Language of document : ECLI:EU:T:2012:492

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Multi – Prova tal-ksur – Gravità tal-ksur – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Drittijiet tad-difiża – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑362/06,

Ballast Nedam Infra BV, stabbilita f’Nieuwegein (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn A. Bosman u J. van de Hel, sussegwentement minn A. Bosman u E. Oude Elferink, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, A. Nijenhuis u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn F. Wijckmans, F. Tuytschaever u L. Gyselen, sussegwentement minn F. Wijckmans u F. Tuytschaever, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)], sa fejn din tikkonċernaha, u, sussidjarjament, min-naħa waħda, talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni msemmija u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament parzjali ta’ din l-istess deċiżjoni sa fejn din tiffissa t-tul tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti u għat-tnaqqis korrelattiv tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, il-kumpannija Ballast Nedam Infra BV, hija membru tal-grupp Ballast Nedam, li topera fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u hija mmexxija mill-kumpannija Ballast Nedam NV, li għandha sehem ta’ 100 % fil-kapital tar-rikorrenti. Bix-xiri tal-kumpanniji tal-kostruzzjoni tat-toroq Eemsmond Wegenbouw BV u Bruil Infrastructuur BV fl-1995, il-grupp sar parteċipant kbir fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema attivitajiet huma ċentralizzati fi ħdan il-kumpannija Ballast Nedam Grond en Wegen BV (iktar ’il quddiem “BNGW”), sussidjarja 100 % tar-rikorrenti. Mill-1 ta’ Ottubru 2000, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq tal-grupp ġew eżerċitati direttament mir-rikorrenti. Mill-14 ta’ Frar 2003, Ballast Nedam Nederland BV hija l-kumpannija intermedjarja bejn Ballast Nedam u r-rikorrenti.

2        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, il-kumpannija British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza allegata ta’ akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

3        Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża fl-uffiċċji ta’ xi kumpanniji. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti, fit-30 ta’ Ġunju 2003, li rrispondiet għalihom fl-4 u fit-12 ta’ Settembru 2003.

4        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta l-jum ta’ wara lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti rrispondiet għal din fl-20 ta’ Mejju 2005.

5        Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta’ Settembru 2006.

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-kumpanniji destinatarji kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien u b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi l-kbar” jew il-“W5”) u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq l-oħra (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi ż-żgħar”).

7        Ir-rikorrenti u Ballast Nedam ġew irrikonoxxuti ħatja ta’ dan il-ksur għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-15 ta’ April 2002. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreżumiet li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq BNGW, li kienet tipparteċipa fil-laqgħat dwar l-akkordju sal-1 ta’ Ottubru 2000. Id-deċiżjoni kkontestata tindika li r-rikorrenti kienet hija stess tipparteċipa f’dawn il-laqgħat minn din id-data u sa meta ntemm il-ksur. Ir-rikorrenti u Ballast Nedam ġew imposti in solidum multa ta’ EUR 4.65 miljuni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

9        Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi domandi bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

10      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011.

11      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

12      B’digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

13      B’ittri, rispettivament, tal-25 u tat-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni u r-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu qegħdin jirrinunzjaw għas-smigħ mill-ġdid tagħhom.

14      Konsegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonċerna lilha jew, għall-inqas, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha minn dan l-Artikolu;

–        sussidjarjament, u b’mod alternattiv, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonċerna t-tul tal-ksur sa Ottubru 2000, u tnaqqas b’mod konsegwenti l-multa li ġiet imposta fuqha mill-Artikolu 2, sa fejn dan jikkonċerna lilha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-1998”), it-tielet wieħed fuq ksur tal-Artikolu 81 KE li jirriżulta mill-evalwazzjoni żbaljata tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BNGW u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża.

18      Qabel kollox għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 meta informatha, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet qed iżżommha responsabbli għall-ksur imwettaq minn BNGW, mingħajr ma indikat dan fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

20      Il-Kummissjoni tfakkar li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indikat li r-rikorrenti kienet preċedentement imsejħa BNGW u li Ballast Nedam u r-rikorrenti kienu responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju mill-1995. Fiha, din indikat ukoll li kienet tqis li l-kumpanniji parent ta’ kull grupp setgħu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħhom. Peress li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ir-rikorrenti semmiet li hija kienet il-kumpannija parent ta’ BNGW, din ma setgħetx tinjora li kienet ser tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ din tal-aħħar. Din ir-risposta, li kienet tindika li BNGW ma kinitx il-predeċessur tar-rikorrenti, iżda 100 % sussidjarja tagħha, wasslet lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll id-difiża ta’ BNGW, li tinkludi l-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Ottubru 2000. Apparti dan, billi ma rrispondietx għat-talba tal-Kummissjoni biex tipprovdilha organigramma tal-grupp Ballast Nedam qabel l-1 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti ħolqot il-konfużjoni dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ BNGW qabel din id-data.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

21      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa mfassal b’dan il-mod:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.”

22      B’hekk, skont il-ġurisprudenza, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti meqjusa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 67). Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punti 143 u 146, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 21). Huwa importanti wkoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 39).

23      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68). Barra minn hekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li ksur tad-drittijiet tad-difiża jkollu jiġi kkonstatat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 26 u 94, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punti 49 sa 52). Dan ma huwiex il-każ meta l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali jikkonċernaw biss aġir li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati diġà kienu spjegaw ruħhom u li, għalhekk, ma humiex relatati ma’ lment ġdid (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 191).

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, biex jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ma jistgħux biss jinvokaw is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jesponu b’mod preċiż u konkret fiex kull waħda minn dawn id-differenzi tikkostitwixxi, fil-każ inkwistjoni, ilment ġdid li dwaru huma ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu (sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 192). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, sa fejn dan ikun jiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ksur li qed jiġi allegat fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 70).

25      Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha, billi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet naqset milli tindika li, minbarra l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur mill-1 ta’ Ottubru 2000, hija kienet tippreżumi wkoll ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li hija kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BNGW.

26      Mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li qabel kollox, il-Kummissjoni fakkret, b’mod ġenerali, li kull grupp ta’ kumpanniji kkonċernat kien jikkostitwixxi impriża waħda u li l-kumpannija parent tal-grupp setgħet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha (punt 324). Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti b’mod iktar speċifiku, hija indikat li din kienet tikkostitwixxi s-suċċessur fil-liġi ta’ BNGW (punt 49 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 28) u li Ballast Nedam, Ballast Nedam Nederland, ir-rikorrenti u d-diversi sussidjarji l-oħra ta’ kostruzzjoni tat-toroq kienu lkoll jifformaw parti mill-grupp Ballast Nedam u kienu jikkostitwixxu l-istess impriża waħda (punt 50). Finalment, hija ppreċiżat li r-rikorrenti (preċedentement BNGW) kienet ipparteċipat direttament fil-prattika li tikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni (punt 339). Għalhekk, hija għażlet li tindirizza d-dikjarazzjoni msemmija lir-rikorrenti, għall-“parteċipazzjoni diretta tagħha (u dik tal-predeċessuri tagħha) fil-ftehimiet ta’ kollużjoni”, u lil Ballast Nedam, “għall-parteċipazzjoni tagħha permezz tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja ‘tal-infrastrutturi’ tagħha, Ballast Nedam Infra […]” (punt 342).

27      B’hekk, il-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur kif ukoll minħabba l-kwalità tagħha bħala suċċessur ta’ BNGW, li kienet ukoll ipparteċipat direttament fil-ksur qabel Ottubru 2000. Min-naħa l-oħra, hija ma semmietx il-possibbiltà ta’ imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BNGW fil-kwalità tagħha bħala kumpannija parent ta’ din tal-aħħar.

28      Peress li r-rikorrenti semmiet, fil-punt 17 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ma kinitx is-suċċessur legali ta’ BNGW, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-akkordju sal-1 ta’ Ottubru 2000 kienet saret permezz ta’ impjegat ta’ BNGW, li kienet 100 % sussidjarja tar-rikorrenti. Għalhekk, hija żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur imwettaq minn BNGW, għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, fil-kwalità tagħha bħala kumpannija parent li kellha 100 % sehem fiha. Din żammitha wkoll responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002 minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fih (premessi 293 u 294 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma indikatx f’liema kwalità r-rikorrenti kienet qedha tiġi akkużata bil-fatti allegati. Għalhekk, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma setgħetx tipprevedi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timputa l-ksur lilha, fid-deċiżjoni finali tagħha, abbażi tal-involviment dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju, u abbażi tal-kwalità tagħha bħala kumpannija parent b’100 % sehem f’BNGW, minħabba l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar, li hija kellha l-oneru tal-prova kontriha.

30      Peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ppermettietx lir-rikorrenti li ssir taf bl-ilment ibbażat fuq l-involviment indirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju, din ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha b’mod utli f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva.

31      Is-sempliċi ċirkustanzi li, min-naħa waħda, il-Kummissjoni kienet indikat, b’mod ġenerali, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet ser iżżomm lill-kumpanniji parent responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom (punti 324 u 278) u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet taf li BNGW kienet 100 % sussidjarja tagħha, u mhux il-predeċessur legali tagħha, ma humiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’liema kwalità r-rikorrenti kienet qed tiġi akkużata bil-fatti allegati.

32      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għalkemm ir-rikorrenti ressqet argumenti intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE billi għamlet riferenza għal “BNGW u għal BN Infra (wara Ottubru 2000)”, madankollu, hija ma ppreżentat ebda argument intiż sabiex jistabbilixxi l-awtonomija ta’ BNGW fir-rigward tagħha sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq il-politika kummerċjali ta’ din l-aħħar kumpannija.

33      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-iżball imwettaq fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tar-rabta eżistenti bejn BNGW u r-rikorrenti huwa imputabbli lil din tal-aħħar, peress li hija ma bagħtitx l-organigramma tal-istruttura tal-grupp tagħha qabel l-1 ta’ Ottubru 2000, kif kienet mitluba li tagħmel fit-30 ta’ Ġunju 2003. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax teżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tindika f’liema kwalità r-rikorrenti kienet qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li, min-naħa waħda, kieku fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kienet ċara fuq dan l-aspett, ir-rikorrenti kienet tkun f’pożizzjoni li tippreżenta d-difiża tagħha fuq dan il-punt, billi tipprovdi tali organigramma fuq inizjattiva tagħha stess, u peress li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) u (3), u l-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkonferixxu lill-Kummissjoni mezzi vinkolanti sabiex tikseb din it-tip ta’ informazzjoni.

34      Finalment, peress li r-rikorrenti kienet indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ma kinitx is-suċċessur legali ta’ BNGW, kienet il-Kummissjoni li kellha tadotta oġġezzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ timputa lilha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BNGW fil-kwalità tagħha bħala kumpannija parent b’100 % sehem f’din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il‑Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 14, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 192).

35      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tiżgura utilment id-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bħala kumpannija parent b’100 % sehem f’BNGW.

36      Konsegwentement, hemm lok għalfejn il-Qorti Ġenerali, min-naħa waħda, tannulla l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-imputazzjoni tal-aġir ta’ BNGW lir-rikorrenti għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000 u, min-naħa l-oħra, li teżerċità l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, irrikonoxxuta lilha mill-Artikolu 261 TFUE u mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex, b’mod konformi mat-talbiet imressqa mir-rikorrenti, tasal għall-konsegwenzi li dan l-annullament ikollu fuq l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. Dawn ser jiġu eżaminati fil-punti 136 u s-segwenti iktar ’il quddiem.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE

 L-argumenti tal-partijiet

37      Filwaqt li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE jinsab fuq il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, din ma ressqitx provi biżżejjed.

38      B’hekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx biżżejjed l-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross tal-bitum. L-unika prova mressqa f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni tikkonsisti fid-dikjarazzjonijiet tal-fornituri tal-bitum (iktar ’il quddiem il-“fornituri”), li ma humiex kredibbli. Barra minn hekk, hija tikkontesta li rrikonoxxiet l-involviment tagħha f’dan ir-rigward. Hija tosserva li l-fornituri kienu jiffissaw, matul laqgħat preparatorji, il-prezz gross tal-bitum, li dawn kienu sussegwentement jikkomunikaw lill-kostrutturi l-kbar waqt laqgħat. Barra minn hekk, il-fornituri, li jkunu diġà implementaw akkordju fuq il-prezzijiet tal-bitum, ma kien ikollhom ebda raġuni għalfejn jaqsmu din is-setgħa ma’ kumpanniji ta’ daqs medju u li kienu jiddependu fuqhom. Finalment, is-sempliċi fatt li l-kostrutturi l-kbar kienu jaċċettaw il-prezz gross iffissat mill-fornituri ma jistax jiġi kkwalifikat bħala akkordju.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-W5 kien jikseb tnaqqis ikbar minn dak mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar minħabba l-kwantitajiet mixtrija. Barra minn hekk, il-kostrutturi ż-żgħar kemm-il darba kisbu tnaqqis ikbar minn dak mogħti lill-W5. Il-fatt li kostruttur kbir jitlob tnaqqis addizzjonali meta jsir jaf bil-kisba minn kostruttur żgħir ta’ tnaqqis ikbar minn tiegħu u mhux iġġustifikat mill-volum mixtri jifforma parti mill-prattiki kummerċjali normali u ma għandux jitqies bħala “sanzjoni”. Tnaqqis addizzjonali ġie nnegozjat kollettivament mill-kostrutturi l-kbar darba biss. Għalhekk, ma teżisti l-ebda prova tal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet impost mill-kostrutturi l-kbar meta l-fornituri kienu jagħtu tnaqqis ikbar minn tagħhom lil wieħed mill-kostrutturi ż-żgħar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li l-ftehim dwar it-tnaqqis standard mogħti lill-W5 ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 81 KE u li dan it-tnaqqis jikkostitwixxi biss tnaqqis minimu li jservi bħala bażi waqt in-negozjati bilaterali.

40      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kostrutturi l-kbar ma kellhomx interess fl-iffissar tal-prezz gross mal-fornituri. Fil-fatt, iż-żewġ gruppi kellhom interessi opposti, peress li l-kostrutturi l-kbar kienu jfittxu stabbiltà fil-prezzijiet li l-fornituri ma xtaqux. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kostrutturi l-kbar ma kellhomx interess fi tnaqqis tal-prezz tal-bitum minħabba l-mekkaniżmu ta’ regolament tar-riskji, li kien jippermetti li ż-żidiet fil-prezz jitpoġġew fuq is-sidien tax-xogħlijiet, peress li dan il-mekkaniżmu kien applikabbli biss għal parti negliġibbli tal-proġetti.

41      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Avviż dwar kemm għandu japplika l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim ta’ koperazzjoni orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 25, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali”), punt 116, ix-xiri kollettiv jista’ jitqies li jiffavorixxi l-kompetizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat li tapplika dan it-test mingħajr investigazzjoni fuq l-istruttura tas-suq u mingħajr kejl tal-effetti tal-ftehimiet fuq is-suq.

42      Finalment, fil-ħames lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx, min-naħa waħda, jekk l-aġiri allegati kellhomx l-għan jew l-effett li joħonqu l-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk il-konsumaturi finali kinux ġew miċħuda mill-benefiċċji tal-kompetizzjoni, kif wara kollox tistabbilixxi l-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra p. II‑2969, punt 121).

43      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

44      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u mal-ġurisprudenza preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86), l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE jinsab fuq l-awtorità li tallegah, fejn din hija marbuta li tistabbilixxi l-provi adatti sabiex turi, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Unjoni enfasizzat li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il‑Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265) u li għalhekk, b’mod konformi mal-preżunzjoni tal-innoċenza, ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fil-liġi jekk għadu jeżisti dubju fil-ħsieb tagħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 177). Madankollu, kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni mhux neċessarjament għandha tissodisfa dawn il-kriterji fil-konfront ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-firxa tal-provi invokata mill-istituzzjoni, meqjusa globalment, tissodisfa din il-ħtieġa (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180). Għalhekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ewwel motiv, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk il-Kummissjoni kellhiex provi biżżejjed dwar l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li l-Kummissjoni rnexxielha tiġbor provi dokumentarji insostenn tal-ksur allegat u peress li dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fl-imsemmi ftehimiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 46). Għalhekk, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, hija ma jkollhiex għalfejn tikkunsidra l-argument dwar l-interess tar-rikorrenti fl-akkordju.

46      Apparti dan, għandu jiġi ppreċiżat li mill-punt 36 iktar ’il fuq jirriżulta li l-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali jikkonċernaw biss il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002, li matulu r-rikorrenti pparteċipat direttament fil-ksur. Barra minn hekk, għandhom jiġu evalwati l-ftehimiet konklużi bejn il-W5 u l-fornituri b’mod globali, peress li dawn jikkonċernaw tliet elementi, jiġifieri l-prezz gross, it-tnaqqis minimu mogħti lill-W5, u t-tnaqqis massimu applikabbli għall-kostrutturi ż-żgħar.

–       Fuq l-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross

47      Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-ex-impjegati tal-fornituri, ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll dik ta’ kostruttur kbir ieħor, ma humiex biżżejjed sabiex juru l-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross tal-bitum. Din tosserva li l-prezz gross tal-bitum kien iffissat biss mill-fornituri matul laqgħat preparatorji.

48      F’dak li jirrigwarda r-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn din jirriżulta li hija, minn naħa, ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-bitum, iżda li hija, min-naħa l-oħra, ikkontestat l-iffissar tal-prezz flimkien mal-fornituri, minkejja l-fatt li l-W5 kellu sehem fid-deċiżjoni dwar it-tnaqqis.

49      Fil-fatt, fil-punt 105 ta’ din ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti indikat is-segwenti:

“BN Infra (Ballast Nedam) tirrikonoxxi li pparteċipat ma’ kostrutturi kbar oħra fi ftehim fuq il-bitum li l-fornituri kienu rrappreżentati fih (‘ftehim fuq il-bitum’). F’din l-okkażjoni ġew diskussi l-prezzijiet u t-tnaqqis”.

50      Madankollu, fil-punti 127 u 128 ta’ dan id-dokument, ir-rikorrenti tosserva li “s-suġġeriment […] li l-ammont tal-prezz tal-bitum standard kien iffissat bi ftehim mill-fornituri kollettivament u mill-kostrutturi l-kbar kollettivament fil-ftehim dwar il-bitum, u peress li l-kostrutturi kienu jesprimu opinjoni f’dan ir-rigward qabel il-ftehim dwar il-bitum, ma huwiex eżatt” u li “l-bdil fil-prezz kien miftiehem minn qabel mill-fornituri, mhux fil-preżenza tal-kostrutturi l-kbar, u fil-każijiet fejn kien jintlaħaq ftehim dwar il-bitum, dan il-bdil kien jiġi kkomunikat, u effettivament impost, fuq il-kostrutturi l-kbar tat-toroq”. Fil-punt 106 tar-risposta tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara s-segwenti:

“[M]a kienx hemm kwistjoni ta’ impatt reali min-naħa tal-kostrutturi l-kbar fuq il-formazzjoni tal-prezz. Il-prezzijiet tal-bitum kienu ddeterminati mill-fornituri qabel il-ftehim. Iżda f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis, il-fornituri kienu lesti għad-diskussjoni”.

51      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti pparteċipatx, mal-W5, fl-iffissar tal-prezzijiet u tat-tnaqqis, għandhom jiġu eżaminati l-provi l-oħra tal-fajl dwar il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002.

52      Fl-ewwel lok, diversi dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jixhdu l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn il-fornituri u l-W5 fuq il-prezz gross, fejn dan ma huwiex iffissat unilateralment mill-fornituri u impost fuq il-W5, kif issostni r-rikorrenti.

53      B’hekk, faks interna tal-kumpannija Hollandsche Beton Groep (iktar ’il quddiem “HBG”) tat-3 ta’ Ottubru 2000 u l-minuti tal-kumpannija Heijmans Infrastructuur BV (iktar ’il quddiem “Heijmans”) dwar il-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 2000 isemmu li l-partijiet “iddiskutew” żieda fil-prezzijiet (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata). Xi noti ta’ HBG u tal-kumpannija Koninklijke Wegenbouw Stevin (iktar ’il quddiem “KWS”) dwar il-laqgħa preparatorja tal-W5 li ppreċediet il-ftehim tas-16 ta’ Frar 2001 juru wkoll li l-W5 ippropona prezz għall-bitum kif ukoll tnaqqis għall-W5 (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, xi noti ta’ HBG u ta’ KWS jirreferu għal laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2001, li matulha l-fornituri xtaqu jbaxxu l-prezz gross filwaqt li l-W5 kien jippreferi jżomm il-prezz gross fis-seħħ (premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Dikjarazzjoni ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002 tindika wkoll li l-prezz tal-bitum propost mill-fornituri ma kienx sistematikament aċċettat mill-W5 (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 156). Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-kumpannija Kuwait Petroleum (Nederland) BV (iktar ’il quddiem “KPN”) tat-12 ta’ Settembru 2003 turi li l-fornituri kienu jipproponu ċertu livell ta’ prezzijiet, li kien diskuss mal-kostrutturi l-kbar, bħat-tnaqqis li kien ingħatalhom. Finalment, fir-risposta tagħha tal-20 ta’ Mejju 2005 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, KWS ammettiet li l-fornituri u l-W5 kienu kkonkludew ftehimiet abbażi tal-proposti tal-prezz gross li kienu saru mill-fornituri (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal diversi dokumenti li juru li n-negozjati bejn il-fornituri u l-W5 kienu jirrigwardaw ukoll it-tnaqqis mogħti lill-W5. B’hekk, fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, KWS indikat li d-diskussjonijiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu jirrigwardaw kemm il-“listi tal-prezzijiet”kif ukoll “it-tnaqqis standard” (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, xi noti ta’ HBG u ta’ KWS jirreferu għal-laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2001, billi jippreċiżaw il-prezz gross miftiehem, it-tnaqqis mogħti lill-W5 u dak mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Nota interna ta’ KWS tat-23 ta’ Mejju 2001, ikkonfermata mir-risposta tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni, issemmi wkoll il-prezz gross u t-tnaqqis mogħti lil W5 (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, KWS, li tikkwota lil wieħed mill-impjegati tagħha, saħansitra indikat li “iż-żidiet fil-prezz standard ma kinux jikkostitwixxu problema sakemm kien isegwi t-tnaqqis” (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fit-tielet lok, diversi elementi tad-deċiżjoni kkontestata jipprovaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim fuq il-bitum. B’hekk, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti tammetti li “pparteċipat ma’ kostrutturi kbar tat-toroq oħra fi ftehim fuq il-bitum li għalih kienu rrappreżentati l-fornituri”, li fih “kienu indiskussjoni l-prezzijiet u t-tnaqqis” (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 105 tar-risposta msemmija). Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatt li d-direttur ta’ BNGW, li fl-2000 sar id-direttur tar-rikorrenti, kien ipparteċipa fl-akkordju għall-grupp Ballast Nedam, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq żewġ dokumenti ssekwestrati waqt l-ispezzjoni għand KWS, fuq ir-risposta tal-impriża Nynas, tat-2 ta’ Ottubru 2003, għal talba għal informazzjoni, kif ukoll fuq dokument issekwestrat waqt l-ispezzjonijiet magħmula fl-uffiċċji tal-kumpannija BAM NBM (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata). Dokumenti oħra juru wkoll li r-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħa tal-akkordju tas-16 ta’ Frar 2001, li matulha ġew diskussi l-prezz tal-bitum u t-tnaqqis (premessa 115 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 291 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, xi dokumenti jipprovaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa tal-akkordju tad-29 ta’ Jannar 2002 (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Dawn il-provi jippermettu li jiġi stabbilit li l-ftehimiet konklużi bejn il-W5 u l-fornituri kienu jirrigwardaw kemm il-prezz gross kif ukoll it-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5. Il-fatt, jekk jitqies bħala stabbilit, li seta’ kien hemm xi diverġenzi u kunflitti waqt dawn in-negozjati bejn il-fornituri u l-W5 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-fornituri imponew iż-żiediet fil-prezz gross lill-W5.

57      Bl-istess mod, il-fatt li l-fornituri kienu jorganizzaw laqgħat preparatorji sabiex jiddiskutu l-prezzijiet ma jistax ikun suffiċjenti sabiex tiġi kkonfermata t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li l-kostrutturi l-kbar ma kinux jintervjenu fuq il-livell tal-prezz gross jew fuq it-tnaqqis. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-W5 kien iżomm ukoll laqgħat qabel jew wara l-ftehim fuq il-bitum, li matulhom il-membri tiegħu kienu jiddiskutu listi tal-prezzijiet u tnaqqis standard li l-fornituri kienu qalu li jridu jadottaw jew kienu, jekk ikun il-każ, adottaw mal-W5 (risposta ta’ KWS tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni u l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dikjarazzjonijiet tal-fornituri ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-kostrutturi l-kbar fl-akkordju, għandu jiġi mfakkar, min-naħa waħda, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tressaq provi provenjenti direttament mill-kostrutturi l-kbar, jekk provi oħra tal-fajl isostnu b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 161) u, min-naħa l-oħra, li, f’kull każ, mill-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq provi provenjenti mill-kostrutturi l-kbar stess.

59      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-valur tal-provi użati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-uniku kriterju ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward jinsab fil-kredibbiltà tagħhom u li, sabiex jiġi apprezzat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-kredibbilità tal-kontenut tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġni tad-dokument, iċ-ċirkustanzi marbuta mal-preparazzjoni tiegħu u d-destinatarju tiegħu, u għandu jiġi mistoqsi jekk, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u jekk huwiex kredibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Siment”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1838).

60      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ BP li assista biss għal-laqgħat preparatorji tal-fornituri, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Unjoni tqis li l-fatt li l-informazzjoni tiġi ppreżentata fit-tieni grad ma għandux impatt fuq il-valur tal-prova tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 86). F’kull każ, mill-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni użat dokumenti oħra sabiex tistabbilixxi l-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross.

61      Madankollu, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ KPN li saret fl-2003 fil-kuntest tat-talba tagħha intiża sabiex tibbenefika mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, li kienet tinkludi ċerti punti li fuqhom dan l-impjegat reġa’ ddiskuta ulterjorment f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li din kienet eżatta fuq numru ta’ punti oħra. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li din id-dikjarazzjoni tista’ tikkostitwixxi prova tal-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross, bil-kundizzjoni li din tkun ikkorroborata minn provi oħra. Mill-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni użat provi oħra għal dan il-għan.

62      Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ akkordji eventwali oħra bejn il-fornituri, jekk titqies li hija stabbilita, ma hijiex inkompatibbli mal-eżistenza ta’ akkordju bilaterali bejn dawn il-fornituri u l-W5.

63      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tnaqqis mogħti lill-W5 u l-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet

64      Ir-rikorrenti tosserva li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien kummerċjalment iġġustifikat minħabba l-kwantitajiet mixtrija u li l-Kummissjoni ma ressqet ebda prova ta’ sanzjoni imposta fuq il-fornituri talli taw tnaqqis ikbar lill-kostrutturi l-kbar.

65      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-kwantitajiet mixtrija b’mod individwali minn kull membru tal-W5, u mhux il-kwantità globali mixtrija mill-membri kollha tiegħu. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kostrutturi ż-żgħar ma kinux jibbenefikaw mill-istess tnaqqis bħall-membri tal-W5, minkejja li xi kultant kienu jixtru, b’mod individwali, kwantitajiet ta’ bitum ikbar mill-membri tal-W5. Għalhekk, f’dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, impjegat ta’ BP indika li l-fornituri spiss kienu jinjoraw il-ftehimiet konklużi mal-W5 billi jagħtu tnaqqis ikbar lil xi kostrutturi żgħar li kienu jixtru kwantitajiet ikbar ta’ bitum mingħandhom. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kostrutturi l-kbar stess kienu rrikonoxxew li b’mod ġenerali huma kienu jinnegozjaw tnaqqis ieħor skont il-kwantitajiet mixtrija b’mod individwali. Il-Kummissjoni kienet enfasizzat ukoll li, anki jekk jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li dan il-mekkaniżmu intuża darba waħda biss, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ għoti lill-kostrutturi ż-żgħar ta’ tnaqqis superjuri għal dak deċiż fil-ftehimiet tikkostitwixxi ħjiel ieħor tal-fatt li t-tnaqqis mogħti lill-W5 ma kienx proporzjonali għall-volumi mixtrija.

66      Dawn il-provi, kif ukoll l-importanza mogħtija mill-W5 lil-livell tat-tnaqqis tagħhom waqt il-laqgħat tal-akkordju (ara l-punt 54 iktar ’il fuq) jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien jiddependi fuq il-volumi mixtrija.

67      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi provi konkordanti li juru l-eżistenza ta’ sanzjonijiet finanzjarji individwali jew, għall-inqas f’ċirkustanza waħda, kollettivi mill-W5.

68      B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ksur inkwistjoni, KWS u BP semmew l-eżistenza ta’ multa kollettiva imposta lill-fornituri kollha fl-2000, wara li sar magħruf it-tnaqqis mogħti lill-kumpannija Krekel, kostruttur żgħir (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). KPN ikkonfermat ukoll il-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet fid-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2003 (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ħlas ta’ din il-multa seħħ fl-2001 taħt forma ta’ tnaqqis supplimentari. B’hekk, il-grupp Ballast Nedam indirizza kont lil Nynas intitolat “tnaqqis mogħti fuq il-proġett, kif miftiehem” u BP tatha tnaqqis supplimentari (premessi 112 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      BP iddikjarat ukoll, fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni, li KWS kienet irrinunzjat milli tikseb il-provvisti tagħha mingħand Veba fl-2002 wara li saret taf bi tnaqqis kbir mogħti lil kostruttur żgħir (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003, KPN ikkonfermat li, jekk fornitur kien jagħti lil kostruttur żgħir tnaqqis superjuri għal dak iffissat, il-W5 kien jhedded li ma jiksibx il-provvisti tiegħu mingħand dawn il-fornituri (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, f’dokument relattiv għall-ftehim tal-4 ta’ Mejju 2001, KWS semmiet ukoll il-multa imposta fuq l-impriża Nynas minħabba l-politika tal-prezzijiet tagħha (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), liema ħaġa ġiet ikkonfermata minn KPN fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Il-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm huwa minnu li dawn id-dokumenti ma jgħamlux riferenza b’mod preċiż għall-mekkaniżmu tal-multa kollettiva imposta fuq il-fornituri mill-W5, ħlief f’dak li jikkonċerna l-2000, madankollu juru, flimkien, li kien jeżisti mekkaniżmu individwali jew kollettiv ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim tal-akkordju matul l-eżistenza kollha tiegħu, li seta’ jikkonsisti jew f’waqfien ta’ ordnijiet mingħand il-fornituri li kisru l-ftehimiet imsemmija, jew f’multa imposta fuq il-fornitur li kiser il-ftehimiet jew fuq il-fornituri kollha.

71      Finalment, il-fatt li kull kostruttur kbir kien jinnegozja tnaqqis supplimentari b’mod bilaterali skont il-kwantitajiet mixtrija individwalment ma jistax ikun suffiċjenti bħala rimedju għan-natura antikompetittiva tal-ftehimiet inkwistjoni. Fil-fatt, anki jekk dawn il-ftehimiet kienu segwiti minn negozjati bilaterali fir-rigward tat-tnaqqis individwali għal kull kostruttur kbir, dawn kellhom bħala konsegwenza, min-naħa waħda, li jillimitaw l-inċertezzi tal-kompetizzjoni fost il-kostrutturi l-kbar u, min-naħa l-oħra, li jillimitaw il-kompetizzjoni fuq element wieħed tal-prezz, jiġifieri tnaqqis eventwali individwali supplimentari.

72      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas ta’ interess tal-W5 fl-iffissar komuni tal-prezz gross

73      Ir-rikorrenti ssostni li l-kostrutturi l-kbar ma kellhomx interess fl-iffissar komuni tal-prezz gross, kuntrarjament għall-fornituri, u li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-funzjonament tal-klawżoli ta’ regolament tar-riskji.

74      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, b’mod konformi mal-punt 45 iktar ’il fuq, li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fil-ftehimiet imsemmija, peress li l-Kummissjoni rnexxielha tiġbor provi dokumentarji insostenn tal-ksur allegat u peress li dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva (sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 46). F’dan il-każ, mill-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali (ara l-punti 47 sa 63 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti fil-liġi l-involviment tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. B’hekk, huwa biss sussidjarjament li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-kwistjoni ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-interess tal-W5 fil-ftehimiet.

75      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-fornituri, l-istess bħall-W5, kellhom interess komuni fl-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezz gross u t-tnaqqis. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li parteċipanti fl-istess akkordju seta’ jkollhom interessi ekonomiċi kumplimentari (sentenza FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 322).

76      Għandu jiġi eżaminat il-funzjonament tas-Centrum voor regelgeving en onderzoek in de grond-, water- en wegenbouw en de Verkeerstechniek (CROW, Ċentru għar-regolament u r-riċerka fil-qasam tal-inġinerija ċivili u tat-traffiku), entità mingħajr skop ta’ profitt li b’mod partikolari kienet inkarigata sabiex kull xahar tippubblika l-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq sa mis-snin sebgħin, abbażi tal-provi fil-fajl (premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

77      Il-pubblikazzjoni tal-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mill-CROW kienet issir, sal-1 ta’ Novembru 1995, wara konsulatazzjoni mal-produtturi tal-asfalt. Wara din id-data, il-kalkolu kien isir mis-CBS (Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika), entità governattiva, abbażi ta’ studju tas-suq li kien jirrigwarda diversi impjanti ta’ taħlit, jiġifieri qabel l-applikazzjoni ta’ eventwali tnaqqis lill-kostrutturi, u din il-lista tal-prezzijiet, ippubblikata mill-CROW (iktar ’il quddiem il-“lista tal-prezzijiet tal-CROW”), kienet isservi bħala riferenza għall-kuntratti tal-kostruzzjoni tat-toroq fuq żmien twil li kienu jinkludu klawżola ta’ regolament tar-riskji. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li, għal dawn il-kuntratti, fil-każ ta’ żieda fil-lista tal-prezzijiet tal-CROW lil hinn minn ċertu limitu (1 000 Fjorin Olandiż), l-awtoritajiet kontraenti kienu marbuta li jagħtu kumpens lill-kostrutturi. B’mod kuntrarju, fil-każ ta’ tnaqqis fil-lista tal-prezzijiet tal-CROW taħt dan il-limitu, il-kostrutturi kellhom jikkumpensaw lill-awtoritajiet kontraenti. Għalhekk, il-kostrutturi ma kinux żvantaġġjati minn żieda fil-prezzijiet meta dawn kienu jiżdiedu b’mod simultanju, u b’hekk kienu jżidu l-lista tal-prezzijiet tal-CROW. Min-naħa l-oħra, il-kostrutturi ma kellhomx interess fit-tnaqqis tal-prezz, li, għalkemm kien iwassal għal tnaqqis fil-lista tal-prezzijiet tal-CROW, kien jobbligahom li jirrimborsaw lill-parti kontraenti tagħhom bid-differenza fil-prezz.

78      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tipprova timminimizza l-importanza tal-lista tal-prezzijiet tal-CROW, billi ssostni li din kienet tikkonċerna biss il-proġetti l-kbar, li kienu jirrappreżentaw biss parti baxxa mill-portfolio tagħha, u li għalhekk, hija kienet tagħti iktar importanza lill-istabbilità fil-prezzijiet, li kienet ta’ benefiċċju għall-proġetti ż-żgħar. Mingħajr ma hemm għalfejn jiġi ddeterminat in-numru ta’ proġetti kkonċernati minn din il-klawżola, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni ssemmi, fid-deċiżjoni kkontestata, dokument relattiv għall-perijodu tal-ksur li minnhu jirriżulta li din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni waqt il-laqgħat tal-akkordju [premessa 115 (osservazzjonijiet ta’ HBG tas-16 ta’ Frar 2001) tad-deċiżjoni kkontestata], liema ħaġa tippermetti li din titqies bħala element tan-negozjati.

79      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-fornituri, bħall-W5, kellhom interess komuni fl-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezz gross u fuq it-tnaqqis u li l-interess tal-kostrutturi l-kbar huwa spjegat kemm mill-mekkaniżmu tal-klawżoli ta’ regolament tar-riskji fil-kuntratti pubbliċi kif ukoll mit-tnaqqis speċifiku li kienu jibbenefikaw minnu, li kien jagħtihom vantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-kostrutturi ż-żgħar għall-kisba ta’ kuntratti pubbliċi.

80      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni milli tapplika dispożizzjonijiet tal-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali

81      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni rrifjutat milli tapplika l-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali.

82      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma l-impriżi li jitolbu l-benefiċċju ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE li għandhom jistabbilixxu, abbażi ta’ provi dokumentarji, in-natura ġustifikata ta’ eżenzjoni. Minn din il-perspettiva, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma pproponietx soluzzjonijiet oħra u li lanqas ma indikat dak li kienet tikkunsidra li jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 52). Hija biss il-Kummissjoni, abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li għandha ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni li tiċħad it-talba għal eżenzjoni, mingħajr ma r-rikorrenti tista’ teżiġi li din tiddiskuti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li qajmet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il‑Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punti 262 u 263). Isegwi li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew ta’ fatt meta rrifjutat li tagħtiha eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

83      F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 162 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tal-W5 fil-ftehimiet ma kinitx tikkostitwixxi xiri kollettiv fis-sens tal-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali. B’hekk, il-Kummissjoni tfakkar, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan li jawtorizzaw il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali b’mod ġenerali, iżda jesponu l-prinċipji li jippermettu li dawn jiġu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, peress li tali ftehimiet jistgħu joħolqu problemi ta’ kompetizzjoni. F’dan il-każ, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża li l-ftehimiet inkwistjoni kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u kellhom konsegwenzi fuq impriżi li ma pparteċipawx fihom (iffissar tal-prezzijiet għall-kostrutturi kollha fil-Pajjiżi l-Baxxi u determinazzjoni tal-limiti tat-tnaqqis għall-kostrutturi ż-żgħar). Barra minn hekk, u f’kull każ, hekk kif huwa ġustament indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-W5 ma wettaqx xiri waqt in-negozjati mal-fornituri, li kellhom biss l-għan li jiffissaw prezzijiet u tnaqqis, aġir li l-punt 124 tal-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali jikkwalifika bħala akkordju moħbi. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-W5 ikkonkluda dawn il-ftehimiet ma’ grupp ta’ bejjiegħa li adotta wkoll aġir kollużiv u li ma informax lill-awtoritajiet kompetenti bih. Finalment, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE ma japplikawx, peress li, skont il-punt 133 tal-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, il-ftehimiet ta’ xiri ma jistgħux jiġu eżentati jekk jimponu restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-profitti ekonomiċi maħluqa mill-ftehim. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ftehimiet inkwistjoni kienu jimponu restrizzjonijiet fuq il-kostrutturi ż-żgħar taħt forma ta’ tnaqqis limitat, liema restrizzjonijiet kienu jikkonċernaw lil terzi u ma kinux indispensabbli għat-twettiq tal-profitti ekonomiċi mixtieqa.

84      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma wettqitx, kif jistabbilixxi l-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq tal-membri tal-W5 sabiex tiddetermina jekk il-ftehimiet inkwistjoni setgħux effettivament jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 18 tal-Avviż imsemmi, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti reali fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq tal-ftehimiet li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tal-iffissar tal-prezzijiet, permezz tal-limitazzjoni tal-produzzjoni jew inkella permezz tat-tqassim tas-swieq jew tal-klijenti u li huma preżunti li joħolqu effetti negattivi fuq is-suq. Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehimiet inkwistjoni kienu min-natura tagħhom intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata), b’hekk, hija ma kellhiex twettaq evalwazzjoni approfondita tas-setgħa fis-suq tal-membri tal-W5.

85      Għalhekk, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-nuqqas ta’ għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

86      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-aġiri allegati kellhomx bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ma investigatx il-limitu tal-kompetizzjoni u ma eżaminatx, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, jekk il-konsumaturi finali kinux imċaħħda mill-benefiċċji tal-kompetizzjoni.

87      Għandu jiġi mfakkar li, sabiex ikun suġġett għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, ftehim għandu jkollu bħala “għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, immarkata bil-konġunzjoni “jew”, twassal sabiex qabel kollox jiġi eżaminat is-suġġett stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li dan għandu jiġi applikat fih. Madankollu, fil-każ fejn l-evalwazzjoni tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma turix livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikollhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex jiġi pprojbit, għandhom jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni ġiet jew ipprevenuta, jew ristretta jew distorta b’mod sinjifikanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 15, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑450/05, Ġabra p. II‑2533, punt 43). B’hekk, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim huwiex ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tiegħu jkun superfluwu meta jkun jidher li dan għandu l-għan li jipprevjeni, li jirrestrinġi jew li jiddistorġi l-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 125). Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li dan jinsab fih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 66, u Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Finalment, dan il-metodu ta’ evalwazzjoni japplika b’mod ġenerali u ma huwiex irriżervat għal kategorija ta’ ftehimiet [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, T‑328/03, Ġabra p. II‑1231, punt 67].

88      Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka s-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq (punt 121), peress li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 81 KE ifittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, imma l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali” u peress li, “għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma tistax tkun suġġetta għall-fatt li l-konsumaturi finali jkunu mċaħda mill-vantaġġi ta’ kompetizzjoni effettiva f’termini ta’ provvista jew ta’ prezz” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punti 62 sa 64).

89      Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ftehimiet inkwistjoni kellhomx għan antikompetittiv, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 155 sa 161).

90      L-Artikolu 81(1) KE jsemmi espressament bħala ftehim prekluż l-“iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju” u l-“applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv”. Issa, f’dan il-każ, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, u b’mod partikolari mill-punti 51 sa 56 iktar ’il fuq, li l-ftehimiet kellhom bħala għan, min-naħa waħda, l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri u tal-bejgħ tal-bitum u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ tnaqqis preferenzjali lill-membri tal-W5. Għalhekk, in-natura stess ta’ dawn il-ftehimiet hija biżżejjed sabiex jitqies li dawn kellhom l-għan li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li jiddistorġu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

91      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames parti għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, b’mod konformi mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-gravità tal-ksur fid-dawl tan-natura tiegħu u tal-impatt reali tiegħu fis-suq.

93      B’hekk, il-Kummissjoni kellha tevalwa b’mod distint l-aġir tal-kostrutturi l-kbar u dak tal-fornituri. Fil-fatt, in-negozjar kollettiv mill-kostrutturi l-kbar tal-kundizzjonijiet tax-xiri tagħhom ma jistax jiġi pparagunat mal-iffissar tal-prezz gross mill-fornituri. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni ta’ dipendenza tal-kostrutturi l-kbar fil-konfront tal-fornituri, tan-nuqqas ta’ ftehim sigrieti min-naħa tal-kostrutturi l-kbar, tal-fatt li t-tnaqqis standard kien jirrappreżenta biss tnaqqis minimu kkompletat permezz ta’ negozjati individwali, kif ukoll il-fatt li ma kien ġie pprovat ebda dannu fil-konfront tal-kostrutturi ż-żgħar.

94      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tqis li l-ftehim ma setax ma kellux impatt fuq is-suq Olandiż, mingħajr madankollu ma kejlet l-impatt konkret tiegħu. Il-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq kien superjuri fil-Pajjiżi l-Baxxi meta mqabbel ma’ dak ipprattikat fil-pajjiżi ġirien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, interpretat l-azzjonijiet individwali ta’ kostruttur kbir bħala mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet kollettivi min-naħa tal-kostrutturi l-kbar fil-konfront tal-fornituri. Finalment, il-bitum jirrappreżenta biss perċentwali baxxa mill-ispiża ta’ kostruzzjoni totali u l-profitt relattiv miksub huwa negliġibbli.

95      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax teżenta ruħha mill-obbligu tagħha li teżamina l-impatt konkret tal-allegati ftehimiet billi tibbaża ruħha fuq is-sempliċi implementazzjoni tagħhom, għaliex il-ġurisprudenza invokata f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169) tapplika biss għall-akkordji orizzontali klassiċi fuq il-prezzijiet u mhux fuq ftehim bejn fornituri u xerrejja fuq il-kundizzjonijiet tax-xiri.

96      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ksur allegat jista’ jiġi kkaratterizzat l-iktar bħala ksur mhux serju u li l-ammont bażiku ta’ EUR tliet miljun għall-kalkolu tal-multa, li f’kull każ huwa sproporzjonat fid-dawl tal-prezz tax-xiri tal-bitum, għandu jitnaqqas għal EUR miljun.

97      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-kwalifika bħala ksur serju ħafna

98      Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Linji Gwida tal-1998, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat abbażi tas-serjetà u t-tul tal-ksur, filwaqt li l-evalwazzjoni tan-natura serja tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta jkun jista’ jitkejjel, u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. B’hekk, il-Linji Gwida tal-1998 jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur mhux serju (restrizzjonijiet ta’ spiss vertikali intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ, iżda li l-impatt tagħhom fuq is-suq jibqa’ limitat), il-ksur serju (restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali li l-applikazzjoni tagħhom hija iktar rigoruża u li l-impatt tagħhom fuq is-suq komuni huwa ikbar), u l-ksur serju ħafna (restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartelli tal-prezz” u ta’ kwoti ta’ tqassim tas-suq jew prattiki oħra li jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern).

99      B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, is-serjetà tal-ksur għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 153). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiġu inklużi fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, b’mod partikolari, bħar-rwol ta’ kull waħda mill-partijiet fil-ksur u r-riskju li l-ksur ta’ jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punti 120 u 129, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punti 168 sa 183). Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 110, u Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 207).

100    Il-Qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet ukoll il-kwalifika bħala ksur serju ħafna min-natura tagħhom stess lill-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz jew il-ftehimiet intiżi b’mod partikolari għat-tqassim tal-klijenteli jew għall-egħluq tas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il‑Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109 ; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 147, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 279). B’hekk, dawn il-ftehimiet huma biżżejjed sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna, tkun xi tkun il-firxa ġeografika tagħhom jew l-impatt tagħhom fis-suq (sentenza Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 178). B’mod invers, akkordju orizzontali li jkopri t-territorju sħiħ ta’ Stat Membru u li għandu bħala skop it-tqassim tas-suq u l-egħluq tas-suq komuni ma’ jistax jiġi kkwalifikat bħala ksur mhux serju skont il-Linji Gwida tal-1998 (sentenza Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 181).

101    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis, fil-premessi 312 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet wettqet ksur serju ħafna tal-Artikolu 81(1) KE. Hija enfasizzat li ksur li jikkonsisti fl-iffissar direttament jew indirettament tal-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri u fl-applikazzjoni, fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali, ta’ kundizzjonijiet inugwali għal servizzi ekwivalenti, billi b’hekk jiġu imposti fuqhom żvantaġġi fil-kompetizzjoni, kien jifforma parti mill-iktar ksur gravi min-natura tagħhom. Barra minn hekk, hija indikat li ż-żewġ gruppi implikati fil-ksur kellhom ikunu jafu bin-natura illegali tal-akkordju, b’mod partikolari peress li l-membri tal-W5 imponew deliberatament żvantaġġ kummerċjali fuq il-kostrutturi ż-żgħar. In-natura sigrieta tal-arranġamenti konklużi bl-akkordju tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, prova supplimentari tan-natura illegali tagħhom.

102    Mill-punti 52 sa 54 u 64 sa 66 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ftehimiet inkwistjoni fil-fatt kellhom l-għan li jiffissaw direttament jew indirettament il-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri u li japplikaw fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet inugwali għal servizzi ekwivalenti billi jiġu imposti fuqhom żvantaġġi kompetittivi. B’hekk, il-mekkaniżmi deskritti mill-Kummissjoni jifformaw parti mill-iktar forom serji ta’ ksur tal-kompetizzjoni.

103    Sabiex tikkontesta l-kwalifika bħala ksur serju ħafna adottata mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjoni distinta tal-aġir tal-fornituri u ta’ dak tal-kostrutturi l-kbar. Madankollu, kif diġà indikat preċedentement il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehimiet konklużi bejn il-W5 u l-fornituri b’mod globali, peress li dawn jikkonċernaw kemm il-prezz gross, it-tnaqqis minimu mogħti lill-W5 u t-tnaqqis massimu applikabbli għall-kostrutturi ż-żgħar. B’hekk, iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l-validità tal-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur li wettqet il-Kummissjoni. Isegwi li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ftehimiet u l-akkordji inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom stess, jikkostitwixxu ksur serju ħafna, ma jistgħux jiġu kkontestati.

104    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dipendenza tal-kostrutturi l-kbar fir-rigward tal-fornituri. Fil-fatt, anki jekk dan il-fatt jitqies bħala stabbilit, il-Qorti tal-Unjoni tqis li impriża ma tistax tinvoka l-fatt li hija pparteċipat fl-akkordju minħabba li ġiet imġiegħla mill-parteċipanti l-oħra, peress li din setgħet tikxef il-pressjonijiet li kienet suġġetta għalihom lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 minflok tipparteċipa fl-attivitajiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 367 sa 370).

105    Barra minn hekk, b’mod konformi mal-punt 71 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, min-naħa waħda, it-tnaqqis mogħti lill-W5 kien iġġustifikat mill-volumi ta’ xiri u, min-naħa l-oħra, li fir-realtà, il-kompetizzjoni bejn il-kostrutturi ma kinitx ristretta, għaliex it-tnaqqis standard kien biss tnaqqis minimu, ikkompletat minn tnaqqis individwali.

106    Finalment, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura sigrieta tal-ftehimiet inkwistjoni għall-W5. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-W5 ma kienx jibgħat inviti bil-miktub għal-laqgħat tal-akkordju u ma kien ifassal ebda rendikont tagħhom, u li KWS xtaqet li l-laqgħat iseħħu qabel il-wasla tal-persunal (premessi 59, 73 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiddetermina s-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ħadu ħafna prekawzjonijiet sabiex jevitaw li akkordju ma jiġix identifikat (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 154). F’kull każ, il-kliem tal-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata juri li l-provi li hemm imsemmija fiha issemmew sussidjarjament meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti għat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura sigrieta tal-akkordju tista’ titqies bħala fondata, dan il-fatt ma jistax ikollu l-konsegwenza li jpoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-ksur, hekk kif din tirriżulta mill-motivi rilevanti u suffiċjenti msemmija fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punt 157).

107    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, min-naħa waħda, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni fil-kwalifika tan-natura tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis bħala xieraq li dan il-ksur jitqies li huwa ta’ serjetà partikolari. Għalhekk, ma hemmx raġuni għalfejn l-ammont bażiku jinbidel kif mitlub mir-rikorrenti.

108    Għalhekk, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

–       Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq

109    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma kejlitx l-impatt tal-akkordju fis-suq sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa.

110    Fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li d-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur u tal-ammont tal-multa ma jiddependux mill-impatt tal-akkordju fuq is-suq. Hija tippreċiża li ma huwiex possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum fin-nuqqas ta’ ftehimiet, iżda li hija tista’ tagħmel użu minn stimi ta’ probabbiltà tal-effetti tal-ksur. Għal dan il-għan, hija enfasizzat li l-ftehimiet konklużi ġew effettivament implementati, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ tnaqqis preferenzjali lill-membri tal-W5 biss, u l-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehimiet, u b’hekk inħolqu kundizzjonijiet artifiċjali tas-suq. Barra minn hekk, hija indikat li l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi kien superjuri għal dak fis-seħħ fil-pajjiżi ġirien u li t-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5 seta’ kellu rwol determinanti fil-ksib ta’ kuntratti pubbliċi.

111    Kif imfakkar fil-punt 98 iktar ’il fuq, il-punt 1 tal-Linji Gwida tal-1998 jindika li l-evalwazzjoni tan-natura tas-serjetà tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

112    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tistabbilixxi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, peress li l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq superjuri għal dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas ta’ kartel ma hijiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82).

113    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mil-Linji Gwida tal-1998 kien jirriżulta li n-natura proprja tal-ksur setgħet tkun biżżejjed sabiex dan jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”, u dan indipendentement mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u tal-firxa ġeografika tiegħu (ara l-punt 100 iktar ’il fuq u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 103). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur “serju” ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni, min-naħa l-oħra, dik tal-ksur “serju ħafna” ma ssemmi ebda ħtieġa ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ ħolqien ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenzi Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 150, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 83). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta li dan l-impatt kellu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 125, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 74).

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-ġurisprudenza tapplika biss għall-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz u mhux għal “ftehim bejn fornituri u xerrejja relattivi għall-kundizzjonijiet tax-xiri”. Fil-fatt, mill-punti 81 sa 84 u 102 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ftehimiet inkwistjoni kellhom l-għan, min-naħa waħda, li jiffissaw il-prezzijiet tax-xiri u tal-bejgħ tal-bitum u, min-naħa l-oħra, li jagħtu tnaqqis preferenzjali lill-membri tal-akkordju u li għalhekk, in-natura stess ta’ dawn il-ftehimiet hija biżżejjed sabiex jitqies li dawn kellhom l-għan li jipprevjenu, li jirrestringu jew li jiddistorġu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

115    F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni u tal-fatt li l-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impatt konkret tal-ksur ma kienx jista’ jitkejjel (premessi 314 u 316), mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li din ma kinitx marbuta li twettaq evalwazzjoni ta’ dan l-impatt konkret fuq is-suq sabiex tikkwalifikah bħala ksur serju ħafna.

116    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impatt konkret tal-ksur ma kellux effett fuq id-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur u tal-ammont tal-multa, ma jistax jiġi lmentat kontriha talli ppreċiżat li l-ftehimiet inkwistjoni kienu ġew implementati fil-premessa dwar l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-provi l-oħra li din ippreżentat kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq is-suq imsemmi.

117    Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv.

–       Fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku

118    Ir-rikorrenti tosserva li l-ammont bażiku ta’ EUR tliet miljuni għall-kalkolu tal-multa huwa sproporzjonat, fid-dawl tal-prezz tax-xiri tal-bitum.

119    Skont id-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998, fil-każ ta’ ksur li jimplika lil diversi impriżi, jista’ jkun konvenjenti li jiġu kkunsidrati, f’ċerti każijiet, l-ammonti bażiċi ddeterminati f’kull kategorija tal-ksur “sabiex jiġi kunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva [aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni [fuq il-kompetizzjoni], partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. B’hekk, is-seba’ paragrafu jistabbilixxi li “il-prinċipju ta’ kastig ugwali għall-istess kondotta jista’, jekk iċ-ċirkustanzi joħolqu hekk, iwassal għal multi differenti li jiġu sforzati fuq l-impriżi konċernati mingħajr ma din id-differenza maħluqa tkun irregolata minn kalkolazzjoni aritmetika”.

120    Il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 318 sa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u l-impatt reali tagħha fuq il-kompetizzjoni, hija għamlet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza tagħhom fir-rigward tas-suq inkwistjoni, imkejla skont l-ishma tagħhom fis-suq ikkalkolati abbażi tal-valur tal-bejgħ jew tax-xiri tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2001, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. B’hekk, hija kklassifikat l-impriżi f’sitt kategoriji u poġġiet lir-rikorrenti fis-sitt kategorija, li tiġbor flimkien lill-impriżi li għandhom sehem fis-suq ta’ bejn 3.9 % u 4.2 %, li wassal għall-ammont bażiku ta’ EUR tliet miljuni għar-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li, anki jekk ksur serju ħafna jista’ jkun is-suġġett ta’ multi ta’ iktar minn EUR 20 miljun, hija kienet iffissat dan l-ammont għal EUR 15 miljun biss, fid-dawl tal-fatt li l-ksur kien limitat għall-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mibjugħ fi Stat Membru wieħed biss, tal-valur relattivament baxx tas-suq, jiġifieri EUR 62 miljun fl-2001, u tan-numru għoli ta’ parteċipanti.

121    Il-ġurisprudenza tippreċiża li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat meta mqabbel mas-serjetà u t-tul tal-ksur u u li għandha tibbilanċja s-serjetà tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 189).

122    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Unjoni ppreċiżat li, għalkemm ma jistabbilixxux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ rilevanti, il-Linji Gwida tal-1998 ma jipprekludux li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk, u li b’hekk, il-Kummissjoni tista’ taqsam lill-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji, billi tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul minn kull impriża għall-prodotti kkonċernati mill-proċedura (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq, punti 176 u 177).

123    Dan il-metodu, li jikkonsisti fit-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji għall-finijiet tat-twettiq ta’ trattament differenzjat fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti bażiċi tal-multi, li l-prinċipju tiegħu ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza, għalkemm jinjora d-differenzi fid-daqs bejn l-impriżi fl-istess kategorija, iwassal għal rata fissa fl-ammont bażiku ffissat għall-impriżi li jinsabu fl-istess kategorija. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari taqsam lill-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji billi tipproċedi, pereżempju, f’partijiet ta’ 5 % jew ta’ 10 % tal-ishma tas-suq. Madankollu, il-Qorti tal-Unjoni tenfasizza li tali tqassim għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-ammont tal-multi għandu, mill-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward tal-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, u li din għandha tillimita ruħha sabiex tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II‑2511, punti 62 sa 70, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punti 123 u 124).

124    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, hekk kif inhu mfakkar fis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998, li twettaq il-kalkolu tal-multa abbażi ta’ ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati. Ċertament, huwa mixtieq li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni, iżda ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil dan id-dħul meta mqabbel ma’ elementi ta’ evalwazzjoni oħra. B’hekk, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li twettaq evalwazzjoni tal-multi skont id-daqs ta’ kull impriża. Għalhekk, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, din ma hijiex marbuta li tiżgura, fil-każ fejn jiġu imposti xi multi fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jwasslu għal differenzjazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punti 141 sa 144) jew skont id-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 159).

125    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-fatt li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Linji Gwida tal-1998 ma kienx ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati u li kien jippermetti, minħabba f’hekk, li jkun hemm xi disparitajiet bejn l-impriżi, f’dak li jikkonċerna r-rapport bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom u l-ammont tal-multi li jiġu imposti fuqhom, kien irrilevanti għall-evalwazzjoni jekk il-Kummissjoni kinitx kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-individwalità tal-pieni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punti 86 u 87).

126    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, jekk titqies bħala stabbilita, li tgħid li l-ispejjeż tax-xiri tal-bitum tar-rikorrenti kienu jirrappreżentaw biss EUR 2.6 miljun fl-2001.

127    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, u b’mod partikolari tas-serjetà tal-ksur u tal-għan ta’ dissważjoni tas-sanzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa għal EUR tliet miljuni ma huwiex sproporzjonat.

128    Għalhekk, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u b’hekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BNGW lir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

129    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, meta attribwixxiet lilha l-aġir ta’ BNGW biss abbażi taż-żamma ta’ 100 % tal-kapital f’din tal-aħħar, wettqet żball ta’ liġi, injorat il-ġurisprudenza u kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma teżerċitax influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, li fiha hija kienet biss iżżomm sehem passiv fil-kapital.

130    Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

131    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lir-raba’ motiv, li għandu l-effett li jannulla l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tal-aġir ta’ BNGW lir-rikorrenti għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, ma hemmx lok għalfejn jiġi eżaminat it-tielet motiv.

 Fuq l-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

132    Ir-rikorrenti ssostni li, kieku d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi parzjalment annullata sa fejn tikkonċerna l-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, il-multa tagħha jkollha titnaqqas proporzjonalment għal EUR 1 213 650.

133    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li peress li r-Regolament Nru 1/2003 jirrikonoxxi l-istess importanza lis-serjetà u lit-tul tal-ksur, il-multa ffissata għandha tittifletti t-tul tal-ksur b’mod proporzjonali, kif jistabbilixxu l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”). Hija enfasizzat li, f’kull każ, il-Kummissjoni kellha tosserva l-limitu ta’ 10 % żieda fis-sena stabbilita mill-Linji Gwida tal-1998.

134    Il-Kummissjoni tqis li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ r-raba’ motiv sa fejn jirrigwarda l-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, l-ammont inizjali tal-multa għadu jitniżżel għal EUR 3.45 miljuni, peress li l-ammont bażiku għandu jibqa’ ta’ EUR 3 miljuni u ż-żieda relattiva għat-tul ikollha titnaqqas minn 55 għal 15 %. F’kull każ, Ballast Nedam tibqa’ responsabbli għall-perijodu tal-ksur kollu.

135    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-motivi invokati mir-rikorrenti waqt is-seduta, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu ta’ żieda ta’ 10 % fis-sena stabbilit mill-Linji Gwida tal-1998 u fuq il-ħtieġa li tiġi ffissata multa strettament proporzjonali għat-tul tal-ksur, jikkostitwixxu motivi ġodda u, għalhekk, inammissibbli. Apparti dan, hija tippreċiża li applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Linji Gwida tal-2006 tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-parteċipanti fl-akkordju u li, f’kull każ, ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ħadet f’idejha t-totalità tal-attività ta’ kostruzzjoni tal-grupp.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

136    Mill-punti 21 sa 36 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tiżgura b’mod utli d-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva f’dak li kien jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bħala kumpannija parent li kellha 100 % tal-ishma ta’ BNGW u li għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni tal-aġir ta’ BNGW lir-rikorrenti għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000. Il-Qorti Ġenerali tqis li hija għandha tieħu l-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fuq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

137    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura.

138    Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tilqa’ motivi jew argumenti ġodda, meta dawn ikunu applikabbli għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha, u meta ma jkunux ibbażati fuq motiv ta’ illegalità differenti minn dawk imqajma fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punti 27 sa 29).

139    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-argumenti mressqa mir-rikorrenti waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrenti limitat ruħha sabiex titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha bħala konsegwenza għall-annullament tagħha għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti kkalkolat l-ammont il-ġdid billi għamlet tnaqqis tal-multa strettament proporzjonali għat-tnaqqis tat-tul tal-ksur. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni kkontestat il-kalkolu magħmul mir-rikorrenti u talbet lill-Qorti Ġenerali biex, jekk ikun il-każ, tikkalkola l-ammont tal-multa l-ġdid billi żżomm l-ammont bażiku ta’ EUR tliet miljuni u billi tnaqqas iż-żieda tal-multa minn 55 għal 15 % minħabba t-tul tal-ksur, b’mod konformi mal-Linji Gwida tal-1998, użati fid-deċiżjoni kkontestata.

140    Għalhekk, l-argumenti dwar, min-naħa waħda, il-metodu tal-kalkolu propost mill-Kummissjoni fil-kontroreplika, li jinjora l-limitu ta’ 10 % żieda fis-sena stabbilit mill-Linji Gwida tal-1998 u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi ffissata multa strettament proporzjonali għat-tul tal-ksur, b’mod konformi mal-Linji Gwida tal-2006, li ma humiex ibbażati fuq motiv ta’ illegalità differenti minn dawk invokati fir-rikors, huma applikabbli għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Għalhekk, dawn għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

141    Fuq il-mertu, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-metodu tal-kalkolu propost mill-Kummissjoni fil-kontroreplika jmur kontra l-limitu ta’ żieda ta’ 10 % fis-sena stabbilit mil-Linji Gwida tal-1998, dan għandu jiġi injorat billi jitfakkar li l-Kummissjoni pproponiet, b’mod konformi mal-punt B tal-imsemmija linji gwida, u bħal fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 328), li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiżdied minħabba t-tul tal-ksur b’10 % fis-sena għal sena sħiħa u b’5 % għal kull perijodu inkluż bejn sitt xhur u sena, jiġifieri bi 15 % għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002.

142    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar il-ħtieġa li l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal livell strettament proporzjonali għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix tali ħtieġa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra p. II‑793, punt 182). Fil-fatt, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra s-serjetà tal-ksur, it-tul tiegħu.

143    F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bl-użu tal-metodoloġija tal-Linji Gwida tal-2006 minflok ta’ dawk tal-1998, fis-seħħ waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-linji gwida tagħha meta hija tiddeċiedi permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 213, u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda din għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li tikser l-Artikolu 81 KE. Jekk il-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni li tinjora b’mod speċifiku, fir-rigward ta’ impriża, il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-impriżi kollha, hija jkollha timmotiva din l-għażla (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 97 u 98).

144    F’dan il-każ, is-serjetà intrinsika kbira tal-ksur imwettaq u n-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku adottat mill-Kummissjoni, kif enfasizzati fil-punti 107 u 127 iktar ’il fuq, jiġġustifikaw tnaqqis fiż-żieda tal-multa b’mod konformi mal-metodoloġija tal-Linji Gwida tal-1998.

145    B’hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tqis li huwa ġġustifikat li tnaqqas iż-żieda tal-multa minħabba t-tul tal-ksur minn 55 għal 15 % u li tiffissa l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għal EUR 3.45 miljuni.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.

147    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti kienet telliefa f’parti mit-talbiet tagħha, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni jekk jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applilazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)], huwa annullat sa fejn jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Ballast Nedam Infra BV fil-ksur bejn il-21 ta’ Ġunju 1996 u t-30 ta’ Settembru 2000.

2)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Ballast Nedam Infra fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni msemmija fil-punt (1) iktar ’il fuq hija limitata għal EUR 3.45 miljuni.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-involviment tal-kostrutturi l-kbar fl-iffissar tal-prezz gross

– Fuq it-tnaqqis mogħti lill-W5 u l-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet

– Fuq in-nuqqas ta’ interess tal-W5 fl-iffissar komuni tal-prezz gross

– Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni milli tapplika dispożizzjonijiet tal-Avviż dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali

– Fuq in-nuqqas ta’ għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-kwalifika bħala ksur serju ħafna

– Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq

– Fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għall-ksur imwettaq minn BNGW lir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.