Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-22 ta’ Mejju 2017 – Coöperatie Mobilisation for the Environment UA, Vereniging Leefmilieu vs College van gedeputeerde staten van Limburg, College van gedeputeerde staten van Gelderland

(Kawża C-293/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Coöperatie Mobilisation for the Environment UA, Vereniging Leefmilieu

Konvenuti: College van gedeputeerde staten van Limburg, College van gedeputeerde staten van Gelderland

Domandi preliminari

Attività li ma taqax taħt il-kunċett ta’ proġett fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, minħabba li ma hijiex intervent fiżiku fl-ambjent naturali tista’ tkun proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 2 , tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, minħabba li din l-attività tista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi għal żona Natura 2000?

Jekk jiġi aċċettat li l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija huwa proġett, għandu għalhekk, meta din l-applikazzjoni sseħħ b’mod legali qabel ma l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jsir applikabbli għal żona Natura 2000 u li huwa dejjem ipprattikat attwalment, jiġi kkunsidrat li dan huwa l-istess proġett wieħed, anki jekk din l-applikazzjoni mhux dejjem isseħħ fuq l-istess biċċiet ta’ art, fl-istess kwantitajiet u skont l-istess tekniki?

Huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex l-istess proġett wieħed li d-depożiti ta’ nitroġenu kkawżati bl-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija ma żdiedux wara li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE , tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, sar applikabbli għaż-żona Natura 2000?

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jipprekludi leġiżlazzjoni legali li għandha bħala għan li teżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni attività li hija indissolubbilment marbuta ma’ proġett u li għalhekk għandha wkoll titqies bħala proġett, bħal, pereżempu, ir-ragħha ta’ bhejjem fit-trobbija ta’ baqar tal-ħalib, eżenzjoni li permezz tagħha ebda awtorizzazzjoni individwali ma hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, peress li l-konsegwenzi tal-attività legali mingħajr awtorizzazzjoni ġew meqjusa xierqa matul l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni legali?

3a)    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jipprekludi leġiżlazzjoni legali intiża sabiex teżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni kategorija partikolari ta’ proġetti, bħal, pereżempju, l- applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, eżenzjoni li permezz tagħha din l-attività hija leċita mingħajr awtorizzazzjoni individwali, peress li l-konsegwenzi tal-proġetti permessi mingħajr awtorizzazzjoni ġew meqjusa xierqa waqt l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni legali?

L-evalwazzjoni xierqa li fuqha hija bbażata l-eżenzjoni tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni prevista favur ir-ragħa tal-bhejjem u tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, evalwazzjoni li fiha l-awturi bbażaw ruħhom fuq il-kobor u fuq l-intensità, effettivi u antiċipati, ta’ dawn l-attivitajiet u kkonkludew li bħala medja, żieda tad-depożiti ta’ nitroġenu kkawżata minn dawn l-attivitajiet setgħet tiġi eskluża, hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

4a)    Huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-eżenzjoni tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni tkun marbuta mal-Programma Aanpak Stikstof 2015-2021 (il-PAS), li huwa bbażat fuq il-premessa ta’ tnaqqis tal-kwantità totali ta’ depożiti ta’ nitroġenu li jinstabu f’siti naturali sensittivi għan-nitroġenu li jinsabu f’żoni Natura 2000 u li l-iżvilupp tad-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni Natura 2000 jkun, fil-kuntest ta’ dan il-programm, suġġett għal monitoraġġ annwali u li skont il-bżonn, jittieħdu miżuri ta’ aġġustament meta jidher li t-tnaqqis huwa inqas minn dak li kien ġie stabbilit fl-evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet ta’ dan il-programm?

L-effetti pożittivi li miżuri ta’ konservazzjoni u miżuri xierqa li ġew adottati għal żoni eżistenti ta’ tipi ta’ habitat u ta’ bijotopi fl-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li twettqet għall-finijiet ta’ programm bħall-Programma Aanpak Stikstof 2015-2021?

5a)    F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 5: l-effetti pożittivi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri xierqa jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet ta’ programm meta fil-mument tat-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa, dawn il-miżuri ma kinux għadhom ġew implementati u li l-effetti pożittivi tagħhom ma kinux għadhom seħħew?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li l-eżekuzzjoni u r-riżultat ta’ dawn il-miżuri huma suġġetti għal monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

L-effetti pożittivi tat-tnaqqis awtonomu tad-depożiti ta’ nitroġenu li ser jimmanifesta ruħu matul il-perijodu ta’ validità tal-Programma Aanpak Stikstof 2015-2021 jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li t-tnaqqis awtonomu tad-depożiti ta’ nitroġenu kien is-suġġett ta’ monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

Miżuri ta’ ripristinar li ġew adottati fil-kuntest tal-Programma Aanpak Stikstof 2015-2021 u li għandhom bħala għan li jipprekludu li fattur li jniġġes partikolari, bħal depożitu ta’ nitroġenu, jista’ jkollu konsegwenzi dannużi għal żoni eżistenti ta’ tipi ta’ habitats u ta’ bijotopi jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ protezzjoni fis-sens tal-punt 28 tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-15 ta’ Mejju 2014 fil-kawża Briels, EU:C:2014:330, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

7a)    F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 7: l-effetti pożittivi ta’ miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa jistgħu jittieħdu inkunisderazzjoni fiha meta fil-mument li din titwettaq, dawn il-miżuri ma kinux għadhom ġew eżegwiti u ma kinux għadhom ipproduċew l-effetti pożittivi tagħhom?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li l-eżekuzzjoni u r-riżultat ta’ dawn il-miżuri jkunu suġġetti għal monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

Is-setgħa li timponi obbligi li l-Artikolu 2.4 tal-Wet natuurbescherming jagħti lill-awtorità kompetenti u li hija għandha tagħmel użu minnha meta l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona Natura 2000 jeħtieġu dan hija strument preventiv suffiċjenti ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, f’dak li jikkonċerna r-ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija?

____________

1 ĠU 2012, L 26, p. 1.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.