Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-526/17)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, P. Ondrůšek, A. Tokár, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

tikkonstata li billi estendiet sal-31 ta’ Diċembru 2046 l-iskadenza tal-konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi fir-rigward tal-awtostrada A 12 Civitavecchia-Livorno mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ ebda sejħa għal offerti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 58 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) kif emendata sussegwentement;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2046 tal-konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi fir-rigward tal-awtostrada A 12 Civitavecchia-Livorno tikkostitwixxi bidla ta’ kundizzjoni essenzjali ta’ din il-konċessjoni; peress li hija bidla sostanzjali ta’ din il-konċessjoni, din l-estensjoni hija ekwivalenti għall-konklużjoni ta’ konċessjoni ġdida ta’ xogħlijiet pubbliċi u, bħala tali, kellha tkun is-suġġett ta’ reklamar permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti. Billi ma seħħet l-ebda pubblikazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 58 tad-Direttiva 2004/18/KE.

____________