Language of document : ECLI:EU:C:2017:937

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2017(1)

Kawża C451/16

MB

vs

Secretary of State for Work and Pensions

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) (Ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali— Direttiva 79/7/KEE — Rifjut li tingħata pensjoni tal-irtirar tal-Istat fl-età ta’ 60 sena lil persuna transġeneru li saritilha operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru — Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru — Kundizzjoni relatata mal-obbligu li jiġi annullat żwieġ preċedenti”






I.      Introduzzjoni

1.        MB hija persuna transġeneru li l-ġeneru tagħha nbidel minn maskil għal femminil. Ilha miżżewġa ma’ mara mill-1974. Hija għexet bħala mara mill-1991 u saritilha operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru fl-1995. Fl-2008, hija għalqet 60 sena, l-età tal-irtirar legali għan-nisa fir-Renju Unit dak iż-żmien. Hija applikat għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat. L-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda, peress li MB ma kinitx segwiet il-proċedura legali għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru. Għaldaqstant, skont id-dritt nazzjonali, kienet għadha ta’ sess maskil.

2.        MB iddeċidiet li ma tapplikax għar-rikonixximent tal-ġeneru skont il-proċedura kif kienet taħt id-dritt nazzjonali fiż-żmien rilevanti. Ir-raġuni tagħha għal dan kienet sempliċi: waħda mill-kundizzjonijiet għal dan ir-rikonoxximent legali kienet li “ma tkunx miżżewġa”, peress li r-Renju Unit ma kienx jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Għal MB, dan kien jimplika l-annullament taż-żwieġ tagħha, li l-mara tagħha u hija stess kienu kontrih.

3.        Id-domanda mqajma mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) f’dan il-kuntest fattwali hija sempliċi: il-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa tmur kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, kif stabbilita fid-Direttiva 79/7/KEE? (2)

4.        Il-fatti u t-talba f’dan il-każ jixbhu lil dawk li taw lok għas-sentenza Richards (3). Madankollu, il-kawża Richards kienet tikkonċerna l-impossibbiltà għar-rikorrenti li jkollha r-riassenjament tal-ġeneru tagħha rrikonoxxuta legalment. Mid-dħul fis-seħħ tal-Gender Recognition Act 2004 (l-Att dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru tal-2004, iktar ’il quddiem il-“GRA”) dan ma għadux il-każ. Madankollu, filwaqt li bħalissa r-rikonoxximent sar possibbli, l-adozzjoni tal-Att tal-2004 tat lok għal numru ta’ mistoqsijiet addizzjonali. Id-Direttiva 79/7 tapplika għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru? Mil-liema mument persuna transġeneru tibbenefika mill-protezzjoni tad-Direttiva 79/7? Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess bejn persuni transġeneri u ċisġeneri tapplika biss fejn ir-riassenjament tal-ġeneru ġiet legalment irrikonoxxuta skont id-dritt nazzjonali?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-UE

5.        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali [matrimonjali] jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

–        l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

–        l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

–        il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

6.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/7 jipprovdi li:

“Din id-direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

(a)      l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra;

[…]”

B.      Id-dritt tar-Renju Unit

1.      L-età tal-irtirar

7.        Ir-Renju Unit għamel użu mid-deroga awtorizzata mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7.

8.        Kif stabbilit fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kombinazzjoni, l-ewwel nett, tal-Artikolu 44 tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (l-Att dwar il-Kontribuzzjonijiet u l-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tal-1992) bid-definizzjoni ta’ “età tal-pensjoni” fl-Artikolu 122 ta’ dak l-Att u, it-tieni nett, tal-Iskeda 4(1) tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal-1995, hija li n-nisa li twieldu qabel is-6 ta’ April 1950 huma eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat fl-età ta’ 60 sena, filwaqt li l-irġiel li twieldu qabel is-6 ta’ Diċembru 1953 isiru eliġibbli fl-età ta’ 65 sena.

2.      L-Att dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru

9.        Il-GRA ġie adottat fl-2004. Huwa daħal fis-seħħ fl-4 ta’ April 2005.

10.      L-Artikolu 1 tal-GRA, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, jipprovdi li persuna li għandha mill-inqas 18-il sena tista’ tapplika quddiem il-Gender Recognition Panel (il-Kumitat għar-Rikonoxximent tal-Ġeneru) għal ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru li jattesta l-bidla fil-ġeneru tat-twelid tiegħu jew tagħha “fuq il-bażi tal-fatt […] li jgħix jew tgħix fil-ġeneru l-ieħor”.

11.      Il-kriterji li jiddeterminaw jekk seħħitx bidla fil-ġeneru huma stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tal-GRA. Skont l-Artikolu 2, il-Kumitat għar-Rikonoxximent tal-Ġeneru għandu jilqa’ l-applikazzjoni jekk ikun issodisfatt li l-applikant għandu jew kellu disforja sesswali, għex fil-ġeneru miksub għal minn tal-inqas sentejn sad-data tal-applikazzjoni, għandu l-intenzjoni li jgħix fil-ġeneru miksub sakemm imut u jissodisfa r-rekwiżiti probatorji stabbiliti fl-Artikolu 3. Ir-rekwiżiti probatorji stabbiliti fl-Artikolu 3 jikkonsistu f’rapport minn żewġ tobba jew minn tabib u psikologu.

12.      Skont l-Artikolu 9 tal-GRA, meta jinħareġ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru, il-ġeneru miksub isir il-ġeneru tal-persuna għall-finijiet kollha. Il-paragrafu 7 tal-Iskeda 5 tal-GRA jirregola l-effett ta’ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru fuq l-eliġibbiltà għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat: ladarba joħroġ iċ-ċertifikat, kwalunkwe kwistjoni dwar l-intitolament għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat għandha tiġi deċiża daqslikieku s-sess ta’ persuna kien minn dejjem il-ġeneru miksub.

13.      Il-GRA kien jipprevedi dispożizzjoni speċjali għal applikanti miżżewġa peress li meta ġie adottat il-GRA ż-żwieġ validu legalment seta’ jeżisti biss bejn raġel u mara (4). Skont l-Artikolu 4(2) tal-GRA, applikant mhux miżżewweġ li jissodisfa l-kriterji għar-rikonoxximent tal-ġeneru fl-Artikoli 2 u 3 huwa intitolat għal ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(3) tal-GRA jipprovdi li applikant miżżewweġ li jissodisfa l-istess kriterji huwa intitolat biss għal ċertifikat provviżorju ta’ rikoxximent tal-ġeneru. Iċ-ċertifikat provviżorju ta’ rikonoxximent tal-ġeneru jippermetti applikant miżżewweġ japplika għall-annullament taż-żwieġ minn qorti, skont l-Artikolu 12(g) tal-Matrimonial Causes Act 1973 (l-Att tal-1973 dwar il-Kwistjonijiet Matrimonjali, kif emendat mill-GRA). L-applikanti jkunu intitolati għal ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru biss wara li jkunu kisbu dikjarazzjoni ta’ annullament (fl-Ingilterra u Wales).

3.      Unjonijiet ċivili u żwieġ bejn persuni tal-istess sess

14.      Is-Civil Partnership Act (l-Att dwar l-Unjoni Ċivili) ġie adottat fl-2004 u daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2005. Dan l-att jipprevedi r-rikonoxximent legali ta’ unjonijiet bejn persuni tal-istess sess b’effett mir-reġistrazzjoni tagħhom.

15.      Il-Marriage (Same Sex Couples) Act 2013 (l-Att dwar iż-Żwieġ (Bejn Koppji tal-Istess Sess) tal-2013) daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Diċembru 2014. Huwa jawtorizza ż-żwieġ ta’ koppji tal-istess sess. L-Iskeda 5 ta’ dan l-att emendat l-Artikolu 4 tal-GRA 2004 fis-sens li Kumitat għar-Rikonixximent tal-Ġeneru għandu jemetti ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru għal applikant miżżewweġ jekk il-konjuġi tal-applikant jagħti l-kunsens tiegħu.

III. Il-fatti, il-proċedura, u d-domanda preliminari

16.      MB twieldet fl-1948, ġiet irreġistrata bħala raġel mat-twelid, u żżewġet fl-1974. Fl-1991, MB bdiet tgħix bħala mara. Fl-1995, saritilha operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru.

17.      Għalkemm il-GRA daħal fis-seħħ fl-2005, MB ma applikatx għal ċertifikat tar-rikonoxximent tal-ġeneru. Dan peress li hija għadha tgħix flimkien mal-mara tagħha u jixtiequ jibqgħu miżżewġin. Anki jekk iż-żwieġ tagħhom jista’ jiġi ssostitwit b’unjoni ċivili, huma ma jixtiqux jannullawh u dan għal raġunijiet reliġjużi.

18.      Fl-2008, MB laħqet l-età ta’ 60 sena, l-età tal-pensjoni għan-nisa li twieldu qabel is-6 ta’ April 1950. Hija applikat għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata peress li, fid-dawl tal-fatt li ma kellhiex ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru, hija ma setgħetx titqies bħala mara fir-rigward tal-età li kienet trendiha eliġibbli għall-pensjoni tagħha.

19.      MB (“ir-rikorrenti”) appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Hija stqarret li l-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa tammonta għal diskriminazzjoni kontra d-Direttiva 79/7: tipprekludiha milli taċċessa l-pensjoni tal-irtirar tagħha fl-età li hija intitolata għaliha bħala mara.

20.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk “id-Direttiva tal-Kunsill 79/7 tipprekludi[x] l-impożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ rekwiżit li, minbarra li tissodisfa l-kriterju fiżiku, soċjali u psikoloġiku għar-rikonoxximent ta’ bidla tas-sess, persuna li tkun biddlet is-sess għandha wkoll ma tkunx miżżewġa sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat”.

21.      Saru sottomissjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2017.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Rimarka preliminari: liema domanda?

22.      “Tnejn għall-prezz ta’ wieħed” hija espressjoni li aktarx tirrikorri fid-dinja pubbliċitarja iktar milli fl-introduzzjonijiet ta’ konklużjonijiet ġudizzjarji. Madankollu, din l-espressjoni hija pjuttost rilevanti fil-kuntest tar-rinviju preżenti. Barra u lil hinn mis-sempliċità apparenti tad-domanda magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) hemm domanda oħra iktar profonda. Għalhekk, il-kawża preżenti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn żewġ angoli pjuttost differenti.

23.      L-ewwel nett, approċċ strett jiffoka fuq l-aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali: id-Direttiva 79/7 tipprekludi rekwiżit tad-dritt nazzjonali li, minbarra li tissodisfa l-kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi għar-rikonoxximent ta’ bidla fil-ġeneru, persuna li tkun biddlet il-ġeneru għandha wkoll ma tkunx miżżewġa sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat?

24.      It-tieni nett, hemm l-approċċ iktar ikkumplikat li jqajjem domanda sottostanti, li hija differenti iżda xorta marbuta mal-approċċ strett. Din id-domanda hija dwar il-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali tal-privatezza, tal-ħajja privata, u tad-dritt għaż-żwieġ jekk Stat Membru (i) jirrifjuta li jippermetti żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u konsegwentament (ii) jirrifjuta li jirrikonoxxi riassenjament tal-ġeneru li kieku jwassal għal sitwazzjoni fejn żewġ persuni tal-istess sess isibu ruħhom fi żwieġ validu (bejn persuni tal-istess sess).

25.      Id-diffikultà vera ta’ din il-kawża ma tiddependix, fil-fehma tiegħi, fuq l-għoti ta’ tweġiba għal waħda minn dawn iż-żewġ domandi. Din pjuttost tiddependi fuq l-għażla tad-domanda. Ladarba tkun saret din l-għażla, tista’ tinħoloq diffikultà sabiex jiġu kkonċiljati r-risposti għal kull waħda minn dawn id-domandi.

26.      Din il-kwistjoni hija kjarament viżibbli fis-sottomissjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’ċertu sens, kull waħda mill-partijiet argumentat każ differenti. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ffokaw fuq fehim strett tal-kwistjoni. Huma kkonkludew li l-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa twassal għal diskriminazzjoni li hija prekluża mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. Fis-seduta orali, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tindirizza l-implikazzjonijiet l-iktar wiesgħa tal-kawża. Madankollu, ir-rispons kien insistenza li l-approċċ strett, kif jidher fid-domanda tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), kien tabilħaqq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, l-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit kienu bbażati fuq argumenti li jikkonċernaw kwistjoni iktar wiesgħa dwar id-drittijiet fundamentali. Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, l-istess Gvern ukoll spiss invoka u bbaża ruħu fuq ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) (5).

27.      Id-domanda magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tirrifletti b’mod ċar l-approċċ strett. Minkejja l-implikazzjonijiet l-iktar wiesgħa tal-kwistjonijiet imqajma minn din il-kawża, li tirreferi utilment għalihom il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għażlet li tinkwadra d-domanda tagħha b’aċċenn fuq il-kompatibbiltà ta’ rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa mad-Direttiva 79/7.

28.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fid-deċiżjoni tar-rinviju u fit-test tad-domanda nnifisha, il-qorti tar-rinviju wettqet ukoll numru ta’ evalwazzjonijiet fattwali. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tiddikjara kjarament fid-domanda tagħha li r-rekwiżit inkwistjoni huwa impost fuq persuna li biddlet il-ġeneru. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tikkonferma wkoll li r-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa huwa impost minbarra l-fatt li jridu jiġu ssodisfatti l-kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi għar-rikonixximent tal-bidla fil-ġeneru.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi fattwali u bħala risposta għad-domanda stretta magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, ma nistax ma nikkonkludix li r-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa, applikabbli effettivament biss għal persuni transġeneri sabiex jaċċessaw pensjoni tal-Istat, imur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 (B). Għaldaqstant, ser nirrispondi wkoll għall-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit fir-rigward tal-fehim iktar wiesa’ tad-domanda, anki jekk ma tistax tinbidel ir-risposta mogħtija għad-domanda stretta (C). Ser nenfasizza għaliex din il-kawża hija fil-fatt iktar stretta anki fl-impatt tagħha u iktar ċirkoskritta minn dak li jissuġġerixxu l-argumenti iktar wiesgħa tad-drittijiet fundamentali (D).

B.      Id-domanda stretta

30.      Ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni f’din il-kawża, pensjoni tal-irtirar tal-Istat, jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 79/7. Din id-direttiva tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal skemi tas-sigurtà soċjali li jipprovdu protezzjoni, inter alia, kontra r-riskju tax-xjuħija (6).

31.      Hemm diskriminazzjoni pprojbita f’dan il-każ? Skont il-linja standard tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7), sabiex ikun hemm diskriminazzjoni diretta, irid ikun hemm inugwaljanza fit-trattament ta’ grupp ta’ persuni komparabbli għad-detriment ta’ grupp protett. Din għandha sseħħ abbażi ta’ wieħed mill-motivi protetti, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli għal tali differenza fit-trattament.

32.      Għall-finijiet ta’ preżentazzjoni, f’din it-taqsima, ser nevalwa, l-ewwel nett, jekk hemmx bażi ta’ diskriminazzjoni (1). Sussegwentement, ser nevalwa l-komparabbiltà ta’ persuni tranġeneri (8) u ċisġeneri (9) (2), u l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament (3). Ser nikkonkludi din it-taqsima billi nħares lejn l-impossibbiltà li tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni diretta fil-kuntest leġiżlattiv tad-Direttiva 79/7 (4).

1.      Il-bażijiiet ta’ diskriminazzjoni

33.      Hija issa ġurisprudenza stabbilita li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess prevista mid-dritt tal-Unjoni tkopri diskriminazzjoni abbażi ta’ riassenjament tal-ġeneru (10). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod espliċitu rrikonoxxa dan l-iżvilupp importanti billi kkonferma li l-kamp tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa “japplika ukoll għad-diskriminazzjoni provenjenti minn riassenjament tas-sess ta’ persuna” (11).

34.      L-ewwel każ imur lura għall-1996. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza P vs S, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat il-fehim ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess bħala kunċett binarju bbażat fuq l-oppożizzjoni ta’ żewġ kategoriji reċiprokament esklużivi (12). Dan ir-riżultat kien ispirat mill-għan u min-natura tad-drittijiet protetti mid-direttivi dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-fatt li d-dritt li persuna ma tiġix iddiskriminata abbażi tas-sess kien dritt fundamentali tal-bniedem (13). L-inklużjoni tar-riassenjament tal-ġeneru fil-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kienet, barra minn hekk, marbuta mad-dmir li jiġu rrispettati d-dinjità u l-libertà ta’ persuni transesswali (14).

35.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess ma tistax tkun limitata “biss għad-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-appartanenza għal sess wieħed jew ieħor.”(15). Diskriminazzjoni li tirriżulta minn bidla fil-ġeneru hija diskriminazzjoni bbażata “essenzjalment jekk mhux esklużivament, fuq is-sess tal-persuna kkonċernata”(16). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet konsistenti f’ġurisprudenza sussegwenti fir-rikonoxximent tal-ispeċifiċità tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-riassenjament tal-ġeneru bħala manifestazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess (17).

2.      Gruppi komparabbli

36.      Il-fatt li r-riassenjament tal-ġeneru kien inkluż espliċitament bħala waħda mill-bażijiet protetti (jew bħala interessi li jeħtieġu protezzjoni) ma wasslitx sabiex il-kwistjoni korrelattiva ta’ komparabbiltà tkun iktar faċli, pjuttost il-kuntrarju. Ir-riassenjament tas-sess hija proċess li jinvolvi livell kunsiderevoli ta’ dinamiżmu li jisfida l-paragun iktar tradizzjonali u statiku bejn raġel u mara. Din effettivament tibdel il-komparatur f’suġġett mobbli jew trendi impossibbli l-identifikazzjoni ta’ kwalunke grupp komparabbli kjarament iddefinit (18).

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat din id-diffikultà kunċettwali. Billi rrikonoxxiet li r-riassenjament tal-ġeneru huwa kopert mid-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, hija kkonfermat li s-sitwazzjoni partikolari ta’ persuni transġeneru ma tiżolahomx mill-protezzjoni billi trendihom inkomparabbli (19) Ir-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru, subkategorija tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħala bażi pprojbita, twassal għall-flessibbiltà neċessarja fil-qafas tal-komparabbiltà (20).

38.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rriflettiet il-kumplessità f’dan il-qasam billi aġġustat il-qafas tar-rinviju li jiddependi fuq id-diskriminazzjoni allegata u l-kuntest legali. In-natura dinamika tar-riassenjament tfisser li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-UE ma hijiex intrinsikament marbuta mal-“għan finali” – rikonoxximent legali komplet taħt id-dritt nazzjonali tal-effetti legali ta’ dak ir-riassenjament (21).

39.      Bħala riżultat, skont il-kuntest partikolari u n-natura tat-talbiet inkwistjoni, l-għażla tal-komparaturi tista’ tvarja. Is-sitwazzjoni ta’ persuna transġeneru tista’ titqabbel mas-sitwazzjoni ta’ persuna ċisġeneru tal-ġeneru li kellha qabel, pereżempju fil-każ ta’ tkeċċija diskriminatorja (22). Pero’ tista’ wkoll titqabbel ma’ persuna ċisġeneru tas-sess “ġdid”, fir-rigward, pereżempju, tal-aċċess għal benefiċċji taħt kundizzjonijiet li jkunu jikkorrispondu għas-sess riassenjat (23).

40.      Fi kliem ieħor, filwaqt li jiddependi mill-kuntest tal-każ u b’kunsiderazzjoni għad-dinamiżmu inerenti fir-riassenjament tal-ġeneru, il-paragun jista’ jitwettaq fir-rigward “tal-punt tat-tluq” jew fir-rigward “tal-punt tal-wasla”.

41.      Il-każ preżenti jaqa’ fl-aħħar kategorija. Ir-rikorrenti qiegħda titlob dritt għall-aċċess tal-pensjoni tal-irtirar b’effett mill-età applikabbli għan-nisa. B’mod simili għall-kawża li tat lok għas-sentenza Richards, li wkoll kienet tikkonċerna d-Direttiva 79/7 u l-aċċess għall-benefiċċji tal-irtirar(24), f’dan il-każ is-suġġetti tal-paragun (komparaturi) huma, minn naħa, persuni transġeneru li s-sess tagħhom inbidel minn mis-sess maskil għal dak femminil, u min-naħa l-oħra, nisa ċisġeneru. L-għan tal-paragun (tertium comparationis) huwa l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar, bħala tip ta’ skema tas-sigurtà soċjali.

42.      Il-Gvern tar-Renju Unit madankollu kkontesta l-komparabbiltà ta’ nisa transġeneru ma’ nisa ċisġeneru. L-istess Gvern isostni li tal-ewwel ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli. Dan peress li nisa ċisġeneru ma jistgħux jiżżewġu lil nisa, iżda nisa transġeneru jistgħu jsibu ruħhom fi żwieġ bejn persuni tal-istess sess wara r-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru. Għalhekk, dawn iż-żewġ kategoriji u l-kundizzjonijiet relatati ma’ kull waħda minnhom huma kompletament inkomparabbli.

43.      Jiena ma naqbilx. Permezz ta’ dan l-argument, il-Gvern tar-Renju Unit qiegħed jipprova jidentifika waħda mill-karatteristiċi anċillari, mhux essenzjali tas-suġġetti tal-paragun – il-kwistjoni tal-istat ċivili – u jibdilha f’element deċiżiv li jiddetermina l-paragunabbiltà. Fi kliem ieħor, il-Gvern tar-Renju Unit irid effettivament jiddefinixxi mill-ġdid l-għan tal-paragun mid-domanda għall-aċċess tal-benefiċċji tal-irtirar għall-kwistjoni tal-istat ċivili. Madankollu, l-istat ċivili fih innifsu ma huwiex rilevanti għall-aċċess ta’ pensjoni tal-irtirar tal-Istat, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel ċisġeneru.

44.      Huwa sinjifikanti l-fatt li fl-interpretazzjoni tal-komparabbiltà b’dan il-mod, il-Gvern tar-Renju Unit qiegħed prinċipalment jibbaża ruħu fuq deċiżjoni reċenti tal-QEDB (25). Madankollu, dik id-deċiżjoni kienet tikkonċerna, b’mod preċiż u speċifiku, il-kwistjoni ta’ stat ċivili bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru, u mhux l-aċċess għal skemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, is-suġġetti tal-paragun u l-għan tiegħu kienu konsapevolment interpretati b’mod differenti. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, għall-finijiet tal-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat, l-elementi li jiddeterminaw ir-rilevanza tad-differenzi u s-similaritajiet fir-rigward tal-benefiċċju inkwistjoni huma prinċipalment l-età u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lis-sistema (26).

45.      Fuq dan il-punt tal-aħħar, il-Gvern tar-Renju Unit argumenta fis-seduta li, flimkien mal-età u l-kontribuzzjonijiet, is-sess tal-persuna kkonċernata huwa element rilevanti ieħor għall-kwistjoni tal-aċċess għas-sigurtà soċjali. L-istess argument jimplika, fil-kuntest speċifiku tal-każ, diffikultà oħra: trattament differenti bbażat fuq is-sess fir-rigward ta’ pensjonijiet tax-xjuħija u tal-irtirar huwa biss eċċezzjonalment permess mid-Direttiva 79/7 fuq il-bażi tad-deroga permessa b’mod espliċitu fl-Artikolu 7(1)(a) tagħha. Madankollu, kif diġà stqarret il-Qorti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Richards, din ma tkoprix trattament differenti fuq bażi ta’ riassenjament tal-ġeneru (27). Minbarra l-eċċezzjonijiet pprovduti fid-Direttiva, konklużjoni ta’ “nuqqas ta’ komparabbiltà” tista’ għalhekk ma tkunx ibbażata fuq bażi protetta (f’dan il-każ ir-riassenjament tas-sess).

46.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li għall-finijiet tal-aċċess għal skemi tas-sigurtà soċjali, nisa ċisġeneru u transġeneru huma komparabbli fil-kuntest ta’ dan il-każ.

47.      Nixtieq nagħmel żewġ rimarki konklużivi ġenerali oħra fuq din il-kwistjoni. L-ewwel nett, fl-evalwazzjoni tal-komparabbiltà ta’ żewġ elementi jew iktar (persuni, gruppi ta’ persuni) meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (diretta), il-livell ta’ astrazzjoni inerenti f’dan l-eżerċizzju mentali aktarx li jkun ogħla minn dak fil-legiżlazzjoni nazzjonali. B’mod ġenerali, b’rabta mal-funzjoni tal-paragun, is-suġġetti tal-paragun għandhom iktar elementi komuni milli differenzi? Li kieku dan ma kienx minnu, u l-komparabbiltà kienet predeterminata intellettwalment mill-kategoriji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, isegwi għalhekk f’ħafna każijiet, bħal dan preżenti (28), li l-leġiżlazzjoni nazzjonali minnha nnifisha ser tiddefinixxi s-sett ta’ paraguni possibbli mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha. Din l-evalwazzjoni hija destinata li tkun ċirkulari, mingħajr il-possibbiltà ta’ reviżjoni (29).

48.      It-tieni nett, dan il-grad ta’ astrazzjoni meħtieġ huwa a fortiori enfasizzat mill-fatt li t-“transġeneriżmu” huwa stat uniku. Kienet preċiżament din in-natura unika li għamlitha neċessarja sabiex qabelxejn tiġi adottata leġiżlazzjoni speċifika, li tipprovdi għar-rikonoxximent u għall-kundizzjonijiet tagħha. Madankollu, tkun pjuttost paradossali li kieku dan il-fatt jitqies li jammonta għal esklużjoni kompleta tal-elementi kollha koperti minn dik il-leġiżlazzjoni minn kwalunkwe evalwazzjoni ta’ (non)diskriminazzjoni, jew li kieku jintuża għall-ħolqien ta’ elementi tal-paragun pjuttost uniċi jew strambi. Għal darba oħra, minħabba dan l-istat irrikonoxxut, uniku u tranżizzjonali, huwa neċessarju livell raġonevolment ogħla ta’ astrazzjoni fl-evalwazzjoni tal-komparabbiltà.

3.      Inugwaljanza fit-trattament

49.      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-inugwaljanza fit-trattament. Nisa ċisġeneru u transġeneru bl-istess mod jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar tal-Istat fl-età ta’ 60. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kategoriji ma tista’ tkun miżżewġa ma’ mara.

50.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

51.      L-ewwel nett, sa ċertu punt, dan l-argument jirrappreżenta repetizzjoni jew estensjoni tal-kwistjoni dwar il-komparabbiltà. Huwa jikkonfondi l-inugwaljanza fit-trattament fl-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat mal-kwistjoni tad-dritt li persuna tiżżewweġ. It-tieni nett, ma jiħux inkunsiderazzjoni d-differenza bejn projbizzjoni ta’ żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u l-obbligu ta’ annullament ta’ żwieġ konkluż preċedentement b’mod validu, li huwa l-kontenut veru tal-kundizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ. It-tielet nett, b’konnessjoni mat-tieni kwistjoni hemm il-fatt li kull waħda minn dawn il-projbizzjonijiet hija sempliċement applikabbli f’punti differenti taż-żmien, għal persuni differenti, u għal finijiet differenti.

52.      Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, rikonoxximent legali komplet tar-riassenjament tas-sess huwa kkundizzjonat mill-istat ċivili. Din għandha konsegwenza speċifika u konkreta, li hija importanti f’dan il-każ: għal persuni tranġeneru biss, l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat huwa marbut mal-fatt li “persuna ma tkunx miżżewġa” jew mat-tmiem ta’ żwieġ. Għall-kuntarju, l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar għal mara ċisġeneru b’ebda mod ma hija relatata mal-istat ċivili tagħha. Dan jikkonċerna biss il-kontribuzzjonijiet li saru u l-eliġibbiltà bbażata fuq l-età. Evidentement, ma humiex meħtieġa li jtemmu ż-żwieġ sabiex jikkwalifikaw għal pensjoni tal-irtirar. Kif diġà ġie deskritt (30), l-istat ċivili għalhekk ma huwiex il-kriterju li bih qiegħda titkejjel l-inugwaljanza fit-trattament, iżda l-kundizzjoni li twassal għal trattament differenti fir-rigward tal-aċċess għall-pensjonijiet tal-irtirar.

53.      Għalhekk, ħarsa lejn il-kwistjoni tat-trattament mill-perspettiva tal-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat turi li d-differenza fit-trattament f’dan il-każ tista’ tiġi espressa f’termini pjuttost sempliċi: l-istat ċivili ma huwiex rilevanti għal persuni ċisġeneru sabiex jaċċessaw pensjoni tal-irtirar tal-Istat. Min-naħa l-oħra, persuni transġeneru miżżewġa preċedentement huma suġġetti għar-rekwiżit li jannullaw iż-żwieġ tagħhom.

4.      Ġustifikazzjoni

54.      Ir-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa joħloq differenza fit-trattament direttament abbażi tas-sess. Dak ir-rekwiżit huwa applikabbli biss għal persuni li sarilhom riassenjament tal-ġeneru. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza P u S, differenza fit-trattament ibbażata fuq riassenjament tal-ġeneru hija bbażata “essenzjalment jekk mhux esklużivament, fuq is-sess tal-persuna kkonċernata” (31).

55.      Diskriminazzjoni diretta abbażi tas-sess hija permessa unikament u esklużivament fil-każijiet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 79/7(32). B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(a) jippermetti lill-Istati Membri jżommu etajiet tal-irtirar differenti għall-eliġibbiltà ta’ pensjoni tal-irtirar bejn l-irġiel u n-nisa. Madankollu, it-trattament differenti f’dan il-każ ma jistax ikun inkluż taħt dik l-eċċezzjoni jew fi ħdan il-bażijiet l-oħra possibbli għad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permessa mid-Direttiva (33). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat l-użu tad-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) bħala ġustifikazzjoni għal differenza fit-trattament bejn persuni transesswali u persuni li l-ġeneru tagħhom ma huwiex ir-riżultat ta’ riassenjament tal-ġeneru (34).

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni f’dan il-każ tammonta għal diskriminazzjoni diretta abbażi tas-sess li ma tistax tkun is-suġġett ta’ ġustifikazzjoni objettiva (jiġifieri rriżervata għal każijiet ta’ diskriminazzjoni indiretta) (35)

5.      Konklużjoni intermedjarja

57.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jidher li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ rekwiżit li, minbarra li tissodisfa l-kriterju fiżiku, soċjali u psikoloġiku għar-rikonoxximent ta’ bidla fil-ġeneru, persuna li tkun biddlet il-ġeneru għandha wkoll ma tkunx miżżewġa sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat.

C.      Ix-xena iktar wiesgħa

58.      L-evalwazzjoni preċedenti, sempliċi daqs kemm tista’ tidher, ma trendix ġustizzja sħiħa lill-kumplessitajiet tal-argumenti legali sottostanti f’din il-kawża.

59.      Fil-fatt, jista’ jiġi argumentat li l-qofol tal-kawża preżenti ma huwiex l-aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali iżda pjuttost il-kundizzjonijiet għar-rikonixximent tar-riassenjament tal-ġeneru previsti fid-dritt nazzjonali. Il-kundizzjoni li “persuna ma tkunx miżżewġa” ma hijiex kundizzjoni għall-aċċess tal-pensjoni tal-irtirar tal-Istat, iżda waħda mill-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb iċ-ċertifikat tar-riassenjament tas-sess. Madankollu, dan iċ-ċertifikat huwa deċiżjoni dwar l-istat ċivili, ta’ natura differenti u indipendenti minn applikazzjoni għal pensjoni tax-xjuħija potenzjali futura. Fi kliem ieħor, bl-ommissjoni ta’ dan il-pass intermedjarju, qiegħda tinħoloq każwalità falza: ma hijiex kundizzjoni għall-pensjoni tal-irtiar li persuna tkun miżżewġa ma’ persuna tal-istess sess, iżda hija kundizzjoni li tapplika sabiex jinħareġ ċertifikat ta’ riassenjament tal-ġeneru.

60.      Din l-argumentazzjoni, sosnuta mill-Gvern tar-Renju Unit, hija bbażata fuq diversi elementi. L-ewwel nett, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru jaqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri (1). It-tieni nett, il-kundizzjoni li ma persuna ma tkunx miżżewġa hija mfassla sabiex tipprevjeni żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Huwa għan tal-ordni pubblika li l-Istati Membri huma leġittimament intitolati li jsegwu peress li għandhom kompetenza esklużiva fir-rigward tal-istat ċivili (2) It-tielet nett, il-preklużjoni tal-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa biss għall-finijiet tad-Direttiva 79/7 ser tnaqqas iċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-istat ċivili u r-riassenjament tal-ġeneru (3). Ir-raba’ nett, il-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa tikkonforma mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-KEDB”) kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (4).

61.      Dawn l-argumenti jistħoqqilhom kunsiderazzjoni fid-dettall. Dawn jinkwadraw il-kumplessità u s-sensittività unika tal-kwistjonijiet mqajma f’din il-kawża. Madankollu, irrispettivament minn kemm huma rilevanti b’mod ġenerali, għar-raġunijiet li ser nistabbilixxi f’iktar dettall iktar ’il quddiem, dawn l-argumenti jaffrontaw diffikultajiet kunsiderevoli fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża. Dan mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tad-domanda stretta li tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-kundizzjoni inkwistjoni mad-Direttiva 79/7.

1.      Fuq l-ewwel argument: id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-riassenjament tas-sess

62.      Huwa irrikonoxxut b’mod ġenerali, mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw sottomissjonijiet, li l-Istati Membri huma obbligati jimplementaw proċeduri taħt id-dritt nazzjonali li jippermettu rikonoxximent legali komplet ta’ riassenjament tal-ġeneru. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-obbligi tal-Istati Membri bħala partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni(36), iżda wkoll b’mod iktar speċifiku, mid-dritt tal-Unjoni u d-Direttiva 79/7 (37).

63.      Għalhekk, l-implementazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet hija intrinsika għat-tfassil ta’ din il-proċedura. Il-kumplessità ta’ din il-kawża hija dovuta għall-fatt li din tikkonċerna waħda mill-kundizzjonijiet speċifiċi previsti mill-proċedura stabbilita diġà minn Stat Membru. Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, skont l-għarfien tiegħi, teżamina l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fir-rigward tal-prekundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru. Il-każijiet preċedenti li jikkonċernaw persuni transġeneru kollha indirizzaw sitwazzjonijiet li fihom ma kienx hemm stabbiliti proċeduri nazzjonali ta’ rikonoxximent, jew ma kinux applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (38).

64.      Is-sentenza Richards hija l-preċedent rilevanti f’dan ir-rigward. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (riassenjament) relatata mal-aċċess għal pensjoni tax-xjuħija. Dan kien minħabba li S.M. Richards (transesswali li saret mara wara operazzjoni ta’ riassenjament tas-sess) ma setgħetx tikseb rikonoxximent legali fir-Renju Unit għall-bidla fil-ġeneru tagħha. Għaldaqstant, is-sentenza Richards kienet tikkonċerna l-impossibbiltà għal persuna transesswali li jkollha s-sess miksub tagħha rrikonoxxut legalment. Insegwitu tas-sentenzi Richards u Goodwin, ir-Renju Unit stabbilixxa proċedura għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru.

65.      Kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara espliċitament fis-sentenza Richards li “huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar‑‑rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna” (39).

66.      B’kunsiderazzjoni għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi argumentat, għall-kuntrarju tal-impossibbiltà fis-sentenza Richards li, meta jkun hemm proċedura għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet pertinenti. Id-diskrezzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru jkunu jimplikaw li, ladarba tiġi stabbilita proċedura, persuni li jkunu suġġetti għal riassenjament tal-ġeneru jaqgħu biss fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni protettiv tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni sesswali meta s-sess miksub tagħhom ikun ġie rrikonoxxut legalment skont il-proċedura legali.

67.      Skont il-loġika ta’ dan l-argument, il-konklużjoni f’dan il-każ tkun li l-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa ma hijiex rekwiżit dirett għall-aċċess tal-pensjoni tal-irtirar tal-Istat, iżda rekwiżit għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru. L-inguwaljanza fit-trattament ikun “pass ieħor lejn” l-aċċess għal pensjoni. Din tkun tirriżulta mill-fatt li r-rikorrent ma jikkonformax ruħu mar-rekwiżiti għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru.

68.      Madankollu, din il-linja ta’ ħsieb taffaċċja mill-inqas tliet diffikultajiet.

69.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat argument simili dwar in-natura “remota” fis-sentenza K.B.(40) Din il-kawża kienet tikkonċerna persuna transesswali li ma setax ikollha aċċess għal pensjoni tas-superstiti peress li (1) ma kinitx miżżewġa, (2) ma kienx possibbli għal persuna transesswali li tiżżewweġ lil persuna tal-istess sess bħal dak li hija kellha qabel l-operazzjoni ta’ riassenjament, u (3) bidla fil-ġeneru ma kinitx legalment possibbli. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha taffaċċja sitwazzjoni li fiha l-inugwaljanza fit-trattament ma kinitx tikkonċerna l-għoti tal-pensjoni nnifisha, iżda l-prekundizzjoni meħtieġa għall-għoti ta’ tali pensjoni: il-kapaċità li persuna tiżżewweġ (41).Dan il-fatt ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 157 TFUE (ex Artikolu 141 KE). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li “leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-fatt li transesswali, minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximnet tal-ġeneru il-ġdid tagħha, tista;’ tissoddisfa kundizzjoni neċessarja biex tkun tista’ tgawdi minn dritt li hu protett mid-dritt [tal-UE], għandha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli,bħala regola, mar-rekwiżiti tad-dritt [tal-UE]”(42).

70.      It-tieni nett, fuq il-livell iktar kunċettwali, dan l-approċċ kieku jrendi l-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE relatat mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess kompletament dipendenti fuq kundizzjonijiet varji stabbiliti nazzjonalment. It-tgawdija ta’ drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni ssir kontinġenti fuq id-diskrezzjoni asssoluta tal-Istati Membri. Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jirregolaw biss il-kwistjonijiet tekniċi ta’ natura fiżjo/medika u psiko/soċjali, iżda jinkludu wkoll rekwiżiti varji intiżi li jipproteġu l-morali jew il-valuri. Diskrezzjoni assoluta f’dan ir-rigward tkun tfisser it-teħid tar-riskju li diskriminazzjoni abbażi ta’ riassenjament tal-ġeneru, ipprojbita mid-Direttiva, tista’ tippreżenta ruħha indirettament fil-forma ta’ prerekwiżiti jew kundizzjonijiet relatati mal-istat ta’ rikonoxximent, irrispettivament mill-kontenut (43).

71.      Jekk din il-loġika tiġi estiża għall-assurdità, rekwiżit legali bħall-ilbies ta’ libsa roża mill-inqas darbtejn f’ġimgħa sabiex persuna tiġi rrikonoxxuta (soċjalment u kulturalment) bħala mara jista’ jiġi aċċettat li kieku kien prekundizzjoni legali għar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru. Jien faċilment nirrikonoxxi li l-kundizzjoni f’dan il-każ hija ta’ natura differenti ferm. Pero’ fejn u kif għandha tinqata’ l-linja għal kundizzjonijiet “aċċettabbli” (dawk esklużi minn kwalunkwe reviżjoni) u dawk “inaċċettabbli” (dawk li jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni)? Barra minn hekk, skont kunċett fattwali jew legali, kundizzjonijiet li, fihom infushom jidhru li huma “aċċettabbli”, jistgħu madankollu jwasslu għal riżultati inaċċettabbli.

72.      It-tielet nett, irid jinżamm kont tal-fatt li loġika li tipprovdi li kundizzjonijiet għar-riassenjament tas-sess jiġu esklużi minn kwalunkwe reviżjoni tista’ teskludi wkoll id-dinamiżmu tar-rikonoxximent tal-ġeneru bħala proċess, kif diġà ġie diskuss fil-punti 36 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, minħabba d-dinamika inerenti tat-transġeneru, il-protezzjoni hija meħtieġa mhux biss meta persuna jkollha rikonoxximent komplet tal-ġeneru, iżda wkoll (u xi drabi pjuttost b’mod partikolari) fir-rigward tat-trajettorja li jkollha tieħu tali persuna sabiex tasal għal tali rikonoxximent.

73.      Nenfasizza li l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għal rikonoxximent legali tar-riassenjament tal-ġeneru tibqa’ kompitu tal-Istati Membri (44). Dan ma jfissirx madankollu li, meta jiġu adottati dawn il-proċeduri u fit-tfassil tal-kundizzjonijiet, l-Istati Membri jaġixxu kompletament barra mill-kamp tal-applikazzoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jaħarbu minn kwalunkwe tip ta’ skrutinju. Wara kollox, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’tali mod li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet li relatati mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (45).

74.      Dan iwassalni għall-aħħar kwistjoni, marbuta mad-diskussjoni preċedenti: l-istadju jew il-mument li fih persuna transġeneru tiġi intitolata għal trattament ugwali u projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni(46). Għal darba oħra, ma hemm ebda regola ġenerali jew imnaqqxa fil-blat. Kull każ individwali jrid jiġi eżaminat fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari u tad-domanda magħmula.

75.      Rigward is-sitwazzjoni partikolari inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju stqarret b’mod ċar fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li din tikkonċerna persuna li defacto diġà biddlet il-ġeneru tagħha. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali sostniet ukoll li r-rikorrenti ssodisfat il-kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi kollha għar-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru.

76.      B’ħarsa lejn id-domanda partikolari f’din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni ma tirrigwardax ir-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa bħala kundizzjoni ġenerali għar-rikonoxximent tal-istatus, iżda l-effetti tiegħu fuq l-aċċess għal pensjoni tal-istat tal-irtirar koperti mid-Direttiva 79/7. Jekk, kif ġie diskuss iktar ’il fuq fil-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-bżonn li l-kundizzjonijiet tal-bidla fil-ġeneru jiġu suġġetti għal reviżjoni għall-finijiet tal-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni jiġi rrikonoxxut, il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tad-Direttiva neċessarjament tkopri dawk l-individwi li jsostnu li huma preċiżament dawk il-kundizzjonijiet li jfixklu l-aċċess tagħhom għad-drittijiet ikkonferiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

77.      Konsegwentement, fil-kuntest tal-kawża preżenti, la s-setgħa tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-bidla fil-ġeneru, u lanqas in-natura remota ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jaċċessaw pensjoni tas-sigurtà soċjali ma jwasslu għal konklużjonijiet li huma differenti minn dawk li nsiltu fil-parti B ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2.      It-tieni argument: l-istat ċivili huwa kwistjoni għad-dritt nazzjonali

78.      Il-Gvern tar-Renju Unit argumenta li l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa mad-Direttiva 79/7 tista’ tobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess anki fejn dawn iż-żwiġijiet ma kinux (f’dak iż-żmien) permessi taħt id-dritt nazzjonali.

79.      Jiena ma naqbilx. Minn perspettiva prattika, li kieku l-kundizzjoni inkwistjoni tiġi ddikjarata bħala inkompatibbli mad-Direttiva 79/7, kull ma jkun meħtieġ huwa li jinħoloq aċċess għall-benefiċċju partikolari inkwistjoni li huwa indipendenti minn din il-kundizzjoni partikolari. Dan ċertament ma jfissirx li dan ir-rekwiżit ma jistax ikun iktar parti mid-dritt nazzjonali. Kjarament dan jista’. Madankollu, dan ma jistax jiġi applikat bħala prekundizzjoni għall-aċċess tal-benefiċċji koperti mid-Direttiva u mhux relatat ma’ stat ċivili, bħall-pensjoni tal-irtirar.

80.      Il-każ inkwistjoni jikkonċerna benefiċċju (pensjoni tal-irtirar tal-Istat) li ma huwiex ikkundizzjonat mill-istat ċivili jew mir-rabtiet legali bejn il-konjuġi. Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq (47), l-intitolament għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat huwa ġeneralment stabbiliti, fi ħdan l-iskemi kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, fuq il-kontribuzzjonijiet u l-età tal-applikanti.

81.      Dan ir-riżultat ma jikkontradixxix il-proposta li kwistjonijiet ta’ stat ċivili huma kompetenza tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Parris li “l-istat ċivili u l-benefiċċji li jirriżultaw minnhom huma oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, u li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza” (48). L-Istati Membri jibqgħu liberi li jippermettu jew le ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, jew, jekk jixtiequ, jipprovdu forma alternattiva ta’ rikonoxximent legali ta’ relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess (49). Madankollu, għal darba oħra, għandu jittieħed kont tal-fatt li, meta jiġu eżerċitati l-kompetenzi relatati mal-istat ċivili, l-Istati Membri xorta għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni (50).

82.      Għalhekk, sa fejn ir-risposta għal dan l-argument għadha ma ngħatax fir-risposta għall-argument preċedenti, li tikkoinċidi parzjalment magħha, jiena tal-fehma li r-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni, ma tippreġudikax kwistjonijiet relatati mal-istat ċivili tal-persuni kkonċernati.

3.      It-tielet argument: ċarezza u konsistenza

83.      Il-Gvern tar-Renju Unit jsostni li jekk jintlaqgħu l-argumenti kollha tar-rikorrenti, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun meħtieġ li legalment jirrikonoxxi s-sess miksub tar-rikorrenti, anki jekk baqgħet meżżewġa, għall-finijiet kollha tad-Direttiva 79/7. Is-setgħa tal-Istati Membri li jimponu u jinforzaw dawn il-kundizzjonijiet tkun għalhekk effettivament saret qasam dipendenti: tkun limitata għal dawk l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva 79/7, iżda tibqa’ l-istess f’oħrajn, bħal dawk li jaqgħu barra mill-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan jista’ evidentement inaqqas l-abbiltà tal-Istati Membri li jfittxu ċarezza u konsistenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jkollhom skema (applikabbli b’mod universali) waħda fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tikkonċerna r-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru u l-istat ċivili.

84.      Jien naqbel kompletament max-xewqa ta’ Stat Membru li jissodisfa d-dmirijiet regolatorji tiegħu bl-iktar mod ċar u konsistenti possibbli. Madankollu, fil-kawża partikolari quddiem din il-qorti, ma narax kif il-konklużjoni li l-kundizzjoni f’dan il-każ hija prekluża mid-Direttiva 79/7 tista’ tfixkel dawn it-tentattivi.

85.      Jidher li s-sitwazzjoni legali ta’ persuni transġeneru fir-Renju Unit hija kkaratterizzata minn approċċ flessibbli partikolari lejn manifestazzjonijiet ta’ ġeneri f’oqsma differenti tal-liġi u l-amministrazzjoni.

86.      Kif ġie ddikjarat mir-rikorrenti u mingħajr kontradizzjoni mill-Gvern tar-Renju Unit, ir-rikorrenti ġiet irrikonoxxuta bħala mara għall-finijiet tal-passaport u tal-liċenzja tas-sewqan tagħha, li nħarġu mill-awtoritajiet tar-Renju Unit mill-1991. Fis-seduta, l-istess Gvern għaldaqstant sostna li l-emissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija sempliċement “prattika amministrattiva” interna mingħajr ebda sinjifikat legali. Ma nixtieqx nidher bħala persuna formalista li tħobb l-identità personali, iżda jkolli nammetti li għandi daqsxejn ta’ diffikultà intellettwali bil-proposta li dokumenti uffiċjali maħruġa minn Stat Membru ma jkollhom ebda sinjifikat legali.

87.      Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, hija kienet legalment is-suġġett ta’ operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru fl-Ingilterra taħt is-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali (51).

88.      Jidher ukoll li l-GRA tirregola b’mod separat, fi skedi differenti, is-sistema legali u l-konsegwenzi speċifiċi tar-riassenjament tas-sess skont is-suġġett(52). Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet li ngħataw lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-proċedura tar-rikonoxximent tal-ġeneru, meta applikata għal persuni miżżewġa, tinqasam fi tnejn. L-ewwel fażi twassal għal ċertifikat ta’ rikonoxximent provviżorju, fejn jiġu evalwati r-rekwiżiti mediċi, psikoloġiċi u soċjali kollha. Dan diġà jkun jammonta għal rikonoxximent komplet għal persuni mhux miżżewġa. It-tieni fażi twassal għall-annullament taż-żwieġ (fl-Ingilterra u Wales). Għalhekk, l-elementi tekniċi/xjentifiċi tar-rikonoxximent tar-riassenjament tal-ġeneru huma evalwati b’mod indipendenti mir-rekwiżit addizzjonali tal-istat ċivili. Din id-disassoċjazzjoni ta’ żewġ fażijiet amministrattivi tal-proċedura kjarament separati turi l-possibbiltà li tasal għal żewġ fażijiet amministrattivi indipendenti fl-evalwazzjoni tal-kriterji mingħajr detriment għaċ-ċarezza u l-konsistenza.

89.      Dawn l-osservazzjonijiet kollha jenfasizzaw li huwa diffiċli li jiġi sostnut li jkun hemm sistema universali waħda li fuqha jiddependu l-effetti kollha l-oħra fid-dritt nazzjonali. Jidher pjuttost li hemm fil-fatt numru ta’ sistemi legali paralleli u kemxejn indipendenti. Għal darba oħra, huwa biss l-Istat Membru li għandu jiddeċiedi kif jixtieq jirregola internament il-kwistjonijiet dwar l-istat ċivili. Madankollu, jekk ir-regola hija l-flessibiltà skont il-qasam (normalment pjuttost xierqa u komprensibbli), ikun diffiċli li, fl-istess ħin, tiġi sostnuta l-importanza suprema u l-imperattiv ta’ sistema unika u l-koerenza ġenerali tagħha.

90.      Fl-aħħar nett, fuq nota konklużiva u pjuttost anċillari, hemm l-element temporali. Ir-rekwiżit f’dan il-każ ma ġiex minqux. Inbidel diversi drabi. Dan jidher mill-fatt li r-rikorrenti, minkejja li hija miżżewġa, setgħet tkun eliġibbli għall-pensjoni tal-irtirar tagħha fl-età ta’ 60 qabel id-dħul fis-seħħ tal-GRA fl-2005 (bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tas-sentenza Richards). Pero’ dan jista’ jkun ukoll il-każ wara d-dħul fis-seħħ tal-Marriage Act 2013 (l-Att dwar iż-Żwieġ tal-2013). Konsegwentement, huwa biss sett wieħed ta’ persuni transġeneri (dipendenti fuq l-età) li, f’ċertu sens, jaqa’ bejn iż-żewġ sistemi regolatorji differenti u li ebda wieħed ma japplika għalih. Dan għal darba oħra ma jsaħħaħx il-proposta tal-koerenza ġenerali kruċjali tas-sistema, din id-darba dwar id-dimensjoni temporali tagħha.

91.      Fil-qosor, id-diffikultajiet dwar iċ-ċarezza u l-konsistenza artikolati mill-Gvern tar-Renju, li huma obbligatorji fuq livell ta’ prinċipju, ma humiex konvinċenti fil-kuntest ta’ dan il-każ partikolari.

4.      Ir-raba’ argument: ir-rekwiżit ma huwiex kuntrarju għad-drittijiet fundamentali

92.      Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit invoka b’mod estensiv kunsiderazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem u ġurisprudenza tal-QEDB. Huwa jagħmel dan sabiex isostni l-proposta li l-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa ma hijiex kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-istess Gvern invoka s-sentenza tal-QEDB fil-kawżi Parry vs Ir-Renju Unit u R. u F. vs Ir-Renju Unit (53) u fil-kawża Hämäläinen vs Il-Finlandja (54). F’dawn il-kawżi, il-kundizzjoni taż-żwieġ ġiet iddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 8 (id-dritt ta’ rispett għal ħajja privata u tal-familja) u mal-Artikolu 12 (id-dritt għal żwieġ) tal-Konvenzjoni.

93.      Fis-sentenzi Parry vs Ir-Renju Unit u R. u F. vs Ir-Renju Unit, il-QEDB b’mod speċifiku eżaminat ir-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa kif previst fil-GRA. L-applikazzjonijiet ġew iddikjarati manifestament infondati. Fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-QEDB tat importanza lill-fatt li r-rikorrenti setgħu jissoktaw bir-relazzjoni tagħhom permezz ta’ unjoni ċivili kważi bl-istess drittijiet u obbligi legali. Konsegwentement, inħoloq bilanċ xieraq bejn l-interessi inkwistjoni. L-effetti tar-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa stabbilit mill-GRA ma tqisux li huma sproporzjonati. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, il-QEDB fakkret li din id-dispożizzjoni tħaddan il-kunċett tradizzjonali ta’ żwieġ ġa bejn raġel u mara. Hija kkonkludiet li l-kwistjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess jaqa’ fid-diskrezzjoni tal-Partijiet Kontraenti.

94.      Is-suġġett ta’ rekwiżit simili għal dak inkwistjoni wasal fl-Awla Manja tal-QEDB fis-sentenza Hämäläinen vs Il-Finlandja. Din il-kawża kienet tikkonċerna persuna transġeneru li s-sess tagħha nbidel minn sess maskil għal sess femminil, li kienet miżżewġa ma’ mara. Skont id-dritt Finalndiż, hija kienet obbligata tikkonverti ż-żwieġ tagħha f’unjoni ċivili sabiex ir-riassenjament tal-ġeneru tagħha jiġi legalment irrikonoxxut. Il-QEDB innotat n-nuqqas ta’ kunsens Ewropew u l-kwistjonijiet morali u etiċi involuti. Il-QEDB tat lill-Istat marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni (55), u b’attenzjoni kkunsidrat il-possibiltajiet għar-rikorrenti li jkollha ż-żwieġ ikkonvertit f’unjoni ċivili. Il-QEDB għaldaqstant ikkonkludiet li s-sistema Finlandiża ma kinitx sproporzjonata u li nżamm bilanċ xieraq bejn l-interessi kompetittivi involuti. Il-QEDB waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. L-ilment tar-rikorrenti li jikkonċerna l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni (nondiskriminazzjoni) moqri flimkien mal-Artikoli 8 u 12 tal-Konvenzjoni kien ukoll miċħud, peress li għal dawk il-finijiet, is-sitwazzjoni ta’ ċisesswali u transesswali ma tqisitx simili biżżejjed għal paragun.

95.      Ir-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-QEDB iċċitata iktar ’il fuq, minn perspettiva ġenerali, ma hijiex ikkontestata. Skont l-Artikolu 53(3) tal-Karta, sa fejn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fiha drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni, it-tifsira u l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom għandhom ikunu l-istess.

96.      Madankollu, kif ġie enfasizzat b’mod ċar fil-Parti B iktar ’il fuq, id-domanda eżaminata f’din il-kawża ma tikkonċernax id-dritt għal ħajja familjari (l-Artikolu 7 tal-Karta) jew id-dritt għaż-żwieġ (l-Artikolu 9 tal-Karta), li huma drittijiet ekwivalenti għal dawk imħaddna fl-Artikoli 8 u 12 tal-Konvenzjoni

97.      Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ li jsir dibatittu dwar jekk l-istandard tad-dritt tal-Unjoni huwiex iktar protettiv minn dak tal-Konvenzjoni jew jekk il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li tħalla mill-QEDB minkejja n-“nuqqas ta’ kunsens Ewropew” b’mod mifrux fl-Ewropa fir-rigward ta’ żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess jistax jiġi kompletament traspost fil-kuntest tal-Unjoni. Id-domanda dwar jekk il-kundizzjoni li persuna ma tkunx miżżewġa hijiex kompatibbli ma’ dawn id-drittijiet fundamentali ma hijiex id-domanda mqajma f’din il-kawża.

98.      Il-kawża preżenti tikkonċerna l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif previst fid-Direttiva 79/7. Id-dritt li persuna ma tkunx suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi tas-sess huwa ċertament wieħed mid-drittijiet fundamentali previsti kemm mill-Karta kif ukoll mis-sistema iktar wiesgħa tad-dritt tal-Unjoni (56). Dan kien ġie espress speċifikament f’numru ta’ atti dwar drittijiet sekondarji, b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ dan il-kawża, mid-Direttiva 79/7. Għaldaqstant, dan huwa l-kuntest legali tal-analiżi għal din il-kawża, kif twettaq fit-taqsimiet preċedenti.

99.      L-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit kienu bbażati fuq diversi drittijiet fundamentali: id-dritt għal ħajja privata u għal familja u d-dritt għaż-żwieġ. Il-kwistjoni dwar il-konformità ma’ dawn id-drittijiet fundamentali hija bla dubju rilevanti għal evalwazzjoni potenzjali tal-legiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward taż-żwieġ u tal-istat ċivili. Madankollu, ma huwiex rilevanti għad-domanda stretta magħmula f’din il-kawża, li tikkonċerna l-kwistjoni tal-aċċess għal pensjonijiet tal-irtirar tal-Istat skont id-Direttiva 79/7.

100. Fil-qosor, il-fatt li dispożizzjoni hija kompatibbli ma’ ċerti drittijiet fundamentali (f’dan il-każ, id-dritt għal ħajja tal-familja u d-dritt għaż-żwieġ) huwa ta’ rilevanza limitata għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-istrumenti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jirregola d-drittijiet speċifiċi u l-intitolament tal-individwi (f’dan il-każ, id-dritt li persuna ma tkunx suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi tas-sess fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali).

D.      Kunsiderazzjonijiet finali

101. Nixtieq inżid ħames rimarki konklużivi.

102. L-ewwel nett, mid-diskussjoni fil-partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta b’mod ċar (nispera) li din il-kawża ma hijiex dwar żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Kif tfakkar iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirrikonoxxu żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess jew le. Il-problema f’din il-kawża partikolari kienet, fi kliem sempliċi, li numru ta’ diversi kundizzjonijiet jistgħu, kumulattivament, joħolqu konfigurazzjoni pjuttost partikolari (u mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, problematika).

103. It-tieni nett, ir-risposta pprovduta taffettwa biss il-benefiċċji koperti mid-Direttiva 79/7. Hija tapplika biss għal benefiċċji li ma humiex relatati mal-istat ċivili.

104. It-tielet nett, din il-kawża tikkonċerna realtà unika u singola, li huwa b’diffikultà li tiġi inkluża fid-dikotomija tradizzjonali li fuqha hija bbażata l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni sesswali. Iċ-ċirkustanzi tal-kawża għandhom jitqiegħdu f’din il-perspettiva. Din tikkonċerna numru pjuttost limitat ta’ individwi li qegħdin jaffaċċjaw sfidi kbar spiss f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà. Din tikkonċerna realtà umana kumplessa fejn is-sistemi legali individwali sabuha diffiċli jlaħħqu maż-żminijiet, u fejn l-individwi spiss jaraw is-sitwazzjoni personali tagħhom tinbidel ferm minħabba emendi leġiżlattivi kostanti.

105. Ir-raba’ nett, f’salib it-toroq bejn l-ewwel u t-tielet punt hemm ukoll in-natura tar-rekwiżit inkwistjoni. F’dawn il-konklużjonijiet intqal ħafna dwar il-komparabbiltà. Pero’ din id-diskussjoni, f’ċerti stadji pjuttost teknika, ma għandhiex toskura l-impatt profond fuq persuna li n-neċessità li jiġi annullat iż-żwieġ tagħha, sabiex tiġi rrikonoxxuta f’sitwazzjoni ġdida li ma kinitx ir-rieda jew l-għażla libera tagħha, aktarx ikollha fuq il-privatezza u l-personalità tagħha, li probabbilment ikunu diġà affettwati b’konsegwenza ta’ dawn it-tibdiliet.

106. Il-ħames u l-aħħar nett, u forsi l-iktar punt importanti għall-futur, il-kwistjonijiet diffiċli tal-kawża preżenti jqumu preċiżament minħabba li, f’dan il-qasam partikolari, jiġifieri dak tal-pensjonijiet tal-irtirar, tippersisti deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7. Dan ma huwiex biss eċċezzjonali peress li jimplika deroga minn wieħed mill-iktar prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jippermetti diskriminazzjoni diretta abbażi tas-sess, iżda wkoll għaliex din kienet mistennija li progressivament tiddissolvi 38 sena ilu, permezz tal-konverġenza tal-etajiet tal-irtirar għall-irġiel u għan-nisa.

107. Kif iddikjarat il-qorti tar-rinviju, fir-Renju Unit, l-età tal-irtirar għall-irġiel u għan-nisa ser tikkonverġi gradwalment u tiġi l-istess. Għalhekk, hemmhekk kif ukoll fi Stati Membri oħra, l-għeruq tal-problema tidher li ser tiddissolvi wkoll.

V.      Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tkun kif ġej:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ rekwiżit li, minbarra li tissodisfa l-kriterju fiżiku, soċjali u psikoloġiku għar-rikonoxximent ta’ bidla fil-ġeneru, persuna li tkun biddlet il-ġeneru għandha wkoll ma tkunx miżżewġa sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 05, Vol 001 p. 215)


3      Sentenza tas-27 ta’ April 2006 (C‑423/04, EU:C:2006:256).


4      Kif ikkonfermat mill-Artikolu 11(c) tal-Att tal-1973 dwar iż-Żwiġijiet,


5      Kif diskuss iktar fid-dettall iktar ’il quddiem fil-punti 92 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Artikolu 3(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.


7      Ara, b’mod ġenerali, u rigward strumenti differenti, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Vergani (C‑207/04, EU:C:2005:495); tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703); tat-12 ta’ Settembru 2013, Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544) jew tat-12 ta’ Dicembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823).


8      It-terminoloġija fil-qasam kumpless tal-identità tal-ġeneru ma hijiex sempliċi. Id-duttrina tidentifika “persuni transġeneri” ġeneralment bħala persuni li jkunu s-suġġett ta’ tranżizzjoni minn ġeneru għal ieħor iżda mingħajr ma jibdlu neċessarjament s-sess fiżjoloġiku tagħhom (kirurġikament). Il-kunċett ta’ “transesswali” jintuża sabiex jirreferi għal persuni li jaġġustaw il-ġeneru tagħhom għall-identità tal-ġeneru tagħhom b’trasformazzjoni fiżjoloġika permezz ta’ operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru. Għal kjarifika terminoloġika, ara, Zimman, L., Transsexuality, The Wiley Blackwell Encyclopedia of Gender and Sexuality Studies, 2016, p. 2360 sa 2362. Dawn il-konklużjonijiet ġeneralment jużaw it-terminu “transġeneru”. Madankollu, meta jsir riferiment għall-fatti speċifiċi ta’ din il-kawża u fid-dawl tat-terminoloġija użata mill-qorti tar-rinviju, ser jintuża t-terminu “transesswali”. Dan it-terminu jintuża wkoll meta tiġi ċċitata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tuża dan il-kunċett.


9      It-termini “ċisġeneru” u “ċissesswali” jintużaw f’sens oppost minn dawk ta’ transġeneru u transesswali, u essenzjalment jintużaw sabiex jirreferu għal persuni li l-identità tal-ġeneru tagħhom tikkorrispondi mas-sess assenjat lilhom fit-twelid. Għal diskussjoni dwar l-użu ta’ dawn it-termini, ara, Cava, P., Cisgender andCissexual, The Wiley Blackwell Encyclopedia of Gender and Sexuality Studies, 2016, p. 267 sa 271.


10      Sentenzi tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170); tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7) u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256).


11      Premessa 3 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).


12      Din il-kawża kienet tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5 Vol 1 p. 187). Fil-kliem tal-Avukat Ġenerali Tesauro, l-oġġezzjoni li “ma huwiex possibbli li wieħed jitkellem dwar diskriminazzjoni bejn iż-żewġ sessi” f’każ li jikkonċerna riassenjament tal-ġeneru hija “interpretazzjoni formalistika pretenzjuża”, konklużjonijiet fil-kawża P. v S. (C‑13/94, EU:C:1995:444, punt 20). Tali approċċ legali binarju huwa barra minn hekk irrikonoxxut bħala li ma jikkorrispondix għar-realtà xjentifika. Ara, b’mod ġenerali, Greenberg, J. A., Defining Male and Female: Intersexuality and the Collision between Law and Biology, Arizona Law Review 1999, Vol. 41, p. 265 sa 328.


13      Sentenzi tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 20), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 24).


14      Sentenza tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 22).


15      Sentenza tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 20) u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 24).


16      Sentenza tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 21).


17      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 36), fir-rigward tal-Artikolu 157 TFUE (ex Artikolu 141 KE), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 38) fir-rigward tad-Direttiva 79/7.


18      Il-letteratura akkademika identifikat bħala s-sors ta’ dawk id-diffikultajiet il-fatt li l-każijiet ta’ bidla fil-ġeneru huma ttrattati skont id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess, u mhux skont bażi speċifika dwar l-identità tal-ġeneru. Ara pereżempju, Tobler, C., Equality and Non-Discrimination under the ECHR and EU Law. A Comparison Focusing on Discrimination against LGBTI Persons, Zeitschrift für ausländisches öffentliches Recht und Völkerrecht 2014, Vol. 74, p. 521 sa 561, 543 et seq.


19      Sentenzi tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170); tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7); u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256). Ara dwar dan id-dibatittu pereżempju Mulder, J., EU Non-Discrimination Law in the Courts. Approaches to Sex and Sexualities Discrimination in EU Law, Hart Publishing, Oxford, 2017, p. 49, or Agius, S., and Tobler, C., Trans and Intersex People (Il-Lussemburgu, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet) 2012, p. 35 et seq.


20      Il-qabża kunċettwali hija simili għal dik prodotta mill-inklużjoni ta’ diskriminazzjoni relatata mat-tqala fil-kunċett ta’ diskriminazzjoni sesswali, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punt 17). Madankollu, fil-każ ta’ persuni transġeneri, minflok jiġi eskluż l-element tal-komparabbiltà, dan kompla jiġi estiż. Ara dwar dan id-dibatittu, pereżempju, Skidmore, P., Sex, gender and Comparators in Employment Discrimination, Industrial Law Journal 1997, Vol. 26, p. 51 sa 61, f’60; Wintemute, R., Recognising New Kinds of Direct Sex Discrimination: Transsexualism, Sexual Orientation and Dress Codes, Modern Law Review 1997, Vol. 60, p. 334 sa 359, f’p. 340; Bell, M., Shifting conceptions of Sexual Discrimination at the Court of Justice: from P vs S tp Grant v SWT, European Law Journal, 1999, Vol. 5, p. 63 sa 81.


21      Pereżempju fiż-żewġ sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256), ir-rikorrenti ma rċivewx rikonoxximent legali tal-ġeneru miksub.


22      Dan kien il-każ fis-sentenza tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 21). F’dan il-każ, ġiet ikkonstata diskriminazzjoni abbażi tas-sess waqt il-proċess ta’ riassenjament. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “fejn persuna titkeċċa fuq il-bażi li hija għandha l-intenzjoni li tagħmel, jew għamlet, riassenjament tal-ġeneru, hija tiġi ttrattata b’mod sfavorevoli meta mqabbla ma’ persuni tal-ġeneru li kienet titqies li tagħmel parti minnu qabel ma sarilha riassenjament tal-ġeneru.”


23      Dan kien il-każ fis-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256).


24      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 29).


25      Sentenza tal-QEDB tas-16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen v. Finland (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909, punti 65 sa 66).


26      Fil-verità, l-eżaminazzjoni tal-komparabbiltà ma titwettaqx globalment jew b’mod astratt, iżda b’riferiment speċifiku u konkret għall-benefiċċju kkonċernat u fir-rigward tal-finalità u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju. Ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punti 42 u 43) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33).


27      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 35 sa 37).


28      L-evalwazzjoni għalhekk tista’ tkun, f’ċertu sens, pjottost mgħaġġla: peress li l-Gender Recognition Act 2004 (l-Att dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru tal-2004) huwa applikabbli biss għal persuni transġeneri, għalhekk il-pożizzjoni tagħhom ma tistax titqabbel b’mod naturali ma’ persuni ċisġeneru, peress li għall-finijiet tal-elementi kollha konnessi ma’ jew li jirriżultaw mir-riassenjament tal-ġeneru kif iddefinit mil-legiżlazzjoni nazzjonali, dawn iż-żewġ gruppi kjarament ma jistgħux jiġu kkomparati.


29      Din il-problema ma hijiex limitata għall-qasam tal-liġi dwar id-diskriminazzjoni, iżda hija inerenti għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni fejn il-komparabbiltà hija element ta’ evalwazzjoni bħalma hemm fil-kunċett tas-“selettività” fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Ara, għal diskussjoni ta’ problemi simili, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir-Renju tal-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:289, punti 40 sa 46).


30      Punti 43 u 44 ta’ hawn fuq ta’ din il-konklużjoni.


31      Sentenza tat-30 ta’ April 1996, P vs S (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 21).


32      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt id-Direttiva 79/7, diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess tista’ biss tiġi ġġustifikata fuq bażi ta’ derogi espliċiti previsti hemmhekk. Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas and Others (C‑328/91, EU:C:1993:117, punt 7); tal-1 ta’ Lulju 1993, van Cant (C‑154/92, EU:C:1993:282, punt 12); tat-30 ta’ Jannar 1997, Balestra (C‑139/95, EU:C:1997:45, punt 32) u tat-3 ta’ Settembru 2014, X (C‑318/13, EU:C:2014:2133, punti 34 u 35) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawza X (C‑318/13, EU:C:2014:333, punti 32 sa 34). Din hija konsistenti mal-approċċ fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta koperta minn strumenti oħra (ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ din il-konklużjoni). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddikjarat li, minħabba l-importanza fundamentali tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess trid tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


33      Artikolu 4(2) jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tan-nisa fuq il-bażi ta’ maternità. L-Artikolu 7(1) jippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu ċertu numru ta’ regoli, vantaġġi u benefiċċji fir-rigward tas-sigurtà soċjali.


34      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 34 sa 37).


35      Jista’ jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li r-rikorrenti argumentat b’mod alternattiv, fuq bażi ta’ statistiki uffiċjali, li r-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa jikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni indiretta bejn persuni transġeneri li l-ġeneru tagħhom inbidel minn maskil għal femminil u persuni transġeneri li l-ġeneru tagħhom inbidel minn femminil għal maskil. Dan peress li jaffettwa b’mod iktar wiesa’ lill-ewwel grupp milli lit-tieni grupp. Fid-dawl tal-konklużjoni li r-rekwiżit li persuna ma tkunx miżżewġa jammonta għal diskriminazzjoni diretta fil-każ preżenti, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat dan l-argument.


36      Sentenzi tal-QEDB tal-11 ta’ Lulju 2002, Goodwin vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, § 93) u I. vs Ir-Renju Unit CE:ECHR:2002:0711JUD002568094,§ 73, u tat-23 ta’ Mejju 2006, Grant vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2006:0523JUD003257003, § 39 sa 40).


37      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punti 33 sa 35) fir-rigward tal-Artikolu 157 TFUE (ex Artikolu 141 KE), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 28 sa 30).


38      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 35). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riżerva importanti: “Billi huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna fis-sitwazzjoni ta’ R., kif aċċettat ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza Goodwin vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq punt 103), hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, f’każ bħal dak fil-każ tal-kawża prinċipali, persuna fis-sitwazzjoni ta’ K. B. tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 141 KE biex jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħha d-dritt li s-sieħeb tagħha jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti”.


39      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 35), u tas-27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 21).


40      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7).


41      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C 117/01, EU:C:2004:7, punt 30).


42      Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04 (EU:C:2006:256, punt 31). Dik id-deċiżjoni tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punti 30 sa 34).


43      Dan huwa wkoll il-każ tal-kundizzjonijiet relatati mal-istat ċivili, imsemmija espliċitament fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 bħala element illustrattiv li fir-rigward tiegħu Stat Membru għandu jkun partikolarment viġilanti sabiex ma jiddiskriminax b’mod indirett.


44      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 35).


45      Fir-rigward tal-istat ċivili, ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59); tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 38); tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 26); u tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 58).


46      Skont il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Richards (C‑423/04, EU:C:2005:787, punt 57), din il-kwistjoni diġà kienet diskussa fis-seduta tas-sentenza Richards. Madankollu, l-Avukat Ġenerali ma adottax pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, u qies li d-dritt kien ċar fir-rigward ta’ persuni transesswali wara operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru.


47      Punti 44 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 59). Ara wkoll is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59); tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 38) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 26).


49      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 59).


50      Ara l-punt 73 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 iktar ’il fuq.


51      Nuqqas ta’ koerenza simili ġiet enfasizzata espliċitament mis-sentenza tal-QEDB tal-11 ta’ Lulju 2002, Goodwin vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, punt 78). “F’dan il-każ, kif ukoll f’ħafna oħrajn, ir-riassenjament tal-ġeneru tar-rikorrenti twettaq mis-servizz tas-saħħa nazzjonali, li jirrikonoxxi id-disforija tal-ġeneru u jipprovdi, inter alia, operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru bi skop li tinkiseb l-eqreb assimilazzjoni possibbli għas-sess li fih il-persuna transesswali tħossha li tappartjeni korrettament ma’ wieħed mill-finijiet prinċipali tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-fatt li għalkemm ir-riassenjament tal-ġeneru huwa legalment ipprovdut, ma jiġix issodisfatt b’rikonoxximent komplet fil-liġi li jista’ jitqies bħala l-aħħar pass fil-proċess twil u diffiċli tat-trasformazzjoni li tgħaddi minnha persuna transesswali. Il-koerenza tal-prattiki amministrattivi u legali fi ħdan is-sistema nazzjonali għandha titqies bħala fattur importanti fl-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni”.


52      Ara, pereżempju, l-Artikoli 10 sa 21, u l-Iskedi 1 sa 6. B’mod partikolari, l-Iskeda 5 tirregola l-ispeċifikazzjonijiet tal-benefiċċji u tal-pensjonijiet.


53      Ara d-deċiżjonijiet tal-QEDB dwar l-ammissibbiltà tat-28 ta’ Novembru 2006, Parry vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2006:1128DEC004297105), u R. u F. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2006:1128DEC003574805).


54      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen v. Il-Finlandja (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909).


55      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909, punti 74 u75).


56      Kif iddikjarat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-perijodu li jippreċedi l-Karta, ara pereżempju s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne (C‑149/77, EU:C:1978:130, punti 26 u 27) u tat-30 ta’ April 1996 P vs S, (C‑13/94, EU:C:1996:170, punt 19).