Language of document : ECLI:EU:C:2008:266

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2008 1(1)

Kawża C‑73/07

Tietosuojavaltuutettu

vs

Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il‑Finlandja)]

“Direttiva 95/46/KE – Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Protezzjoni tal-ħajja privata – Data fiskali dwar id-dħul u l-patrimonju – Libertà ta’ espressjoni – Privileġġ mogħti lill-mezzi ta’ komunikazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddeċiedi x’relazzjoni hemm bejn il-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-istampa, jiġifieri l-libertà ta’ espressjoni. Meta nħarġet id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2) (aktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data”) il-leġiżlatur kien konxju tal-possibbiltà ta’ kunflitt bejn dawn iż-żewġ drittijiet fundamentali u għalhekk fl-Artikolu 9 l-Istati Membri ġew inkarigati biex jistabbilixxu bilanċ bejn iż-żewġ drittijiet. B’mod partikolari fil-konfront tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu d-derogi neċessarji għall-protezzjoni tad-data. Issa tinqala’ l-kwistjoni jekk dawn id-dispożizzjonijiet ta’ deroga humiex applikabbli għall-publikazzjoni, taħt il-forma ta’ lista, tad-data ta’ natura fiskali dwar ċittadini Finlandiżi, li tinkludi informazzjoni dwar id-dħul u l-patrimonju tagħhom, kif ukoll għall-fatt li dik id-data tkun disponibbli permezz ta’ servizz ta’ SMS għat-telekomunikazzjoni mobbli.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

2.        L-Artikolu 2(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jiddefinixxi l-kunċetti ċentrali ta’ data personali, l-ipproċessar u sistema ta’ ħażna :

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

c)      ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.

3.        Minn din id-definizzjoni l-Artikolu 3(1) jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

4.        Ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data personali u l-libertà ta’ espressjoni u tal-istampa hija rregolata mill-Artikolu 9:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja privata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni”.

5.        Din id-dispożizzjoni hija spjegata fis-17 u s-37 premessa:

“(17) Billi, sa fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali li jsir għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżiv, il-prinċipji tad-Direttiva għandhom japplikaw b’mod ristrett skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9.

[…]

(37) Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; billi Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data, miżuri dwar it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u s-setgħat ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni; billi dan iżda m’għandux iwassal lil Stati Membri li jistabbilixxu eżenzjonijiet mill-miżuri li jassiguraw is-sigurtà ta’ l-ipproċessar; billi l-awtorità ta’ superviżjoni responsabbli għal dan is-settur għandha wkoll mill-inqas tkun provduta b’ċerti poteri ex-post, e.g. li tippubblika rapport regolari jew li tirreferi affarijiet lill-awtoritajiet ġudizjarji”.

6.        L-Artikolu 17(1) jirregola r-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom”.

7.        Il-paragrafi suċċessivi tal-Artikolu 17 jirregolaw l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti għall-ipproċessar tad-data minn terzi.

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Il-Kostituzzjoni Finlandiża (Perustuslaki) tiggarantixxi fl-Artikolu 10(1) il-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll, fl-Artikolu 12, il-libertà ta’ espressjoni u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni li l-awtoritajiet statali jkollhom fil-pussess tagħhom.

“Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Il-libertà ta’ espressjoni tinkludi d-dritt li wieħed jesprimi, jippubblika u jirċievi opinjonijiet u messaġġi oħrajn mingħajr ebda ċensura minn qabel. Għandhom jiġu adottati bil-liġi dispożizzjonijiet aktar preċiżi fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni. Jistgħu jiġu adottati bil-liġi limitazzjonijiet dwar programmi televiżivi għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-minuri.

Dokumenti u reġistrazzjonijiet oħrajn fil-pussess tal-awtoritajiet huma pubbliċi sakemm il-karattru pubbliku tagħhom ma jkunx ġie limitat speċifikament għal raġunijiet indispensabbli. Kulħadd għandu d-dritt li jikseb informazzjoni fuq dokumenti u reġistrazzjonijiet pubbliċi”.

9.        Skont l-Artikolu 5(1) tal-liġi fuq l-aċċess għad-data ta’ natura fiskali u l-kunfidenzjalità tagħha, (Laki verotustietojen julkisuudesta ja salassapidosta) id-data ta’ natura pubblika li tinsab fl-att tat-tassazzjoni ta’ kull sena tinkludi l-isem tal-persuna taxxabbli, id-data tat-twelid tagħha u l-komun fejn toqgħod. Hija pubblika, fost affarijiet oħra, id-data li ġejja:

1.      id-dħul minn xogħol taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa statali;

2.      id-dħul minn kapital u patrimonju taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa statali;

3.      id-dħul taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa komunali;

4.      l-ammont globali tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, tat-taxxa komunali kif ukoll tat-taxxi imposti.

10.      Bħala regola, l-awtoritajiet jibagħtu din l-informazzjoni oralment wara li ssir talba; id-dokument jista’ madankollu jintwera għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, biex jiġi kkuppjat jew jinstema’, jew tista’ tinkiseb kopja jew estratt. Dwar l-għoti ta’ informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ ħażna tad-data personali ta’ awtorità japplika dan li ġej (l-Artikolu 16(3) tal-Liġi Ġenerali fuq l-aċċess għall-informazzjoni, Julkisuuslaki) :

“Huwa possibbli li jinkisbu mis-sistema ta’ ħażna ta’ data personali ta’ awtorità kopja jew estratt li jkun fihom data personali jew id-data relattiva f’format elettroniku, meta din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, jekk id-destinatarju jkun awtorizzat, skont id-dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-data personali, li jaħżen u jipproċessa din id-data. Id-data personali tista’ tingħata wkoll għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta kif ukoll għal stħarriġ tal-opinjoni pubblika jew riċerka tas-suq imma biss jekk dan ikun previst speċifikament jew jekk is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu”.

11.      Il-Finlandja ttrasponiet id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data permezz tal-Henkilötietolaki (Liġi Finlandiża fuq id-data personali). Id-derogi għall-applikazzjoni tagħha li huma rilevanti għal dan il-każ partikolari huma stabbiliti fl-Artikolu 2(4) u (5):

“Din il-liġi ma tapplikax għal sistemi ta’ ħażniet ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat diġà mill-mezzi ta’ komunikazzjoni u li ma jkunx ġie mibdul.

Għall-ipproċessar tad-data personali għal skopijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja japplikaw, sa fejn huma applikabbli, l-artikoli 1 sa 4, 32, 39(3), 40(1) u (3), 44(2) 45 sa 47, 48(2) kif ukoll 50 u 51 biss, sakemm ma jirriżultax mod ieħor mill-Artikolu 17”.

12.      Jidher li, fost dawn id-dispożizjonijiet l-unika waħda rilevanti għall-finijiet tar-risposta għad-domandi inkwistjoni hija dik fl-Artikolu 32(1):

“Min ikun responsabbli mis-sistema ta’ ħażna għandu l-obbligu li jimplementa miżuri tekniċi u organizzattivi li huma indispensabbli għall-protezzjoni tad-data personali minn aċċess inġustifikat, telf aċċidentali, distruzzjoni, tibdil, ċessjoni jew trasferiment illegali, jew kwalunkwe proċessar illegali tad-data. Fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri jeħtieġ li jitqiesu l-possibbiltajiet tekniċi disponibbli, l-ispejjeż ikkawżati mill-miżuri stess, in-natura, l-entità u kemm hi qadima d-data li għandha tiġi pproċessata kif ukoll l-effett tal-ipproċessar stess fuq il-ħajja privata”.

III – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

13.      Skont l-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju, Satakunnan Markkinapörssi Oy ġabret data fiskali dwar individwi li kienet disponibbli għand l-awtoritajiet tat-taxxa sabiex tużaha sussegwentement. Abbażi ta’ din id-data din l-impriża kienet tippubblika kull sena, fuq il-kopertina ta’ gazzetta, lista li kien fiha data fiskali dwar madwar 1.2 miljun persuna fiżika.

14.      Din id-data fiha l-isem u l-kunjom tal-persuna u d-data fiskali, b’marġni ta’ approssimazzjoni ta’ EUR 100, fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju tagħha. Din id-data kienet tidher f’pubblikazzjonijiet reġjonali (fl-2001 kien hemm 16) u kienet ikklassifikati f’ordni alfabetiku għal kull komun u kategorija ta’ dħul.

15.      Il-limitu inferjuri [ta’ dħul] fir-rigward ta’ data għall-pubblikazzjoni ġie stabbilit għal kull komun. Per eżempju għal Ħelsinki ntgħażel limitu ta’ EUR 36 000 għad-dħul minn xogħol, filwaqt li f’komuni iżgħar dan kien aktar baxx.

16.      L-għan ewlieni tar-rivista kien il-pubblikazzjoni ta’ data fiskali. Hija fiha wkoll avviżi, sinteżijiet u artikoli oħrajn. Meta tiġi mqabbla mal-informazzjoni fiskali, din il-parti evidentement tokkupa spazju iżgħar.

17.      Satakunnan Markkinapörssi Oy teżiġi l-ħlas ta’ tariffa għat-tħassir mir-rivista tad-data personali. Madankollu, skont l-impriża, dan il-ħlas mhuwiex kundizzjoni biex isir it-tħassir.

18.      Satakunnan Markkinapörssi Oy kienet tagħti, fil-forma ta’ CD-ROM, id-data personali ppubblikata lil Satamedia Oy. Din tal-aħħar kienet kumpannija oħra li kienet proprjetà tal-istess azzjonisti.

19.      Satamedia Oy u Satakunnan Markkinapörssi Oy ftiehmu ma’ impriża terza, kumpannija tat-telefonija mobbli, fuq it-twettiq tekniku ta’ servizz ta’ messaġġi (short message service – SMS). Għal dan l-iskop, Satamedia Oy kienet tagħti id-data inkwistjoni lil din l-impriża li kienet topera s-servizz ta’ SMS għan-nom ta’ Satamedia Oy.

20.      Permezz ta’ dan is-servizz, min juża t-telefown ċellulari jibgħat dan il-messaġġ: TAXXA ISEM KUNJOM KOMUN TA’ RESIDENZA (per eżempju TAXXA MATTI MEIKÄLÄINEN HELSINKI) lil numru partikolari. Bħala risposta tintbagħat lit-telefown ċellulari d-data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju, b’marġni ta’ approssimazzjoni ta’ EUR 100. Fl-2004, is-servizz kien jippermetti wkoll li tintwera anki d-data fuq min għandu l-istess isem kif ukoll data komparattiva fost il-komuni rispettivi. Għall kull messaġġ irċevut jintalab il-ħlas ta’ tariffa. Jekk jintalab li jsir hekk, l-impriża telimina wkoll xi data mis-servizz tal-SMS.

21.      L-Ombudsman Finlandiż għall-protezzjoni tad-data, it- Tietosuojavaltuutettu, stħarreġ l-attività ta’ Satakunnan Markkinapörssi Oy u ta’ Satamedia Oy u talab lill-Kummissjoni fuq il-Protezzjoni tad-Data Personali,

a)      li Satakunnan Markkinapörssi Oy tiġi pprojbita milli,

–        tiġbor, tirreġistra jew tipproċessa b’mod ieħor data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju tal-individwi b’mod daqstant wiesa’ u analogu għal dak li seħħ fir-rigward tad-data fiskali għas-sena 2001 u

–        tagħti din id-data personali, miġbura u rreġistrata minnha għal finijiet apparentement ġurnalistiċi, biex tintuża għal servizz ta’ SMS jew għal skopijiet oħrajn;

b)      li Satamedia Oy tiġi pprojbita milli tiġbor u tirreġistra kif ukoll tagħti għall-finijiet tas-servizz ta’ SMS jew għal skopijiet oħrajn, data personali miksuba mis-sistemi ta’ ħażna ta’ Satakunnan Markkinapörssi Oy.

22.      Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali ċaħdet it-talba. Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, il-Kontrollur għall-protezzjoni tad-data appella quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, it-tribunal Finlandiż tal-aħħar istanza.

23.      Abbażi ta’ dan l-appell, il-Korkein hallinto-oikeus, skont l-Artikolu 234 KE, għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1.      Għandha tiġi kkunsidrata bħala pproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE attività li tikkonsisti:

a)      fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni;

b)      fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun;

c)      fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali;

d)      fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna?

2)      Id-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diversi attivitajiet imsemmijin aktar ’il fuq fis-subparagrafi 1a sa 1d jistgħu jiġu kkunsidrati bħala pproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, meta jitqies il-fatt li d-data inkwistjoni, li tikkonċerna aktar minn miljun persuna taxxabbli, inġabret minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni? Għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni tal-kawża hu rilevanti l-fatt li l-għan prinċipali tal-attività hija l-pubblikazzjoni ta’ din id-data?

3)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE, moqri flimkien mal-prinċipji u l-għanijiet tal-istess Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-pubblikazzjoni ta’ data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi u l-għoti ulterjuri tagħha għal skopijiet kummerċjali?

4)      Id-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul?”

24.      Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy flimkien, l-Estonja, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja kif ukoll il-Kummissjoni ressqu noti ta’ osservazzjonijiet. Fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2008 ħa sehem ukoll il-Kontrollur għall-protezzjoni tad-data Finlandiż filwaqt li l-Portugall kien assenti.

25.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba ta’ intervent fil-proċedimenti li ppreżenta l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għaliex dan l-intervent mhuwiex ikkontemplat fil-proċeduri ta’ domandi preliminari u l-Kontrollur għall-Protezzjoni tad-Data mhuwiex msemmi bħala parti fil-kawża fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja(3).

IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali

26.      Għandu li jiġi vverifikat fil-proċedimenti a quo jekk il-protezzjoni tad-data timpedixxix it-tixrid ta’ data fiskali min-naħa ta’ Satakunnan Markkinapörssi Oy u ta’ Satamedia Oy. Għal din ir-raġuni l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tistaqsi, jekk l-iproċessar ta’ data fiskali deskritt aktar ’il fuq jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data u, jekk iva, b’liema mod.

27.      Skont l-Artikolu 2(5) tal-Liġi Finlandiża fuq id-data personali, fir l-ipproċessar tad-data personali għal għanijiet ġurnalistiċi hu suġġett biss għal dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-unika restrizzjoni fuq l-ipproċessar tidher li hija dik stabbilita fl-Artikolu 32(1) li jsemmi r-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-ipproċessar irregolat mill-Artikolu 17 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. It-tielet domanda għandha l-għan li tikseb deċiżjoni rigward l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

28.      Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ssegwi metodu ieħor għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, u preċiżament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Dan jobbliga lill-Istati Membri li jirrikonċiljaw il-libertà ta’ espressjoni mad-dritt għall-ħajja privata. Dan għandu jsir permezz ta’ derogi għall-protezzjoni tad-data, sakemm l-ipproċessar tad-data personali jitwettaq biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja. Għalhekk qed jiġi mistoqsi jekk u sa fejn l-għanijiet ġurnalistiċi jistgħu jiġu rrikonoxxuti.

29.      Ir-raba’ domanda għandha tiċċara l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ deroga Finlandiża oħra għall-protezzjoni tad-data jiġifieri dik stabbilita mill-Artikolu 2(4) tal-liġi fuq data personali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data pubblika.

A –    Fuq l-ewwel domanda – L-ipproċessar ta’ data personali

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi l-ewwel nett jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq il-protezjoni tad-data japplikax fir-rigward tad-diversi attivitajiet ta’ Satakunnan Markkinapörssi Oy u ta’ Satamedia Oy.

31.      Il-qorti u l-partijiet fil-kawża jaqblu bir-raġun fuq il-fatt li l-pubblikazzjoni tad-data fiskali u d-disponibbiltà tagħha fil-forma ta’ servizz ta’ SMS għandhom jiġu kkunsidrati bħala pproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data.

32.      Dan il-każ jirrigwarda data personali billi l-informazzjoni fuq id-dħul, il-patrimonju u t-taxxi hi marbuta ma’ persuni partikolari. Kemm il-pubblikazzjoni kif ukoll id-disponibbiltà tagħha fil-forma ta’ servizz ta’ SMS jippresupponu operazzjonijiet ta’ tip differenti, bħal per eżempju l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-iżvelar bi trasmissjoni, it-tixrid jew kwalunkwe mezz ieħor li permezz tiegħu d-data titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data.

33.      Minbarra dan, l-applikazzjoni tad-Direttiva tippresupponi, skont l-Artikolu 3(1), ipproċessar ta’ data awtomatizzat għal kollox jew b’mod parzjali jew għall-inqas l-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li tinsab fi jew li hija intiża biex tkun inkluża fis-sistemi ta’ ħażna. Sistema ta’ ħażna tfisser ġabra strutturata ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi.

34.      Huwa probabbli li l-proċeduri tal-ipproċessar indikati mill-qorti tar-rinviju huma awtomatizzati, tal-anqas parzjalment, għall-inqas fejn ma jitqiesx l-għoti tas-CD-Roms. Madankollu, l-awtomatizzazzjoni tal-għoti ma teħtieġx kjarifikazzjoni ulterjuri billi l-pubblikazzjoni fuq il-karta tad-data fiskali tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna u l-komunikazzjoni fil-forma ta’ servizz ta’ SMS tippresupponi li jkun hemm konsultazzjoni ta’ sistema ta’ ħażna. Għaldaqstant hawnhekk insibu, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet kollha msemmijin – inkluża l-komunikazzjoni permezz ta’ CD-ROM – ipproċessar ta’ data personali li tinsab jew li hija intiża biex tkun inkluża fis-sistema ta’ ħażna.

35.      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li għandha tiġi kkunsidrata bħala pproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data attività li tikkonsisti, kif deskritt fid-domanda preliminari,

a)      fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

b)      fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

c)      fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali jew

d)      fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna.

B –    Fuq it-tieni domanda – id-deroga għal attivitajiet ġurnalistiċi

36.      Bit-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attivitajiet inkwistjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala pproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Din id-dispożizzjoni hija l-bażi ġuridika għall-applikazzjoni, mill-Istati Membri, tal-hekk imsejjaħ privileġġ mogħti lill-istampa u lill-mezzi ta’ komunikazzjoni (4). Skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II, IV u V tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ espressjoni. It-tieni domanda għalhekk għandha x’taqsam mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga.

Fuq id-drittijiet fundamentali rilevanti

37.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data għandha ssir fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rrikonċiljati permezz tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-qrati Komunitarji għandhom jikkunsidraw b’mod speċjali l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(5).

38.      Id-diritt Komunitarju jiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni protett mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (aktar ’il quddiem il-“KEDB”)(6). Dan id-dritt huwa rrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(7), ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (aktar ’il quddiem il-“Karta”). B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(8) u l-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri(9), huwa previst, b’mod partikolari fl-Artikolu 11(2) tal-Karta li għandhom jiġu rrispettati l-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-pluraliżmu tagħhom.

39.      Il-libertà ta’ espressjoni mhijiex limitata għall-espressjoni ta’ opinjonijiet, imma tinkludi espressament, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1) KEDB u l-ewwel parti tal-Artikolu 11(1) tal-Karta, fis-sens ta’ libertà ta’ komunikazzjoni, il-libertà li persuna tirċievi jew tagħti informazzjoni jew ideat. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’ġurisprudenza kostanti, tenfasizza li l-libertà ta’ espressjoni tapplika mhux biss fir-rigward ta’ informazzjoni jew l-ideat aċċettati favorevolment jew ikkunsidrati bħala mhux offensivi jew indifferenti, imma wkoll fir-rigward ta’ dawk l-ideat u informazzjoni li jiddisturbaw, jiskonvolġu jew jinkwetaw lill-Istat jew parti mill-popolazzjoni(10). Anki meta jkunu involuti finijiet kummerċjali, il-libertà ta’ espressjoni tipproteġi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u l-manifestazzjoni tal-opinjonijiet (11).

40.      Id-dritt fundamentali għall-ħajja privata huwa protett b’mod partikolari mill-Artikolu 8 KEDB u huwa rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta. Din tipproklama espressament fl-Artikolu 8, il-protezzjoni tad-data personali (12). Il-komunikazzjoni lil terzi ta’ data personali tippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, ikun xi jkun l-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata, u tikkostitwixxi indħil skont l-Artikolu 8 tal-KEDB (13).

41.      Id-dritt għall-ħajja privata mhuwiex sempliċi dritt ta’ difiża fil-konfront ta’ indħil mill-Istat, imma jimponi wkoll obbligi pożittivi fuq l-Istat (14). Għaldaqstant il-Komunità, permezz tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, estendiet din il-protezzjoni għall-ipproċessar min-naħa ta’ individwi privati. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan is-sens ukoll, f’każ li kellu x’jaqsam mal-pubblikazzjoni fil-gazzetti ta’ ritratti dwar il-ħajja privata ta’ persunaġġ pubbliku, diġà enfasizzat li hemm bżonn ta’ attenzjoni akbar fid-dawl ta’ progressi tekniċi fir-reġistrazzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ data personali (15).

42.      Ir-restrizzjoni taż-żewġ drittijiet fundamentali hija, bħala regola, ammissibbli f’kundizzjonijiet paragunabbli: għandha tkun stabbilita bil-liġi, issegwi skop leġittimu jew diversi skopijiet leġittimi skont l-Artikolu 8 u 10 KEDB u tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika. Dan ifisser li bżonn soċjali urġenti jista’ jiġġustifika l-indħil jekk dan ikun proporzjonat mal-iskop leġittimu li għandu jintlaħaq (16).

43.      Applikazzjoni riġida tal-protezzjoni tad-data tista’ tillimita b’mod konsiderevoli l-libertà ta’ espressjoni. B’hekk, li kieku l-mezzi ta’ komunikazzjoni jkunu jistgħu jipproċessaw u jippubblikaw informazjoni personali biss wara li jingħata kunsens jew wara li jkunu ġew avżati l-persuni involuti, il-ġurnaliżmu investigattiv jiġi eskluż b’mod konsiderevoli. Min-naħa l-oħra huwa evidenti li l-mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jiksru d-dritt għall-ħajja privata tal-individwi (17). Għaldaqstant huwa meħtieġ li jintlaħaq bilanċ.

44.      Din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn id-diversi drittijiet fundamentali imma wkoll bejn il-protezzjoni tad-data u interessi oħrajn ta’ karattru ġenerali hija sinjifikattiva għall-interpretazzjoni tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data (18). Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva huma ta’ natura relattivament ġenerika. Huma jħallu lill-Istati Membri marġni meħtieġ ta’ diskrezzjoni meta jiġu biex jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni li jistgħu jiġu adattati għad-diversi sitwazzjonijiet possibbli (19). F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jirrikonċiljaw id-drittijiet fundamentali inkwistjoni.

45.      Barra minn dan, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li jikkonforma mad-direttivi fuq il-protezzjoni tad-data, imma għandhom jieħdu ħsieb ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju u mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju (20).

Prerogattiva ta’ kunsiderazzjoni fil-livell nazzjonali

46.      Filwaqt li timponi kundizzjonijiet fuq il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija riżervata ħafna meta tiġi biex tiddetermina l-portata tal-protezzjoni tad-data u biex tikkunsidra d-drittijiet fundmentali kunfliġġenit. Fis-sentenza Promusicae, hija llimitat ruħha biex issemmi biss iż-żewġ drittijiet fundamentali u ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tibbilanċjahom (21). Fis-sentenza Österreichischer Rundfunk et għamlet l-istess ħaġa (22), iżda tat xi indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju (23).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet riżervata wkoll f’każijiet oħrajn ta’ kunflitt bejn il-pożizzjonijiet legali. Fis-sentenza Familiapress kien hemm kunflitt bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u projbizzjoni nazzjonali ta’ logħob promozzjonali fuq ir-rivisti. Huwa veru li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod konkret fuq il-ħtieġa ta’ ċerti regoli (24); imma b’mod ġenerali ħalliet f’idejn il-qrati nazzjonali biex jevalwaw jekk dik il-projbizzjoni kinitx proporzjonata għas-salvagwardja tal-pluraliżmu tal-istampa u jekk dan l-iskop setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri anqas restrittivi (25).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ kunflitt bejn il-libertà li jingħataw servizzi u d-dinjità tal-bniedem jew il-moviment liberu tal-merkanzija u l-prinċipji dwar il-protezzjoni tat-tfal u tal-adolexxenti, irrikonoxxiet li hu possibbli li jkun hemmm opinjonijiet differenti imma lkoll leġittimi fl-Istati Membri dwar il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali biex jiġu protetti l-interessi pubbliċi u b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali(26).

49.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li hija mitluba tipprovdi lill-qorti nazzjonali risposti utli, u b’mod partikolari li hi kompetenti biex tagħti indikazzjonijiet, idderivati mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ntbagħtulha, li jippermettu lil dik il-qorti tiddeċiedi fuq il-kwistjoni konkreta li jkollha quddiemha (27). Ġeneralment, dawn l-indikazzjonijiet jirriferu b’mod partikolari għal problemi li għandhom jittieżdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità.

50.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta atteġġament prudenti. Il-qrati Komunitarji huma obbligati jikkonkretizzaw drittijiet fundamentali li jkunu f’kunflitt speċjalment meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda attivitajiet transkonfini. Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw attivitajiet transkonfini jkunu qed jiġu ttrattati b’mod żvantaġġjat, ikun hemm bżonn ta’ eżami b’reqqa kbira. Dan jirriżulta mis-sentenzi dwar attivitajiet tas-sindakati li għandhom x’jaqsmu mal-għoti ta’ servizzi transkonfini (28), jew it-trasferiment ta’ impriżi (29) u mis-sentenzi dwar l-attakki fuq it-trasport ta’ frott min-naħa ta’ bdiewa li jipprotestaw (30).

51.      Lanqas fis-sentenza Schmidberger (31), li kienet tirrigwarda ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn il-Ġermanja u l-Italja minħabba dimostrazzjoni awtorizzata fuq in-naħa Awstrijaka tal-awtostrada Brennero, ma jingħad il-kuntrarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hawnhekk irrikonoxxiet poter wiesa’ diskrezzjonali favur l-awtoritajiet nazzjonali fl-ibbilanċjar tal-moviment liberu tal-merkanzija mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ manifestazzjoni(32), madankollu vverifikat b’mod relattivament iddettaljat ir-riżultat ta’ dan il-bilanċ(33), qabel ma ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju.

52.      Meta tiġi applikata d-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ attivitajiet transkonfini hija, madankollu, l-eċċezzjoni. Din id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 95 KE u għandha l-għan għalhekk li timplementa s-suq intern. Madankollu hija tinkludi mhux biss l-ipproċessar transkonfini tad-data, imma anki kwistjonijiet sempliċiment nazzjonali. Kontra dak li sostna l-Avukat Ġenerali Tizzano(34), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddubitatx mill-portata wiesgħa tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, billi, f’każ ta’ limitazzjoni għal sitwazzjonijiet li għandhom elementi transkonfini, ikun hemm il-periklu li l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva msemmija jkunu inċerti u aleatorji (35).

53.      Minħabba l-kamp wiesa’ ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li kważi jmur lil hinn mill-implementazzjoni tas-suq intern, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali konfliġġenti fil-kuntest tad-Direttiva, għandha tagħti, bħala regola, poter wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiġu enfasizzati t-tradizzjonijiet tagħhom u l-valuri soċjali tagħhom.

54.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat billi jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data

55.      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja, jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi għall-protezzjoni ta’ data biss meta jirriżultaw meħtieġa biex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ espressjoni.

56.      Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy kif ukoll il-Finlandja jixtiequ jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data għall-qasam tal-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni kollu. B’din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jkopri, b’mod konformi mal-għan tiegħu, il-kunflitti kollha possibbli bejn il-libertà ta’ espressjoni u l-protezzjoni tad-data. Fl-istess ħin, tingħata lill-Istati Membri l-akbar libertà fir-rikonċiljazzjoni tal-protezzjoni tad-data mal-libertà ta’ espressjoni.

57.      Iżda interpretazzjoni bħal din m’għandhiex bażi fit-test tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Din id-dispożizzjoni teħtieġ mhux biss li jkun hemm bilanċ bejn il-libertà ta’ espressjoni u l-protezzjoni tad-data, imma tindika skopijiet speċifiċi li favur tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn kważi d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Il-kunċetti ta’ għanijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja, użati f’dan ir-rigward, jispiċċaw mingħajr skop fil-konfront tal-kunċett ta’ libertà ta’ espressjoni, jekk dawn fil-kumpless tagħhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal-libertà ta’ espressjoni.

58.      Għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data wieħed għandu jibda billi jqis il-fatt li d-derogi għal prinċipju ta’ natura ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv(36) biex b’hekk il-prinċipju kkonċernat ma jiġix imneżża’ wisq mis-sinjifikat tiegħu. F’dan il-każ, b’interpretazzjoni estensiva, hemm riskju li jiġi kommess ksur tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata.

59.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jippermetti li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni restrittiva anki mill-fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għall-ipproċessar ta’ data personali, li jsir biss għall-iskopijiet indikati hemmhekk. Anki d-derogi u l-eżenzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti biss jekk ikunu meħtieġa biex jirrikonċiljaw id-drittijiet fundamentali kkonċernati.

60.      Kif tgħid b’mod partikolari l-Kummissjoni, il-portata wiesgħa tad-derogi permessi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data tindika li għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva tar-rekwiżiti applikati minnha. Filwaqt li derogi oħrajn li hemm fid-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jistabbilixxu biss eċċezzjonijiet għal dispożizzjonijiet partikolari, l-Artikolu 9 jippermetti li jiġu esklużi kważi r-rekwiżiti kollha imposti mid-Direttiva.

61.      Ma jipprekludix interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għanijiet ġurnalistiċi ibbażata fuq is-sinjifikat letterali l-fatt li din l-interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza ksur tal-libertà ta’ espressjoni minħabba rekwiżiti eċċessivi dwar il-protezzjoni tad-data. Fil-fatt l-Istati Membri m’għandhomx jibbilanċjaw il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt għall-ħajja privata biss fil-kuntest tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, imma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dispożizzjonijiet oħrajn billi d-Direttiva ġeneralment tħalli f’idejn l-Istati Membri l-poter diskrezzjonali meħtieġ għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, li jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet differenti possibbli(37).

62.      Fil-qasam tal-libertà ta’ espressjoni privata l-Istati Membri jgawdu minn libertà partikolari, billi d-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2), ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali meta tkun qed teżerċita attività purament personali jew domestika(38).

63.      Barra min hekk, l-ipproċessar jista’ jiġi permess, skont l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur tal-ipproċessar jew l-Istat Membru kkonċernat jista’, skont l-Artikolu 13(1)(g) jistabbilixxi derogi għal dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi protett is-suġġett tad-data jew jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor(39). F’dawn il-każijiet għandhom jiġu applikati b’mod partikolari r-rekwiżiti relattivi għal-legalità tal-ipproċessar tad-data skont l-Artikolu 7 u dawk relattivi għall-ipproċessar ta’ data sensittiva skont l-Artikolu 8 u l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-protezzjoni tad-data jistgħu jissorveljaw dan l-ipproċessar.

64.      Fil-qosor, għandu jingħad li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data għandu jiġi speċifikat abbażi tal-kunċetti ta’ “għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja”, li għandhom sinjifikat tagħhom differenti mill-qasam tal-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni.

Fuq il-kunċett ta’ għanijiet ġurnalistiċi

65.      Il-kunċett ta’ “għanijiet ġurnalistiċi” jirreferi għall-attività tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’mod partikolari għall-istampa u l-mezzi awdjoviżivi. L-istorja tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data turi li l-għanijiet ġurnalistiċi m’għandhomx ikunu limitati għall-attività tal-mezzi ta’ komunikazzjoni istituzzjonalizzati. Wara li l-Kummissjoni kienet għall-bidu pproponiet deroga favur l-organi tal-istampa u tal-mezzi awdjoviżivi(40), il-kunċett ta’ għanijiet ġurnalistiċi rriżulta minn diversi proġetti suċċessivi, li sseparaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-mezzi ta’ komunikazzjoni u estendewha għall-persuni kollha li jiżvolġu attività ġurnalistika(41).

66.      Biex jiġi arrikkit is-sinjifikat tal-kunċett ta’ għanijiet ġurnalistiċi, tista’ tiġi inklua fih il-missjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni f’soċjetà demokratika, kif żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni. Kull restrizzjoni fuq il-libertà ta’ esprezzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li din ir-restrizzjoni għandha tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika. Meta l-mezzi ta’ komunikazzjoni huma involuti, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li stampa libera għandha rwol essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetà demokratika, b’mod partikolari r-rwol ta’ “kelb tal-għassa pubbliku”. Għalhekk hija għandha l-obbligu li xxandar informazzjoni u opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ interess pubbliku(42).

67.      Billi hu nvolut it-tixrid ta’ informazzjoni u opinjonijiet, mhuwiex importanti – kuntrarjament għal dak li jingħad kultant – jekk id-data mxandra tiġix ipproċessata f’livell editorjali jew ikkummentata. Diġà s-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data mhux ipproċessata tista’ tikkontribwixxi għal diskussjonijiet pubbliċi u jista’ jkun hemm b’hekk interess pubbliku. Barra minn dan, anki l-għażla stess tad-data mxandra hija espressjoni ta’ valutazzjoni soġġettiva ta’ min ixandarha. Din l-għażla fil-fatt, għall-inqas, tindika li din id-data hija ta’ interess għal min qed jirċiviha.

68.      Kif jinnota b’mod partikolari l-Gvern Żvediż, l-ipproċessar ta’ data personali jsir għall-għanijiet ġurnalistiċi jekk huwa mmirat biex ixandar informazzjoni u opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

Fuq l-informazzjoni u l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku

69.      Issa għandu jiġi ċċarat xi jfissru informazzjoni u opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Din il-formulazzjoni tiddeskrivi azzjonijiet fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni u l-limitazzjoni tagħha teħtieġ ġustifikazzjoni partikolarment serja.

70.      F’dan il-kuntest il-Gvern Żvediż jirreferi għal dikjarazzjoni magħmula meta ġiet adottata d-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Skont din id-dikjarazzjoni, l-eżistenza ta’ għanijiet ġurnalistiċi m’għandhiex tkun ivverifikata abbażi tal-informazzjoni mibgħuta, jiġifieri abbażi tal-kontenut, imma abbażi tan-natura tat-trażmissjoni. Ċertament, mhuwiex il-kompitu tal-awtortajiet Statali li jistabbilixxu liema huma l-kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li dwarhom jistgħu jittrattaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Għalhekk, il-verifika tal-kontenut hija kwistjoni delikata.

71.      In-natura u l-kuntest huma rilevanti biex jiġu esklużi dawk iċ-ċirkustanzi fejn, għalhemm jintbagħtu informazzjoni u opinjonijiet ta’ interess pubbliku, it-trażmissjoni ma tkunx indirizzata lill-pubbliku, bħal per eżempju fil-każ ta’ diskussjonijiet politiċi privati.

72.      Madankollu illum il-ġurnata delimitazzjoni magħmula abbażi tal-forma kif tintbagħat l-informazzjoni mhijiex biżżejjed biex jiġu identifikati l-għanijiet ġurnalistiċi. Fl-imgħoddi, il-ġurnaliżmu kien limitat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni li kienu jintgħarfu bħala tali mingħajr dubju, jiġifieri l-istampa, ir-radju u t-televiżjoni. Il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni, bħall-Internet jew is-servizz tat-telefonija mobbli illum jintużaw b’mod analogu għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku kif ukoll għal finijiet purament privati. Konsegwentement, għalkemm in-natura tat-trażmissjoni tal-informazzjoni tikkostitwixxi aspett importanti biex jiġi vverifikat jekk kienx hemm għanijiet ġurnalistiċi, il-kontenut m’għandux ma jiġix ikkontrollat.

73.      Fi kwalunkwe każ hemm interess pubbliku jekk l-informazzjoni mibgħuta tirreferi għal dibattitu pubbliku li effettivament jeżisti(43). Hemm imbagħad suġġetti li huma kwistjonijiet ta’ interess pubbliku minħabba n-natura tagħhom, per eżempju l-proċeduri ġudizzjarji skont l-Artikolu 6(1) KEDB(44), l-interess pubbliku għat-trasparenza fil-ħajja politika(45) jew l-informazzjoni fuq l-opinjonijiet u l-ideat kif ukoll fuq l-aġir tal-mexxejja politiċi(46).

74.      Madankollu wieħed għandu jiddubita li jkun hemm trażmissjoni ta’ informazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku fil-każ li jixxandru dettalji dwar il-ħajja privata li ma jkollhom l-ebda relazzjoni mal-funzjoni pubblika tas-suġġett tad-data speċjalment meta huma intiżi biex jissodisfaw il-kurżità ta’ ċertu pubbliku fuq il-ħajja privata ta’ persuna u li, minkejja ċertu grad ta’ fama tal-persuna, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kontribut għal xi diskussjoni ta’ interess ġenerali għas-soċjetà(47). Biex wieħed jiddistingwi sa fejn jasal l-interess pubbliku, għandhom importanza kbira l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata tagħha(48).

75.      Il-każ Fressoz e Roire(49) huwa eżempju ċar ta’ dak li ngħad aktar ’il fuq. Huwa kien jirrigwarda l-piena mogħtja lil żewġ ġurnalisti, li kienu ppubblikaw dokumenti kunfidenzjali ġejjin minn dikjarazzjoni tat-taxxa biex jikkorroboraw l-informazzjoni li kellhom fuq id-dħul ta’ direttur ta’ kumpannija. Din il-pubblikazzjoni kienet, bħala regola, punibbli skont id-dritt nazzjonali.

76.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem affermat f’dan ir-rigward li l-informazzjoni kienet tirreferi għal dibattitu politiku fuq l-ammont tas-salarji li kien inqala’ minħabba kontroversja dwar l-impriża inkwistjoni(50), u li lanqas l-informazzjoni fuq il-bażi taxxabbli u fuq it-taxxi mħallsin ma kienu strettament kunfidenzjali skont id-dritt nazzjonali(51). Anzi, id-data rigward id-dħul ta’ imprendituri magħrufin kienet regolarment tiġi ppubblikata(52) u ma tidħolx, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, fil-kuntest tad-dritt għall-ħajja privata(53).

77.      Għalhekk l-informazzjoni u l-opinjonijiet jirriferu għal kwistjoni ta’ interess pubbliku jekk ikunu marbutin ma’ dibattitu pubbliku li jeżisti fil-fatt jew jirrigwardaw kwistjonijiet li, skont id-dritt nazzjonali u l-valuri tas-soċjetà, ikunu minnhom infushom ta’ natura pubblika, iżda mhux fil-każ tat-tixrid ta’ dettalji li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja privata li ma jkollhom l-ebda relazzjoni ma’ funzjoni pubblika tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari fejn jeżistu fir-rigward aspettattivi leġittimi għar-rispett tal-ħajja privata.

78.      Għandu jingħad ukoll li l-awtoritajiet Statali, inkluż l-qrati, ma jistgħux jivverifikaw b’mod riġidu jekk jeżistux għanijiet ġurnalistiċi. Huwa diffiċli ħafna li jiġi stabbilit minn qabel liema informazzjoni tirrigwarda kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, u huma l-mezzi ta’ komunikazzjoni, għall-inqas parzjalment, li għandhom il-poter li joħloqu b’mod ġenerali interess pubbliku permezz tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni. Fejn dan ma jirnexxix wieħed ma jistax − a posteriori − ilumhom. Mandankollu anki ex ante, ġeneralment mhuwiex obbligu tal-awtoritajiet li jbassru n-nuqqas ta’ interess pubbliku fil-futur. Tbassir ta’ dan it-tip huwa l-ewwel pass lejn iċ-ċensura. Il-fatt li t-tixrid ta’ informazzjoni u opinjonijiet ma jirrigwardax kwistjonijiet ta’ interess pubbliku jista’ għalhekk jiġi aċċertat biss fejn dan ikun evidenti.

Fuq l-esklużività tal-għan segwit

79.      Anki meta l-ipproċessar isir għal għanijiet ġurnalistiċi, l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data mhuwiex applikabbli awtomatikament. L-ipproċessar ta’ data personali għandu jsir għal għanijiet ġurnalistiċi biss.

80.      Bl-użu tal-kelma “biss” l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jenfasizza li l-ipproċessar tad-data għandu jsir għal għanijiet speċifiċi, determinati b’mod ġenerali mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Skont din id-dispożizzjoni, id-data personali ma tistax wara tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli mal-għan tal-ġbir tagħhom. Anki d-deroga prevista fl-Artikolu 9 tista’ b’hekk tkun applikabbli għall-ipproċessar li jsir għal għanijiet ġurnalisitiċi biss. Meta jkunu qed jiġu segwiti għanijet oħrajn fl-istess ħin, li ma jkunux ta’ natura ġurnalistika, il-privileġġ mogħti lill-mezzi ta’ komunikazzjoni ma jkunx applikabbli.

81.      Biex jiġi ddeterminat l-għan, m’għandhiex rilevanza l-kwistjoni jekk l-ipproċessar għandux direttament bħala għan li tiġi kkomunikata din l-informazzjoni, bħal, per eżempju, fil-każ tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data. Kif isostnu Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy, jiġu segwiti għanijiet ġurnalistiċi anki meta tiġi ppreparata pubblikazzjoni(54).

82.      L-ipproċessar għal għanijiet ġurnalistiċi biss la ma hu eskluż mill-fatt li, minbarra t-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, jiġu segwiti wkoll skopijiet kummerċjali(55). Ġeneralment l-attivitajiet li jsiru għal għanijiet ġurnalistiċi jkollhom l-iskop ukoll li jirkupraw l-ispejjeż tal-attività ġurnalistika, u, jekk ikun possibbli, li jsir qligħ. Fil-fatt is-suċċess kummerċjali huwa meħtieġ għall-eżistenza tal-ġurnaliżmu kummerċjali, tal-anqas fejn jiġi eżerċitat b’mod indipendenti mill-appoġġ u mill-influwenza ta’ oħrajn, bħal per eżempju tal-Istat. Għalhekk huwa element ammissibbli tal-għanijiet ġurnalistiċi li jinkiseb qligħ permezz tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

83.      Għandhom jiġu distinti minn dawn l-attivitajiet dawk kummerċjali li m’għandhomx bħala għan it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, anki fejn il-qligħ li jsir ikun intiż għall-iffinanzjar ta’ attivitajiet ġurnalistiċi. Dawn mhumiex distinti minn attivitajiet analogi li l-profitt minnhom mhuwiex intiż għal skopijiet ġurnalistiċi. L-applikazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ privileġġ mogħti lill-mezzi ta’ komunikazzjoni tista’ tikser il-pinċipju tat-trattament ugwali u tipprovoka b’mod partikolari distorzjonijiet fil-kompetizzjoni(56).

84.      Għaldaqstant, ix-xandir ta’ pubbliċità fil-mezzi ta’ komunikazzjoni għandu jsir biss f’każijiet eċċezzjonali u biex jiġu trażmessi biss kwistjonijiet ta’ interess pubbliku(57), jiġifieri għal għanijiet ġurnalistiċi biss, għalkemm id-dħul li jkun inkiseb jikkostitwixxi l-kundizzjoni neċessarja għall-attività tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

85.      F’dan il-każ huwa diffiċli li jiġu attribwiti għanijiet ġurnalistiċi għall-attività speċifika. B’hekk hemm bżonn ta’ valutazzjoni kritika tal-iskop li jrid jintlaħaq. Mhumiex rilevanti l-għanijiet indikati minn dawk responsabbli għall-ipproċessar tad-data, billi dawk l-għanijiet suġġettivi ma jistgħux jiġu vverifikati. L-għan li jrid jintlaħaq bl-ipproċessar tad-data għandu jirriżulta minn ċirkustanzi oġġettivi(58).

Applikazzjoni għal dan il-każ

86.      B’mod partikolari kemm il-karattru pubbliku ta’ informazzjoni speċifika kif ukoll l-aspettattivi leġittimi għar-rispett tal-ħajja privata jiddependu ħafna mis-sitwazzjoni legali inkwistjoni − speċjalment fuq il-livell nazzjonali −, mill-valuri tas-soċjetà u mill-eżistenza konkreta ta’ dibattiti pubbliċi. Bħala regola, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, imma tal-awtoritajiet kompetent tal-Istati Membri, li jivverifikaw dawn l-elementi. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita mill-qrati nazzjonali rigward dawn il-kwistjonijiet, hija għandha tillimita ruħha għall-għoti ta’ indikazzjonijiet fuq iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu kkunsidrati.

87.      F’dan il-każ partikolari għandhom interess partikolari n-natura tad-data pproċessata, id-diversi forom tat-tixrid tal-informazzjoni u l-possibbilità li tiġi kkanċellata din id-data.

88.      L-ipproċessar kollu jirrigwarda data fiskali ta’ natura personali. Huwa veru li ma hemm l-ebda dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju dwar il-kunfidenzjalità tal-ipproċessar ta’ din id-data; imma xi Stati Membri jikkunsidrawha kunfidenzjali. Konsegwentement, il-persuni kkonċernati f’dan l-Istat bħala regola jistennew, u bir-raġun, li din il-kunfidenzjalità tiġi rrispettata. Anki skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni fuq id-dħul bħala regola għandha tiġi kkomunikata biss jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq għan aktar importanti(59).

89.      Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem evidentement ma tislitx bil-fors l-ipproċessar kunfidenzjali ta’ data fiskali mill-Artikolu 8 KEDB(60). Għalhekk, jista’ jkun hemm indħil ammissibbli − jiġifieri ġustifikat − fid-dritt fundamentali Komunitarju għall-ħajja privata, meta, fil-Finlandja, din id-data hija aċċessibbli għall-pubbliku bil-liġi mingħand l-awtoritajiet fiskali. Abbażi ta’ din is-sitwazzjoni legali, probabbilment wieħed għandu jassumi li ċ-ċittadini Finlandiżi m’għandhom l-ebda aspettattiva leġittima li d-data fiskali tagħhom tiġi pproċessata b’mod kunfidenzjali.

90.      It-trażmissjoni tal-informazzjoni sseħħ b’żewġ modi: minn naħa tiġi ppubblikata fil-forma ta’ elenku ġenerali f’rivista, min-naħa l-oħra data dwar id-diversi persuni taxxabbli tkun tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ servizz ta’ SMS.

91.      Il-pubblikazzjoni tal-elenku f’din il-forma għandha l-għan li tittrażmetti informazzjoni ta’ interess pubbliku. Il-pubbliku jiġi offrut ġabra kompleta ta’ data. Din il-forma ta’ pubblikazzjoni ma tikkunsidrax, prima facie, l-interessi individwali.

92.      aktar diffiċli li wieħed jiġġudika jekk din il-forma ta’ trażmissjoni tikkorrispondix, anki mil-lat tal-kontenut, mal-interess pubbliku. Minn naħa huwa possibbli li l-pubbliku jkun interessat ikollu idea globali fuq it-taxxa kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tad-dħul u l-patrimonjali taċ-ċittadini l-oħrajn u, fir-rigward ta’ persuni pubbliċi partikolari, hemm interess konkret li tinkiseb din l-informazzjoni.

93.      Iżda min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jgħid li l-interess fid-data inkwistjoni jista’ jkun ta’ natura privat ħafna. Per eżempju fil-każ ta’ kurżità personali fil-konfront ta’ ġirien u konoxxenzi. Lanqas ma jistgħu jiġu esklużi interessi kummerċjali. Il-fatt li tkun magħrufa s-sitwazzjoni tad-dħul u patrimonjali tal-individwi jista’ jiġi sfruttat ekonomikamnet, per eżempju għall-finijiet ta’ reklamar immirat jew biex tiġi vvalutata l-kapaċità finanzjarja u s-solvibbiltà tal-klijenti.

94.      L-aspetti li ssemmew l-aħħar joħorġu aktar fid-dieher fil-każ tas-servizz ta’ SMS billi dan, minħabba l-forma tiegħu, jista’ jintuża biex tintbagħat informazzjoni biss jekk jeżisti interess konkret fid-data ta’ persuna speċifika. Jidher li mhuwiex probabbli li, b’mod ġenerali, dan l-interess ikollu karattru pubbliku. Anzi, jidher li l-konsultazzjoni tkun marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku f’każijiet eċċezzjonali biss.

95.      Madankollu, mhuwiex possibbli meta tintbagħat l-informazzjoni b’mezz ta’ telekomunikazzjoni, li jiġi eskluż b’mod ġenerali l-interess pubbliku. It-trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni dejjem qed tintegra aktar spiss il-forom tradizzjonali tat-trażmissjoni permezz tal-istampa u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa. Għalhekk huwa meħtieġ li jsir eżami dettaljat sew biex jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni u l-opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess privat jew pubbliku jistgħux jintbagħtu f’dik il-forma.

96.      Fl-aħħar il-Gvern Portugiż sostna li ma jkunx hemm għanijiet ġurnalistiċi jekk Satakunnan tippretendi l-ħlas ta’ tariffa biex tħassar lill-persuni taxxabbli mis-sistema ta’ informazzjoni. Dan ikun il-każ jekk Satakunnan ikollha l-għan li tagħmel profitt minn din it-tariffa, billi dan il-profitt ma jirriżultax mit-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet ta’ interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, jekk it-tariffa tintalab sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż, dan ma jistax jeskludi − indipendentement mill-kwistjoni tal-legalità ta’ dawn it-tariffi − għanijiet ġurnalistiċi.

97.      Barra minn hekk, il-possibbiltà li titħassar l-informazzjoni relattiva għal-persuna tqajjem il-kwistjoni jekk effettivament jeżistix interess pubbliku fil-fatt li tkun disponibbli lista kompleta ta’ data fiskali. Tħassir mingħajr raġuni ta’ data partikolari bħala regola jmur kontra l-eżistenza ta’ interess pubbliku eventwali. Jekk il-qarrej jistenna elenku sħiħ, it-tħassir kważi jqarraq billi tinħoloq l-impressjoni li din il-persuna ma tħallasx taxxa jew tħallas ftit.

98.      Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu kif dawn iċ-ċirkustanzi oġġettivi għandhom imbagħad jiġu vvalutati fil-kuntest soċjali fil-Finlandja, eventwalment wara verifika ulterjuri tal-fatti.

Fuq l-ibbilanċjar bejn il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt għall-ħajja privata.

99.      Anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data huwa miftuħ, dan ma jfissirx li l-ipproċessar inkwistjoni ta’ data personali għandu jiġi eżentat mill-protezzjoni tad-data. Minflok, id-derogi huma ammissibbli biss sa fejn jidhru meħtieġa biex jiġi rrikonċiljat id-dritt għall-ħajja privata mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni.

100. Għalhekk jista’ jinqala’ d-dubju, kif kellhom l-Estonja u l-Kummissjoni, fuq il-fatt kemm l-implementazzjoni Finlandiża tal-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Minkejja l-elastiċità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data(61), analiżi aktar fil-fond turi l-lat kemmxejn parzjali tal-eslużjoni kważi totali tal-protezzjoni tad-data fil-każ tal-ipproċessar tad-data għal għanijiet ġurnalistiċi. Mil-lat Komunitarju, ikun aktarx mixtieq li l-attivitajiet ġurnalistiċi jiġu soġġettati għal eżiġenzi aktar stretti għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tal-Liġi Finlandiża fuq id-data personali.

101. Iżda dawn il-kunsiderazzjonijiet m’għandhom l-ebda importanza għar-risposta għat-tieni domanda preliminari. Fil-proċedimenti a quo qed jintalab li Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy jiġu obbligati ma jwettqux ċerti attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data. Dan l-obbligu ma jistax jiġi bbażat b’mod dirett fuq id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Direttiva ma tistax fiha nfisha toħloq obbligi fuq individwu privat u għalhekk ma tistax tiġi sostnuta fil-konfront tiegħu(62).

102. Iżda l-Kummissjoni tipproponi − b’referenza għall-Artikolu 2(4) tal-Liġi Finlandiża fuq id-data personali − li ma jiġux applikati r-restrizzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data minħabba l-ksur tad-dritt għall-ħajja privata. Hija tibbaża ruħha fuq is-sentenza Manigold fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età kif stabbilit fid-Direttiva 2000/78(63) bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, u sabet li hemm obbligu tal-qrati nazzjonali li ma japplikaw l-ebda dispożizzjoni li eventwalment tmur kontra l-liġi nazzjonali(64).

103. F’kawża oħra diġà esprimejt ruħi kontra atteġġament bħal dan(65). Jekk, minflok ma tittieħed inkunsiderazzjoni direttiva li mhijiex applikabbli direttament fil-konfront tal-individwi, issir referenza għal prinċipju ġenerali tal-liġi, li l-kontenut tiegħu huwa ferm anqas ċar u preċiż, jiġi ffrustrat l-għan ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva, tiġi mminata ċ-ċertezza legali li hija trid tilħaq u tisfa’ fix-xejn il-projbizzjoni milli jiġu applikati direttament, għad-dannu tal-individwi, id-dispożizzjonijiet individwali ta’ direttivi li ma jkunux ġew trasposti. Anki l-Avukati Ġenerali Mazák u Ruiz Jarabo Colomer jibżgħu li l-applikazzjoni diretta ta’ prinċipji ġenerali tal-liġi flimkien mad-direttiva timminaha fir-rigward tal-effetti tagħha u tippreġudika b’hekk il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u toħloq nuqqas ta’ ċertezza legali(66).

104. Kieku jirriżultaw preċiżament dawn il-konsegwenżi f’dan il-każ: l-obbligi tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data jitnisslu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. L-atteġġament tal-Kummissjoni, minflok, għandu t-tendenza li joħloq obbligi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali. Dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Dan imur kontra wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data li jagħtu lill-Istati membri l-kompitu li jirrikonċiljaw il-protezzjoni tad-data mal-libertà ta’ espressjoni.

105. Għalhekk f’dan il-każ huwa irrilevanti jekk il-Finlandja implementatx b’mod korrett l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, minflok, jekk il-miżuri mitlubin fil-konfront ta’ Satakunnan Markkinapörssi Oy u ta’ Satamedia Oy għandhomx bażi legali fid-dritt nazzjonali. Għal dan l-iskop, il-qorti nazzjonali hija marbuta tinterpreta d-dritt nazzjonali, kemm jista’ jkun fid-dawl tat-test u l-għan tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data(67), u skont id-drittijiet fundamentali Komunitarji l-oħrajn(68), biex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fiha. L-obbligu li wieħed jagħti interpertazzjoni konformi hu limitat fl-istess ħin mill-prinċipju taċ-ċertezza legali. Dan jimpedixxi interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali(69).

Fuq ir-risposta għat-tieni domanda

106. Fil-qosor, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali isir għal għanijiet ġurnalistiċi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jekk ikun immirat lejn it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Hija l-qorti tar-rinviju, abbażi tal-informazzjoni kollha oġġettiva li jkollha f’idejha, li għandha tivverifika jekk u sa fejn l-ipproċessar tad-data fiskali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isirx għal għanijiet ġurnalistiċi.

C –    Fuq it-tielet domanda – L-Artikolu 17 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data

107. Bit-tielet domanda l-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, moqri flimkien mal-prinċipji u l-għanijiet tad-Direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni tad-data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi u l-għoti tagħha ulterjuri sabiex tiġi pproċessata għal skopijiet kummerċjali huma inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

108. L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jirregola s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplementa miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trażmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar. Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-aktar teknika avvanzata u l-ispiza biex ikunu implementati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.

109. L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data ġie traspost permezz tal-Artikolu 32(1) tal-Liġi Finlandiża fuq id-data personali. Din hija waħda mill-ftit dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-data li japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ġurnalistiċi. Fir-rigward ta’ dan il-każ, hu partikolarment ta’ interess il-fatt li l-għan hu li jiġi impedut ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali tad-data. Li kieku wieħed għandu jifhem dawn il-kunċetti fis-sens li l-kontrollur għandu jiġġarantixxi r-rispett tar-rekwiżiti kollha imposti mid-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, dawn ir-rekwiżiti jkunu applikabbli, minkejja l-privileġġ mogħti lill-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data, anki għall-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ġurnalistiċi.

110. Madankollu din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data tmur kontra s-sistema tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Ġeneralment, din twassal għal applikazzjoni doppja inutli tar-rekwiżiti u, f’dan il-każ, tmur kontra r-rieda evidenti tal-leġiżlatur Finlandiż li jittrasponi l-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data billi teżenta l-ipproċessar ta’ data għal għanijiet ġurnalistiċi minn dawn ir-rekwiżiti.

111. Għalhekk, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data għandu jiġi interpretat b’mod korrett u b’mod konformi mat-titolu tiegħu “Sigurtà tal-ipproċessar” u mal-motivazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni(70), fis-sens li dan jirrigwarda l-protezzjoni minn indħil estern, u b’mod partikolari minn aċċess illegali min-naħa ta’ terzi. Favur interpretazzjoni bħal din hemm b’mod speċjali r-referenza għall-iktar teknika avvanzata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(1), referenza li tagħmel sens biss fil-każ ta’ miżuri ta’ sigurtà tekniċi. Il-kwistjoni ta’ liema miżuri huma legali m’għandhiex x’taqsam mal-kwsitjoni ta’ iktar teknika avvanzata.

112. Għalhekk, il-leġalità tal-ipproċessar tad-data mhijiex irregolata mill-Artikolu 17(1) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data imma tirriżulta mir-regoli l-oħrajn applikabbli stabbiliti minn din id-Direttiva.

113. L-interess tal-qorti tar-rinviju forsi jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Artikolu 17(2) sa (4) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jirrigwarda s-sigurtà tad-data meta tiġi pproċessata minn terzi. F’dan il-kuntest id-data tingħata mill-kontrollur lil terz. Fil-każ in eżami, id-data ngħatat minn Satakunnan Markinapörssi lil Satamedia. Madankollu l-Artikolu 17 ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit partikolari fir-rigward tal-għoti. Id-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tal-ipproċessar minn terzi għandhom l-uniku għan li jiġi assigurat li r-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 17(1) fir-rigward tas-sigurtà tal-ipproċessar jiġu osservati wkoll f’każ li d-data tiġi pproċessata minn terzi.

114. Skont dak li pproponew il-maġġoranza tal-partijiet involuti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 17 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data ma fiha ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni jekk id-data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi tistax tiġi ppubblikata u tingħata sabiex tiġi pproċesssata għal skopijiet kummerċjali.

D –    Fuq ir-raba’ domanda – L-ipproċessar ta’ informazzjoni ppubblikata

115. Fir-raba’ domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data tistax tiġi interpretata fis-sens li huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul.

116. L-isfond ta’ din id-domanda huwa l-Artikolu 2(4) tal-Liġi Finlandiża fuq id-data personali. Skont din id-dispożizzjoni, din il-liġi ma tapplikax għal dawk is-sistemi ta’ ħażna personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul.

117. Kif enfasizzaw bir-raġun l-Estonja, il-Portugall u l-Kummissjoni, id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data ma fiha l-ebda deroga paragunabbli magħha. Anzi, l-premessi 12 u 26 jenfasizzaw espressament li l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għall-informazzjoni kollha dwar persuna identifikata jew identifikabbli.

118. Deroga ġenerali favur l-informazzjoni ppubblikata ġġib fix-xejn l-obbligu li l-ipproċessar tad-data jsir għal skopijiet partikoalri, stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Fil-fatt, wara li tkun ġiet ippubblikata, id-data tkun tista’ tintuża mill-ġdid għal kwalunkwe skop, u indipendentement mill-għanijiet li għalihom tkun inġabret oriġinarjament.

119. Iżda l-Finlandja hi tal-fehma li l-ipproċessar ta’ data personali li tkun ġiet ippubblikata huwa ġġustifikat mill-prinċipju tal-libertà ta’ espressjoni. Imma, kuntrarjament għall-argument Finlandiż, dan l-argument ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li, f’dan il-każ, l-għoti fil-forma ta’ servizz ta’ SMS hu wkoll inkluż fil-libertà ta’ espressjoni. Din il-kunsiderazzjoni hija interessanti biex jiġi vverifikat b’mod partikolari l-argument tal-Iżvezja li tgħid li dan is-servizz jissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jew id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-implementazzjoni Finlandiżi, u b’hekk għandu jgawdi mill-privileġġ mogħti lill-mezzi ta’ komunikazzjoni.

120. Madankollu, skont id-dritt Finlandiż, l-ipproċessar tad-data personali li tkun ġiet ippubblikata, b’ebda mod ma huwa suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data. Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk il-libertà ta’ espressjoni tkoprix ukoll il-libertà li din id-data tiġi pproċessata mingħajr restrizzjonijiet.

121. Il-libertà ta’ espressjoni tinkludi, skont l-Artikolu 10(1) KEDB, il-libertà li jiġu rċevuti jew li tingħata informazzjoni jew ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi. Sakemm l-ipproċessar tad-data personali ppubblikata jkun meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan, huwa konsegwentement jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni. Madankollu din il-libertà tista’ u għandha tiġi limitata sa fejn id-dritt għall-ħajja privata jimpedixxi l-ipproċessar tad-data. Konsegwentement, ma jistax jingħata privileġġ sistematiku għal dan l-ipproċessar. Bil-kontra, għandu jiġi vverifikat kull darba liema dritt fundamentali jirbaħ.

122. Fil-każ ta’ informazzjoni ppubblikata li, minnha nfisha, tkun magħrufa b’mod ġenerali, bħala regola għandu jitqies li d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata huwa anqas importanti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt għall-ħajja privata jimpedixxi li ċerta informazzjoni tiġi ripetuta jew approfondita permezz ta’ pproċessar ulterjuri tal-informazzjoni, bħal per eżempju fil-każ ta’ informazzjoni falza, offensiva jew fil-każ ta informazzjoni li tirrigwarda l-ħajja privata.

123. Huwa possibbli li d-derogi għar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data jibqgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 13. F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata b’mod speċjali l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor skont il-paragrafu 1(g) ta’ dan l-Artikolu. Wieħed jista’ jimmaġina li l-libertà ta’ espressjoni tinkludi fil-Finlandja d-dritt għall-għoti ta’ informazzjoni mingħajr restrizzjonijiet ulterjuri mil-lat tal-protezzjoni tad-data. Għandu jitqies ukoll il-fatt li l-ipproċessar ta’ informazzjoni ppubblikata jaffettwa d-dritt għall-ħajja privata ħafna inqas mill-ipproċessar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. F’dan ir-rigward, bla dubju l-Istati membri għandhom poter wiesa’ diskrezzjonali.

124. Dan il-poter diskrezzjonali ma jistax ikollu madankollu bħala konsegwenza li d-derogi għall-protezzjoni tad-data jillegalizzaw restrizzjoni li evidentement tkun sproporzjonata għad-dritt għall-ħajja privata. B’hekk, l-ipproċessar ulterjuri ta’ informazzjoni personali li jiġi ppruvat li tkun falza, ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li din ġiet ippubblikata.

125. Minbarra dan, l-Artikolu 13 tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data ma jawtorizzax li jiġu stabbiliti derogi għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, dawn id-derogi huma limitati għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 6(1) dwar l-ipproċessar tad-data, għad-dritt ta’ informazzjoni u għad-dritt ta’ aċċess skont l-Artikoli 10, 11(1) u 12 kif ukoll għall-pubbliċità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 21.

126. Għalhekk hemm bżonn li fir-rigward tar-raba’ domanda tingħata risposta fis-sens li s-sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data.

127. Madankollu anki b’referenza għar-raba’ domanda jeħtieġ jitfakkar li d-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data ma tistax, waħedha, toħloq xi obbligu fuq Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy. Għall-kuntrarju, għal dan l-iskop hu meħtieġ li tkun teżisti bażi legali fid-dritt nazzjonali, li eventwalment tiġi interpretata skont id-Direttiva fuq il-protezzjoni tad-data imma mhux contra legem (71).

V –    Konklużjoni

128. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari kif ġej:

1.      Għandha tiġi kkunsidrata bħala pproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data attività li tikkonsisti, kif deskritt fid-domanda preliminari:

a      fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni;

b      fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun;

c      fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali;

d      fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna.

2.     L-ipproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva 95/46 isir għal għanijiet ġurnalistiċi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jekk ikun immirat lejn it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Hija l-qorti tar-rinviju, abbażi tal-informazzjoni kollha oġġettiva li jkollha f’idejha, li għandha tivverifika jekk u sa fejn l-ipproċessar tad-data fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isirx għal għanijiet ġurnalistiċi.

3.     L-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46 ma fiha ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni jekk id-data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi tistax tiġi ppubblikata u tingħata sabiex tiġi pproċesssata għal skopijiet kummerċjali.

4.     Is-sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 281, p. 31, emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 284, p. 1.


3 – Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2007, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy (C‑73/07, Ġabra p. I-7075, punti 2 et seq).


4 – Ara rigward dawn il-kunċetti Stefan Walz, § 41, punt 1, fi: Spiros Simitis, Bundesdatenschutzgesetz, 6 Ed., Baden Baden 2006, u Friederike Neunhoeffer, Das Presseprivileg im Datenschutzrecht, Tübingen 2005.


5 – Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, minn C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra 2002, p. I‑8375, punt 274), kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon AG (C‑301/04 P, Ġabra p. I‑5915, punt 43).


6 – Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 44); tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, Ġabra p. I‑4007, punt 23); tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑353/89, Ġabra p. I‑4069, punt 30), kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C‑250/06, Ġabra p. I-11135, punt 41).


7 – ĠU C 364, p. 1. Imtenni b’adattamenti mill-proklamazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2007, ĠU C 303, p. 1.


8 – Ara s-sentenzi ta’ Collectieve Antennevoorziening Gouda u United Pan-Europe Communications Belgium et (it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).


9 – Protokoll anness mat-Trattat KE, ĠU 1997 C 340, p. 109.


10 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-7 ta’ Diċembru 1976, Handyside (Sensiela A, nru 24, punt 49); tal-24 ta’ Mejju 1988, Müller et (Sensiela A, nru 133, punt 33); tas-26 ta’ Settembru 1995, Vogt (Sensiela A, nru 323, punt 52), tat-12 ta’ Frar 2008, Guja (li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 69), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 39).


11 – Sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta’ Mejju 1990, Autronic AG (12726/87, Sensiela A nru 178, punt 47) u tal-24 ta’ Frar 1994, Casado Coca (15450/89, Sensiela A nru 285-A, §§ 35 et seq) F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tirriferi bir-raġun anki għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fenelly tal-15 ta’ Ġunju 2000, fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, Ġabra p. I‑8419, punti 153 et seq).


12 – F’dan is-sens ukoll hija s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I-271, punt 64).


13 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (Kawżi magħquda C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punt 74).


14 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ Ġunju 2004, von Hannover, (59320/00, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2004-VI, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, von Hannover (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 70).


16 – Ara fuq il-libertà ta’ espressjoni s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689, punt 26) u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 79) kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Handyside (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 48) u tas-26 ta’ Novembru 1991, Observer u Guardian (13585/88, Sensiela A, nru 216, punt 59) kif ukoll, fuq id-dritt għall-ħajja privata, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 42) u Österreichischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 71) u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Marzu 1987, Leander (9248/81, Sensiela A nru 116,punt 58) tas-27 ta’ Mejju 2004, Connors (66746/01, li għadha ma ġietx ippubblikata,punt 81).


17 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, von Hannover (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, §§ 61 et seq).


18 – Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punti 82 et seq), kif ukoll Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 65 et seq).


19 – Ara s-sentenzi Lindqvist (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 83 et seq) u Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 67).


20 – Ara s-sentenzi Lindqvist (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 87) u Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna punt 68).


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 61 et seq, b’mod partikolari fil-punt 68.


22 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 91 et seq.


23 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 86 et seq.


24 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 33.


25 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 34.


26 – Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 37 et seq), u tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, Ġabra p. I-505, punt 44); ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 63).


27 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, The International Transport Workers’ Federation u The Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, Ġabra p. I-10779, punt 85).


28 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval u Partneri (C‑341/05, Ġabra p. I-11767).


29 – Sentenza The International Transport Workers’ Federation u The Finnish Se amen’s Union (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27).


30 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, Ġabra p. I‑6959).


31 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, C‑112/00 (Ġabra p. I‑5659).


32 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 82 u 93.


33 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 83 et seq.


34 – Konklużjonijiet tad-19 ta’ Settembru 2002, fil-kawża Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punti 35 et seq), u tal-14 ta’ Novembru 2002, fil-kawża Österreichischer Rundfunk et (Kawżi magħquda C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punti 43 et seq).


35 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42).


36 – Sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, Ġabra p. I‑5083, punt 34), u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 25), rispettivament fuq id-derogi għall-protezzjoni tal-ispeċi; tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑169/00, Ġabra p. I‑2433, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata), fuq il-VAT; tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, Ġabra p. 5565, punt 19) kif ukoll tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, Ġabra p. I-8319, punt 35), rispettivament fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati f’materji ċivili, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2007 C (C‑435/06, Ġabra p. I-10141, punt 60), fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati f’kawżi ta’ kustodja.


37 – Sentenza Lindqvist (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 83 et seq), ara wkoll is-sentenza Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 67) fuq id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, p. 37).


38 – Ara fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni s-sentenza Lindqvist (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 46 et seq).


39 – Bl-istess mod, anki l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali ffirmata fit-28 ta’ Jannar 1981 fi Strasburgu, SEV-n. 108, ma tistabbilixxi l-ebda privileġġ speċjali favur il-medja, imma li jkun hemm dispożizzjonijiet ta’ deroga għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddieħor. Ara wkoll l-osservazzjonijiet dwar l-Artikolu 9(b) tal-Konvenzjoni, Rapport ta’ spjegazzjoni, nru 58, http://conventions.coe.int/Treaty/FR/Reports/Html/108.htm.


40 – L-Artikolu 19 tal-Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, COM (90) 314 def., ĠU 1990 C 277, p. 3 (9).


41 – Ara, b’mod partikolari, l-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 1992 [ĠU C 94, p. 173 (178)], il-proposta emendata tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 1992 [ĠU 1992 C 311, p. 30 (45)] u fl-aħħar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 1995 [ĠU nru C 93, p. 1 (9)].


42 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-25 ta’ Marzu 1985, Barthold (8734/79, Sensiela A nru 90, punt 58); tat-8 ta’ Lulju 1986, Lingens (9815/82, Sensiela A nru 103, punt 44); tat-23 ta’ Settembru 1994, Jersild (15890/89, Sensiela A nru 298, punt 31), Observer u Guardian (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 59); von Hannover (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 63) kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2004, Pedersen u Baadsgaard [GC](49017/99, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2004-XI punt 71).


43 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2000, News Verlags GmbH & Co. KG (31457/96, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2000‑I, punt 54); tas-6 ta’ Frar 2001, Tammer (41205/98, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001-I, punt 68); tat-18 ta’ Mejju 2004, Editions Plon (58148/00, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2004-IV, punt 44); tal-10 Diċembru 2007, Stoll (69698/01, §§ 118 et seq), kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2007, Nikowitz u Verlagsgruppe News GmbH (5266/03, punt 25).


44 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, News Verlags GmbH & Co. KG (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 56).


45 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Editions Plon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 44).


46 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Stoll (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 122) u Lingens (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 42). Fuq id-diriġenti fil-ħajja ekonomika ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1 ta’ Marzu 2007, Tønsbergs Blad AS u Haukom (510/04, li mhijiex ippubblikata, punt 87).


47 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza von Hannover (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 65), ara wkoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza News Verlags GmbH & Co.KG (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 54).


48 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza von Hannover (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 51). Ara b’mod ġenerali fuq l-aspettattivi leġittimi b’referenza għall-ipproċessar tad-data wkoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1997, Halford (20605/92, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1997-III, punt 45); tal-25 ta’ Settembru 2001, P. G. u J. H. (44787/98, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001-IX, punt 57) kif ukoll tat-3 ta’ April 2007, Copland (62617/00, li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 42).


49 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999 (29183/95, Ġabra tas-Sentenzi u deciżjonijiet 1999-I).


50 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Fressoz u Roire (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 50).


51 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Fressoz u Roire (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 53).


52 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Fressoz u Roire (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 53).


53 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Fressoz u Roire (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 50).


54 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1996, Goodwin (28957/95, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1996‑II, punt 39) u tas-27 ta’ Novembru 2007, Tillack (20477/05, punt 53), estendiet espressament il-protezzjoni tal-libertà tal-istampa għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.


55 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza Autronic AG (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 47) tirreferi għall-fatt li diversi sentenzi mogħtija dwar il-libertà tal-istampa jirrigwardaw impriżi li riedu jaqilgħu profitt permezz tal-attività tagħhom tal-istampa.


56 – Ara d-digriet tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer (Kawżi magħquda C‑435/02 u C‑103/03, Ġabra p. I‑8663, punt 47).


57 – Każ bħal dan jipprovdi l-bażi tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta’ Ġunju 2001, Verein gegen Tierfabriken (24699/94, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001-VI) dwar riklam kontra l-produzzjoni tal-laħam, imma mhux tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ Frar 1994, Casado Coca (Sensiela A nru 285‑A) dwar il-projbizzjoni tar-riklamar mill-avukati. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 156).


58 – Ara, fuq l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura Komunitarja, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 11); tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑300/89, Titandioxid, Ġabra p. I‑2867, punt 10), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑440/05, Ġabra p. I-9097, punt 61); fuq il-verifika tal-iskopijiet leġittimi, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 75), kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Ing. Auer (C‑251/06, Ġabra p. I-9689, punt 46) u, fuq il-verifika ta’ provvista interkomunitarja fil-liġi tal-VAT, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C‑409/04, Ġabra p. I-7797, punti 39 et).


59 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 89 et seq).


60 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Fressoz u Roire (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, b’mod partikolari punt 53), fejn tiġi diskussa biss is-sitwazzjoni legali nazzjonali. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta’ Novembru 1996, Gedin (Rikors nru 29189/95) fuq l-indikazzjoni bl-isem, f’lista, tad-debituri ta’ taxxi mhux imħallsin.


61 – Sentenzi Lindqvist (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 83) u Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna12, punt 67).


62 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 48); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (Kawżi magħquda C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 108), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp (C‑80/06, Ġabra p. I-4473, punt 20).


63 – Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).


64 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punti 75 et seq).


65 – Konklużjonijiet tat-8 ta’ Frar 2007, fil-kawża Kofoed (C‑321/05, Ġabra p. I-5795, punt 67).


66 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák tal-15 ta’ Frar 2007, Palacios de la Villa (C-411/05, Ġabra p. I-8531, punti 133 et seq), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-24 ta’ Jannar 2008, Michaeler u Subito GmbH (Kawżi magħquda C‑55/07 u C‑56/07, Ġabra p. I-3135, punti 21 et seq).


67 – Sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26); Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 113), kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C‑356/05, Ġabra p. I‑3067, punt 42).


68 – Sentenzi Lindqvist (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 87); tas-27 ta’ Ġunju 2006 Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 105), kif ukoll Promusicae (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 68).


69 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punti 44 u 47), u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 110).


70 – Ara l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni dwar l-ipproċessar tad-data personali, COM (1990) 314 def., p. 40, u l-proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni naturali fir-rigward tat-trattament tad-data personali kif ukoll għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ din id-data, COM (1992) 422, p. 28 et seq.


71 – Ara aktar ’il fuq punti 99 et seq.