Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (l-Estonja) fit-13 ta’ Ġunju 2017 – Eesti Pagar AS vs Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus, Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium

(Kawża C-349/17)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Ringkonnakohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eesti Pagar AS

Konvenuti: Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus, Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium

Domandi preliminari

a)    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 1 , li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, inbeda’ x-xogħol fuq il-“proġett jew attività”, fejn l-attività li trid tiġi mħeġġa tikkonsisti, pereżempju, fl-akkwist ta’ impjant u fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ xiri ta’ dan l-impjant? L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom is-setgħa li jevalwaw ksur tal-kriterju stabbilit f’din id-dispożizzjoni meta jikkunsidraw l-ispejjeż għax-xoljiment unilaterali tal-kuntratt li l-konklużjoni tiegħu tikser ir-rekwiżit li jkun hemm effett ta’ inċentiv? Jekk jingħad li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom din is-setgħa, sa liema ammont l-ispiża (f’perċentwali) ikkawżata mix-xoljiment tal-kuntratt tista’ tiġi kkunsidrata li hija marġinali biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ effett ta’ inċentiv?

b)    Awtorità ta’ Stat Membru hija obbligata li tirkupra għajnuna illegali anki jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkun ħadet ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward?

c)    Tista’ awtorità ta’ Stat Membru, li tiddeċiedi li tagħti għajnuna – billi tikkunsidra b’mod żbaljat li din hija għajnuna li tissodisfa r-rekwiżiti għal eżenzjoni skont il-kategorija, meta, fil-fatt, hija qed tagħti għajnuna illegali – toħloq aspettattiva leġittima tal-benefiċjarji tal-għajnuna? Sabiex tinħoloq aspettattiva leġittima għall-benefiċjarji, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li l-awtorità ta’ Stat Membru, meta tagħti għajnuna illegali, tkun taf biċ-ċirkustanzi li minħabba fihom l-għajnuna ma hijiex koperta mill-eżenzjoni skont il-kategorija?

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, għandhom jiġu mwieżna l-interess pubbliku u l-interess tal-individwu. Fil-kuntest ta’ tali tweżin, huwa rilevanti jekk il-Kummissjoni Ewropea adottatx deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni li biha ddikjaratha inkompatibbli mas-suq komuni?

d)    X’inhu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità ta’ Stat Membru? Huwa dan terminu ta’ 10 snin, li ma tmiemu l-għajnuna ssir għajnuna eżistenti skont l-Artikoli 1 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 2 , li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, u għalhekk ma tistax tiġi rkuprata, jew huwa terminu ta’ 4 snin, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 3 , dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea?

Liema hija l-bażi legali għal tali rkupru, jekk l-għajnuna ngħatat minn fond strutturali: l-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea?

e)    Fil-każ li awtorità ta’ Stat Membru tirkupra għajnuna illegali, hija meħtieġa wkoll teżiġi mill-benefiċjarju l-ħlas ta’ interessi fuq din l-għajnuna illegali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kalkolu tal-interessi, fost l-oħrajn f’dak li jirrigwarda r-rata tal-interessi u l-perijodu ta’ kalkolu?

____________

1 ĠU 2008, L 214, p. 3.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340.