Language of document : ECLI:EU:C:2010:276

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑119/09

Société fiduciaire nationale d’expertise comptable

vs

Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

“Direttiva 2006/123/KE – Projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati – Solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi”






1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab biex għall-ewwel darba tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (2).

2.        Id-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (Franza) tirrigwarda l-libertà tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-membri tal-professjonijiet irregolati, f’dan il-każ l-awdituri, li hija rregolata mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123. Din id-domanda hija fformulata kif ġej:

“Id-Direttiva 2006/123/KE [...] kienet intiża li tipprekludi, fir-rigward tal-professjonijiet irregolati li hija tipprevedi, kull projbizzjoni ġenerali, tkun xi tkun il-forma ta’ prattika kummerċjali kkonċernata, jew tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu l-projbizzjonijiet ġenerali fir-rigward ta’ ċerti prattiki kummerċjali, bħal dik tal-bejgħ bieb bieb [li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi]?”

3.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda tagħha bħala neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat minn Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (iktar ’il quddiem “Société fiduciaire”) u li għandu l-għan li jikseb l-annullament tad-Digriet Nru 2007-1387, tas-27 ta’ Settembru 2007, dwar Kodiċi ta’ Etika tal-awdituri professjonali, peress li dan jipprojbixxi s-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi. Il-ksur tad-Direttiva 2006/123 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24 tagħha, huwa wieħed mill-motivi ta’ annullament invokati quddiem il-qorti tar-rinviju mis-Société fiduciaire (3).

4.        Société fiduciaire, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-seduta saret fit-23 ta’ Marzu 2010, fil-preżenza tar-rappreżentanti tas-Société fiduciaire, tal-aġenti tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll tal-Kummissjoni.

5.        Ir-risposti ssuġġeriti għad-domanda rrinvijata jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp jinkludi r-risposti ssuġġeriti mis-Société fiduciaire, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn tal-aħħar qed jissuġġerixxu li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprekludi, għall-professjonijiet irregolati li jirreferi għalihom kull projbizzjoni totali ta’ forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali u b’hekk, anki, projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

6.        It-tieni grupp ta’ risposti ssuġġeriti jinkludi dawk tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern Ċiprijott. Skont huma, id-dispożizzjoni ċċitata mid-Direttiva 2006/123, fil-prinċipju, ma tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi, għall-professjonijiet irregolati, is-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Direttiva 2006/123

7.        Id-Direttiva 2006/123 ġiet adottata fuq il-bażi tal-ewwel u tat-tielet sentenzi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE.

8.        Il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/123 hija fformulata kif ġej:

“Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bosta ostakoli fi ħdan is-suq intern jimpedixxu lil fornituri, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milli jestendu l-operazzjonijiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u milli jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern. Dan idgħajjef il-kompetittività dinjija tal-fornituri fl-Unjoni Ewropea. Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.”

9.        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/123 tistabbilixxi li:

“Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat [KE].

[…]”

10.      Il-premessa 7 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. […]”

11.      Skont il-premessa 100 tad-Direttiva 2006/123:

“Jeħtieġ li jintemmu l-projbizzjonijiet totali fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati, mhux billi jitneħħew il-projbizzjonijiet fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni kummerċjali iżda bit-tneħħija ta’ dawk il-projbizzjonijiet li, b’mod ġenerali u għal xi professjoni partikolari, jipprojbixxu wieħed jew bosta forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali, bħal interdizzjoni fuq ir-riklami kollha f’wieħed jew bosta medja partikolari. Rigward il-kontenut u l-metodu ta’ komunikazzjoni kummerċjali, jeħtieġ li l-professjonisti jitħeġġu jfasslu, skond il-liġi Komunitarja, kodiċi ta’ kondotta fuq livell Komunitarju.”

12.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi l-kunċetti prinċipali tal-imsemmija direttiva. Żewġ definizzjonijiet huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża: dik tal-kunċett ta’ professjoni rregolata u dik tal-kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

13.      Il-professjonijiet irregolati huma ddefiniti fl-Artikolu 4(11) tad-Direttiva 2006/123 b’riferiment għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (4), u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 3(1)(a) tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, “professjoni rregolata” tfisser:

“attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi tal-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. […]”

14.      Il-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” kif ġej:

“kull tip ta’ komunikazzjoni maħsuba biex tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tas-sengħa jew il-prattika ta’ professjoni regolata. Dawn li ġejjin ma jagħmlux parti fihom infushom minn komunikazzjonijiet kummerċjali:

(a) informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attività ta’ l-impriża, organizzazzjoni jew persuna, inklużi b’mod partikolari isem ta’ domain jew indirizz ta’ l-email;

(b) komunikazzjonijiet marbutin mal-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra tal-impriża, organizzazzjoni jew persuna, ikkompilati b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta pprovduti mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni finanzjarja.”

15.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati”, inkluż fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kwalità tas-servizzi”, jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom ineħħu kull projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet regolati.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati jikkonformaw mar-regoli professjonali, bi qbil mal-liġi tal-Komunità, li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, ma’ l-indipendenza, id-dinjità u l-integrità tal-professjoni, kif ukoll għas-sigriet professjonali, b’mod konsistenti man-natura speċifika ta’ kull professjoni. Regoli professjonali dwar komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom ikunu non-diskriminatorji, ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku u proporzjonali.”

16.      Skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/123, it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva skada fit-28 ta’ Diċembru 2009.

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

17.      Il-Kodiċi ta’ Etika tal-awdituri professjonali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Etika”), huwa anness mad-Digriet Nru 2007-1387.

18.      L-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ Etika jistabbilixxi li:

“I. – Il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 huma pprojbiti milli jissolleċitaw klijenti prospettivi dirett sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom lil terzi. Il-parteċipazzjoni tagħhom f’konferenzi, f’seminars jew f’manifestazzjonijiet universitarji jew xjentifiċi oħrajn hija awtorizzata sa fejn dawn ma jagħmlux atti, f’dik l-okkażjoni, li jistgħu jixbhu s-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

II. – Il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jwettqu azzjonijiet ta’ promozzjoni sa fejn dawn jagħtu lill-pubbliku informazzjoni utli. Il-mezzi li għandhom jintużaw għal dan il-għan għandhom jiġu implementati b’diskrezzjoni, b’mod li la jippreġudikaw l-indipendenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, u lanqas ir-regoli tas-sigriet professjonali u l-lealtà fil-konfront tal-klijenti u ta’ membri oħrajn tal-professjoni. Meta dawn jippreżentaw l-attività professjonali tagħhom lil terzi, irrispettivament mill-mezz li jużaw, il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 ma għandhom jadottaw l-ebda forma ta’ espressjoni li tista’ tikkomprometti d-dinjità tal-funzjoni tagħhom jew tar-reputazzjoni tal-professjoni. Dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-istess bħall-mezzi l-oħra kollha huma aċċettati biss jekk l-espressjoni tagħhom tkun deċenti u serja, jekk il-kontenut tagħhom ma jinvolvi l-ebda ineżattezza u ma jqarraqx lill-pubbliku u jekk ma jkunu jinkludu l-ebda element ta’ paragun.”

19.      Il-Kodiċi ta’ Etika daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2007, skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 2007-1387.

 Kunsiderazzjonijiet

20.      Qabel ma neżamina d-domanda preliminari, nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet rigward il-fatt, ittrattat mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li d-Digriet Nru 2007-1387 ġie adottat wara li d-Direttiva 2006/123 daħlet fis-seħħ, iżda qabel ma skada t-terminu biex tiġi trasposta u li t-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irrinvijata qabel dik l-istess data.

21.      L-ewwel nett, nixtieq nirreferi għall-pożizzjoni li kont ħadt fil-Kawża C‑357/09 PPU, Kadzoev (5), fejn ittrattajt il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari meta, b’mod partikolari, kienu jikkonċernaw direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, jiena wasalt għall-konklużjoni li dan il-fatt, per se, ma setax jipprekludi l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

22.      It-tieni nett, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju stess ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi stabbilita bid-Digriet Nru 2007-1387, jekk din għandha tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għall-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, tikkomprometti serjament l-implementazzjoni tagħha.

23.      Issa bi ħsiebni neżamina d-domanda preliminari, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab, essenzjalment, tiddetermina l-portata tal-obbligu li “[titneħħa] kull projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet regolati” stabbilit fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123.

24.      Fid-domanda preliminari tagħha stess, il-qorti tar-rinviju tipprevedi żewġ approċċi sabiex jiġi interpretat l-imsemmi obbligu. Skont l-ewwel approċċ, l-obbligu li titneħħa kull projbizzjoni totali jikkonċerna kull projbizzjoni totali ta’ kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali. Skont it-tieni approċċ, l-imsemmi obbligu jirreferi biss għall-projbizzjoni totali ta’ kull komunikazzjoni kummerċjali (6), li jimplika li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jżommu l-projbizzjonijiet totali fir-rigward ta’ ċerti forom ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali.

25.      Nikkunsidra li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123 ma tippermettix li tingħata risposta għad-domanda preliminari, peress li ma twassalx għal konklużjoni inkontestabbli.

26.      Fil-fatt, l-użu tal-plural fl-espressjoni “kull projbizzjoni totali” minflok tas-singular, jista’ jawtorizza żewġ konklużjonijiet opposti li ma humiex, la l-waħda u lanqas l-oħra, għalkollox infondati.

27.      Skont l-ewwel konklużjoni, sostnuta speċjalment mill-Kummissjoni, isegwi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jneħħi mhux biss il-projbizzjoni totali fuq kull komunikazzjoni kummerċjali, iżda wkoll il-projbizzjonijiet totali ta’ ċerti forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

28.      Skont it-tieni konklużjoni, mogħtija mill-Gvern Franċiż, anki jekk il-leġiżlatur Komunitarju kien qed jirreferi għal “kull projbizzjoni totali”, dan mhuwa xejn ħlief il-projbizzjoni totali fuq kull komunikazzjoni kummerċjali għall-professjonijiet irregolati għaliex fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, sa dak iż-żmien, ma kienx hemm projbizzjoni totali waħda li kienet tapplika għall-professjonijiet irregolati kollha, iżda diversi projbizzjonijiet totali daqskemm kien hemm professjonijiet ikkonċernati.

29.      Fir-rigward tal-insuffiċjenza tal-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, għandha tingħata importanza wkoll lill-għan ta’ din id-direttiva u lill-pożizzjoni tal-Artikolu 24 fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2006/123.

30.      Fejn għandu x’jaqsam mal-għan tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkonstatat, fuq il-bażi tal-Premessi 2 u 5, li dan jistabbilixxi t-tneħħija tal-ostakoli għal żewġ libertaijiet fundamentali tat-Trattat, jiġifieri l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huwa b’dan il-mod li d-Direttiva 2006/123 tikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern.

31.      Fejn għandha x’taqsam l-istruttura tad-Direttiva 2006/123, għandu jitfakkar li l-Artikolu 24 tagħha, li huwa fiċ-ċentru tar-riflessjoni tiegħi, jaqa’ taħt il-Kapitolu V tagħha, intitolat “Kwalità tas-servizzi”. Fil-fehma tiegħi, huwa diffiċli li jiġi kkontestat li dan il-kapitolu, inġenerali, u l-Artikolu 24, b’mod partikolari, għandhom it-tendenza prinċipalment li jissalvagwardjaw l-interessi tal-konsumaturi. Issa, mill-pożizzjoni tal-Artikolu 24 fi ħdan id-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-imsemmi artikolu għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-kwalità tas-servizzi tal-professjonijiet irregolati fil-kuntest tas-suq intern.

32.       Issa, fir-rigward tal-kontenut tal-Artikolu 24, wieħed jista’ jistaqsi b’liema mod il-leġiżlazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali tista’ tagħti kontribut għall-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-professjonijiet irregolati fil-kuntest tas-suq intern.

33.      Jiena konxju li, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, l-Artikolu 24 ma għandux effett dirett fuq il-kwalità tas-servizzi inkwistjoni. Madankollu, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti tiegħu huma l-ewwel pass indispensabbli biex ikun ipprovdut servizz ta’ kwalità, b’mod partikolari fil-qasam tal-professjonijiet irregolati (7), għaliex dan huwa qasam fejn il-problema tal-asimetrija tal-informazzjoni, li teżisti oġġettivament bejn il-fornitur u d-destinatarju ta’ servizz, hija l-iktar evidenti.

34.      Il-forom differenti ta’ komunikazzjoni kummerċjali, essenzjalment, jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ informazzjoni lil klijenti potenzjali, jiġifieri destinatarji potenzjali tas-servizzi pprovduti.

35.      Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/123, il-karatteristiċi speċifiċi tal-professjonijiet irregolati, deskritti mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-23 ta’ Marzu 2000 fil-kawżi maqgħuda Pavlov et (8), ġeneralment kienu aċċettati bħala raġunijiet għall-projbizzjoni eventwali tal-komunikazzjoni kummerċjali min-naħa tal-professjonijiet irregolati (9).

36.      Billi l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123 jimponi fuq l-Istati Membri li jneħħu l-projbizzjonijiet totali kollha fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati, jidher li l-approċċ segwit mill-imsemmija direttiva biddel dan l-approċċ. Madankollu, għandu jiġi aċċettat li l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi pprovduti mill-professjonijiet irregolati ma jeżiġux iktar li l-komunikazzjonijiet kummerċjali tagħhom għandhom jiġu rregolati b’mod distint minn kif jiġu rregolati l-komunikazzjonijiet kummerċjali ta’ servizzi oħrajn?

37.      Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. L-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet irregolati jikkonformaw mar-regoli professjonali, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, mal-indipendenza, mad-dinjità u mal-integrità tal-professjoni, kif ukoll mas-sigriet professjonali, b’mod konsistenti man-natura speċifika ta’ kull professjoni. Skont il-premessa 100 tad-Direttiva 2006/123, dan ifisser li l-Istati Membri huma awtorizzati jżommu projbizzjonijiet relatati mal-kontenut u mal-metodi ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

38.      Id-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 24(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 ma għandhomx relazzjoni bejn prinċipju, f’dan il-każ it-tneħħija ta’ kull projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati, u eċċezzjoni minn dan il-prinċipju. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(2) jikkompletaw il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 24(1). Konsegwentement, il-projbizzjonijiet totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati huma esklużi, mingħajr però, ma jista’ jiġi pprojbit li l-Istati Membri jistabbilixxu projbizzjonijiet fir-rigward tal-kontenut ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

39.      Nikkunsidra li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti donnhom jindikaw li l-leġiżlatur Komunitarju pjuttost kellu l-intenzjoni li jneħħi kull projbizzjoni totali ta’ forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali u mhux biss il-projbizzjoni totali ta’ kull komunikazzjoni kummerċjali għall-professjonijiet irregolati. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tista’ tiġi kkorroborata mill-premessa 100 tad-Direttiva 2006/123, fejn jingħad li t-tneħħija tal-projbizzjonijiet totali fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet irregolati ma tikkonċernax il-projbizzjonijiet fuq il-kontenut ta’ komunikazzjoni kummerċjali iżda dawk li, b’mod ġenerali u għal xi professjoni partikolari, jipprojbixxu waħda jew bosta forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

40.      Tali konklużjoni però ma ssolvix għalkollox il-problema li qajmet id-domanda preliminari.

41.      Fir-rigward tan-natura oskura tal-kontenut tat-terminu solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi, wieħed għandu jistaqsi jekk din hijiex forma pjuttost awtonoma ta’ komunikazzjoni kummerċjali (li jimplika li l-projbizzjoni tagħha ma tkunx konformi mar-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123 interpretat b’mod konformi ma’ dak espost iktar ’il fuq) jew hijiex mod speċifiku (“metodu”) kif isiru r-reklami inkwantu forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

42.      Id-Direttiva 2006/123 tinkludi biss definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, u ma tispeċifikax il-forom differenti jew tagħti xi eżempji tagħha. Il-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi b’żewġ modi dan il-kunċett: minn naħa b’mod pożittiv (dak li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali), u mill-oħra b’mod negattiv (dak li ma jaqax taħt dan il-kunċett). B’mod pożittiv, il-komunikazzjoni kummerċjali tirreferi għal “kull tip ta’ komunikazzjoni maħsuba biex tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tas-sengħa jew il-prattika ta’ professjoni regolata”. B’mod negattiv, l-elementi li ġejjin ma jaqgħux, per se, taħt il-kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali:

“(a) informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attività tal-impriża, organizzazzjoni jew persuna, inklużi b’mod partikolari isem ta’ domain jew indirizz tal-email;

(b) komunikazzjonijiet marbutin mal-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra tal-impriża, organizzazzjoni jew persuna, ikkompilati b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta pprovduti mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni finanzjarja.”

43.      Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, din hija definizzjoni ferm ġenerali, imma fl-istess ħin, għandu jiġi rikonoxxut li din hija definizzjoni suffiċjentement flessibbli biex tlaħħaq mal-iżvilupp mgħaġġel fis-settur tal-komunikazzjoni.

44.      Bħad-Direttiva 2006/123, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jinkludi l-ebda definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi”. Barra minn hekk, il-kontenut tiegħu jista’ jvarja fis-sistemi legali tal-Istati Membri differenti. Fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Etika li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, is-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi tfisser, fis-sens tal-projbizzjoni stabbilita bl-Artikolu 12 tiegħu, kuntatt stabbilit min-naħa ta’ awditur ma’ terz, li ma talbux, sabiex joffri s-servizzi tiegħu.

45.      Fil-fehma tiegħi, il-kontenut tal-kunċett ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi jista’ jkun iddeterminat b’riferiment għal tliet elementi. Tnejn minnhom jikkorrispondu, essenzjalment għal dawk esposti mill-Gvern Franċiż. L-ewwel nett, hemm element ta’ moviment jiġifieri meta r-rappreżentant tal-professjoni rregolata jistabbilixxi kuntatt dirett u personali ma’ terz, li ma talbux servizz u, it-tieni nett, hemm ukoll element ta’ kontenut li jikkonsisti fil-ħruġ ta’ messaġġ kummerċjali. Madankollu, dan ma jirrigwardax kwalunkwe messaġġ kummerċjali, imma biss messaġġ li jaqbeż il-limiti ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-membru tal-professjoni rregolata inkwistjoni li qed jipproponi s-servizzi tiegħu. It-tielet element jikkonċerna l-individwalizzazzjoni tad-destinatarju tal-messaġġ kummerċjali indikat.

46.      Din id-definizzjoni għandha bħala konsegwenza li teskludi t-twettiq tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi permezz ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħal, pereżempju, it-televiżjoni, ir-radju jew l-istampa. Fil-fatt, f’każijiet bħal dawn, l-element ta’ individwalizzazzjoni tad-destinatarju tal-messaġġ kummerċjali huwa nieqes. Min-naħa l-oħra, it-telefown, il-posta jew il-posta elettronika jikkostitwixxu l-istrumenti tipiċi tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi (10).

47.      Żewġ punti jwassluni biex nikkunsidra li, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, is-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi ma hijiex meqjusa bħala forma partikolari ta’ komunikazzjoni kummerċjali, imma biss bħala mod speċifiku biex isiru r-reklami inkwantu forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

48.      L-ewwel nett, għandu jsir riferiment għad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-Kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (11), fejn l-Artikolu 86(1) tagħha jiddefinixxi “reklamar ta’ prodotti mediċinali” bħala “kull forma ta’ informazzjoni bieb-bieb, attività ta’ kanvassjar jew inkoraġġiment bl-għan li jippromwovi l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali”. L-imsemmija dispożizzjoni tinkludi wkoll lista mhux eżawrjenti ta’ forom ta’ reklamar li fosthom hemm ukoll prattiki li jissodisfaw id-definizzjoni li ngħatat hawnhekk ta’ bejgħ bieb-bieb. Pereżempju, dan ikun reklamar ta’ prodotti mediċinali fir-rigward ta’ persuni kkwalifikati biex jippreskrivuhom jew jipprovduhom jew żjara minn rappreżentanti li jbigħu l-mediċini lil persuni kkwalifikati biex jippreskrivu jew jipprovdu prodotti mediċinali.

49.      It-tieni nett, għandha tiġi ċċitata s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alpine Investments (12). Fil-punt 28 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li s-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi permezz tat-telefon tirrapreżenta “teknika rapida u diretta ta’ reklamar u li permezz tagħha jiġi stabbilit kuntatt”

50.      Fir-rigward tad-definizzjoni li ngħatat hawnhekk ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi, u fir-rigward ta’ dik inkluża fid-Direttiva 2001/83 kif ukoll ta’ dik fis-sentenza Alpine Investments, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi ma tiksirx, per se, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123, meta s-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi ma tkunx forma suffiċjentement awtonoma ta’ komunikazzjoni kummerċjali li tista’ tingħaraf mir-reklami, imma li, għall-kuntrarju, hija sempliċi metodu ta’ kif isiru r-reklami.

51.      Konsegwentement, għandu jkun jista’ jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi min-naħa tal-awdituri inkluża fl-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ Etika tista’ tirrappreżenta t-twettiq tal-possibbiltà li pprovda l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123 li l-kontenut u l-metodi tal-komunikazzjonijiet kummerċjali jiġu kkontrollati permezz ta’ regoli professjonali li għandhom x’jaqsmu mal-indipendenza, mad-dinjità u mal-integrità tal-professjoni rregolata kif ukoll mas-sigriet professjonali.

52.      Il-validità ta’ din l-ipoteżi tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mir-risposti li għandhom jingħataw lil żewġ domandi. L-ewwel nett, għandha tingħata risposta għad-domanda jekk is-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi li saret mill-awdituri kinitx ta’ theddida għall-indipendenza, għad-dinjità u għall-integrità ta’ dik il-professjoni jew għas-sigriet professjonali. Jekk dan huwa l-każ, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda dwar jekk il-projbizzjoni ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi imposta fuq l-awdituri hijiex nondiskriminatorja, iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonali.

53.      Fejn għandu x’jaqsam is-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi bħala theddida għall-valuri previsti fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, jiena tal-fehma li tali metodu ta’ reklamar jolqot essenzjalment l-indipendenza tal-awdituri.

54.      L-indipendenza hija prinċipju fundamentali li tolqot l-istess bażi tal-professjoni tal-awdituri. Meta tiġi applikata mutatis mutandis id-definizzjoni tal-indipendenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (13), l-indipendenza tal-awdituri tista’ tiġi ddefinita bħala l-esklużjoni ta’ kull pressjoni jew influwenza esterna, sew jekk diretta kif ukoll jekk indiretta, li tista’ tqiegħed inkwistjoni t-twettiq tal-kompiti tagħhom.

55.      Fil-fehma tiegħi, huwa magħruf li l-kuntatt dirett u personali bejn, minn naħa, klijent potenzjali u, min-naħa l-oħra, awditur li permezz tiegħu dan tal-aħħar joffri s-servizzi tiegħu (li jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji tan-natura tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi) jista’ jistabbilixxi relazzjoni personali li timplika l-possibbiltà li l-awditur jinfluwenza lill-klijent potenzjali. Għandu jiġi enfasizzat li dan huwa fatt magħruf (ġeneralment rikonoxxut) li ġie kkonfermat mill-esperjenza u mingħajr ma hemm għalfejn, inġenerali, li jiġi ppruvat. Huwa minnu li f’każ konkret għandu dejjem jiġi stabbilit jekk il-kuntatt dirett u personali kellux tali influwenza fuq awditur li l-attività tiegħu ma tistax iktar tiġi kkunsidrata bħala indipendenti.

56.      Minkejja dan, jista’ jiġi konkluż li l-kuntatt dirett u personali bejn, minn naħa, klijent potenzjali u, min-naħa l-oħra, awditur li permezz tiegħu dan tal-aħħar joffri s-servizzi tiegħu jinvolvi riskju reali ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-awditur. Minn dan il-lat, il-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi stabbilita fir-rigward tal-awdituri tipparteċipa fil-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal dubji rigward l-indipendenza tal-awdituri.

57.      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi inkluża fil-Kodiċi ta’ Etika tista’ tiġi kkunsidrata bħala regola professjonali li tipproteġi l-indipendenza tal-professjoni tal-awdituri.

58.      Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi li saret fil-konfront tal-awdituri rnexxietx fid-dawl tar-rekwiżiti li hija ma tkunx diskriminatorja, tkun iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonali.

59.      Jiena konxju mill-fatt li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi bħala tali tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan jista’ jkun ukoll il-każ ta’ regoli professjonali oħrajn li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-indipendenza, id-dinjità u l-integrità tal-professjonijiet irregolati kif ukoll is-sigriet professjonali. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123 jeżiġi li r-regoli professjonali inkwistjoni ma jkunux diskriminatorji, ikunu ġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jkunu proporzjonali. Dawn huma l-kundizzjonijiet li huma b’mod kostanti marbuta mal-ġustifikazzjoni tal-ostakoli għal-libertajiet fundamentali tas-suq intern.

60.      In-natura mhux diskriminatorja tal-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi inkluża fil-Kodiċi ta’ Etika ma hijiex qed tiġi kkontestata f’dan il-każ.

61.      Fejn għandha x’taqsam il-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-problema tinqala’ jekk wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxi li l-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom suġġett għal konformità ma’ xi rekwiżiti li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew ta’ ħarsien tal-ambjent.

62.      Mal-ewwel daqqa t’għajn donnu li r-regoli professjonali li jirrappreżentaw ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jiġu ġġustifikati biss bl-erba’ raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2006/123. Issa, tali intepretazzjoni għandha bħala konsegwenza l-impossibbiltà li tiġi implemenata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123 li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżistenza tar-regoli ta’ etika bħal, f’dan il-każ, il-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi, jiġifieri l-protezzjoni tal-indipendenza, tad-dinjità u tal-integrità tal-professjoni rregolata kif ukoll tas-sigriet professjonali. Huwa impossibbli li teżiġi li l-istess regoli ta’ etika jsegwu, fl-istess ħin, ir-raġunijiet l-oħra.

63.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tal-indipendenza, tad-dinjità u tal-integrità tal-professjoni rregolata kif ukoll tas-sigriet professjonali huma, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, ikkunsidrati bħala raġuni iktar importanti li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku.

64.      L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, jirrappreżenta lex specialis b’relazzjoni għar-regola tal-Artikolu 16(1)(b) ta’ din l-istess direttiva, b’tali mod li, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-kontenut u tal-metodi tal-komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati, ir-raġunijiet iktar importanti li għandhom x’jaqsmu mal-interess pubbliku li huma previsti b’mod mhux eżawrjenti minn dan l-artikolu u li huma differenti mir-raġunijiet ġustifikattivi stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2006/123, huma aċċettati wkoll.

65.      Fil-punti 53 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, diġà ntwera li l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet li jipproteġu l-indipendenza tal-awdituri.

66.      Fejn għandha x’taqsam il-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi, nikkunsidra li tali miżura ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tagħha.

67.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi kif ġie ddeterminat f’dawn il-konklużjonijiet (14), nikkunsidra l-projbizzjoni tas-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi bħala mezz tad-dritt xieraq għal-limitazzjoni tal-kamp ta’ kuntatt dirett u personali bejn, minn naħa, klijent potenzjali u, min-naħa l-oħra, awditur li permezz tiegħu dan tal-aħħar joffri s-servizzi tiegħu u, konsegwentement, sabiex tissaħħaħ l-eżekuzzjoni indipendenti ta’ tali professjoni rregolata.

68.      Peress li l-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali hija suffiċjentement preċiża u l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi kkontrollata kif ukoll diretta b’mezz xieraq, din il-leġiżlazzjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tagħha. Għandu jingħad ukoll li l-forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali li l-awdituri jibqgħu awtorizzati jużaw, u l-metodi ta’ applikazzjoni tagħhom, jidhru suffiċjenti biex ikunu jistgħu jinformaw lill-klijenti potenzjali bl-attivitajiet tagħhom skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju espressa fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123.

I –    Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Conseil d’État fit-termini li ġejjin:

“Billi s-solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi tikkostitwixxi mod speċifiku ta’ twettiq ta’ waħda mill-forom tal-komunikazzjonijiet kummerċjali, jiġifieri r-reklamar, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha huwa pprojbit li l-awdituri jagħmlu kwalunkwe solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi mhux mitluba sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom lil terzi, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tkunx diskriminatorja, tkun iġġustifikata b’waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ċċitati bħala eżempju fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, u tkun proporzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 376, p. 36.


3 – Is-Société fiduciaire ressqet ukoll motiv ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi mis-soċjetà [tal]-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 25, p. 399). Madankollu, id-domanda preliminari rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwardax dan l-aspett tal-kawża. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta għal dan il-motiv ma għandhiex tkun separata mir-risposta li se tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda li ġiet irrinvijata quddiemha.


4 – ĠU L 255, p. 22.


5 – It-teħid ta’ pożizzjoni kienet ippreżentata fl-10 ta’ Novembru 2009, punti 28 - 47.


6 – Rigward il-professjonijiet irregolati, tali projbizzjoni ma kellhiex natura eċċezzjonali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Franċiża dwar l-awdituri ta’ qabel l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2007-1387, essenzjalment, kienet tinkludi projbizzjoni totali ta’ kull komunikazzjoni kummerċjali.


7 – L-importanza tal-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-professjonijiet irregolati ġiet deskritta mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-10 ta’ Lulju 2001 fil-kawża Arduino (sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 112). Ir-rilevanza tal-kummenti tal-Avukat Ġenerali Léger ma nbidlitx minkejja ż-żmien li għadda.


8 – Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000 (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451). F’dan ir-rigward, ma tantx huwa rilevanti li l-imsemmija deskrizzjoni saret mil-lat tad-dritt tal-kompetizzjoni.


9–      Barra minn hekk, fl-2008, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/123, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat leġiżlazzjoni li kienet tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna u, b’mod partikolari, lill-fornituri ta’ kura dentali, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jirreklamaw bi kwalunkwe mod fil-qasam tal-kura dentali (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Doulamis, C‑446/05, Ġabra p. I‑1377). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha, essenzjalment, biss fir-rigward tal-Artikolu 81 KE. Il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma ġietx ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.


10 – Fejn għandu x’jaqsam il-bejgħ bieb bieb permezz tal-posta elettronika, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (“Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 29, p. 514) jissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-posta elettronika għal skopijiet ta’ bejgħ bieb bieb għall-kunsens minn qabel tal-abbonati.


11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 27, p. 69.


12 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, Ġabra p  I‑1141).


13 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010 (C‑518/07, Ġabra p. I‑1885, punt 30).


14 – Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.