Language of document : ECLI:EU:C:2013:445

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Lulju 2013 (*)

“Appell — Akkordji — Suq Ewropew — Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Multi — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Waqfien tal-ksur — Tkomplija tal-ksur minn uħud mill-parteċipanti — Reċidiva”

Fil-Kawża C‑287/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Aalberts Industries NV, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Comap SA, li kienet Aquatis France SAS, stabbilita f’Lyon (Franza),

Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG, stabbilita f’Argenbühl‑Eisenharz (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn R. Wesseling, advocaat,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, Ġabra p. II‑1223, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat l-Artikoli 1 u 2(a) u (b)(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 Attrezzaturi) (ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din id-deċiżjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Aalberts Industries NV (iktar ’il quddiem “Aalberts”), ta’ Comap SA (iktar ’il quddiem “Comap”), li kienet Aquatis France SAS (iktar ’il quddiem “Aquatis”), u ta’ Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Simplex”) f’akkordju illegali matul il-perijodu mill-25 ta’ Ġunju 2003 sal-1 ta’ April 2004 u imponiet fuq Aalberts multa f’ammont ta’ EUR 100.8 miljun, li minnhom EUR 55.15 miljun in solidum mas-sussidjarji tagħha Aquatis u Simplex, u multa supplimentari in solidum lil kull waħda minn dawn l-aħħar żewġ kumpanniji.

2        Permezz tal-appell inċidentali tagħhom, Aalberts, Aquatis u Simplex jitolbu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni, l-annullament tal-Artikoli 1, 2(a) u (b)(2), kif ukoll 3 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċerna lil Aalberts, Comap (preċedentement Aquatis) u Simplex.

3        Sussidjarjament, l-appellati jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu, li seħħ wara l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’Marzu 2001, u l-annullament tal-Artikoli 1, 2(a) u (b)(2) kif ukoll 3 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lill-kumpanniji msemmija jew, sussidjarjament, l-annullament jew tnaqqis sinifikanti fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

4        Il-Qorti Ġenerali wettqet il-konstatazzjonijiet segwenti:

“1      […] Il-ksur kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħrajn intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.

2      [Aalberts, Aquatis u Simplex] jinsabu fost id-destinatarji tad-deċiżjoni [kkontestata].

3      Aalberts hija l-kumpannija parent ta’ grupp industrijali internazzjonali kkwotat fil-Borża Euronext ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Hija tikkontrolla, direttament jew indirettament, il-kapital ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tal-manifattura jew tad-distribuzzjoni tal-attrezzaturi. Fit-30 ta’ Awwissu 2002, Aalberts xtrat l-attivitajiet ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-attrezzaturi kollha ta’ IMI plc [iktar ’il quddiem “IMI”], meta dawn kienu miġburin taħt “Yorkshire Fittings Group”. Din l-operazzjoni kienet b’mod partikolari tikkonsisti fl-akkwist tat-totalità tal-ishma ta’ Raccord Orléanais SA [iktar ’il quddiem “Raccord Orléanais”] (li sussegwentement saret Aquatis) u ta’ R. Woeste & Co. Yorkshire GmbH [iktar ’il quddiem “Woeste & Co.”] (li sussegwentement saret Simplex). Dawn iż-żewġ impriżi ġew integrati f’waħda miż-żewġ attivitajiet prinċipali tal-grupp Aalberts, jiġifieri l-kontroll tal-fluidi.

4      F’Marzu 2006, Comap, destinatarja tad-deċiżjoni [kkontestata] minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur taħt il-kontroll ta’ Legris Industries SA u rikorrenti fil-Kawża T‑377/06, ġiet ittrasferita lill-grupp Aalberts. Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ April 2007, il-Qorti Ġenerali ġiet informata li l-attiv u l-passiv kollu ta’ Aquatis kien ġie ttrasferit lil Comap u li Aquatis ma kinitx għadha teżisti bħala entità legali. […]

5      Fid-9 ta’ Jannar 2001, Mueller Industries Inc., manufattriċi oħra ta’ attrezzaturi tar-ram, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-attrezzaturi, u f’industriji oħra konnessi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram, u bir-rieda tagħha li tikkoopera abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-‛komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996’) (premessa 114 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

6      Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2001, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-pajpijiet u tal-attrezzaturi tar-ram, il-Kummissjoni wettqet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi impriżi, fosthom IMI, dak iż-żmien kumpannija parent ta’ Raccords Orléanais u ta’ [Woeste & Co.] (premessa 119 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

7      Wara dawn l-ewwel spezzjonijiet, f’April 2001 il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha fuq il-pajpijiet tar-ram fi tliet proċeduri distinti, jiġifieri, il-proċedura dwar il-Każ COMP/E-1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), dik dwar il-Każ COMP/F-1/38.121 (Attrezzaturi) u dik dwar il-Każ COMP/E-1/38.240 (Pajpijiet industrijali) (premessa 120 tad-deċiżjoni [kkontestata])

[…]

9      Minn Frar/Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet ikkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 122 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

10      F’Settembru 2003, IMI ressqet talba sabiex tibbenefika mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996. Din it-talba kienet segwita minn dawk tal-grupp Delta (Marzu 2004) u ta’ FRA.BO SpA [iktar ’il quddiem ‛FRA.BO’] (Lulju 2004). L-aħħar applikazzjoni għall-klemenza ġiet ippreżentata minn Advanced Fluid Connections plc (iktar ’il quddiem ‛AFC’), f’Mejju 2005. FRA.BO, b’mod partikolari pprovdiet informazzjoni li ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-ksur tkompla matul il-perijodu 2001-2004, jiġifieri wara l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

11      Fit-22 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/F‑1/38.121 (Attrezzaturi), bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet b’mod partikolari nnotifikata lill-[appellati] (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

12      Fl-20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata].

13      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni kkonstatat li l-[appellati] kienu pparteċipaw fil-ksur għall-perijodi segwenti:

–        bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, f’dak li jirrigwarda lil Aalberts;

–        bejn il-31 ta’ Jannar 1991 u t-22 ta’ Marzu 2001, inkwantu membri tal-grupp IMI, u, bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, inkwantu membri tal-grupp Aalberts, f’dak li jirrigwarda lil Aquatis u Simplex.

14      Għal dan il-ksur, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 2(a) u (b) tad-deċiżjoni [kkontestata], imponiet il-multi segwenti fuq l-[appellati]:

‛a)      [Aalberts]: EUR 100.80 miljun

li minnhom is-segwenti ammonti kellhom jitħallsu in solidum ma:

[Aquatis]: EUR 55.15 miljun u

[Simplex]: EUR 55.15 miljun

b)      1.      [IMI], in solidum ma’ IMI Kynoch Ltd: EUR 8.30 miljun

li minnhom is-segwenti ammonti kellhom jitħallsu in solidum ma:

[…]

[Aquatis]: EUR 48.30 miljun u

[Simplex]: EUR 48.30 miljun

2.      [Aquatis] u [Simplex] huma responsabbli in solidum għall-ammont supplimentari ta’ EUR 2.04 miljun.’

15      Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni [kkontestata], l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni kienu obbligati li jtemmu immedjatament il-ksur jekk huma ma kinux diġà għamlu dan u li jibqgħu lura milli jadottaw, fil-ġejjieni, kull att jew aġir bħal dawk deskritti fl-Artikolu 1, kif ukoll kull att jew aġir li jkollu għan jew effett identiku jew simili.

16      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni [kkontestata], il-metodu ddefinit fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

17      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il‑gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala gravi ħafna, kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-portata ġeografika tiegħu (premessa 755 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

18      Wara dan, peress li qieset li hemm differenzi kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat, billi bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata skont l-ishma tas-suq tagħhom. Fuq din il-bażi, hija qassmet l‑impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji, billi bbażat ruħha fuq il-porzjonijiet tad-dħul mill-bejgħ li kull waħda mill-impriżi għamlet permezz tal-prodott ikkonċernat minn din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE [Żona Ekonomika Ewropea] matul is-sena 2000, ħlief f’dak li jirrigwarda Aalberts u AFC, li fir-rigward tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sena 2003 (premessa 758 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

19      Aalberts ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, kategorija li fir-rigward tagħha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 60 miljun, filwaqt li IMI ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija, kategorija li fir-rigward tagħha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 46 miljun (premessa 765 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq kull impriża inkwistjoni b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni u, skont il-każ, b’5 % għal kull perijodu bejn sitt xhur u sena. Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-31 ta’ Jannar 1991, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq, minħabba l-portata ġeografika limitata li l-akkordju kellu dak iż-żmien, li żżid il-multa b’5 % fis-sena (premessa 775 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

21      Fl-aħħar nett, it-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-ksur wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, ġie kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 60 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq [l-appellati] (premessi 779 u 782 tad-deċiżjoni [kkontestata]).”

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        B’rikors ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2006, l-appellati talbu lill-Qorti Ġenerali:

–        tannulla l-Artikoli 1, 2(a) u (b)(2), kif ukoll 3 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lilhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

6        Insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellati ppreżentaw ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq l-illegalità tal-imputazzjoni lil Aalberts tar-responsabbiltà tal-ksur bħala kumpannija parent, fuq l-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-ksur uniku, kumpless u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-1998 u, finalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

7        Il-Qorti Ġenerali qieset li kien xieraq li l-ewwel teżamina t-tieni u t-tielet motivi.

8        Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza tal-aġiri lmentati mill-Kummissjoni kontra l-appellati ma hijiex ikkontestata, jiġifieri l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Fédération française des négociants en appareils sanitaires, chauffage, climatisation et canalisations (FNAS), li nżammu bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-20 ta’ Jannar 2004, u l-parteċipazzjoni f’konferenza telefonika tas-16 ta’ Frar 2004 li wkoll seħħet fil-kuntest tal-FNAS, il-kuntatti bejn impjegat ta’ waħda mill-appellati u rappreżentant ta’ FRA.BO kif ukoll il-kuntatti li saru matul il-fiera ta’ Essen (il-Ġermanja), fit-18 ta’ Marzu 2004. Min-naħa l-oħra, l-appellati jikkontestaw in-natura antikompetittiva ta’ dan l-aġir, li huwa neċessarju sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE.

9        Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi u kkonkludiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni ta’ Simplex fi ksur tal-Artikolu 81 KE matul il-perijodu inkwistjoni ma ġietx ipprovata b’mod suffiċjenti fil-liġi. Minn dan iddeduċiet fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellu jiġi annullat sa fejn il-Kummissjoni fih ikkonstatat li Simplex kienet ipparteċipat fi ksur uniku, kumpless u kontinwu matul il-perijodu inkwistjoni.

10      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Aquatis fil-ksur, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li ma kienx ġie stabbilit li Aquatis kienet taf bil-fatt li, bl-aġir tagħha, hija kienet aderixxiet għal akkordju li kien jikkonsisti minn diversi partijiet li kellhom għan komuni, u lanqas fl-akkordju li hija kienet diġà pparteċipat fih qabel Marzu 2001 u li kien baqa’ għaddej minn dak iż-żmien.

11      B’hekk, il-Qorti Ġenerali annullat, mhux biss fir-rigward ta’ Aquatis u ta’ Simplex, iżda anki fir-rigward ta’ Aalberts, li lilha d-deċiżjoni kkontestata kienet imputat ir-responsabbiltà tas-sussidjarji tagħha, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha l-Kummissjoni kkonstatat li huma kienu pparteċipaw, matul il-perijodu inkwistjoni, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu billi ħadu sehem f’sensiela ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram.

12      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra u annullat il-multa f’ammont ta’ EUR 100.8 miljun imposta fuq Aalberts, in solidum ma’ Aquatis u ma’ Simplex b’EUR 55.15 miljun, kif ukoll l-ammont ta’ EUR 2.04 miljun li għall-ħlas tiegħu Aquatis u Simplex inżammu responsabbli in solidum.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

13      Il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji, għall-finijiet tal-annullament tas-sentenza appellata.

14      Bl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali kisret diversi regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova u diversi regoli proċedurali, żnaturat ċerti provi u ma mmotivatx biżżejjed l-evalwazzjoni tal-fatti tagħha. Bit-tieni aggravju tagħha, ifformulat sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali annullat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata b’mod sħiħ. Bit-tielet aggravju tagħha, invokat ukoll sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel żewġ motivi, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed l-annullament tal-Artikolu 2(b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li din adottat deċiżjoni ultra petita u kisret il-prinċipju tal-proċedura kontradittorja.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

15      L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

–       Fuq l-evalwazzjoni iżolata tal-parteċipazzjoni ta’ Simplex u ta’ Aquatis fil-ksur kontinwat

16      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Aalberts fil-ksur, iżda wettqet eżami separat u individwali għal kull waħda miż-żewġ sussidjarji tagħha, Simplex, minn naħa, u Aquatis, min-naħa l-oħra. B’hekk, is-sentenza appellata tinjora l-premessa stess tal-evalwazzjoni tal-provi fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li Simplex u Aquatis kienu jifformaw parti mill-istess entità ekonomika u, b’hekk, mill-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikoli 7 u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali kellha qabel kollox tirrispondi l-motiv ibbażat fuq il-fatt li Aalberts u s-sussidjarji tagħha kienu jikkostitwixxu l-istess impriża, liema ħaġa ma ġietx eżaminata fis-sentenza appellata.

–       Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-firxa globali ta’ ħjiel, b’mod partikolari tad-diversi rabtiet eżistenti bejn il-provi individwali

17      Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-firxa globali ta’ ħjiel li ġie ppreżentat lilha fid-deċiżjoni kkontestata u matul il-proċedura tal-ewwel istanza billi, minn naħa, injorat ċerti provi mingħajr raġuni suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, billi naqset milli teżamina dawn il-provi flimkien u billi b’hekk injorat ir-rabtiet li jeżistu bejniethom.

18      Meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat ir-relazzjonijiet eżistenti bejn diversi provi utli għal evalwazzjoni korretta tal-aġir kollużiv. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta adottat approċċ selettiv u maqsum tal-evalwazzjoni, li ma jiħux inkunsiderazzjoni, minn naħa, ix-xebh bejn l-attivitajiet kollużivi matul l-ewwel perijodu tal-ksur (qabel l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni) u l-kuntatti ulterjuri li Aalberts inżammet responsabbli għalihom u, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet ċari bejn id-diversi kuntatti kollużorji għall-perijodu 2003-2004.

–       Fuq l-iżnaturament tal-provi u n-nuqqas ta’ motivazzjoni

19      Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċħid tan-noti miktubin bl-idejn ta’ P. (FRA.BO), tal-25 ta’ Frar 2004 u tal-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali ma huwiex immotivat biżżejjed. Minkejja li fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssostni li “[m]a huwiex eskluż li kien l-importatur indipendenti ta’ Simplex (D.) li ddeċieda li jżid il-prezzijiet tiegħu […]”, madankollu, din b’ebda mod ma tispjega għalfejn din l-affermazzjoni hija rilevanti u ma toffri ebda spjegazzjoni dwar il-konklużjoni li tista’ tittieħed minnha.

20      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali żnaturat kemm it-tifsira tal-kontenut tad-djarju kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ FRA.BO. Skont il-Kummissjoni, abbażi tal-evalwazzjoni tat-tieni dikjarazzjoni ta’ FRA.BO u tal-kontenut tad-djarju stess, il-Qorti Ġenerali setgħet biss tikkonkludi li FRA.BO kienet ġiet informata minn Simplex b’żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % fil-Greċja, li loġikament kienet tikkonċerna lil D., li kien jaġixxi bħala distributur.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali injorat provi li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ Simplex (Be u H.) f’laqgħa kollużiva ma’ rappreżentant ta’ IBP Ltd (Ha) waqt il-fiera ta’ Essen tat-18 ta’ Marzu 2004. Il-Qorti Ġenerali żnaturat id-dikjarazzjonijiet tad-diversi awturi tal-akkordju inkwistjoni waqt din il-manifestazzjoni, li tat lok għal laqgħat kollużivi.

22      Finalment, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali injorat, għal darba oħra, il-firxa globali tal-ħjiel u ddeformat il-fatti, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni ta’ Aalberts (Aquatis) fil-laqgħat tal-FNAS. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-rilevanza tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 60 tas-sentenza appellata li tgħid li ma huwiex eskluż li kien l-importatur indipendenti ta’ Simplex (D.) li ddeċieda li jżid il-prezzijiet tiegħu b’5 % mill-1 ta’ Marzu 2004. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha karattru kontradittorju, peress li, f’din il-kawża, hija tikkonkludi li l-parteċipazzjoni ta’ Aalberts fil-laqgħat tal-FNAS ma għandhiex rabta “evidenti” mal-akkordju globali, filwaqt li, f’kawża parallela, hija kkunsidrat li l-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħat tikkostitwixxi rabta suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur globali li jikkonċerna lil IBP Ltd (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, IBP u International Building Products France vs Il-Kummissjoni, T‑384/06, Ġabra p. II‑1177).

23      L-appellati josservaw li l-ksur ilmentat kontra Aquatis u Simplex huwa bbażat fuq erba’ avvenimenti fattwali, li tnejn minnhom jikkonċernaw lil Aquatis, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ din tal-aħħar f’ħames laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS u f’konferenza telefonika fil-kuntest tal-istess FNAS, u tnejn li jikkonċernaw lil Simplex, jiġifieri kuntatt telefoniku bejn rappreżentant ta’ FRA.BO u ta’ Simplex u laqgħa waqt il-fiera ta’ Essen, fit-18 ta’ Marzu 2004. Għall-appellati, dawn l-avvenimenti ma jikkonfermawx lil xulxin u l-Qorti Ġenerali, loġikament, evalwat il-parteċipazzjoni allegata ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji u sussegwentement eżaminat il-provi kollha fil-kuntest tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24      Mill-punt 3 tas-sentenza appellata jirriżulta li Raccord Orléanais u Woeste & Co. kienu sussidjarji ta’ Aalberts. It-totalità tal-ishma ta’ dawn is-sussidjarji nxtraw minn Aalberts fit-30 ta’ Awwissu 2002. Iż-żewġ sussidjarji ġew integrati f’waħda mill-attivitajiet tal-grupp Aalberts, jiġifieri dik tal-kontroll tal-fluwidi.

25      Għandu jiġi mfakkar ukoll li fil-premessi 649 sa 656 tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellati ġew ikkunsidrati bħala impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Huwa għalhekk li fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imputat l-aġir li allegatament jikkostitwixxi ksur ta’ Aquatis u ta’ Simplex lill-kumpannija parent tagħhom Aalberts.

26      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent partikolarment meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-appellati kienu, fl-ewwel motiv tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ Aalberts u tas-sussidjarji tagħha Aquatis u Simplex bħala impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

28      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dan il-motiv fis-sentenza appellata. Hija llimitat ruħha għall-eżami tat-tieni u tat-tielet motiv tar-rikors, u b’mod partikolari tal-kwistjoni jekk Aquatis u Simplex setgħux jitqiesu, abbażi ta’ eżami tal-provi fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn is-sussidjarji, bħala li pparteċipaw separatament fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi injorat il-premessa stess tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li Aalberts, Aquatis u Simplex kienu jifformaw parti mill-istess entità ekonomika u b’hekk mill-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

30      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija għalhekk fondata.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dan l-iżball, is-sentenza appellata għandhiex tiġi annullata.

32      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ta’ natura li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat għal raġunijiet oħra fil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 47, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 136).

33      Fl-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, l-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors seta’ jwassal għal żewġ riżultati.

34      Kieku l-Qorti Ġenerali kienet waslet għall-konklużjoni li tgħid li t-tliet kumpanniji kkonċernati ma kinux jifformaw impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-kritiki fformulati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, fir-rigward tal-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali, kienu jkunu infondati.

35      Min-naħa l-oħra, kieku kienet ġiet identifikata impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tali konstatazzjoni setgħet, fil-prinċipju, twassal għal dispożittiv differenti minn dak adottat fis-sentenza appellata.

36      Din it-tieni ipoteżi għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, eżaminat u evalwat l-akkordju konkluż f’żewġ stadji, li ġew ivverifikati fuq il-post f’diversi intervalli mill-Kummissjoni f’Marzu 2001, fl-uffiċċji ta’ diversi impriżi. L-investigazzjoni fir-rigward tal-grupp Aalberts bdiet matul it-tieni stadju, b’mod partikolari matul il-perijodu mill-15 ta’ Ġunju 2003 sal-1 ta’ April 2004. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stess tuża t-termini “tieni perijodu” fl-appell tagħha.

38      Fil-punt 570 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f’Marzu 2001, IMI, predeċessur ta’ Aalberts u kumpannija parent ta’ Aquatis u ta’ Simplex, temmet l-involviment tagħha fl-akkordju immedjatament wara l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-punt 80 tas-sentenza appellata fih id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li tgħid li Aalberts, meta xtrat it-totalità tal-attivitajiet ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-attrezzaturi ta’ IMI, żgurat li din u s-sussidjarji tagħha, fosthom Raccord Orléanais u Woeste & Co., kienu effettivament waqfu milli jipparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni. Din id-dikjarazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku lil Aquatis, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, meta l-kapital tagħha kien ikkontrollat minn IMI, Aquatis kienet waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur immedjatament wara l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni f’Marzu 2001.

39      F’kull każ, matul il-perijodu minn Marzu 2001 sal-25 ta’ Ġunju 2003, ma ġie allegat mill-Kummissjoni ebda avveniment li jista’ jitqies bħala ksur min-naħa ta’ Aalberts u tas-sussidjarji tagħha. Konsegwentement, għandu jitqies bħala stabbilit li, matul il-perijodu ta’ riferenza, ebda membru tal-grupp Aalberts ma kien involut fl-akkordju inkwistjoni.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki kieku jitqies li Aalberts, Aquatis u Simplex kienu jifformaw impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sabiex ir-responsabbiltà tal-akkordju inkwistjoni tkun tista’ tiġi imputata lil din l-impriża, kien ikun hemm il-bżonn li mill-inqas wieħed mill-membri ta’ dan il-grupp jaderixxi mill-ġdid miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C-286/11 P, punt 37).

41      B’hekk, il-Qorti Ġenerali pproċediet korrettement meta eżaminat il-provi inkriminanti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li setgħu jipprovaw li waħda mis-sussidjarji ta’ Aalberts kienet aderixxiet mill-ġdid mal-akkordju.

42      B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li “l-parteċipazzjoni ta’ Simplex fi ksur tal-Artikolu 81 KE matul il-perijodu kkontestat ma ġietx ipprovata suffiċjentement skont il-liġi” u, min-naħa l-oħra, fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li “ma huwiex stabbilit li Aquatis kienet taf dwar il-fatt li, bl-aġir tagħha, hija kienet aderixxiet għal akkordju kompost minn diversi partijiet li kellhom għan komuni, u lanqas li kienet aderixxiet għall-akkordju li għalih hija kienet diġà pparteċipat qabel Marzu 2001 u li kien tkompla”.

43      Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minn waħda jew minn diversi mill-kumpanniji inkwistjoni kieku kienet preliminarjament ikkonstatat li dawn il-kumpanniji kienu jifformaw flimkien impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet l-evalwazzjonijiet fattwali tagħha fid-dawl tal-provi li jinsabu fil-fajl ippreżentat lilha, b’mod partikolari dwar ir-rabtiet eżistenti bejn Aalberts, Aquatis u Simplex.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball ta’ dritt ikkonstatat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

46      Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi inkriminanti separatament għal kull waħda mis-sussidjarji mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, biex tevalwa n-natura ta’ ksur tal-aġir ta’ kull sussidjarja, ir-rabtiet eżistenti bejn il-provi kollha.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-fajl li ġie ppreżentat quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Bavaria vs Il-Kummissjoni, C‑445/11 P, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għandu jiġi kkonstatat li, b’din il-parti, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti. B’hekk, l-evalwazzjoni tal-provi li tpoġġew indiskussjoni mill-Kummissjoni tirriżulta f’evalwazzjoni tal-fatti li, mingħajr preġudizzju għall-każ tal-iżnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tistax tiġi ssuġġettata għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Bavaria vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli.

50      Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, meta rikorrent jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, dan għandu, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C‑205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 50).

51      Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr l-evalwazzjoni ta’ provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 37, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 17).

52      Madankollu, f’din it-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tipproponi qari differenti minn dak magħmul mill-Qorti Ġenerali tad-diversi provi dwar allegata parteċipazzjoni ta’ Simplex fl-akkordju inkwistjoni, b’mod partikolari, tan-noti miktubin bl-idejn ta’ P. tal-25 ta’ Frar 2004 relattivi għal kuntatt telefoniku ma’ W. u d-dikjarazzjonijiet ta’ Be, H. u Ha relattivi għal kuntratt allegatament kollużiv li seħħ waqt il-fiera ta’ Essen tat-18 ta’ Marzu 2004. Madankollu, l-argumenti invokati f’dan il-każ mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali qabżet manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, Ġabra p. I‑419, punt 57).

53      Finalment, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni essenzjalment tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-imsemmija noti miktubin bl-idejn iċċitati iktar ’il fuq tal-25 ta’ Frar 2004. Anki jekk il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-rilevanza tal-konstatazzjoni li għamlet fil-punt 60 tas-sentenza appellata, hija tikkonstata, fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li s-sensiela ta’ noti inkwistjoni “ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tipprova li Simplex ipparteċipat fil-ksur allegat f’din il-kawża [peress li] ma jistax jiġi eskluż li dan il-kuntatt jista’ jiġi kkunsidrat bħala inċident iżolat [u peress li, b]arra minn hekk, […] din l-unika serje ta’ noti miktubin bl-idejn lanqas ma tista’ turi l-implikazzjoni ta’ Simplex fl-akkordju fl-2003”. L-ilment relattiv għal allegata motivazzjoni kontradittorja lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Filwaqt li, fis-sentenza tagħha IBP u International Building Products France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-provi juru b’mod suffiċjenti fil-liġi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kkonċernati fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-provi relattivi għal Aalberts, għal Aquatis u għal Simplex, fis-sentenza appellata, ma ppermettietx lill-Qorti Ġenerali tibbaża tali konstatazzjoni fir-rigward tal-allegata impriża kkostitwita mill-kumpanniji msemmija.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

55      Konsegwentement, l-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

56      Bit-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq żball ta’ liġi, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest meta annullat b’mod sħiħ id-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna lis-sussidjarja Aquatis u lill-kumpannija parent Aalberts, filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-parteċipazzjoni ta’ Aquatis fl-attivitajiet tal-akkordju fis-suq Franċiż. Is-sentenza appellata hija vvizzjata mill-inqas minn żewġ żbalji ta’ liġi.

57      L-ewwel żball jinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba li Aquatis kellha livell differenti ta’ għarfien tal-akkordju meta mqabbel mal-kumpanniji l-oħra li pparteċipaw fil-laqgħat tal-FNAS fi Franza.

58      It-tieni żball ta’ liġi huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Qorti Ġenerali qabżet is-setgħat tagħha billi annullat b’mod sħiħ id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lil Aalberts u liż-żewġ sussidjarji tagħha, filwaqt li annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni kien ikun soluzzjoni iktar adatta. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm kien hemm ksur distint li jikkonċerna lil Aquatis matul iż-żewġ perijodi ta’ riferenza tal-akkordju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat l-ammont sħiħ tal-multa minflok ma sempliċement naqsitu sabiex jiġi rifless il-ksur ikkostitwit mill-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-FNAS matul it-tieni perijodu tal-akkordju.

59      L-appellati jqisu li dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, minħabba li fir-realtà kien jikkostitwixxi talba għal eżami mill-ġdid tal-fatti diġà invokati fl-ewwel istanza. Sussidjarjament, dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud għaliex huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u fuq applikazzjoni skorretta tal-kunċett ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lmentat li matul il-perijodu inkwistjoni Aquatis ipparteċipat fi ksur uniku, kumpless u kontinwu, li jkopri s-suq kollu msejjaħ “panEwropew”, deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Il-Qorti Ġenerali, wara li fil-punt 109 tas-sentenza appellata fakkret li l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur uniku, kumpless u kontinwu wara Marzu 2001 ikkonsistew f’kuntatti bilaterali, f’kuntatti magħmula waqt fiera kummerċjali u f’kuntatti magħmula fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS sabiex jiġu kkoordinati l-prezzijiet, ikkonstatat, fil-punt 110 tas-sentenza msemmija, li Aquatis kienet, matul il-perijodu inkwistjoni, ipparteċipat unikament fil-laqgħat tal-FNAS u mhux fiż-żewġ partijiet l-oħra tal-ksur. Madankollu, meta fil-punt 119 tas-sentenza appellata kkonstatat li ma kienx ġie stabbilit li Aquatis kienet taf bil-fatt li, bl-aġir tagħha, hija kienet aderixxiet f’akkordju kkostitwit minn diversi partijiet li kellu għan komuni, u lanqas fl-akkordju li hija kienet diġà pparteċipat fih qabel Marzu 2001 u li kien kompla, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b’mod sħiħ fir-rigward tal-konvenuti.

62      Fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi invokat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-aġir ta’ Aquatis, waqt il-laqgħat tal-FNAS, jista’ minnu nnifsu jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv, huwa ċert li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan l-aġir ikun jista’ jitqies bħala parti minn ksur uniku, kumpless u kontinwu ma humiex issodisfatti.

63      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kellu jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur jew maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iżda, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 112 u 119 tas-sentenza appellata, jeskludu din l-eventwalità.

64      Fir-rigward tal-punt jekk il-Qorti Ġenerali, kif issostni l-Kummissjoni, kellhiex f’kull każ tipproċedi bl-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-appellati peress li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’element li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-laqgħat tal-FNAS, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-bqija tal-att (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tilmenta biss kontra l-appellati l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku, kumpless u kontinwu. B’hekk, id-deċiżjoni msemmija ma tikklassifikax il-parteċipazzjoni ta’ Aquatis fil-laqgħat tal-FNAS bħala ksur distint tal-Artikolu 81 KE. B’mod kuntrarju, il-premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata li telenka l-attivitajiet antikompetittivi kkunsidrati mid-deċiżjoni msemmija ma fiha ebda riferenza għal-laqgħat tal-FNAS. Barra minn hekk, il-premessa 590 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma espressament li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra bħala “artifiċjali li jinqasam l-aġir kontinwu [tal-impriżi kkonċernati], ikkaratterizzat minn għan wieħed, billi jitqies li hemm diversi ċirkustanzi ta’ ksur distint, meta fir-realtà kien hemm ksur uniku”.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-laqgħat tal-FNAS kellhom għan jew effetti antikompetittivi, l-imsemmi element li jikkostitwixxi l-ksur uniku, kumpless u kontinwu ma kienx separabbli mill-bqija tal-att fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ din is-sentenza.

67      B’hekk, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li ma setax jitqies li kien hemm parteċipazzjoni tal-impriża fl-akkordju uniku, kumpless u kontinwu, annullat b’mod sħiħ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-appellati.

68      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

69      Il-Kummissjoni tqis li l-annullament tal-Artikolu 2(b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex immotivat biżżejjed mill-Qorti Ġenerali. Dwar il-limitu massimu ta’ 10 % abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ miġbur flimkien ta’ Aquatis u Simplex biss, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, peress li l-appellati ma kinux invokaw tali motiv.

70      Barra minn hekk, il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma ġie invokat mill-appellati la fl-osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji tal-proċedura kontradittorja u tad-dritt għal smigħ xieraq. B’hekk, is-sentenza appellata ma tistax legalment tikkonstata xi żball fil-kalkolu tal-frazzjoni tal-multa fl-Artikolu 2(b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi annullata wkoll f’dan ir-rigward.

71      L-appellati jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Fil-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat il-metodu ta’ kalkolu użat biex tasal għall-ammont ta’ EUR 2.04 miljun abbażi tal-multa imposta fuq Aquatis u fuq Simplex u msemmija fl-Artikolu 2(b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Mill-punt 123 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ammont ta’ EUR 100.8 miljun abbażi tal-multa imposta fuq Aalberts mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tagħha kien jikkostitwixxi fattur importanti fil-kalkolu msemmi. It-tneħħija ta’ dan l-ammont bl-annullament tal-multa imposta fuq Aalberts neċessarjament tagħmel l-ammont imsemmi fl-Artikolu 2(b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata skorrett, liema ħaġa tiġġustifika l-annullament tagħha.

74      It-tfakkira mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li IMI ġiet maqsuma f’diversi entitajiet distinti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija superfluwa u ma tistax tvarja l-konklużjoni magħmula fil-punt preċedenti.

75      Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

76      Peress li l-aggravji kollha ġew miċħuda, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-appell inċidentali

77      Għandu jiġi rrilevat li l-appell inċidentali ġie ppreżentat mill-appellati fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ dan l-appell. Iżda mill-punt 76 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-appell inċidentali.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

80      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub minn Aalberts, Aquatis u Simplex.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell prinċipali huwa miċħud.

2)      Ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-appell inċidentali.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.