Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-3 ta’ Jannar 2017 – Bahtiar Fathi vs /Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(Kawża C-56/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bahtiar Fathi

Konvenut: Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

Domandi preliminari

Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013 1 , interpretat flimkien mal-premessa 12 u mal-Artikolu 17 tar-Regolament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti li Stat Membru jadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament, ippreżentata fl-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma tkun adottata deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru konformement mal-kriterji tar-Regolament, f’sitwazzjoni fejn ebda element tal-każ ineżami ma jagħti lok għall-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament?

Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, interpretat flimkien mal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32 2 , jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li tikkonċerna applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm lok li tiġi applikata deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament, hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru jaċċetta li jeżamina l-applikazzjoni konformement mal-kriterji tar-Regolament, liema deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament japplikaw għall-applikant?

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċedura ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, il-qorti għandha tevalwa, konformement mal-premessa 54 tad-Direttiva, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 604/2013 japplikawx għall-applikant, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru ma adottax deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mal-kriterji tar-Regolament? Fuq il-bażi tal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ elementi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 604/2013, u f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet eżaminata mill-Istat Membru li quddiemu kienet tressqet fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/95 3 , is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament anki meta l-imsemmi Stat Membru ma jkunx adotta deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu konformement mal-kriterji tar-Regolament?

Mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-“reliġjon” meta l-applikant la jkun ippreżenta dikjarazzjoni u lanqas dokumenti li jikkonċernaw l-elementi kollha koperti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ reliġjon fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li għandhom importanza fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata hijiex affiljata ma’ reliġjon partikolari?

Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikant jallega li huwa s-suġġett ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tiegħu, iżda ma jipprovdi ebda dikjarazzjoni u ebda prova fir-rigward taċ-ċirkustanzi karatteristiċi tal-affiljament ta’ persuna ma’ reliġjon partikolari u li jistgħu jikkostitwixxu raġuni sabiex wieħed iqis li l-persuna li hija s-suġġett ta’ persekuzzjoni hija affiljata ma’ din ir-relġjon, ċirkustanzi li jinkludu dawk marbuta mal-fatt li wieħed iwettaq jew jastjeni milli jwettaq ċerti atti reliġjużi u mal-espressjoni ta’ twemmin reliġjuż, jew mal-mod kif wieħed jaġixxi b’mod individwali jew soċjali bbażat fuq twemmin reliġjuż jew impost minn dan it-twemmin?

Mill-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikoli 18 u 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mill-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali:

il-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tad-dritt tal-Unjoni jeskludi l-aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali nazzjonali tal-Istati Membri? Tali aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jista’ jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni?

Fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ proselitiżmu u tal-projbizzjoni ta’ atti li jmorru kontra r-reliġjon li fuqha huma bbażati l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, għandhom jitqiesu li huma legali restrizzjonijiet previsti sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor u sabiex jitħares l-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż? F’sitwazzjoni fejn il-ksur tal-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa punit bil-piena kapitali, l-eżistenza stess ta’ dawn il-projbizzjonijiet tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva, anki f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għal reliġjon partikolari?

Mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva, mal-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi għandha tkun ibbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti prodotti mill-applikant, iżda li jista’ jkun rikjest li jiġu ssostanzjati l-elementi neqsin, li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn:

–    mingħajr din l-informazzjoni, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha tiġi miċħuda bħala infondata fis-sens tal-Artikolu 32, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 31(8)(e), tad-Direttiva 2013/32, u

id-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-fatti rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fejn il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut hija meħtieġa tindika li l-persuna kkonċernat la invokat u lanqas ipproduċiet provi?

____________

1     Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).

2         Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

3     Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).