha l-Kummissjoni wkoll ipproċediet għal analiżi prima facie tal-fondatezza tal-motivi mressqa minn dan l-Istat Membru, l-evalwazzjoni ta’ din il-problematika timplika grad ta’ stħarriġ limitat doppjament. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ fumus boni juris ma tistax tiġi eskluża fl-ipoteżi fejn l-inapplikabbiltà tal-eċċezzjonijiet invokati mill-Istat Membru hija tant ċara u evidenti li l-invokazzjoni tagħhom huwa ekwivalenti għal abbuż ta’ proċedura min-naħa tiegħu.

(ara l-punti 26, 29, 38)

3.      Fil-qasam tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, fir-rigward tal-fumus boni juris, din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors dwar il-mertu jidher prima facie, ma jkunx nieqes minn bażi serja sa fejn jirrivela l-eżistenza, fl-istadju tal-proċedura għal miżuri provviżorji, ta’ kwistjoni legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti.

Fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess lil terzi għal dokumenti li ħerġin minn Stat Membru li oppona għal tali żvelar billi jinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal‑Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kkonfrontat, minn naħa, għal ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li ma hijiex l-istituzzjoni adita li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, billi twettaq stħarriġ li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall- imsemmija eċċezzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, għal ġurisprudenza, li tidher iktar estensiva, tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-evalwazzjoni li għandha topera l-istituzzjoni tikkonsisti li jiġi ddeterminat jekk il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu għall-iżvelar tad-dokument mitlub kinux tali li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut, għall-fini li jiġi żgurat li dawn il-motivi ma kinux mingħajr bażi, jista’ biss jikkonstata li d-dibattitu mmexxi bejn il-partijiet dwar il-portata u l-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-istituzzjoni fuq il-motivi tan-nuqqas ta’ żvelar mressqa mill-Istat Membru jirrileva l-eżistenza, ta’ kwistjoni legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti, iżda li timmerita analiżi profonda li għandha ssir mill-qorti dwar il-mertu.

(ara l-punti 21, 30, 31, 36)

4.      L-ibbilanċjar tal-interessi jfisser li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina jekk l-interess li l-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji għandha li dawn jingħataw jipprevalixxi jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att kontenzjuż billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-eventwali annullament ta’ dan l-att mill-qorti tal-mertu jippermettix it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ġiet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, kuntrarjament, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att hijiex ta’ natura li toħloq ostakolu għall-effett sħiħ tagħha, fil-każ fejn ir-rikors prinċipali jiġi miċħud.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li permezz tagħha s-sitwazzjoni ġuridika maħluqa b’digriet provviżorju għandha tkun riversibbli, l-iskop aħħari tal-miżuri provviżorji huwa limitat sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu. Konsegwentement, dawn il-proċeduri huma ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-kawża prinċipali li huma marbutin magħha, b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandha tkun ta’ natura provviżorja fis-sens li la tista’ tiddetermina minn qabel id-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma tista’ trendiha illużorja billi ċċaħħadha mill-effettività tagħha.

(ara l-punti 46, 47)

5.      Fir-rigward ta’ talba għal miżuri provviżorji li ħierġa minn Stat Membru, l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi meqjusa li huma interessi ġenerali fuq livell nazzjonali. Konsegwentement, huma jistgħu jiżguraw li jiddefenduhom fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji u jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji billi jallegaw, b’mod partikolari, li l-miżura kkontestata tista’ tikkomprometti serjament it-twettiq tal-funzjonijiet statali tagħhom.

Dannu li jirriżulta għal Stat Membru mill-iżvelar, mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħha għandha tiġi preżunta u li mhix ta’ natura finanzjarja, ma tistax tiġi rreparata permezz ta’ kumpens finanzjarju permezz ta’ azzjoni għad-danni diretta kontra l-Kummissjoni.

(ara l-punti 52, 57, 61)