Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2017 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-7 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-194/13, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-265/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Christoforou, N. Khan, H. Leupold, A. Biolan, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: United Parcel Service, Inc., FedEx Corp.

Talbiet

tannulla s-sentenza;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti tal-Ġenerali żbaljat meta qieset, fis-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni kienet marbuta tiżvela lil UPS il-verżjoni definittiva tal-mudell tagħha ta’ konċentrazzjoni tal-prezzijiet qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

Anki jekk in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżvela l-aħħar verżjoni tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet lil UPS qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni seta’ jikser id-drittijiet tad-difiża ta’ UPS, il-Qorti Ġeneral żbaljat fil-karatterizzazzjoni tagħha tan-natura probatorja tal-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet u, konsegwentement, fit-test legali applikat sabiex jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata.

Anki jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tindirizza s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni li l-motiv ta’ UPS kien ineffettiv u li UPS setgħet tifhem il-mudell tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet.

Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet li saru fis-sentenza ma jiġġustifikawx l-annullament tad-Deċiżjoni.

____________