Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-110/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u N. Gossement, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ dispożizzjonijiet li, fil-qasam ta’ valutazzjoni tad-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, jew lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, jew lil persuni ġuridiċi li jpoġġuhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal finijiet privati, il-bażi taxxabbli hija kkalkolata fuq il-valur stmat għal dak li jirrigwarda l-beni fit-territorju nazzjonali, u fuq il-valur tal-kera reali fir-rigward tal-immobbli barra mill-pajjiż, ir-Renju tal-Belġju kiser l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-Belġju kiser l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 TFUE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

Filwaqt li hija tinnota t-tentattivi tal-Belġju biex iwaqqaf il-ksur, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza tal-ksur hija pprovata mid-data ta’ skadenza ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri s-26 ta’ Marzu 2012.

____________