Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Novembru 2016 – Doris Margret Lisette Mahnkopf

(Kawża C-558/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Kammergericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Doris Margret Lisette Mahnkopf

Konvenut: Sven Mahnkopf

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet Ewropew 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament (“suċċessjonijiet minħabba mewt”) ikopri wkoll dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, bħall-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB) (kodiċi ċivili Ġermaniż), jirregolaw kwistjonijiet patrimonjali wara l-mewt ta’ konjuġi billi jżidu s-sehem legali tal-konjuġi l-ieħor?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 68(1) u 67(1) tar-regolament dwar is-suċċessjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sehem tal-konjuġi superstiti jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni anki meta dan is-sehem jirriżulta parzjalment minn żieda tas-sehem legali applikabbli skont regola patrimonjali bħall-Artikolu 1371(1) BGB?

Fil-każ li r-risposta għandha, fil-prinċipju, tkun negattiva, huwa madankollu possibbli li, eċċezzjonalment, tingħata risposta fl-affermattiv

meta ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jkun limitat għall-invokazzjoni tad-drittijiet tal-werrieta fi Stat Membru ieħor partikolari, fir-rigward ta’ beni tad-deċedut li jkunu jinsabu f’dan l-Istat Membru u

meta d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni (Artikoli 4 u 21 tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet Ewropew) u, indipendentement mir-regoli ta’ kunflitt applikabbli, il-kwistjonijiet dwar ir-reġim patrimonjali tal-konjuġi jkollhom jiġu deċiżi konformement mal-istess dritt nazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi, l-Artikolu 68(1) tar-regolament dwar is-suċċessjonijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti miżjud skont regola tar-reġim patrimonjali tal-konjuġi jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Ewropew, iżda, minħabba din iż-żieda, biss bħala informazzjoni?

____________

1  Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, p. 107).