Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fl-10 ta’ Mejju 2017 – Gert Teglgaard, Fløjstrupgård I/S vs Fødevareministeriets Klagecenter

(Kawża C-239/17)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gert Teglgaard, Fløjstrupgård I/S

Konvenut: Fødevareministeriets Klagecenter

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin f’sena kalendarja, u għalhekk hemm lok li jiġi applikat tnaqqis għall-pagamenti diretti tal-bidwi: ara l-Artikolu 6(1) tal-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004 2 , it-tnaqqis tal-għajnuna għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-ħlasijiet diretti tal-bidwi:

fis-sena kalendarja li fiha sseħħ in-nuqqas ta’ osservanza, jew

fis-sena kalendarja (sussegwenti) tad-determinazzjoni/konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza?

Ir-riżultat huwa l-istess taħt ir-regoli sussegwenti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009 3 , moqri flimkien mal-Artikoli 70(4) u 8(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009 4 ?

F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin fl-2007 u l-2008, iżda n-nuqqas ta’ osservanza huwa ddeterminat/kkonstatat l-ewwel darba fl-2011, huwa r-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, li japplika fil-kalkolu tat-tnaqqis tal-għajnuna, jew huwa r-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009, li japplika?

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).

3 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 2009, p. 16).

4 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, ta’ 30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2009, p. 65).