Language of document : ECLI:EU:C:2017:204

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti – Kunċett – Xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jiġux ipprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku”

Fil-Kawża C‑188/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) b’deċiżjoni tad-9 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2015, fil-proċedura

Asma Bougnaoui,

Association de défense des droits de l’homme (ADDH)

vs

Micropole SA, li kienet Micropole Univers SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Berger, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bougnaoui u l-Association de défense des droits de l’homme (ADDH), minn C. Waquet, avukat,

–        għal Micropole SA, minn D. Célice, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Asma Bougnaoui u l-Association de défense des droits de l’homme (ADDH) (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iktar ’il quddiem l-“ADDH”), minn naħa, u Micropole SA, li kienet Micropole Univers SA, (iktar ’il quddiem, “Micropole”), min-naħa l-oħra, rigward it-tkeċċija minn din tal-aħħar ta’ A. Bougnaoui għaliex hija rrifjutat li tneħħi l-velu Iżlamiku tagħha meta tkun fuq missjoni għand il-klijenti ta’ din l-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2000/78

3        Il-premessi 1, 4 u 23 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:

“(1)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għall-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(23)      F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

 Id-dritt Franċiż

8        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ġew trasposti fid-dritt Franċiż, b’mod partikolari, fl-Artikoli L. 1132‑1 u L. 1133‑1 tal-code du travail (kodiċi tax-xogħol) kif jirriżultaw mil-Liġi Nru 2008-496, tas-27 ta’ Mejju 2008, li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet (JORF tat-28 ta’ Mejju 2008, p. 8801).

9        L-Artikolu L. 1121-1 tal-kodiċi tax-xogħol jgħid:

“Ħadd ma’ jista’ jillimita d-drittijiet personali u l-libertajiet individwali u kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq jew proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.”

10      L-Artikolu L. 1132-1 tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“L-ebda persuna ma tista’ tiġi eskluża minn proċedura ta’ reklutaġġ jew mill-aċċess għal esperjenza ta’ xogħol jew perijodu ta’ taħriġ f’impriża, l-ebda impjegat ma jista’ jiġi ddixxiplinat, imkeċċi jew suġġett għal trattament diskriminatorju, kemm direttament kif ukoll indirettament, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 2008‑496 tas-27 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu L. 3221‑3, skemi ta’ inċentiv jew ta’ tqassim ta’ ishma, taħriġ, klassifikazzjoni mill-ġdid, allokazzjoni, ċertifikazzjoni, klassifikazzjoni, promozzjoni fil-karriera, trasferiment, jew tiġdid tal-kuntratt, minħabba l-oriġini tiegħu, is-sess tiegħu, l-aġir tiegħu, l-orjentament sesswali tiegħu, l-età tiegħu, […],l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-attivitajiet sindakali jew tal-kunsill tax-xogħol tiegħu, it-twemmin reliġjuż tiegħu, l-apparenza fiżika tiegħu, kunjomu jew minħabba l-istat ta’ saħħa jew diżabbiltà tiegħu.”

11      L-Artikolu L. 1133‑1 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu L. 1132‑1 ma għandux jipprekludi d-differenzi fit-trattament li jissodisfaw rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, bil-kundizzjoni li l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.”

12      L-Artikolu L. 1321-3 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“Ir-regolamenti interni ma għandhomx jinkludu:

1°      Dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġijiet u r-regolamenti jew kontra r-rekwiżiti stipulati mill-ftehimiet u akkordji kollettivi dwar il-prattiki tax-xogħol applikabbli fl-impriża jew fl-istabbiliment;

2°      Dispożizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet personali u l-libertajiet individwali u kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq jew proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq;

3°      Dispożizzjonijiet li jiddiskriminaw kontra l-impjegati fl-impjieg tagħhom jew fix-xogħol tagħhom, li jkollhom l-istess kapaċità professjonali, minħabba l-oriġini tagħhom, is-sess tagħhom, l-aġir tagħhom, l-orjentament sesswali tagħhom, l-età tagħhom, […], l-opinjonijiet politiċi tagħhom, l-attivitajiet sindakali jew tal-kunsill tax-xogħol tagħhom, it-twemmin reliġjuż tagħhom, l-apparenza fiżika tagħhom, kunjomhom jew minħabba l-istat ta’ saħħa jew diżabbiltà tagħhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. Bougnaoui ltaqgħet, fix-xahar ta’ Ottubru 2007, waqt fiera għall-istudenti, qabel ir-reklutaġġ tagħha mal-impriża privata Micropole, ma’ rappreżentant ta’ din, li informaha bil-fatt li l-ilbies tal-velu Iżlamiku seta’ joħloq problema meta hija tkun f’kuntatt mal-klijenti ta’ din il-kumpannija. Meta A. Bougnaoui ppreżentat ruħha, fl-4 ta’ Frar 2008, għand Micropole sabiex tagħmel hemmhekk perijodu ta’ taħriġ ta’ tmiem tal-istudji, hija kienet liebsa sempliċi bandana. Sussegwentement, hija libset velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol tagħha. Fi tmiem dan il-perijodu ta’ taħriġ, Micropole rreklutatha, mill-15 ta’ Lulju 2008, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bħala inġinier ta’ proġetti.

14      Wara li ssejħet, fil-15 ta’ Ġunju 2009, għal intervista qabel tkeċċija possibbli, A. Bougnaoui tkeċċiet b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2009 redatta kif ġej:

“[…] Bħala parti mid-dmirijiet tiegħek, ħadt sehem f’xogħlijiet f’isem il-klijenti tagħna.

Tlabnik taħdem għall-klijent […] fil-15 ta’ Mejju, fis-sit [tiegħu] […] Wara dak ix-xogħol, il-klijent qalilna li l-ilbies ta’ velu, li inti fil-fatt tilbes kuljum, kien imbarazza lil numru ta’ impjegati tagħha. Talab ukoll li ma jkunx hemm ‘velu d-darba li jmiss’.

Meta ġejt impjegata mill-kumpannija tagħna, fl-intervisti tiegħek mal-Maniġer operattiv tiegħek, […], u l-Maniġer responsabbli mir-reklutaġġ, […], ġie diskuss is-suġġett tal-ilbies tal-velu b’mod ċar ħafna miegħek. Aħna għednilek li nirrispettaw għalkollox il-prinċipju tal-libertà ta’ opinjoni u t-twemmin reliġjuż ta’ kulħadd, imma billi inti kont se tkun f’kuntatt intern jew estern mal-klijenti tal-kumpannija, ma tkunx tista’ tilbes il-velu fiċ-ċirkustanzi kollha. Fl-interessi u għall-iżvilupp tal-impriża, aħna ninsabu kostretti, fir-rigward tal-klijenti tagħna, li nirrikjedu li tintuża diskrezzjoni fir-rigward tal-espressjoni tal-preferenzi personali tal-impjegati tagħna.

Fl-intervista tagħna tas-17 ta’ Ġunju, aħna tennejnilek dan il-prinċipju ta’ newtralità neċessarja u tlabnik tapplikah fir-rigward tal-klijenti tagħna. Erġajna staqsejnik jekk stajtx taċċetta dawn ir-rekwiżiti professjonali billi taċċetta li ma tilbisx il-velu, u inti rrispondejtna fin-negattiv.

Aħna nikkunsidraw li dawn il-fatti jiġġustifikaw, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħek. Billi l-pożizzjoni tiegħek tagħmilha impossibbli li tkompli bil-funzjonijiet tiegħek f’isem il-kumpannija, billi ma nistgħux nikkontemplaw, minħabba l-pożizzjoni li inti ħadt, li tkompli tipprovdi servizzi fil-postijiet tal-klijenti tagħna, mhux se tkun tista’ taħdem il-perijodu ta’ avviż tiegħek. Billi dan in-nuqqas li taħdem matul il-perijodu ta’ avviż huwa imputabbli lilek, m’intix ser tiġi rremunerata għall-perijodu ta’ avviż tiegħek.

Jiddispjaċina b’din is-sitwazzjoni peress li l-kompetenza professjonali tiegħek u l-potenzjal tiegħek ġiegħluna nittamaw li jkun hemm kollaborazzjoni fit-tul.”

15      Peress li qieset li din it-tkeċċija kienet diskriminatorja, A. Bougnaoui ppreżentat, fit-8 ta’ Settembru 2009, rikors quddiem il-conseil de prud’hommes de Paris (tribunal tax-xogħol ta’ Pariġi, Franza). Fl-4 ta’ Mejju 2011, dan ikkundanna lil Micropole għall-pagament ta’ kumpens fir-rigward tal-perijodu ta’ avviż tagħha talli ma indikatx fl-ittra ta’ tkeċċija tagħha l-gravità tal-allegat nuqqas ta’ A. Bougnaoui u ċaħad il-kumplament tar-rikors, minħabba li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ A. Bougnaoui li tilbes il-velu Iżlamiku kienet iġġustifikata mill-kuntatt ta’ din tal-aħħar ma’ klijenti ta’ din il-kumpannija u proporzjonata mal-għan segwit minn Micropole li huwa intiż sabiex tiġi ppreżervata l-immaġni ta’ din u sabiex ma jiġix offiż it-twemmin tal-klijenti tagħha.

16      A. Bougnaoui, sostnuta mill-ADDH, appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza). B’deċiżjoni tat-18 ta’ April 2013, din ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Conseil de prud’hommes de Paris (tribunal tax-xogħol ta’ Pariġi). Fid-deċiżjoni tagħha, hija fost l-oħrajn iddikjarat li t-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui ma kinitx ġejja minn diskriminazzjoni bbażata fuq it-twemmin reliġjuż tal-impjegata, għaliex din kienet awtorizzata tkompli tesprimih fi ħdan l-impriża, u li kienet iġġustifikata minn restrizzjoni leġittima li ġejja mill-interessi tal-impriża filwaqt li l-eżerċizzju, mill-impjegata, tal-libertà li timmanifesta t-twemmin reliġjuż tagħha kien imur lil hinn mill-konfini tal-impriża u kien impost fuq il-klijenti ta’ din tal-aħħar mingħajr kunsiderazzjoni għas-sensittivitajiet tagħhom, u dan kien jikser id-drittijiet ta’ ħaddieħor.

17      A. Bougnaoui u l-ADDH appellaw quddiem il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ April 2013. Huma sostnew quddiem din il-qorti li l-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) kienet kisret b’mod partikolari l-Artikoli L. 1121‑1, L. 1321‑3 u L. 1132‑1 tal-kodiċi tax-xogħol. Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà reliġjuża għandhom ikunu ġġustifikati min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq u għandhom jissodisfaw rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat. Issa, l-ilbies tal-velu Iżlamiku minn impjegata ta’ impriża privata, f’kuntatt mal-klijentela, ma jippreġudikax id-drittijiet jew it-twemmin ta’ ħaddieħor u l-iskumdità jew is-sensittività tal-klijentela ta’ kumpannija kummerċjali, li allegatament jinħassu mas-sempliċi dehra ta’ simbolu ta’ affiljazzjoni reliġjuża, la jikkostitwixxu kriterju effettiv u lanqas wieħed leġittimu, li ma huwa relatat ma’ ebda diskriminazzjoni, li jiġġustifika l-fatt li tingħata prevalenza lill-interessi ekonomiċi jew kummerċjali tal-imsemmija kumpannija fuq il-libertà fundamentali ta’ reliġjon ta’ impjegat.

18      L-awla għall-oqsma soċjali tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni), adita bl-appell ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tosserva li, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddikjarat li l-fatt li persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhux ser tirrekluta impjegati b’ċerta oriġini etnika jew razzjali jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-reklutaġġ fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), iżda ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, minħabba n-natura ta’ attività professjonali jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, ix-xewqa ta’ klijent ta’ persuna li timpjega li l-provvisti ta’ servizzi ta’ din ma jibqgħux jingħataw minn ħaddiem għal waħda mir-raġunijiet li hemm riferiment għalihom fl-imsemmija direttiva.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xewqa ta’ klijent ta’ kumpannija ta’ konsulenza informatika li s-servizzi informatiċi ta’ din il-kumpannija ma jibqgħux jiġu pprovduti lilu minn impjegata, inġinier ta’ proġetti, liebsa velu Iżlamiku, tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

20      Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Micropole ressqet, fit-18 ta’ Novembru 2016, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali taħt l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Insostenn tat-talba tagħha, Micropole sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu nota tal-osservazzjonijiet tagħha wara l-għoti tal-imsemmija konklużjonijiet u li hija xtaqet tagħti informazzjoni komplementari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

23      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi meħtieġa kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss quddiemha.

24      Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali mressqa minn Micropole għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domanda preliminari

25      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

27      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-imsemmi kunċett.

28      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera, fil-premessa 1 tad-Direttiva 2000/78, għad-drittijiet fundamentali kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, u dan id-dritt jimplika, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

29      Fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera wkoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), hemm id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku, jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) ta’ din jikkorrispondi mad-dritt iggrantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dan.

30      Sa fejn il-KEDB u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża.

31      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk id-domanda tal-qorti tar-rinviju hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin jew fuq konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq tali kriterji.

32      F’dan ir-rigward, jekk, u dan għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti, it-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regola interna li kienet fis-seħħ fi ħdan din l-impriża, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, u jekk jirriżulta li din ir-regola li tidher newtrali twassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jkollhom reliġjon jew twemmin speċifiku, bħal A. Bougnaoui, ikun hemm lok li jiġi konkluż li teżisti differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, G4S Secure Solutions, C‑157/15, punti 30 u 34).

33      Madankollu, skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-implementazzjoni, minn Micropole, ta’ politika ta’ newtralità fir-rigward tal-klijenti tagħha, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, G4S Secure Solutions, C‑157/15, punti 35 sa 43).

34      Min-naħa l-oħra, fil-każ li t-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui ma tkunx ibbażata fuq l-eżistenza ta’ regola interna bħal dik imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat, hekk kif titlob id-domanda tal-qorti tar-rinviju, jekk il-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li, bħal A. Bougnaoui, ġiet assenjata minn din il-persuna li timpjega lil dan il-klijent u li tilbes velu Iżlamiku, tikkostitwixxix rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

35      F’dan ir-rigward, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attività professjonali jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, il-karatteristika inkwistjoni tkun tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u sakemm ir-rekwiżit ikun proporzjonat.

36      B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, fejn xieraq, li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni. Dan jidher li huwa l-każ hawnhekk, bis-saħħa tal-Artikolu L. 1133‑1 tal-kodiċi tax-xogħol, li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

37      Wara li ngħad dan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni, li għandha tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 35; tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66; tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 36, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 33).

38      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa biss f’kundizzjonijiet limitati ħafna li karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mar-reliġjon tista’ tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti.

39      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont it-termini nfushom tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, il-karatteristika inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi tali rekwiżit biss “minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu”.

40      Minn dawn id-diversi indikazzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal rekwiżit oġġettivament iddettat min-natura jew mill-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni. Huwa ma jistax, min-naħa l-oħra, ikopri kunsiderazzjonijiet suġġettivi, bħall-volontà tal-persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni xewqat partikolari tal-klijent.

41      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku ma tistax titqies bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku ma tistax titqies bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.