Language of document : ECLI:EU:C:2011:864

Kawża C-366/10

Air Transport Association of America et

vs

Secretary of State for Energy and Climate Change

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra — Direttiva 2008/101/KE — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Validità — Konvenzjoni ta’ Chicago — Protokoll ta’ Kyoto — Ftehim ta’ trasport bl-ajru UE-Stati Uniti — Prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Effetti legali — Invokabbiltà — Extraterritorjalità tad-dritt tal-Unjoni — Kunċetti ta’ ‘ħlas’ u ta’ ‘taxxa’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Effetti ta’ ftehim fl-Unjoni fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa tiegħu li tipprevedihom

(Artikoli 216(2) TFUE u 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali — Konvenzjoni li ma torbotx lill-Unjoni — Esklużjoni

(Artikoli 267 TFUE u 351 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

3.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Protokoll ta’ Kyoto taħt il-konvenzjoni-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima — Protokoll li jorbot lill-Unjoni — Dispożizzjonijiet li ma għandhomx natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi — Esklużjoni

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 94/69 u 2002/358)

4.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tiegħu u l-Istati Uniti tal-Amerika — Regoli intiżi li japplikaw direttament u immedjatament għat-trasportaturi bl-ajru — Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101; Deċiżjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri 2007/339 u 2010/465)

5.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Prinċipji ta’ sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, ta’ nuqqas ta’ sottomissjoni tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tal-Istati u ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali — Inklużjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 3(5) TUE; Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

6.        Dritt internazzjonali pubbliku — Prinċipji — Prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Sottomissjoni esklużiva ta’ bastiment li jinsab fl-ibħra internazzjonali għal-liġi tar-reġistru tiegħu — Applikazzjoni b’analoġija għall-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali — Esklużjoni

7.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ sovranità tal-Istati tal-ispazju tal-ajru tagħhom u ta’ nuqqas ta’ sottomissjoni tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tal-Istati u ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali

(Artikolu 191(2) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

8.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tar-regola tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’, li jimponi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ kull parti kontraenti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

9.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’ dwar id-dazji doganali u t-taxxi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

10.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’ dwar l-ambjent

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)

1.        Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma kompetenti jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali, jistgħu jiftehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jipproduċu fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Huwa biss jekk din il-kwistjoni ma tkunx regolata mill-ftehim li taqa’ fuq il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja, li jaqtgħu din il-kwistjoni bl-istess mod bħal kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim fl-Unjoni.

Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġi konkluż ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dan il-ftehim u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni. Isegwi li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ jekk ċerti kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha sabiex jiġi stabbilit jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tistax tiġi evalwata l-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali invokati. Fil-fatt, l-Unjoni għandha l-ewwel nett tkun marbuta b’dawn ir-regoli. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tistħarreġ il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekludux dan. Fl-aħħar nett, meta n-natura u l-istruttura tat-trattat inkwistjoni jippermettu stħarriġ tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, hemm bżonn ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokati għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi.

(ara l-punti 49-54)

2.        Minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jimplika l-obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jostakolawx l-implementazzjoni tal-impenji tal-Istati Membri li jirriżultaw minn konvenzjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1958, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, dan l-obbligu tal-istituzzjonijiet huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati li josservaw l-impenji li jkunu daħlu għalihom bis-saħħa ta’ konvenzjoni preċedenti, mingħajr ma jorbot lill-Unjoni fir-rigward tal-Istati terzi li huma partijiet għal din il-konvenzjoni. Konsegwentement, huwa biss jekk u sa fejn, bis-saħħa tat-Trattati UE u FUE, l-Unjoni assumiet il-kompetenzi eżerċitati preċedentement mill-Istati Membri tal-Unjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jkollhom bħala effett dak li jorbtu lill-Unjoni.

Issa, għalkemm l-Unjoni ċertament kisbet ċerti kompetenzi esklużivi sabiex tikkuntratta mal-Istati terzi impenji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru internazzjonali u, konsegwentement, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dan ma jfissirx li issa għandha kompetenza esklużiva fil-qasam kollu tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali kif kopert minn din il-konvenzjoni.

Konsegwentement, sa fejn il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma għaddewx kollha kemm huma għand l-Unjoni, din tal-aħħar ma hijiex marbuta minn din il-konvenzjoni. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-validità tad-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87, sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

(ara l-punti 61, 62, 69, 71, 72)

3.        Mid-Deċiżjonijiet 94/69, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima, u 2002/358, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, li l-Unjoni approvat il-Protokoll ta’ Kyoto. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Madankollu, anki jekk il-Protokoll ta’ Kyoto jipprevedi impenji f’ċifri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ impenn li jikkorrispondi għas-snin 2008 sa 2012, il-partijiet għal dan il-protokoll jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-modalitajiet u l-ħeffa li jaqbel l-iktar lilhom. Dispożizzjoni bħall-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, li tipprevedi li l-partijiet kontraenti jippruvaw jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet serra li joriġinaw mil-kombustibbli tal-istiva użat fit-trasport bl-ajru permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, fir-rigward tal-kontenut tagħha, ma għandhiex titqies li għandha natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża b’mod li tagħti lill-parti fil-kawża d-dritt li tinvokaha fil-kawża sabiex tikkontesta l-validità tad-Direttiva 2008/101, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità. Konsegwentement, il-Protokoll ta’ Kyoto ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 73, 76-78)

4.        Il-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema Miftuħ”) ġie approvat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjonijiet Nri 2007/339 u 2010/465, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja rispettivament tal-ftehim u tal-Protokoll li jemenda dan il-ftehim. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jifformaw parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

It-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fit-territorju tal-partijiet kontraenti tal-Ftehim “Sema Miftuħ” huma speċifikament imsemmija minnu. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jagħtu drittijiet direttament li dawn it-trasportaturi, filwaqt li oħrajn jimponu obbligi fuqhom.

Il-fatt li l-partijiet tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ħolqu qafas istituzzjonali partikolari għall-konsultazzjonijiet u negozjati bejniethom dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi kull applikazzjoni ġudizzjarja tiegħu. Għaldaqstant, peress li l-imsemmi ftehim jistabbilixxi ċerti regoli intiżi li jkunu applikabbli direttament u immedjatament għal-linji tal-ajru u li jagħtihom b’hekk drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-partijiet għal dan il-ftehim, u li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, bħal ma hija d-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan.

(ara l-punti 79, 82-84)

5.        Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-prinċipji tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, bħall-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, il-prinċipju li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra internazzjonali, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali, jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt.

Meta l-imsemmija prinċipji jiġu invokati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk l-Unjoni kellhiex il-kompetenza li tadotta d-Direttiva 2008/101 sa fejn hija testendi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta‘ Stati terzi li t-titjiriet tagħhom lejn u minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jitwettqu parzjalment barra mill-ibħra internazzjonali u barra mit-territorju ta’ dawn tal-aħħar, anki jekk il-prinċipji inkwistjoni jidhru li għandhom bħala portata tagħhom dik li joħolqu biss obbligi bejn Stati, ma jistax jiġi eskluż, fiċ-ċirkustanzi li fiha d-Direttiva 2008/101 tista’ toħloq xi obbligi fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw l-imsemmija prinċipji u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina b’hekk il-validità ta’ din id-direttiva fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji. Madankollu, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

(ara l-punti 101, 103, 107-110)

6.        Ma hemmx elementi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, irrikonoxxut bħala tali, li jgħid li bastiment li jinsab fl-ibħra internazzjonali huwa bħala prinċipju suġġett esklużivament għal-liġi tar-reġistru tiegħu, jista’ jiġi applikat b’analoġija għall-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali.

(ara l-punt 106)

7.        Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma rrendietx id-Direttiva 2003/87 applikabbli fiha nfisha għall-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Istati terzi u li jkunu qed itiru fuq dawn tal-aħħar jew fuq l-ibħra internazzjonali. Fil-fatt, il-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali, b’mod li d-Direttiva 2008/101 għandha tiġi interpretata, u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali tal-baħar u tad-dritt internazzjonali tal-ajru.

F’dan ir-rigward, billi tipprevedi kriterju ta’ applikabbiltà għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru ibbażat fuq il-fatt li dawn l-inġenji tal-ajru jwettqu titjira li titlaq jew li tinżel f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, id-Direttiva 2008/101 ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ territorjalità u lanqas ta’ sovranità tal-Istati terzi, li minnhom joriġinaw jew li jitilqu lejnhom dawn it-titjiriet imwettqa, fuq l-ispazju tal-ajru li jinsab fuq it-territorju tagħhom, peress li l-imsemmija inġenji tal-ajru jinsabu fiżikament fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u huma b’hekk suġġetti, għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Unjoni. Din l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tnaqqasx mill-prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali għaliex inġenju tal-ajru li jtir fuqhom ma huwiex suġġett, inkwantu jwettaq dan il-passaġġ, għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Fil-fatt, huwa biss jekk l-operatur ta’ dan l-inġenju tal-ajru jagħżel li jopera linja tal-ajru kummerċjali fl-inżul jew fit-tluq f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li dan l-operatur, minħabba li l-inġenju tal-ajru jkun jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ikun suġġett għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.

Il-fatt li l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkun marbut li jirrestitwixxi l-kwoti kkalkolati fid-dawl tat-titjira internazzjonali kollha li l-inġenju tal-ajru jkun wettaq jew li jkun ser iwettaq, ma huwiex tali, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju bħal ma huma l-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, il-prinċipju li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra internazzjonali, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali, li jqegħdu inkwistjoni l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fuq l-imsemmi territorju. Fil-fatt, peress li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ fil-prinċipju jagħżel li jawtorizza l-eżerċizzju fit-territorju tiegħu ta’ attività kummerċjali, f’dan il-każ it-trasport bl-ajru, biss taħt il-kundizzjoni li l-operaturi josservaw il-kriterji ddefiniti mill-Unjoni u intiżi li jilħqu l-għanijiet mogħtija lilha nnifisha fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari meta dawn l-għanijiet jaqgħu taħt l-estensjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni tkun daħlet għalih, bħal ma huma l-konvenzjoni-qafas u l-Protokoll ta’ Kyoto.

(ara l-punti 122, 123, 125-129)

8.        Id-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, tipprevedi li d-Direttiva 2003/87 tkun applikabbli għat-titjiriet li jinżlu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. B’hekk, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirregola fit-territorju tal-Istati Membri d-dħul u l-ħruġ tal-inġenji tal-ajru li jwettqu n-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali, kemm Ewropea u kemm trans-Atlantika, jirriżulta espressament mill-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Europea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema Miftuħ”), li din il-leġiżlazzjoni tapplika għall-inġenji tal-ajru kollha użati mil-linji tal-ajru tal-parti l-oħra għal dan il-ftehim u li dan l-inġenju tal-ajru huwa marbut li josserva din il-leġiżlazzjoni. Isegwi li l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita bid-Direttiva 2003/87 għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, bħalma huma l-linji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Uniti, meta l-inġenji tal-ajru tagħhom iwettqu titjiriet li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

(ara l-punti 134, 135)

9.        B’differenza minn dritt, taxxa jew ħlas fuq il-konsum tal-karburant, l-iskema implementata mid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, barra mill-fatt li ma hijiex intiża li toħloq dejn favur l-awtoritajiet pubbliċi, bl-ebda mod ma tħalli wieħed jikkonkludi, fuq il-bażi ta’ pjattaforma u ta’ rata ddefinita a priori, ammont li jsir dovut għal kull tunnellata ta’ karburant ikkunsmat għat-titjiriet kollha mwettqa f’sena kalendarja.

B’hekk, ma jistax jintqal li d-Direttiva 2008/101 tikkostitwixxi forma ta’ imposta obbligatorja favur l-awtoritajiet pubbliċi li tista’ titqies li hija dritt tad-dwana, taxxa jew ħlas fuq il-karburant miżmum jew ikkunsmat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Il-fatt li xi operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jiksbu kwoti supplimentari sabiex ikopru l-emissjonijiet effettivi tagħhom mhux biss minn operaturi oħra, imma wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-irkant ta’ 15 % tal-kwoti totali bl-ebda mod ma jneħħi s-saħħa ta’ din il-konstatazzjoni.

Għaldaqstant, billi estendiet l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-avjazzjoni, id-Direttiva 2008/101 ma kisret bl-ebda mod l-obbligu ta’ eżenzjoni applikabbli għall-karburant imbarkat, kif previst fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, peress li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, minħabba l-karatteristiċi tagħha nfusha, tikkostitwixxi miżura bbażata fuq is-suq u mhux dritt, taxxa jew ħlas fuq il-karburant imbarkat.

(ara l-punti 143, 145-147)

10.      L-għan indikat fl-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, li timmira li tiżgura l-aqwa interazzjoni possibbli bejn l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-Unjoni u l-“Market Based Measures” li jiġu adottati mill-Istati terzi, b’mod li ma jkunx hemm applikazzjoni doppja ta’ dawn l-iskemi fuq l-inġenji tal-ajru li jwettqu rotot internazzjonali, kemm jekk ikunu rreġistrati fi Stat Membru u kemm jekk fi Stat terz, jikkorrispondi għal dak indikat fl-Artikolu 15(7) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Europea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema miftuħ”).

Barra minn hekk, it-tieni frażi tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim, ma tipprekludix lill-partijiet għalih milli jadottaw miżuri li jillimitaw il-volum tat-traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tat-trasport jew ukoll it-tip tal-inġenji tal-ajru operati mil-linji tal-ajru stabbiliti fit-territorju ta’ dawn il-partijiet, meta dawn il-miżuri jkunu marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent. L-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim jipprevedi espliċitament li l-ebda waħda miż-żewġ partijiet għalih ma għandha twettaq dawn il-limitazzjonijiet “ħlief kif jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet […] ambjentali”. L-imsemmi Artikolu 15(3), moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tal-istess ftehim, jipprevedi li, meta l-partijiet għall-imsemmi ftehim jadottaw miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent bħal dawn, huma għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju għal-linji tal-ajru kkonċernati.

Issa, hekk kif jirriżulta espressament mill-premessa 21 tad-Direttiva 2008/101, l-Unjoni pprevediet espressament applikazzjoni uniformi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jwettaq rotot tal-ajru li jitilqu jew li jinżlu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Konsegwentement, id-Direttiva 2008/101 ma hijiex invalida fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.

(ara l-punti 151-156)