Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-13 ta’ Mejju 2014 fil-Kawżi T-458/10 sa T-467/10 u T-471/10, Peter McBride et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-361/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, A. Szmythowska, aġenti, B. Doherty, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Peter McBride, Hugh McBride, Mullglen Ltd, Cathal Boyle, Thomas Flaherty, Ocean Trawlers Ltd, Patrick Fitzpatrick, Eamon McHugh, Eugene Hannigan, Larry Murphy u Brendan Gill

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba’ Awla) mogħtija fit-13 ta’ Mejju 2014 fil-Kawżi magħquda T-458/10 sa T-467/10 u T-471/10, Peter McBride et vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tiċħad ir-rikors għal annullament, u, fi kwalunkwe każ, l-ewwel motiv;

jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi l-motivi mressqa quddiemha li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma ppronunzjatx ruħha, u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għar-raġunijiet li ġejjin:

fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u applikat ħażin l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE” jew it-“Trattat”) flimkien mal-Artikolu 263 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ kontinwità tal-ordinament ġuridiku, l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis, sa fejn hija annullat ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li għandhom bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ obbligi imposti fuqha permezz tas-sentenzi mogħtija fil-Kawżi magħquda T-218/03 sa T-241/03, Boyle et vs Il-Kummissjoni u fil-Kawżi magħquda C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P, Flaherty et vs Il-Kummissjoni. Skont is-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet marbuta tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi iżda ma kellhiex il-kompetenza sabiex tagħmel dan.

fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx kif meħtieġ is-sentenza tagħha u ma wiġbetx għal wieħed mill-argumenti ċentrali tal-Kummissjoni (kif ukoll għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà f’kawża). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.