Language of document : ECLI:EU:C:2009:416

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawżi magħquda C‑402/07 u C‑432/07

Christopher Sturgeon

Gabriel Sturgeon

Alana Sturgeon (Kawża C-402/07)

vs

Condor Flugdienst GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Trasport bl-ajru – Distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ta’ ‘kanċellazzjoni’”

Stefan Böck

Cornelia Lepuschitz (C-432/07)

vs

Air France SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l‑Awstrija)]

“Trasport bl-ajru – Distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ta’ ‘kanċellazzjoni’ – Ċirkustanzi straordinarji”





1.        F’dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali Ġermaniża) u mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) sabiex tiċċara,d-distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ‘kanċellazzjoni’ ta’ titjira fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”) (2). Il-Handelsgericht Wien qed titlob ukoll gwida rigward it-tifsira tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

 I –   Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti

 Il-Konvenzjoni ta’ Montreal (3)

2.        Il-Konvenzjoni ta’ Montreal, li l-Komunità hija firmatarja tagħha, timmodernizza u tikkonsolida l-Konvenzjoni ta’ Varsavja (4). Hija tfittex, inter alia, li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u li tipprovdi kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni (5).

3.        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat “Dewmien”, jipprovdi dan li ġej:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, tal-bagaliji jew tal-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

 It-Trattat KE

4.        L-Artikolu 3 KE jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2 [(6)], l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm li jinsab fih:

[…]

t)      kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur;

[…].”

 Regolament (KE) Nru 261/2004

5.        Ir-Regolament jinkludi l-premessi li ġejjin:

“[…]

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(12)      Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

[…]

(17)      Għandu jittieħed ħsieb xieraq ta’ passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma mdewmin għal ħin speċifiku tagħhom u dawn għandhom jitħallew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom b’rimbors tal-biljetti tagħhom jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti.

[…]”

6.        L-Artikolu 2(l) jiddefinixxi “kanċellazzjoni”, għall-finijiet tar-Regolament bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Ma hemm l-ebda definizzjoni ekwivalenti għat-terminu “dewmien”.

7.        L-Artikolu 5, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8 [(7)]; u 

(b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2) [(8)], kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

2.     Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.     Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

4.     L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

8.        L-Artikolu 6, intitolat “Dewmien” jipprovdi dan li ġej:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)      għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2) [(9)]; u

(ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii) meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a) [(10)].

2.     Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

9.        L-Artikolu 7, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

(ċ)   EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.     Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”

10.      L-Artikolu 8, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)      – rimbors fi żmien sebat ijiem […] tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

– titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)       rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]”

11.      L-Artikolu 9, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud” jelenka t-tipi ta’ għajnuna li l-passiġġieri għandhom dritt għalihom:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet

–        fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar,

–        jew

–        fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.     Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

[…]”

 II – Il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża Sturgeon (C‑402/07)

12.      C. Sturgeon u martu irriżervaw titjira bir-ritorn ma’ Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem, “Condor”) minn Frankfurt-am-Main għal Toronto għalihom u għaż-żewġ uliedhom. Ser nirreferi għal din il-familja kollettivament bħala l-“familja Sturgeon”.

13.      Il-familja Sturgeon kellhom jirritornaw fuq titjira li kellha titlaq minn Toronto fid-9 ta’ Lulju 2005 fl-16.20. Fil-fatt, huma ma telqux qabel l-għada. Konsegwentement, ma waslux fi Frankfurt-am-Main qabel is-07.00 jew is-07.15 tal-11 ta’ Lulju 2005, xi 25 siegħa wara li kellhom jaslu.

14.      Il-familja Sturgeon qed issostni li għal xi l-23.30 tad-9 ta’ Lulju 2005, il-kaptan tat-titjira ħabbar li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata u l-istess informazzjoni intweriet fuq it-tabella tat-tluq. Il-bagalji, li diġà kienu tgħabbew, ġew irritornati lill-passiġġieri, li sussegwentement ġew ittrasferiti f’lukanda sabiex iqattgħu l-lejl hemmhekk, fejn waslu fis-02.30. L-għada, il-passiġġieri kellhom jerġgħu jirreġistraw (check in) ma’ bankun ta’ trasportatur tal-ajru differenti. Ingħataw postijiet fl-ajruplan differenti, u kellhom jerġgħu jgħaddu mill-proċedura tas-sigurtà. Madankollu, in-numru tat-titjira lura, issa jum tard, kien jikkorrispondi għan-numru tat-titjira fuq ir-riżervazzjoni tagħhom.

15.      Il-familja Sturgeon qed issostni li, meta jiġu kkunsidrati dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari d-dewmien ta’ 25 siegħa, it-titjira tagħhom fil-fatt ma kinitx imdewma iżda kkanċellata u li b’hekk huma intitolati għal EUR 600 għal kull persuna bħala kumpens għal kanċellazzjoni (11).

16.      Condor qed issostni li t-titjira kienet sempliċement imdewma.

17.      L-Amtsgericht Rüsselsheim ikkunsidrat it-titjira bħala waħda li ġiet imdewma u mhux ikkanċellata. Għalhekk, hija ċaħdet it-talbiet għal kumpens tal-familja Sturgeon.

18.      Il-Landgericht Darmstadt ċaħdet l-appell tal-familja Sturgeon li, madankollu, awtorizzat appell ibbażat fuq punt ta’ dritt quddiem il-Bundesgerichtshof, fuq il-bażi li d-distinzjoni bejn “kanċellazzjoni” u “dewmien” ma hijiex ċara, minkejja li hija fundamentali.

19.      Il-Bundesgerichtshof kienet tal-fehma li r-riżultat tal-appell tal-familja Sturgeon kien jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(l) u potenzjalment tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament. Għalhekk, issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kelma ‘kanċellazzjoni’ huwa deċiżiv il-fatt li t-titjira oriġinali skedata tiġi abbandunata, bir-riżultat li d-dewmien, irrispettivament mit-tul tiegħu, ma jikkostitwixxix kanċellazzjoni jekk it-trasportatur tal-ajru ma jabbandunax attwalment l-iskeda tat-titjira oriġinali?

2.     Jekk ir-risposta hija fin-negattiv: f’liema ċirkustanzi d-dewmien ta’ titjira skedata ma għandux iktar jiġi kkunsidrat bħala dewmien iżda bħala kanċellazzjoni? Ir-risposta għal din id-domanda hija dipendenti fuq it-tul tad-dewmien?”

 Kawża C‑432/07 Böck u Lepuschitz

20.      S. Böck u C. Lepuschitz irriżervaw titjira minn Vjenna għall-Belt tal-Messiku ma’ Air France SA (iktar ’il quddiem, “Air France”). Il-vjaġġ tagħhom kien maqsum kif ġej: fit-18 ta’ Frar 2005 titjiriet minn Vjenna għal Pariġi u minn Pariġi għall-Belt tal-Messiku; fis-7 ta’ Marzu 2005 titjiriet minn Cancún għall-Belt tal-Messiku u mill-Belt tal-Messiku għal Pariġi; fit-8 ta’ Marzu 2005 titjira minn Pariġi għal Vjenna.

21.      Meta S. Böck u C. Lepuschitz kienu qed jirreġistraw għat-titjira AF439 li kellha titlaq mill-Belt tal-Messiku fis-7 ta’ Marzu 2005 fid-21.30, huma ġew informati – qabel ma effettivament saret ir-reġistrazzjoni – li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata minħabba problema teknika. Bi tweġiba għat-talba tagħhom għal titjira alternattiva, huma ġew offruti postijiet fuq titjira ta’ Continental Airlines (iktar ’il quddiem, “Continental”), bin-numru tat-titjira CO1725Y, li ħalliet il-Belt tal-Messiku fit-8 ta’ Marzu 2005 f’12.20.

22.      S. Böck u C. Lepuschitz aċċettaw dik l-offerta. Sabiex jinħarġulhom il-biljetti, l-ewwel kellhom jitolbu konferma mill-uffiċċju ta’ Air France fil-Belt tal-Messiku, li awtorizzahom jiksbu l-biljetti mill-bankun tal-biljetti ta’ Continental. Air France offritilhom akkomodazzjoni f’lukanda, ikel u trasferimenti lejn u mil-lukanda. S. Böck u C. Lepuschitz fl-aħħar waslu fi Vjenna 21 siegħa wara l-ħin skedat tal-wasla.

23.      Il-passiġġieri li baqa’, li kellhom jivvjaġġjaw fis-7 ta’ Marzu 2005 fuq it-titjira AF439, u li ma ġewx ipprenotati mill-ġdid fuq it-titjira ta’ Continental, marru fuq ajruplan bir-reġistrazzjoni FGSPV fit-8 ta’ Marzu 2005 mill-Belt tal-Messiku għal Pariġi. L-ajruplan telaq fis-19.35 b’numru tat-titjira kemxejn mibdul (AF439A) u wasal lura Pariġi fid-9 ta’ Marzu 2005 fis-13.09. It-titjira saret parallelament mat-titjira regolari skedata minn Air France fit-8 ta’ Marzu.

24.      S. Böck u C. Lepuschitz qed isostnu li Air France għandha tħallashom EUR 600 kull wieħed bħala kumpens għall-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, skont l-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament.

25.      Fl-ewwel istanza, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien ċaħdet ir-rikors għaliex fil-fehma tagħha t-titjira skedata għas-7 ta’ Marzu 2005 ġiet imdewma, iżda mhux ikkanċellata skont it-tifsira tar-Regolament, u li fil-każ ta’ sempliċi dewmien, ma hemm l-ebda dritt għal kumpens.

26.      S. Böck u C. Lepuschitz ippreżentaw appell quddiem il-Handelsgericht Wien, li ddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)   L-Artikolu 5, flimkien mal-Artikoli 2(1) u 6 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li dewmien fit-tluq ta’ 22 siegħa jikkostitwixxi ‘dewmien’ taħt l-Artikolu 6?

2.     L-Artikolu 2(l) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-każijiet li fihom il-passiġġieri jiġu ttrasportati b’dewmien kunsiderevoli (22 siegħa), fuq titjira li jkollha numru ta’ titjira supplimentari (numru ta’ titjira inizjali miżjud b’‘A’), li fuqha madankollu ġew ittrasportati parti biss — minkejja li kunsiderevoli — mill-passiġġieri li kellhom prenotazzjoni fuq it-titjira inizjali u li magħha ngħaqdu passiġġieri oħra, jikkostitwixxu ‘kanċellazzjoni’ pjuttost milli ‘dewmien’?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

3.     L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problemi tekniċi tal-ajruplan, u t-tibdiliet fil-ħinijiet tat-tluq riżultat ta’ dan, jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji (li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin)?”

27.      Il-familja Sturgeon, S. Böck u C. Lepuschitz, Condor, Air France, il-Gvernijiet tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Polonja, tal-Isvezja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni lkoll ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Waqt is-seduta, saru sottomissjonijiet orali f’isem il-familja Sturgeon, S. Böck u C. Lepuschitz, Condor, il-Gvernijiet tal-Greċja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni.

 III – Fuq id-distinzjoni bejn “dewmien” u “kanċellazzjoni”

29.      Fiż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-kawża Sturgeon qed titlob kjarifika dwar jekk, sabiex ikun hemm “kanċellazzjoni”, huwiex essenzjali li l-ippjanar tat-titjira oriġinali jkun ġie abbandunat u, jekk le, jekk dewmien jistax isir kanċellazzjoni wara li jkun għadda ċertu ammont ta’ ħin. Fl-ewwel u fit-tieni domandi preliminari magħmula fil-kawża Böck u Lepuschitz, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi jekk dewmien ta’ 22 siegħa jibqax “dewmien” fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament jew jekk tali dewmien, flimkien mat-trasport tal-passiġġieri fuq titjira li saret b’numru ta’ titjira differenti u li ma ttrasportatx lill-passiġġieri kollha pprenotati fuq it-titjira inizjali, ma jistax ikun pjuttost kanċellazzjoni.

30.      B’hekk, iż-żewġt iqrati tar-rinviju essenzjalment qed jistaqsu kif jagħmlu distinzjoni bejn “dewmien” u “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament, u jekk “dewmien” jistax jiġi kkunsidrat bħala “kanċellazzjoni” fit-tifsira tar-Regolament wara li jkun għadda ċertu ammont ta’ ħin.

 Osservazzjoni preliminari – l-istorja leġiżlattiva tar-Regolament

31.      Fl-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta oriġinali għal regolament (12), il-Kummissjoni nnotat, fil-punt 20, li “[k]anċellazzjoni minn operatur […] tirrappreżenta rifjut li jingħata s-servizz li għalih kien iffirmat kuntratt, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jkunx responsabbli għalihom, bħal instabbiltà politika, kundizzjonijiet ħżiena ħafna tat-temp, sigurtà inadegwata u nuqqasijiet mhux mistennija fis-sigurtà. Għall-passiġġier, il-kanċellazzjoni f’ċirkustanzi ordinarji, għal raġunijiet kummerċjali, tikkawża problemi u dewmien inaċċettabli, partikolarment meta ma jkunx avżat minn qabel”. Fil-punt 23, jingħad li: “Għalkemm il-passiġġieri jbatu minn inkonvenjenza u frustrazzjoni simili minħabba dewmien bħal meta ma jitħallux jitilgħu fuq l-ajruplan jew meta t-titjira tiġi kkanċellata, hemm differenza peress li operatur jkun responsabbli għall-fatt li ma tħallewx jitilgħu fuq l-ajruplan u għall-kanċellazzjoni tat-titjira (sakemm ma jkunx hemm raġunijiet li ma jkunx responsabbli għalihom) imma mhux dejjem għad-dewmien. Kawżi komuni oħrajn huma s-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-limiti għall-kapaċità tal-ajruport. Kif ġie ddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, il-Kummissjoni temmen li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-operaturi ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu kumpens lill-passiġġieri li jkollhom dewmien fit-titjira tagħhom.”

32.      Ma huwiex faċli li wieħed jifhem il-loġika wara d-distinzjoni li l-Kummissjoni kienet qed tagħmel hemmhekk. Fl-espożizzjoni tal-motivi, l-ewwel jingħad li l-kumpanniji tal-ajru huma dejjem responsabbli għall-kanċellazzjonijiet ħlief fil-każ li ċirkustanzi eċċezzjonali jeżentawhom minn din ir-responsabbiltà (prinċipju li sussegwentement jinsab rifless fid-diċitura tal-Artikolu 5 tar-Regolament kif ġie adottat, fejn iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” li semmiet il-Kummissjoni tbiddlu f’“ċirkustanzi straordinarji”) (13). L-espożizzjoni tal-motivi sussegwentement identifikat numru ta’ ċirkustanzi fejn il-linji tal-ajru ma humiex (oġġettivament) responsabbli għad-dewmien. Dawn – bħaċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” identifikati preċedentement fir-rigward tal-kanċellazzjonijiet – huma ċirkustanzi li għalihom il-linja tal-ajru ma hijiex (oġġettivament) responsabbli. Fil-loġika, wieħed jistenna li l-espożizzjoni tal-motivi sussegwentement tipproponi (kemm għat-titjiriet ikkanċellati kif ukoll għat-titjiriet imdewma) li l-kumpanniji tal-ajru ma għandhomx ikunu meħtieġa jħallsu kumpens jekk, oġġettivament, id-dewmien jew il-kanċellazzjoni ma kinux ħtija tagħhom. Minflok, kulma tagħmel l-epożizzjoni tal-motivi huwa li tiddikjara sempliċement li “il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-operaturi ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu kumpens lill-passiġġieri li jkollhom dewmien fit-titjira tagħhom. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

33.      Il-kumpens issuġġerit fil-proposta tal-Kummissjoni għall-każijiet ta’ kanċellazzjoni kien l-istess bħal dak għall-każijiet fejn il-passiġġieri ma tħallewx jitilgħu fl-ajruplan, li kien iddikjarat, fil-punt 11 tal-espożizzjoni tal-motivi, li kien iffissat “fuq livell dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 14, ingħataw iktar spjegazzjonijiet dwar il-kalkolu: “Sabiex l-operaturi jkunu skoraġġuti milli ma jħallux lill-passiġġieri kollha jitilgħu fl-ajruplan, tkun xi tkun il-klassi li jkunu qed jivvjaġġaw fiha, il-Kummissjoni tipproponi li r-rata fissa ta’ kumpens tiġi stabbilita għal darbtejn il-livell tal-parti l-kbira tal-prezzijiet tal-business class.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34.      Jista’ jkun li d-distinzjoni bejn “kanċellazzjoni” u “dewmien” li l-Kummissjoni kellha f’moħħha fil-proposta tagħha kienet ibbażata mhux fuq l-effett fuq il-passiġġieri imma fuq il-grad ta’ responsabbiltà tal-operatur – id-differenza bejn deċiżjoni deliberata li tiġi kkanċellata titjira għal raġunijiet kummerċjali (“kanċellazzjoni”), li għandha tkun skoraġġuta permezz ta’ livelli dissważivi ta’ kumpens, u tentattiv ġenwin sabiex il-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, ikun kemm ikun tard, quddiem diffikultajiet esterni (“dewmien”), f’liema każ l-operaturi għandhom sempliċement ikunu meħtieġa jipprovdu ċertu livell ta’ assistenza. Jekk dan huwa minnu, jidher li hemm xi ftit ta’ konfużjoni bejn “kawża” u “ħtija”. Ma huwiex diffiċli li wieħed jimmaġina każijiet fejn tentattiv ġenwin biex il-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr jista’ jimplika l-kanċellazzjoni tat-titjira skedata (għaliex jidher ċar li qatt ma tista’ titlaq fil-ħin) u mbagħad jiġi żgurat li l-passiġġeri jkunu jistgħu jitilqu fuq titjira oħra (14). Bil-kontra, dewmien ta’ titjira li fuqha huma pprenotati biss ftit passiġġieri jista’ jkun estiż, għal raġunijiet li huma essenzjalment kummerċjali, għaliex il-linja tal-ajru użat l-ewwel ajruplan sostitut disponibbli sabiex l-ewwel issolvi s-sitwazzjoni ta’ titjira differenti, fejn kienu rriżervati iktar passiġġieri, sabiex issolvi d-diffikultajiet tagħha (15). Jekk il-prinċpju wara l-proposta tal-Kummissjoni kien li “l-kumpanniji tal-ajru għandhom iħallsu l-kumpens jekk għandhom ħtija, iżda mhux għal raġunijiet oħra [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, wieħed jistenna li l-Kummissjoni pprovdiet b’xi mod biex ikun identifikat (u ppenalizzat) id-dewmien li jkun seħħ minħabba deċiżjonijiet kummerċjali.

35.      Matul il-proċess leġiżlattiv, madankollu, ma jidhirx li kien hemm attenzjoni kbira ffokata fuq dik id-distinzjoni, b’mod partikolari ladarba l-livelli tal-kumpens tnaqqsu. Fit-test, kif ġie adottat finalment, huwa diffiċli li jiġu dedotti l-kriterji biex issir distinzjoni bejn “kanċellazzjoni” u “dewmien”.

 Għaliex hija importanti d-distinzjoni bejn “dewmien” u “kanċellazzjoni”?

36.      L-Artikolu 2(l) tar-Regolament jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Ir-Regolament ma jinkludi ebda definizzjoni ekwivalenti tat-terminu “dewmien”. U t-terminu “dewmien” lanqas ma ġie ddefinit fil-Konvenzjoni ta’ Varsavja jew ta’ Montreal. L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal sempliċement jipprovdi, f’termini pjuttost ġenerali, sabiex it-trasportatur tal-ajru jkun responsabbli għad-dannu kkawżat minn “dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, tal-bagaliji jew tal-merkanzija”. Din il-frażi donnha qed tkopri bosta każijiet – jekk mhux il-każijiet kollha – li jaqgħu taħt “kanċellazzjoni ta’ titjira”, u għandha kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż minn “dewmien ta’ titjiriet” fir-Regolament.

37.      Madankollu, skont ir-Regolament, id-distinzjoni bejn “dewmien” u “kanċellazzjoni” hija importanti. L-Artikolu 5 tar-Regolament jagħti lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata d-dritt għal kumpens speċifikat. L-Artikolu 6 tar-Regolament ma jipprovdix għal kumpens ekwivalenti fil-każ ta’ dewmien.

38.      Ir-Regolament għandu l-mertu kunsiderevoli li jagħti kumpens awtomatiku lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati. Madankollu, kif osserva l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-distinzjoni li jagħmel ir-Regolament bejn kanċellazzjoni u dewmien tista’ twassal biex il-passiġġieri li jsibu rwieħhom f’sitwazzjonijiet oġġettivament simili jiġu ttrattati b’mod differenti.

39.      Dan inevitabbilment iqajjem il-kwistjoni (fundamentali) dwar jekk ir-Regolament jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 L-effett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (16).

41.      Il-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kienet ikkontestata fis-sentenza IATA u ELFAA, iżda mill-perspettiva tal-kumpanniji tal-ajru, iktar milli tal-passiġġieri.

42.      Hemmhekk, ELFAA sostniet li l-kumpanniji tal-ajru bi prezz baxx li kienet tirrappreżenta sofrew minn trattament diskriminatorju peress li l-miżuri pprovduti f’dawk l-artikoli jimponu l-istess obbligi fuq it-trasportaturi tal-ajru kollha mingħajr ma jagħmlu l-ebda distinzjoni fuq il-bażi tal-politika tal-ipprezzar tagħhom u tas-servizzi li joffru. ELFAA sostniet ukoll li d-dritt Komunitarju ma jimponix l-istess obbligi fuq mezzi oħra ta’ trasport u, li għalhekk, b’implikazzjoni kien diskriminatorju li s-settur tat-trasport bl-ajru jiġi ttrattat b’dan il-mod.

43.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw f’setturi differenti tat-trasport ma kinitx paragunabbli u l-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jiġu kkanċellati jew suġġetti għal dewmien twil ikunu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik li jgħaddu minnha l-passiġġieri li jivvjaġġaw b’mezzi oħra ta’ trasport fil-każ ta’ inċidenti tal-istess natura. Barra minn hekk, id-dannu li jsofru l-passiġġieri tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira huwa simili, tkun xi tkun il-kumpannija tal-ajru li magħha jkollhom kuntratt u dan ma huwiex relatat mal-politika tal-ipprezzar imħaddma mill-kumpannija tal-ajru (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “sabiex ma jaffettwawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza, meta mqabbel ma’ l-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li jkabbar il-protezzjoni tal-passiġġieri kollha tat-trasport bl-ajru, il-leġiżlatur Komunitarju għandu jittratta b’mod identiku l-kumpanniji ta’ l-ajru kollha” (18).

44.      Fis-sentenza IATA u ELFAA, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonfermat li l-għan ewlieni tar-Regolament kien li jżid il-protezzjoni għall-passiġġieri kollha tal-ajru. Tabilħaqq, din id-dikjarazzjoni hija l-bażi għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja u għaċ-ċaħda tal-argumenti ta’ ELFAA. ELFAA sostniet li t-trasport bl-ajru u forom oħra ta’ trasport huma paragunabbli. Għall-passiġġieri li jinsabu quddiem kanċellazzjoni jew dewmien twil, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li ma humiex. ELFAA argumentat li l-ajruplani skedati u l-kumpanniji tal-ajru bi prezzijiet irħas ma humiex paragunabbli. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-passiġġieri li jinsabu quddiem kanċellazzjoni jew dewmien twil, dawn huma paragunabbli. Fi ftit kliem, ELFAA stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina r-Regolament mill-perspettiva tal-kumpanniji tal-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-approċċ u eżaminat l-argument ta’ ELFAA (u r-Regolament) mill-perspettiva tal-passiġġieri.

45.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, matul l-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati u lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom kienu suġġetti għal dewmien twil bħallikieku jifformaw parti minn kategorija waħda.

46.      Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, “[i]l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenti jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom”. Dawn l-elementi u b’hekk in-natura paragunabbli tagħhom “għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni” (19).

47.      Fis-sentenza IATA u ELFAA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li l-għan tal-Artikoli 5 (kanċellazzjoni) u 6 (dewmien) tar-Regolament joħroġ ċar mill-premessi 1 u 2 fil-preambolu, fejn jingħad li azzjoni mill-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandu jkollha l-iskop, inter alia, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri u għandha tikkunsidra r-rekwiżiti kollha tal-protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali peress li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjiriet jikkawża problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri (20).

48.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IATA u ELFAA identifikat b’mod ċar il-protezzjoni tal-passiġġieri bħala l-“għan immedjat” jew l-“għan dirett, espost b’mod espliċitu mil-leġiżlatur Komunitarju”, filwaqt li aċċettat li r-Regolament impliċitament jista’ jkollu għanijiet sekondarji oħra (bħal dak li jitnaqqas, permezz ta’ azzjoni preventiva, in-numru ta’ kanċellazzjonijiet u ta’ dewmien twil ta’ titjiriet) (21).

49.      Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-fatt li, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġabra ta’ miżuri differenti magħżula mil-leġiżlatur Komunitarju tvarja “skond id-daqs tad-danni mġarrba mill-passiġġieri, li huwa evalwat jew skond it-tul tad-dewmien u ta’ l-istennija tat-titjira li jkun imiss, jew skond iż-żmien li jittieħed sabiex jiġu mgħarrfa dawk ikkonċernati bil-kanċellazzjoni tat-titjira” (22). Għalkemm il-punt ta’ referenza użat biex jiġi kkalkolat il-ħin huwa differenti, kemm fir-rigward tal-kanċellazzjoni kif ukoll id-dewmien twil, id-daqs tad-danni huwa evalwat b’referenza għall-mogħdija tal-ħin.

50.      Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur hija waħda mill-attivitajiet imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1)(t) KE li l-Komunità għandha tilħaq fir-rigward tal-għanijiet ġenerali tal-Komunità kif ġie stabbilit fl-Artikolu 2 KE (23).

51.      Madankollu, irrispettivament minn kemm tkun serja l-inkonvenjenza kkawżata, ir-Regolament jipprovdi li l-kanċellazzjoni ta’ titjira awtomatikament tagħti lok għal dritt għal kumpens (skont l-Artikolu 7) filwaqt li d-dewmien qatt ma jagħmel dan. Kif jissuġġerixxi d-digriet tar-rinviju fil-kawża Sturgeon u kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-Regolament b’hekk jidher li huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-kanċellazzjoni bilfors tikkawża iktar inkonvenjenza lill-passiġġieri u b’hekk jixirqilha forma iktar b’saħħitha ta’ protezzjoni minn “sempliċi” dewmien (24).

52.      Għadni ma nistax nifhem eżatt ir-raġuni għal dan. Tabilħaqq, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tammetti dan ukoll, filwaqt li taċċetta li l-kanċellazzjonijiet fil-fatt mhux dejjem jikkawżaw iktar inkonvenjenza minn dewmien.

53.      Nagħmlu mod li kemm il-passiġġier A kif ukoll il-passiġġier B irriżervaw titjiriet minn Brussell għal New York ma’ trasportaturi tal-ajru differenti, u t-tnejn jitilqu fit-08.30. Meta l-passiġġier A jasal fil-ajruport, jiġi informat li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata. Huwa jiġi offrut post fuq titjira oħra għal New York li titlaq l-għada fit-08.30. Malli jasal fl-ajruport il-passiġġier B jiġi informat li t-titjira tiegħu ġiet imdewma. It-titjira tiegħu fl-aħħar titlaq fl-istess mument bħat-titjira l-ġdida tal-passiġġier A, jiġifieri jum wara l-ħin skedat tat-tluq. Kemm il-passiġġier A kif ukoll il-passiġġier B jaslu fi New York fl-istess ħin. Tabilħaqq, iż-żewġ passiġġieri jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. Madankollu, il-passiġġier A biss jingħata dritt għal kumpens awtomatiku skont ir-Regolament.

54.      B’hekk, id-distinzjoni bejn kanċellazzjoni u dewmien kif inhi bħalissa fir-Regolament tidher li tmur kontra l-għanijiet tagħha.

55.      Dan joħroġ b’mod iktar ċar meta wieħed jikkunsidra li r-Regolament jista’ jwassal għar-riżultat (pervers) li l-passiġġieri li batew l-ikbar inkonvenjenza jistgħu jiġu miċħuda kumpens awtomatiku filwaqt li dawk li batew minn inqas inkonvenjenza jistgħu jingħataw tali kumpens. Nagħmlu mod li l-istess passiġġier A u passiġġier B (li b’mod ċar jivvjaġġaw ta’ spiss) it-tnejn li huma pprenotaw titjiriet minn Brussell għal New York ma’ trasportaturi tal-ajru differenti, biż-żewġ titjiriet jitilqu fl-10.30. Meta l-passiġġier A jasal fil-ajruport, isib li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata. Madankollu, it-trasportatur tal-ajru immedjatament jipproponi titjira alternattiva ma’ trasportatur tal-ajru differenti li titlaq fil-11.00. Meta l-passiġġier B jasal fil-ajruport, jiġi informat li t-titjira tiegħu ġiet imdewma. It-titjira tiegħu fl-aħħar titlaq fl-22.30, jew 12-il siegħa wara l-ħin skedat tat-tluq. Evidentement, il-passiġġier B bata mill-ikbar inkonvenjenza.

56.      Il-passiġġier A (li bilkemm kien affettwat) se jkun jista’ jitlob kumpens skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament, filwaqt li l-passiġġier B seta’ biss, hekk kif bdew għaddejjin is-sigħat, jitlob l-ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel (25); seta’ jagħmel użu darbtejn mit-telefon (jew mit-teleks, mill-faks jew mill-posta elettronika) bla ħlas (26); u mbagħad (wara ħames sigħat) kellu d-dritt li jagħżel li jiġi rrimborsat jekk jidhirlu li mhux ta’ min ikompli jistenna (27). Daqskemm huwa importanti d-dritt tal-passiġġieri li jingħataw ħsieb, żgur li ma huwiex ekwivalenti għall-kumpens li se jirċievi l-passiġġier A.

57.      Fl-espożizzjoni tal-motivi li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament, fl-isfond li l-miżura għandha l-għan li tkabbar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni tagħmel dan il-kumment dwar id-distinzjoni bejn kanċellazzjoni u dewmien: “Għalkemm il-passiġġieri jbatu minn inkonvenjenza u frustrazzjoni minħabba dewmien l-istess kif ibatu minħabba li ma jitħallewx jitilgħu fl-ajruplan jew minħabba kanċellazzjoni, hemm differenza fil-fatt fejn operatur ikun responsabbli milli ma jħallix lill-passiġġieri jitilgħu fl-ajruplan u għall-kanċellazzjoni (sakemm ma jkunx hemm raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu) imma mhux dejjem għad-dewmien [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (28)0.

58.      Din l-ispjegazzjoni ma hijiex konvinċenti.

59.      Il-Kummissjoni espressament tirrikonoxxi li l-inkonvenjenza li jbatu minnha l-passiġġieri hija simili, kemm jekk it-titjira tagħhom ġiet imdewma għal ħafna ħin jew jekk ġiet ikkanċellata. Jekk dan huwa minnu (kif tabilħaqq jidher li hu), wieħed jistenna li ż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri jiġu ttrattati bl-istess mod, għaliex it-tnejn li huma jeħtieġu u jixirqilhom protezzjoni (imma dan mhux il-każ). Il-Kummissjoni mbagħad tgħid li d-differenza bejn kanċellazzjoni u dewmien (u għall-inqas impliċitament, il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament) hija li l-operatur huwa dejjem responsabbli għall-kanċellazzjonijiet (ħlief meta ma jkunx); u li huwa mhux dejjem ikun responsabbli għad-dewmien (ħlief, preżumibbilment, meta huwa responsabbli). Din hija distinzjoni mingħajr differenza.

60.      Jidhirli li l-loġika bażika (għal darb’oħra, fl-isfond ta’ iżjed protezzjoni tal-konsumatur) kellha tkun li, fejn l-operatur ma jkunx responsabbli għall-inkonvenjenza (kemm jekk tkun ikkawżata minn kanċellazzjoni jew minn dewmien twil), huwa ma għandux iħallas kumpens; u li bil-kontra, fejn ikun responsabbli, huwa għandu jħallas. Fi kliem ieħor, il-kriterju għal kumpens ma huwiex il-kawżalità, iżda l-ħtija (iddefinita b’mod wiesa’) min-naħa tal-operatur.

61.      Jekk dan huwa minnu, xorta ma jispjegax għalfejn il-passiġġieri li jbatu mill-inkonvenjenza ta’ kanċellazzjoni u l-passiġġieri li jbatu mill-inkonvenjenza ta’ dewmien twil jiġu ttrattati b’mod differenti. Kemm dewmien twil kif ukoll kanċellazzjoni jistgħu (jew ma jistgħux) ikunu r-responsabbiltà tal-operatur. Madankollu, id-differenza fit-trattament skont ir-Regolament ma tiddependix mill-ħtija min-naħa tal-operatur. Din sempliċement tiddependi minn jekk dak li seħħ huwiex ikklassifikat bħala dewmien jew bħala kanċellazzjoni. U fit-travaux préparatoires (dokumenti preparatorji) ma hemm l-ebda spjegazzjoni oġġettiva oħra għad-differenza fit-trattament.

62.      Id-differenza fit-trattament, għalhekk, tidher li kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

63.      Dan huwa kkorraborat mill-fatt li fis-sentenza IATA u ELFAA, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar u mingħajr ambigwità ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumatur hija l-għan primarju tar-Regolament. Mill-perspettiva tal-passiġġieri, il-persuni f’sitwazzjoni paragunabbli qed jiġu ttrattati b’mod differenti, b’vantaġġ ta’ kategorija waħda (il-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati) u bi żvantaġġ tal-kategorija l-oħra (il-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew suġġetti għal dewmien twil).

64.      Jidhirli, mill-inqas mal-ewwel eżami, li l-għan primarju tar-Regolament (żieda fil-protezzjoni tal-konsumatur) jista’ jintlaħaq b’miżuri li josservaw il-prinċipju tal-ugwaljanza. Naturalment, għandu jkun il-leġiżlatur Komunitarju li jeżamina u jiddeċiedi dwar tali miżuri (29).

65.      F’dawn il-proċeduri, ħlief għal referenza fil-qosor mill-Gvern Pollakk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma semgħet l-ebda argument fir-rigward tal-effett potenzjali, fuq id-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-possibbiltà li eżami tad-distinzjoni bejn dewmien u kanċellazzjoni jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-mod li bih ir-Regolament jittratta dawn iż-żewġ kunċetti jikser dak il-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, b’hekk, ma ġiex ittrattat b’mod adegwat. Jiena konxja li jista’ jkun hemm kontroargumenti li ma identifikajtx. Kemm l-istituzzjonijiet kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikollhom l-opportunità biex jikkummentaw dwar l-analiżi li għamilt u biex iressqu argumenti relatati ma’ ġustifikazzjoni oġġettiva.

66.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali u tistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni.

67.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ taqbilx ma’ dan l-approċċ, dawn li ġejjin huma xi osservazzjonijiet dwar jekk huwiex possibbli li r-Regolament jiġi interpretat skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza (30).

 Indikazzjonijiet li titjira ġiet ikkanċellata

68.      Il-fatturi li ssemmew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fil-ġurisprudenza u d-duttrina nazzjonali (31) bħala li jipprovdu indikazzjonijiet possibbli li titjira ġiet ikkanċellata jinkludu: bidla fit-trasportatur tal-ajru, bidla fl-ajruplan, bidla fin-numru tat-titjira, bidla fl-ajruport tat-tluq jew tal-wasla, l-għoti lura tal-bagalji lill-passiġġieri, proċedura ġdida ta’ reġistrazzjoni għall-passiġġieri, l-allokazzjoni ta’ postijiet ġodda fl-ajruplan, l-allokazzjoni tal-passiġġieri kollha lil ajruplan ieħor jew lil ajruplani oħra, il-ħruġ ta’ karti tal-imbarkazzjoni ġodda, u l-fatt li t-titjira tiġi deskritta bħala “ikkanċellata” mill-pilota (jew minn membru ieħor tal-persunal tat-trasportatur tal-ajru) jew fuq it-tabella tat-tluq.

69.      Is-sens komun jissuġġerixxi li dawn il-fatturi kollha jistgħu jkunu indikazzjonijiet li titjira ġiet ikkanċellata iktar milli sempliċement imdewma. Iktar ma jkun hemm fatturi preżenti flimkien, iktar issir probabbli li tabilħaqq kien hemm kanċellazzjoni. Bl-istess raġunament, ma naħsibx li kwalunke fattur individwali jista’ jkun konklużiv.

70.      Pereżempju, jekk ajruplan ma jintużax dan ma jwassalx awtomatikament għall-kanċellazzjoni tat-titjira li għaliha kien allokat l-ajruplan. It-titjira xorta tista’ ssir jekk jintuża ajruplan sostitut (32). Naħseb li ma huwiex rilevanti jekk jiġix assenjat mill-ġdid lill-passiġġieri ajruplan sostitut wieħed jew diversi ajruplani ta’ sostituzzjoni (33).

71.      Tista’ ssir analiżi simili għall-parti l-kbira tal-fatturi l-oħra mressqa. Dawn huma parti integrali mill-ivvjaġġar bl-ajru. Dawn jistgħu jkunu preżenti fil-kuntest ta’ titjira li mill-bqija tkun normali (li lanqas biss tkun titjira mdewma).

72.      Il-Kummissjoni, sostnuta waqt is-seduta mill-konsulenti legali ta’ S. Böck u C. Lepuschitz, ta’ Condor, u tal-Gvern Grieg, issuġġeriet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li bidla fin-numru tat-titjira (34) hija indikazzjoni qawwija li titjira tkun ġiet ikkanċellata (35); u jiena naqbel.

73.      Minkejja dan, numru ta’ titjira ġdid ma huwiex gwida infallibbli sabiex issir distinzjoni bejn titjiriet imdewma minn dawk ikkanċellati. In-numru tat-titjira jista’ jkollu jitbiddel għal raġunijiet purament tekniċi li ma jaqgħux taħt il-kontroll tat-trasportatur tal-ajru, anki jekk l-ebda wieħed mill-parametri l-oħra tat-titjira ma jinbidel (36). F’ċirkustanzi bħal dawn, il-bidla fin-numru tat-titjira ma tistax tkun prova konklużiva ta’ kanċellazzjoni. Bil-kontra, iż-żamma tan-numru tat-titjira oriġinali mhux bilfors tindika li titjira ma ġietx ikkanċellata.

74.      L-istess jista’ jingħad għad-dikjarazzjonijiet li jagħmel il-persunal tat-trasportatur tal-ajru jew ta’ persunal ieħor tal-ajruport li t-titjira ġiet ikkanċellata. Ma huwiex diffiċli li wieħed jimmaġina kontenzjuż bla tmiem quddiem il-qorti nazzjonali rigward jekk il-membru tal-persunal taħt pressjoni li qal lil passiġġier fost grupp ta’ nies fejn wieħed jimbotta lill-ieħor li qed jistennew li jingħataw attenzjoni ma’ bankun mimli nies li t-titjira ġiet ikkanċellata kellux l-awtorità li jagħmel dik id-dikjarazzjoni (jew tabilħaqq jekk il-membru tal-persunal u l-passiġġier kinux jitkellmu l-istess lingwa suffiċjentement biex dak li ntqal kellu tifsira ċara). Tħabbira mill-pilota jew l-elenku uffiċjali fuq it-tabella tat-tluq ikollha iktar awtorità iżda mhux bilfors tkun determinanti.

75.      Peress li l-ebda wieħed mill-fatturi msemmija ma jista’ jkun konklużiv jekk jiġi kkunsidrat waħdu, il-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw l-importanza ta’ kull wieħed minnhom, meta jkunu preżenti flimkien, f’kull każ individwali. Dan jista’ jwassal għal problemi kbar ta’ ċertezza legali (37).

76.      Huwa wkoll evidenti li t-trasportaturi tal-ajru nfushom għandhom influwenza sinjifikattiva fuq numru ta’ fatturi li jistgħu jintużaw sabiex issir distinzjoni bejn dewmien u kanċellazzjoni. Huwa fl-interess ekonomiku ta’ dawn it-trasportaturi li jieħdu passi sabiex jiżguraw irwieħhom li inċident se jiġi kklassifikat bħala dewmien iktar milli bħala kanċellazzjoni, ikun kemm ikun twil id-dewmien, u li jikkontestaw (kull meta jkun possibbli) it-talbiet tal-passiġġieri li t-titjira kienet tabilħaqq ikkanċellata (38).

 Il-ħin bħala fattur biex tiġi identifikata kanċellazzjoni

77.      B’differenza għall-fatturi elenkati iktar ’il fuq, il-mogħdija tal-ħin ma tistax tiġi mmanipulata (39). Dewmien “eċċessivament twil” jista’ jsir kanċellazzjoni de facto, li jagħti lok għad-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament?

78.      Il-familja Sturgeon, S. Böck u C. Lepuschitz, il-Gvernijiet tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Polonja u tal-Isvezja, kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li, wara li jkun għadda ċertu ħin, dewmien jista’ jiġi kklassifikat bħala kanċellazzjoni. Il-Gvern tar-Renju Unit, madankollu, jemmen li d-dritt Komunitarju biss jista’ jintroduċi b’mod xieraq il-ħin li jkun għadda bħala mezz biex issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ avvenimenti. Skont Condor, l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jagħti lill-passiġġieri dritt għal kumpens għad-danni jekk it-titjira tagħhom tiġi mdewma. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-protezzjoni tal-passiġġer ma jeħtiġux li dewmien twil jiġi intepretat bħala kanċellazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament.

79.      Nista’ nittratta dan l-aħħar argument fi ftit kliem. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal hija tabilħaqq applikabbli fil-Komunità. Din tipprovdi għal kumpens fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kumpens għad-danni. Kumpens bħal dan, f’każ partikolari, jista’ jkun iktar vantaġġuż għal passiġġier partikolari mill-kumpens awtomatiku b’rata fissa, mingħajr prova ta’ dannu effettiv, għall-kanċellazzjoni ta’ titjira, pprovdut mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament. L-arranġament skont ir-Regolament huwa differenti minn, u komplementari, għas-sistema skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (40). Il-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata jirċievu kumpens skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament “mingħajr […] ikollhom jbatu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implementazzjoni ta’ azzjonijiet għal danni u interessi quddiem il-qrati” (41). Jekk dewmien twil u kanċellazzjoni jikkawżaw inkonvenjenza simili lill-passiġġieri, il-protezzjoni tal-passiġġier tindika li t-tnejn li huma għandhom jibbenefikaw b’mod simili minn sistema konvenjenti ta’ kumpens awtomatiku b’rata fissa. Dan huwa suffiċjenti biex jiġi ttrattat l-argument ta’ Condor.

80.      Issa, fir-rigward tal-argument ċentrali li, wara li jgħaddi ċertu ammont ta’ ħin, id-dewmien isir de facto kanċellazzjoni?

81.      Bħala kwistjoni ta’ sens komun, il-ħin huwa ovvjament fattur biex ikun identifikat jekk titjira ġietx ikkanċellata. Jekk numru ta’ fatturi minn dawk elenkati iktar ’il fuq ikunu preżenti flimkien u/jew it-titjira tkun ġiet imdewma għal perijodu eċċessiv ta’ ħin, dan ikun indikazzjoni qawwija ferm li t-titjira fil-fatt ġiet ikkanċellata.

82.      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, meta passiġġier jirriżerva post fuq titjira, ikun hemm kuntratt impliċitu mat-trasportatur tal-ajru għal trasport f’ċertu ħin u bejn żewġ punti. Jekk il-ħin tat-tluq tat-titjira jkun eċċessivament imdewwem, huwa diffiċli li wieħed isostni li t-titjira għadha t-“titjira li kienet qabel ippjanata” (42). B’hekk, pereżempju, jekk ikun hemm titjira regolari kuljum fl-istess ħin, f’ċirkustanzi normali, il-fatt li dik it-titjira tkun għadha ma telqitx wara li tkun telqet it-titjira tal-għada hija indikazzjoni qawwija li l-ewwel titjira tkun ġiet ikkanċellata (43).

83.      Fin-nuqqas ta’ kwalunke definizzjoni, it-terminu “dewmien” għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament kollu u tal-għanijiet tiegħu (44). Jekk il-mogħdija tal-ħin tiġi meqjusa bħala fattur importanti fl-identifikazzjoni ta’ kanċellazzjoni, dan isaħħaħ b’mod ċar l-għan tar-Regolament li tiżdied il-protezzjoni tal-passiġġier. Madankollu, hemm żewġ diffikultajiet b’dan l-approċċ. L-ewwel nett, xi jfisser “dewmien eċċessiv”? It-tieni nett, ir-Regolament jista’ jiġi interpretat b’tali mod li dewmien eċċessiv jiġi kklassifikat bħala kanċellazzjoni de facto?

 Meta d-dewmien ikun “eċċessiv”?

84.      Il-Kummissjoni ġustament tosserva li r-Regolament ma jinkludi ebda bażi biex ikun identifikat xi punt partikolari fiż-żmien li warajh dewmien jiġi kklassifikat bħala kanċellazzjoni. Ir-Regolament jagħmilha ċara li dewmien jista’ jdum għal iktar minn ħames sigħat (Artikolu 6(1)(iii)) u jista’ jestendi mill-inqas sal-għada, u forsi anki iktar minn hekk (Artikolu 6(1)(ii) flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament).

85.      Il-Gvern Franċiż jinnota li r-Regolament fih numru ta’ elementi li jistgħu jkunu indikaturi. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament, il-perijodu ta’ ħin li jagħti lok għall-obbligu li jiġu offruti forom speċifiċi ta’ assistenza jvarja skont it-tul tat-titjira: sagħtejn jew iktar fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1 500 kilometru jew inqas (45); tliet sigħat jew iktar fil-każ tat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ iktar minn 1 500 kilometru u tat-titjiriet kollha ta’ bejn 1 500 u 3 500 kilometru (46); u erba’ sigħat jew iktar fil-każ tat-titjiriet l-oħra kollha (47). B’hekk, il-leġiżlatur Komunitarju issuġġetta d-dritt tal-passiġġieri li jingħataw ħsieb fuq id-distanza tat-titjira – il-passiġġieri li l-iktar li jivvjaġġaw ’il bogħod ikollhom jistennew iktar qabel ma jkollhom id-dritt li jieħdu ħsiebhom (48).

86.      Evalwazzjoni ta’ meta dewmien isir “eċċessiv” u b’hekk jista’ jiġi kklassifikat bħala kanċellazzjoni tista’ tikkunsidra l-perijodi differenti ta’ ħin indikati f’dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, biex dewmien ikun “eċċessiv” bilfors irid ikun ferm itwal minn kull wieħed minn dawk il-livelli ta’ referenza. Id-domanda mbagħad tkun: b’kemm?

87.      Naħseb li huwa impossibbli li jiġi identifikat, bi kwalunkwe livell aċċettabbli ta’ preċiżjoni, eżattament kemm irid jgħaddi ħin qabel ma dewmien isir “eċċessiv”.

88.      Għalhekk, għandha tkun il-qorti nazzjonali, f’kull każ individwali, li tevalwa l-fatti u tasal għal opinjoni – ibbażata fuq taħlita ta’ tradizzjoni legali nazzjonali, sens komun u istint iktar milli fuq kwalunkwe regola legali Komunitarja preċiża – dwar jekk id-dewmien f’dak il-każ kienx “eċċessiv” u għalhekk għandux jitqies bħala kanċellazzjoni de facto. Il-ġurisprudenza mogħtija sa llum tissuġġerixxi li l-qrati nazzjonali jvarjaw ferm il-fehmiet tagħhom rigward jekk għandux jiġi kkunsidrat il-ħin meta jiġi deċiż jekk kienx hemm kanċellazzjoni u, jekk iva, sa liema punt (49). Minbarra li tikkonferma li l-ħin jista’ jkun fattur importanti biex tiġi identifikata kanċellazzjoni, u li d-distanza ppjanata tat-titjira għandha tiġi kkunsidrata meta jiġi evalwat jekk dewmien sarx eċċessiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ftit tista’ tipprovdi gwida speċifika u ta’ għajnuna lill-qrati nazzjonali.

89.      Huwa probabbli li l-varjabbiltà konsegwenti tar-riżultati tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

90.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali – li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju – jirrikjedi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-individwi u fuq l-impriżi (50). B’hekk, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jifformaw parti mis-sistema legali Komunitarja u, għaldaqstant, għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet Komunitarji (51). Jidher ċar li huwa importanti li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru għandhom ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Jekk il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu meta dewmien ikun “eċċessiv”, ikun hemm ftit ċarezza, preċiżjoni jew prevedibbiltà għal kwalunkwe parti fir-rigward tar-riżultat.

 Id-dewmien jista’ jiġi ttrattat bħala kanċellazzjoni de facto?

91.      Li kieku jkun possibbli jew li jiġi identifikat punt preċiż fil-ħin meta d-dewmien isir eċċessiv jew li jitfasslu sett ta’ kriterji li jistgħu jservu bħala gwida effettiva għall-qorti nazzjonali, ir-risposta għal din id-domanda tkun tinvolvi li ssir għażla bejn approċċ ferm teleoloġiku għall-protezzjoni tal-konsumatur u d-diċitura sempliċi u litterali tar-Regolament.

92.      F’dan il-każ, jidhirli li l-għażla hija waħda sempliċi.

93.      Kwalunkwe limitu numeriku għall-kwalifika għal dritt jiddefinixxi żewġ gruppi – dawk xortihom tajba u dawk xortihom ħażina – u meta jistabbilixxi dan il-limitu, il-leġiżlatur għandu joqgħod attent li ma jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-leġiżlatur għandu d-dritt li jagħżel ċifra u mbagħad jiddefendiha bħala oġġettivament ġustifikabbli, sa fejn l-għażla tiegħu tiġi kkontestata bħala li tikser dak il-prinċipju. L-għażla effettiva taċ-ċifra maġika hija prerogattiva leġiżlattiva. Peress li kwalunkwe ċifra hija sa ċertu punt arbitrarja, in-natura arbitrarja tagħha hija koperta minn din il-prerogattiva (il-marġni ta’ diskrezzjoni leġiżlattiva).

94.      B’hekk, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jagħżel limitu ta’ ħin (23 siegħa u nofs, 24 siegħa, 25 siegħa jew 48 siegħa – ikun liema jkun) li jagħti lok għal dritt għal kumpens. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel dan. Kwalunkwe ċifra li wieħed jiddeċiedi li jagħżel tinvolvi l-interpretazzjoni ta’ elementi fir-Regolament li jidher ċar li ma humiex qegħdin hemmhekk u tkun użurpazzjoni ġudizzjarja tal-prerogattiva leġiżlattiva.

95.      Fuq livell iktar fundamentali minn hekk, ikun xi jkun il-limitu magħżul, skont l-istruttura tar-Regolament kif inhi, il-passiġġeri kollha tat-titjiriet ikkanċellati jkomplu jgawdu minn dritt awtomatiku għal kumpens, filwaqt li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma b’mod eċċessiv biss (ikun xi jkun il-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tiddefinixxi dak il-kunċett) ikollhom dan id-dritt. Uħud mill-passiġġieri f’sitwazzjonijiet oġġettivament simili xorta jiġu ttrattati b’mod differenti. Uħud mill-passiġġieri li jbatu biss minn inkonvenjenza żgħira xorta jiksbu kumpens awtomatiku filwaqt li oħrajn li jkunu batew minn inkonvenjenza ferm ikbar jibqgħu mingħajr kumpens (52).

 Konklużjoni dwar id-domandi marbuta mad-dewmien u mal-kanċellazzjoni

96.      Jidhirli li hekk kif wieħed jipprova jevita lil Scylla (diskriminazzjoni ovvja kontra l-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jiġu mdewma b’mod eċċessiv meta pparagunati mal-passiġġieri li jiksbu kumpens awtomatiku għat-titjira kkanċellata tagħhom), wieħed immedjatament jinġarr lejn Charybdis (inċertezza legali). Barra minn hekk, id-diffikultajiet sottostanti li jiena identifikajt preċedentement fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali b’xorti ħażina ma jiġux solvuti billi jiġi adottat approċċ teleoloġiku lejn “dewmien eċċessiv”. Jidhirli li dawn huma inerenti fl-istruttura tar-Regolament kif inhi bħalissa.

97.      Huwa għaliex jiena ma naħsibx li l-problema sottostanti tista’ tiġi “solvuta” b’interpretazzjoni, minkejja kostruttiva, li qed nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar jekk l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament u l-Artikolu 6 tar-Regolament, u speċifikament id-distinzjoni li jagħmlu bejn kanċellazzjoni u dewmien, humiex invalidi fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Fuq il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”

98.      Permezz tat-tielet domanda fil-kawża Böck u Lepuschitz, qed tintalab kjarifika dwar jekk problemi tekniċi b’ajruplan u l-bidliet li jirriżultaw fl-iskeda tat-titjiriet jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ ċirkustanzi straordinarji.

99.      Jiena analizzajt fid-dettall din id-domanda fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kramme (53), iżda r-rinviju ġie rtirat qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha. Sussegwentement, sar rinviju simili fil-kawża Wallentin‑Hermann (54).

100. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament “għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika f’ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira ma taqax taħt il-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu” (55).

101. Naturalment, l-istess riposta għandha tingħata lit-tielet domanda fil-kawża Böck u Lepuschitz.

 IV – Konklużjoni

102. Għaldaqstant nissuġġerixxi li:

(1)      Qabel ma tingħata deċiżjoni dwar id-domandi li għamlet il-Bundesgerichtshof u dwar l-ewwel u t-tieni domandi magħmula mill-Handelsgericht Wien, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura u tistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar jekk l-Artikoli 5 u 7 kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, sa fejn jagħmlu distinzjoni bejn kanċellazzjoni u dewmien (irrispettivament mit-tul), huma invalidi fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

(2)      Meta tingħata s-sentenza, it-tielet domanda li għamlet il-Handelsgericht Wien għandha tiġi risposta kif ġej:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li problema teknika f’ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira taqa taħt il-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


3 – Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru Montreal, tat-28 ta’ Mejju 1999, approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491). Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ, sa fejn għandha x’taqsam il-Komunità, fit-28 ta’ Ġunju 2004.


4 – Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru [traduzzjoni mhux uffiċjali], Varsavja, 12 ta’ Ottubru 1929, 137 League of Nations Treaty Series 11.


5 – Ara t-tieni u t-tielet premessi fil-preambolu.


6 – “Il-Komunità għandu jkollha bħala l-kompitu tagħha, dana billi tistabbilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja u bl-implimentazzjoni ta’ politika komuni jew ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, dak li tippromwovi fil-Komunità kollha [numru ta’ għanijiet, inkluż pereżempju, l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli].”


7 –      Ara l-punt 10 iktar ’l isfel.


8 –      Ara l-punt 11 iktar ’l isfel.


9 –      Ara l-punt 11 iktar ’l isfel.


10 –      Ara l-punt 10 iktar ’l isfel.


11 – Barra minn hekk, qed jitolbu d-danni għat-telf ta’ qligħ, għar-riżervazzjoni ta’ postijiet fuq l-ajruplan li ma ntużawx u għall-biljetti tal-ferrovija. Sussidjarjament, qed isostnu li għandhom jiġu rimborsati 30 % tal-prezz tal-biljetti tagħhom. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma hija rilevanti għad-domandi rrinvijati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


12 – Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (COM/2001/784 finali; iktar ’il quddiem, l-“espożizzjoni tal-motivi għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni”).


13 – Ara l-punti 98 sa 101 iktar ’l isfel.


14 – Peress li kanċellazzjoni tinvolvi l-għoti ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, f’dan l-eżempju jiġi prodott ir-riżultat pervers li jkun “aħjar” għall-kumpannija tal-ajru (iżda mhux għall-passiġġieri) li “sempliċement” tiddewwem it-titjira.


15 – Ara l-fatti li taw lok għar-rinviju fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-27 ta’ Settembru 2007 fil-kawża Kramme (C‑396/06, li hija disponibbli fis-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja). Ir-rinviju kien irtirat qabel ma ngħatat is-sentenza.


16 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95) u tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, Ġabra p. I‑5237, punt 39).


17 – Rigward in-natura tad-dannu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-punt 43 tas-sentenza li kull dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u b’mod partikolari dewmien twil, jista’ jikkawża fuq livell ġenerali żewġ tipi ta’ dannu. Minn naħa, dewmien eċċessiv jikkawża danni, kważi identiċi għall-passiġġieri kollha, li l-kumpens għalihom jista’ jkun fl-għamla ta’ assistenza jew ta’ responsabbiltà, standardizzati u immedjati, għal dawk kollha kkonċernati (fil-provvista, pereżempju, ta’ ħwejjeġ ta’ xorb u ta’ ikel, ta’ ikliet, ta’ akkomodazzjoni u l-possibbiltà ta’ telefonati). Min-naħa l-oħra, il-passiġġieri għandhom mnejn isofru danni individwali, inerenti jew ikkawżati mill-ivvjaġġar tagħhom, li l-kumpens tagħhom jirrikjedi evalwazzjoni ta’ kull każ speċifiku tal-ammont tad-danni kkawżati. Dawn id-danni jistgħu għalhekk jiġu kkumpensati a posteriori fuq bażi individwali.


18 – Sentenza IATA u ELFAA, punti 94 sa 98; ara, wkoll, is-sentenza Emirates Airlines, punt 35.


19 – Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008 (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 25 u 26, enfażi miżjuda), b’referenza għas-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf (6/71, Ġabra p. 823, punt 14); tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 8); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 74); kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, Ġabra p. I‑1023, punt 83).


20 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 69; sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 18). Il-premessa 2 għar-Regolament issemmi l-istess frażi “l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet”, u ma tagħmel ebda distinzjoni bejn it-tnejn.


21 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 82 u 83 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2005 fl-istess kawża (punti 121 u 122).


22 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 85.


23 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża IATA u ELFAA, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 117 sa 119, fejn l-Avukat Ġenerali jirreferi għall-Artikolu 153(2) KE (li jeżiġi li d-dritt Komunitarju jikkunsidra r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’oqsma ta’ politika oħrajn) u l-Artikolu 95(3) KE (li jeżiġi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur) u jikkonkludi li bla dubju ta’ xejn il-protezzjoni tal-konsumatur hija għan leġittimu espressament ipprovdut fit-Trattat.


24 – Ipparaguna t-tnax-il (kanċellazzjoni) mas-sbatax-il (dewmien) fil-preambolu għar-Regolament. Is-soluzzjonijiet differenti li jipproponu jikkontradixxu direttament il-premessa, li tirrikonoxxi li “[i]l-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet” jistgħu jikkawżaw “problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri”.


25 – Artikolu 6(1)(ċ)(i) tar-Regolament, b’referenza trażversali għall-Artikolu 9(1)(a). Meta jitqies li t-titjira fl-eżempju tiegħi hija waħda tranżatlantika, il-passiġġier B se jkollu jistenna għal erba’ sigħat qabel ma jkollu xi “dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud” skont l-Artikolu 9.


26 – Idem, b’referenza trażversali għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament.


27 – Artikolu 6(1)(ċ)(iii), b’referenza trażversali għall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament.


28 – Espożizzjoni tal-motivi għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 23).


29 – Purament bħala eżempju: jista’ jiġi pprovdut limitu għall-kumpens awtomatiku lil każijiet ta’ kanċellazzjoni mingħajr ma tiġi offruta rotta ġdida f’perijodu speċifiku (pereżempju, sagħtejn), filwaqt li jiġi pprovdut kumpens awtomatiku f’każ ta’ dewmien itwal mill-perijodu speċifikat. Għall-kanċellazzjonijiet (bħal f’dan il-każ), it-trasportatur tal-ajru ma jkunx meħtieġ jipprovdi kumpens finanzjarju jekk ikun jista’ jipprova li d-dewmien jew il-kanċellazzjoni kien ikkawżat minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux ikunu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Tkun meħtieġa dispożizzjoni ekwivalenti sabiex ikun kopert dewmien li fir-rigward tiegħu l-kumpannija tal-ajru tista’ turi li ma kellhiex responsabbiltà. Jekk ikun neċessarju u xieraq, il-perijodu speċifikat jista’ jvarja skont id-distanza tat-titjira (bħal fl-Artikoli 6(1) u 7(2) preżenti tar-Regolament). Arranġament bħal dan, naħseb, li jissodisfa anki r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (invokat espressament fil-punt 79 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16).


30 – Fejn huwa neċessarju li tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt sekondarju Komunitarju, sakemm ikun possibbli għandha tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li tagħmel lid-dispożizzjoni konsistenti mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 174, u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Ara, pereżempju, R. Schmid, “Die Bewährung der neuen Fluggastrechte in der Praxis – Ausgewählte Probleme bei der Anwendung der Verordnung (EG) Nr. 261/2004” (2006) NJW 26, p. 1843; E. Gaedtke, “Fluggastrechte: Praktische Schwierigkeiten bei der Anwendung der Verordnung (EG) Nr. 261/2004”, (2007) Verbraucher und Recht, p. 203 u 204; B. Wagner, “Verbesserung der Fluggastrechte durch die Verordnung (EG) Nr. 261/2004”, (2006) VuR, p. 338 u 339; u l-ġurisprudenza ċċitata f’dawn l-artikli.


32 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kramme, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 39.


33 – Fattur imsemmi fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża Böck u Lepuschitz.


34 – Imsemmija wkoll bħala fattur fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża Böck u Lepuschitz.


35 – Fid-dokument ta’ informazzjoni dwar ir-Regolament, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fil-fehma tagħha, titjira “ġeneralment tista’ tiġi kkunsidrata bħala kkanċellata meta n-numru tat-titjira għall-istess rotta li għaliha l-passiġġier ikollu kuntratt fi skeda ta’ jum u ta’ ħin speċifiċi jinbidel [traduzzjoni mhux uffiċjali]”: Dokument ta’ Informazzjoni tad-Direttorat-Ġenerali għall-Enerġija u għat-Trasport: Tweġibiet għal mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, p. 3, disponibbli minn fuq http://ec.europa.eu/transport/air_portal/passenger_rights/doc/2008/q_and_a_en.pdf.


36 – Pereżempju, f’rotta fejn operatur tal-ajru skedat jopera servizz ta’ kuljum, huwa pjuttost probabbli li t-titjira ta’ nhar ta’ Tnejn u dik ta’ nhar ta’ Tlieta jkollhom l-istess numru tat-titjira. Jekk dan huwa minnu, u jekk it-titjira tat-Tnejn tiġi mdewma b’24 siegħa, ikun ferm importanti li jitbiddel in-numru tat-titjira tagħha sabiex tkun evitata konfużjoni potenzjali fl-istruzzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku fl-ajru, għaliex il-pilota tat-titjira tat-Tnejn u l-pilota tat-titjira tat-Tlieta jkunu qed jippreparaw għat-tluq, fejn jitolbu perijodu ta’ ħin (slot) biex jitilqu, fejn jitolbu l-permess biex jitmexxa l-ajruplan qabel ma jinqata’ mill-art (eċċ.) kważi/fl-istess ħin.


37 – Ara l-punti 89 u 90 iktar ’l isfel.


38 – F’rapport dwar l-effett prattiku tar-Regolament, il-Kummissjoni nnotat tħassib li l-kumpanniji tal-ajru setgħu jikklassifikaw mill-ġdid il-kanċellazzjonijiet bħala dewmien twil sabiex jevitaw talbiet għal ħlasijiet ta’ kumpens, għalkemm ma setgħetx issib evidenza statistika ċara (tnaqqis fin-numru ta’ kanċellazzjonijiet u żieda korrispondenti fin-numru ta’ dewmien) għal din il-prattika: ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-operazzjoni u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri tal-ajru fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, COM(2007) 168 finali, punt 4.1.2. Dawn ir-referenzi huma evidenza tal-problema potenzjali.


39 – Ipparaguna l-osservazzjoni akuta ta’ Screwtape (xitan anzjan, li qed jgħallem lin-neputi tiegħu l-arti tat-tentazzjoni) li l-bnedmin dejjem isostnu li huma s-sidien tal-ħin “tagħhom”: “Il-bnedmin dejjem iressqu pretensjonijiet li huma sidien li jinstemgħu daqstant ridikoli kemm fil-Ġenna kif ukoll fl-Infern” (C.S. Lewis, The Screwtape Letters (1942), p. 112 u 113).


40 – Artikolu 12(1) tar-Regolament jagħmilha ċara li l-kumpens b’rata fissa fl-Artikolu 7(1) ma huwiex maħsub biex jissostitwixxi l-kumpens skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.


41 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 45, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat id-differenza bejn is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u d-dritt awtomatiku għal assistenza fir-rigward tad-dewmien skont l-Artikolu 6 tar-Regolament.


42 – Ara d-definizzjoni ta’ “kanċellazzjoni” fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament.


43 – M’iniex qed nissuġġerixxi li, fejn titjira ssir darba fil-ġimgħa, l-applikazzjoni ta’ din il-linja gwida għandha tfisser li l-kumpens għall-kanċellazzjoni jista’ jintalab biss wara li t-titjira tal-ġimgħa ta’ wara tkun telqet.


44 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Emirates Airlines, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 27 u 28.


45 – Subparagrafu (a).


46 – Subparagrafu (b).


47 – Subparagrafu (ċ).


48 – Ara wkoll l-Artikolu 7(2) u, b’analoġija, l-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) tar-Regolament. Il-premessi għar-Regolament ma joffru l-ebda spjegazzjoni għall-jedd skont livelli differenti dwar it-teħid ta’ ħsieb tal-passiġġieri, li jista’ jkun dovut iktar għal evalwazzjoni pragmatika ta’ xi jkun oneru ekonomiku aċċettabli li jiġi impost fuq it-trasportaturi tal-ajru (meta jiġu kkunsidrati l-forom magħrufa ta’ dewmien għal titjiriet qosra, medji u twal) milli kwalunkwe loġika iktar profonda dwar il-ħtiġijiet relattivi tal-passiġġieri.


49 – Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza msemmija fix-xogħlijiet iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


50 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C‑337/07, Ġabra p. I‑10323, punt 60) u l-ġurisprudenza ċċitata. Fuq dak il-prinċipju u fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi b’mod ġenerali ara, pereżempju, S. Schønberg, Legitimate Expectations in Administrative Law (2000).


51 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009 Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, Ġabra p. I‑1951, punt 31) u l-ġurisprudenza ċċitata.


52 – Ara l-eżempji mogħtija fil-punti 53, 55 u 56 iktar ’il fuq.


53 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


54 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


55 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 34.