Language of document : ECLI:EU:C:2010:683

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Novembru 2010 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 3(2) – Ne bis in idem – Kunċett tal-‘istess atti’ – Possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew – Sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat – Pussess ta’ drogi narkotiċi – Traffikar ta’ drogi narkotiċi – Organizzazzjoni kriminali”

Fil-Kawża C‑261/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 35 UE, imressqa mill‑Oberlandesgericht Stuttgart (il‑Ġermanja), permezz tad‑deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Lulju 2009, fil‑proċedura dwar l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Gaetano Mantello,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Unzeitig u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn S. Lee, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(2) Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal‑Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l‑Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19,Vol. 6, p. 34, itkar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”) u, b’mod partikolari, tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni fil‑Ġermanja ta’ mandat ta’ arrest Ewropew dwar il‑proċeduri ġudizzjarji mibdija mill‑awtoritajiet Taljani kontra G. Mantello u 76 persuna oħra li huma suspettati li organizzaw it-traffikar ta’ kokaina fir-reġjun ta’ Vittoria (l‑Italja).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

3        Il-premessi 1, 5, 8, 10, kif ukoll 12 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu s-segwenti:

“(1) Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali ta’ l-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew mogħtija sentenza finali u proċeduri ta’ l-estradizzjoni għandhom jiġu mħeffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu offiża.

[…]

(5) L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment [konsenja] bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(8) Deċiżjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq iċ-ċediment tiegħu jew tagħha.

[…]

(10) Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja] bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12) Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [...], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta’ ċediment ta’ persuna għal liema mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

[...]”

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi:

“1.       Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment [il-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.       L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.       Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

5        L‑Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi:

“1.       Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.       L-offiżi li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jwasslu għaċ-ċediment [għall-konsenja] skond mandat ta’ arrest Ewropew:

–        il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

[…]

–        it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sostanzi psikotropiċi,

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem ‛l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jagħti s-sentenza;

[…]”.

7        L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni ta’ ċediment [konsenja]”, jistabbilixxi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tiddeċiedi, fil-limiti tal-ħin u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi ċeduta [kkonsenjata].

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat ma huwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista’ fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.”

8        L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2 p. 9,), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, (iktar ’il quddiem il-“KFS”) jistabbilixxi:

      “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

9        L-Artikolu 57(1) u (2) tal-KFS jistabbilixxi:

“1.      Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.

2.      L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.”

10      Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56) jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha dan l-Istat Membru aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas ġie traspost fid-dritt Ġermaniż bl-Artikolu 83(1) tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 1982 dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali [Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (IRG)], fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tal-20 ta’ Lulju 2006 [Europäisches Haftbefehlsgesetz, BGBI. 2006 I, p. 1721 (EuHbG)]. Dan l-artikolu, intitolat “Kundizzjonijiet addizzjonali ta’ ammissibbiltà”, jipprovdi:

“L-estradizzjoni hija eskluża meta

1.      Il-persuna mħarrka kienet diġà suġġetta, għall-fatt stess li fuqu hija bbażata t-talba ta’ estradizzjoni, għal sentenza definittiva minn Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni kienet ġiet skontata jew qiegħda tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita iktar skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-kundanna […].

[…]”

 Id-dritt Taljan

12      L-Artikoli 73 u 74 tad-Digriet Nru 309 tal-President tar-Repubblika, tad-9 ta’ Ottubru 1990, li jipprovdi test ikkonsolidat tal-liġijiet li jirregolaw id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi ta’ prevenzjoni u kura tat-tossikomanija u r-riabbilitazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DPR Nru 309/90”) jipprovdu s-segwenti:

“Artikolu 73. Produzzjoni, traffikar u pussess illegali ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi

1.      Jeħel piena ta’ priġunerija minn sitt snin sa għoxrin sena u multa ta’ EUR 26 000 sa 260 000 kull min, filwaqt li jaġixxi mingħajr l-awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 17, jikkultiva, jipproduċi, jimmanifattura, jagħmel estratt minn, jirraffina, ibigħ, joffri jew ipoġġi għall-bejgħ, jittrasferixxi, jiddistribwixxi, jikkummerċjalizza, iġorr, jikseb, jibgħat, jgħaddi jew jibgħat fi tranżitu jew jikkonsenja għal kwalunkwe għan drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi […].

[…]

6.      Il-piena tiżdied jekk il-fatt jiġi kommess minn tliet persuni jew iktar, li jaġixxu flimkien.

Artikolu 74. Assoċjazzjoni li għandha bħala għan it-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi

1.      Meta tliet persuni jew iktar jassoċjaw ruħhom biex jikkommettu diversi reati previsti fl-Artikolu 73, dak li jippromwovi, jikkostitwixxi, jidderiġi, jorganizza jew jiffinanzja l-assoċjazzjoni huwa suġġett esklużivament għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn għoxrin sena.

2.      Kull min jipparteċipa fl-assoċjazzjoni jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn għaxar snin.

3.      Il-piena tiżdied jekk in-numru ta’ assoċjati huwa ta’ għaxra […].

[…]”

13      Skont l-Artikolu 649 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, “[l]-akkużat illiberat jew ikkundannat b’sentenza jew b’digriet kriminali li jkunu saru irrevokabbli ma jistax jiġi suġġett għal proċedura kriminali ġdida għall-istess fatt, anki jekk dan tal-aħħar huwa kkunsidrat b’mod differenti mil-lat tal-kwalifika ġuridika tiegħu, tal-grad ta’ gravità tiegħu jew taċ-ċirkustanzi”.

14      Madankollu, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Taljan, mill-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (Qorti tal-Kassazzjoni), jirriżulta li l-“eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 649 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma tistax tiġi invokata meta l-fatt li ta lok għal sentenza definittiva jirrigwarda sitwazzjoni ta’ konkors formali ta’ reati fejn l-aġir li kien diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva jista’ jiġi rikwalifikat bħala punt ta’ fatt u kklassifikat, skont evalwazzjoni differenti, anki alternattiva, f’kategorija ta’ inkriminazzjoni usa’”.

 Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15      It-Tribunale di Catania (l-Italja), ħareġ, fis-7 ta’ Novembru 2008, mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem, il-“mandat ta’ arrest”) kontra G. Mantello, sabiex jiġi arrestat u kkonsenjat lill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontrih. Dan il-mandat ta’ arrest huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn din l-istess qorti, fil-5 ta’ Settembru 2008, kontra G. Mantello u 76 koakkużat ieħor.

16      Insostenn tal-mandat ta’ arrest, G. Mantello huwa akkużat b’żewġ fatti.

17      Minn naħa, minn Jannar 2004 sa Novembru 2005, huwa pparteċipa, fi ħdan organizzazzjoni kriminali magħmula tal-inqas minn għaxar persuni oħra, fit-traffikar ta’ kokaina organizzat f’Vittoria, fi bliet oħra Taljani kif ukoll fil-Ġermanja. G. Mantello mhux biss kellu r-rwol ta’ traffikant u ta’ intermedjarju, iżda kien ukoll fdat bil-ksib tal-kokaina u l-bejgħ tagħha. Issa, skont l-Artikolu 74(1) u (3) tad-DPR Nru 309/90, dawn il-fatti huma suġġetti, skont id-dritt Taljan, għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn għoxrin sena.

18      Min-naħa l-oħra, matul dan il-perijodu u fl-istess postijiet, waħdu jew bil-kompliċità ta’ oħrajn, huwa kellu l-pussess illegali ta’ kokaina, żammha u wassalha, biegħha jew anki ttrasferiha lil oħrajn. Għal dawn il-fatti, skont id-dritt Taljan, persuna tista’ teħel piena ta’ minn 8 snin sa 20 sena priġunerija, u din il-piena tista’ tiżdied.

19      F’dan ir-rigward, ċirkustanzi aggravanti ġew invokati kontra G. Mantello inkwantu n-netwerk ipprovda kokaina lil persuni minuri.

20      Skont l-informazzjoni pprovduta fil-mandat ta’ arrest nazzjonali, varji awtoritajiet bdew jinvestigaw minn Jannar 2004 it-traffikar illeċitu ta’ kokaina, li jikkostitwixxi problema kbira fir-reġjun ta’ Vittoria. L-investigazzjonijiet ikkonsistew b’mod partikolari fis-smigħ ta’ telefonati fuq livell wiesa’ li wassal sabiex tinkixef netwerk organizzata, li tinkludi żewġ assoċjazzjonijiet kriminali, fatt li jimplika l-applikabbiltà tal-Artikolu 74 tad-DPR Nru 309/90. Barra minn hekk, matul l-interċettazzjonijiet ta’ telefonati ta’ G. Mantello fil-perijodu bejn id-19 ta’ Jannar u t-13 ta’ Diċembru 2005, il-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmi netwerk ġiet ikkonfermata. Barra minn hekk, huwa ġie segwit ukoll mill-investigaturi matul ċerti spostamenti tiegħu, b’mod partikolari bejn Sicilia (l-Italja) u Milano (l-Italja) fit-28 ta’ Lulju kif ukoll fit-12 ta’ Awwissu 2005, u bejn Sicilia, Esslingen (il-Ġermanja) u Catania fit-12 ta’ Settembru 2005.

21      Matul dan l-aħħar spostament, G. Mantello xtara 150 g kokaina f’Esslingen u, meta ġie lura filgħaxija tat-13 ta’ Settembru 2005, twaqqaf, kif ħareġ mill-ferrovija fl-istazzjon ta’ Catania, mill-pulizija ferrovjarja, li fittxitu u sabet li kien qed iġorr żewġ qratas li kien fihom, 9.5 g u 145.96 g kokaina rispettivament, li jikkorrispondu għall-kwantità ta’ 599 sa 719-il doża individwali.

22      B’sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005, it-Tribunale di Catania kkundanna lil G. Mantello għal priġunerija ta’ 3 snin, 6 xhur u 20 ġurnata, flimkien ma’ multa ta’ ammont ta’ EUR 13 000. Fl-att ta’ akkuża, il-prosekutur pubbliku akkuża lil G. Mantello talli, fit-13 ta’ Settembru 2005, kien jinsab f’pussess illegali ta’ 155.46 g kokaina, intiża biex tinbigħ mill-ġdid. It-Tribunale di Catania qies li l-prova materjali ta’ dawn il-fatti kienet ġiet prodotta. Fuq talba ta’ G. Mantello, it-tribunal iddeċieda skont proċedura mqassra, proċedura li ppermettietlu jikseb tnaqqis fil-piena. Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ April 2006, il-Corte d’apello di Catania (qorti tal-appell ta’ Catania) ikkonfermat is-sentenza ta’ dan it-tribunal.

23      Sussegwentement, it-Tribunale di Catania naqqas il-piena ta’ G. Mantello, b’mod li huwa kellu jiskonta piena ta’ għaxar xhur u 20 ġurnata priġunerija biss u tnaqqsitlu l-multa.

24      Meta, fit-3 ta’ Diċembru 2008, sar jaf bil-mandat ta’ arrest Ewropew mis-sistema ta’ informazzjoni Schengen (SIS), il-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart (il-prosekutur pubbliku ta’ Stuttgart) arresta, fid-29 ta’ Diċembru 2008, lil G. Mantello fid-dar tiegħu u ħarrku quddiem l-Amtsgericht Stuttgart. Meta deher fis-seduta, G. Mantello oppona l-konsenja tiegħu lill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat u ma rrinunzjax għar-regola tal-ispeċjalità. Fuq talba tal-imsemmi prosekutur pubbliku, l-Oberlandesgericht Stuttgart talbet lill-awtoritajiet Taljani, fit-22 ta’ Jannar 2009, jivverifikaw sa fejn is-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2005 mit-Tribunale di Catania ma kinitx tipprekludi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest.

25      Peress li ma rċeviet l-ebda informazzjoni minn dawn l-awtoritajiet, l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċidiet, fl-20 ta’ Marzu 2009, li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diffikultajiet kemm fattwali kif ukoll legali tal-kawża prinċipali, din il-qorti ddeċidiet li tassenja lil G. Mantello avukat ex officio.

26      Sussegwentement u b’risposta għat-talba għal informazzjoni maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, l-imħallef li kien qed jinvestiga fit-Tribunale di Catania fl-aħħar spjega, fl-4 ta’ April 2009, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat ta’ arrest, li s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005 ma tipprekludix il-proċeduri kriminali msemmija fil-mandat ta’ arrest u li għalhekk dan ma kienx każ li jaqa’ taħt il-prinċipju ne bis in idem. Għaldaqstant, il-prosekutur pubbliku ta’ Stuggart talab lill-qorti tar-rinviju sabiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest.

27      Madankollu l-Oberlandesgericht Stuttgart tistaqsi jekk tistax topponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ għar-reati ta’ kriminalità organizzata sa fejn, fil-fehma tagħha, fil-mument tal-inkjesta li wasslet għall-kundanna ta’ G. Mantello għall-pussess ta’ kokaina biex tinbigħ mill-ġdid, l-investigaturi Taljani diġà kellhom provi biżżejjed biex jakkużawh u jħarrkuh għall-kapi ta’ akkuża msemmija fil-mandat ta’ arrest, partikolarment għat-traffikar tad-droga f’organizzazzjoni kriminali. Madankollu, fl-interess tal-inkjesta, biex ikun jista’ jitwaqqaf dan it-traffikar u jiġu arrestati l-persuni l-oħrajn involuti, dawn l-investigaturi ma kkomunikawx din l-informazzjoni u l-provi fil-pussess tagħhom lill-qorti istruttorja u lanqas, dak iż-żmien, ma talbu prosekuzzjoni ta’ dawk il-fatti.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Ġermaniż kif interpretat mill-Bundesgerichtshof, ir-reat ta’ assoċjazzjoni illegali jista’, bħala regola, ikun is-suġġett ta’ proċeduri a posteriori jekk, minn naħa, l-att ta’ akkuża u l-inkjesta ġudizzjarja preċedenti kellhom bħala suġġett biss atti iżolati tal-membru ta’ dik l-assoċjazzjoni u jekk, min-naħa l-oħra, l-akkużat ma jkunx kiseb aspettattiva leġittima li l-proċedura preċedenti kienet tinkludi l-atti kollha magħmulin fi ħdan l-assoċjazzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li taqbel għal kollox ma’ din il-pożizzjoni tal-Bundesgerichtshof. Fil-fatt, hija tissuġġerixxi li tiżdied kunduzzjoni oħra, jiġifieri dik li fil-mument tad-deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-fatt iżolat, l-investigaturi ma kinux jafu li kien hemm reati individwali oħrajn u reat ta’ assoċjazzjoni illegali, u dan ma kienx preċiżament il-każ għall-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fl-Italja.

29      Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Stuttgart tosserva li, minn naħa, fil-kawża prinċipali, ma hemmx element transnazzjonali sa fejn l-“idem” potenzjali huwa kkostitwit minn deċiżjoni ġudizzjarja li ġejja mill-Istat Membru li ħareġ il-mandat stess u mhux minn Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tinnota li l-kunċett tal-“istess atti” għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Issa, din il-qorti tistaqsi jekk il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-KFS tistax tiġi trasposta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm ‛l-istess atti’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-[Deċiżjoni Qafas] għandha tiġi evalwata:

a)      skont id-dritt tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat, jew

b)      skont id-dritt tal-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat, jew

ċ)      billi tingħata lill-kunċett tal-‛istess atti’ interpretazzjoni awtonoma, speċifika għall-Unjoni Ewropea?

2)      F’sitwazzjoni fejn, meta ngħatat is-sentenza ta’ kundanna għal importazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi, l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni kellhom informazzjoni u provi li jqanqlu suspett ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni li għandha bħala għan it-traffikar ta’ drogi narkotiċi, iżda, fl-interess tal-investigazzjoni, għażlu li ma jissottomettux din l-informazzjoni u provi lill-qorti u li ma jagħtux bidu għall-proċeduri ta’ prosekuzzjoni fuq din il-bażi, l-imsemmija importazzjoni illeċita tikkostitwixxi ‘l-istess att’, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, bħall-parteċipazzjoni f’tali organizzazzjoni?”

31      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, immotivata mill-fatt li din il-qorti ma xtaqitx li l-proċedura ta’ konsenja mitluba mill-awtoritajiet Taljani tittawwal, l-awla magħżula eżaminat il-ħtieġa li għall-kawża preżenti tintuża l-proċedura b’urġenza, stabbilita fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2009, meħuda skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, l-awla magħżula ddeċidiet, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

 Fuq id-domandi preliminari

32      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tistax topponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest abbażi tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

33      Fil-fatt, mill-ewwel domanda magħmula, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fl-Artikolu 3(2) jikkostitwixxix kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li skont il-qorti tar-rinviju, jekk dan il-kunċett għandu jiġi analizzat biss fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew tad-dritt tal-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat, din il-qorti tkun marbuta tipproċedi bil-konsenja ta’ G. Mantello. Dan jgħodd peress li, minn naħa, skont id-dritt Ġermaniż kif interpretat mill-Bundesgerichtshof, ir-reat ta’ assoċjazzjoni illegali jista’, bħala regola, ikun is-suġġett ta’ proċeduri a posteriori jekk l-att ta’ akkuża u l-inkjesta ġudizzjarja preċedenti kellhom bħala suġġett biss atti iżolati tal-membru ta’ dik l-assoċjazzjoni u jekk l-akkużat ma jkunx kiseb aspettattiva leġittima li l-proċedura preċedenti kienet tinkludi l-atti kollha magħmulin fi ħdan l-assoċjazzjoni. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza u tal-informazzjoni, li tinsab fil-punt 26 tal-istess sentenza, ipprovduta lill-qorti tar-rinviju fl-4 ta’ April 2009 mill-qorti istruttorja tat-Tribunale di Catania, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005 mogħtija minn dan it-tribunal ma tipprekludix, skont id-dritt Taljan, li jittieħdu proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reati bħal dawk li jinsabu fil-mandat ta’ arrest.

34      Min-naħa l-oħra, jekk il-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk, kuntrarjament għad-dritt Ġermaniż u għad-dritt Taljan kif interpretati mill-qrati supremi ta’ dawn l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas teżiġix, sabiex persuna tkun tista’ tiġi mħarrka għal reat iktar wiesa’ minn dak li kien diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fir-rigward ta’ fatt iżolat, li l-investigaturi ma kinux jafu, fi żmien l-ewwel akkuża li wasslet għal din is-sentenza definittiva, li kien hemm reati individwali oħrajn u reat ta’ assoċjazzjoni illegali, u dan ma kienx preċiżament il-każ għall-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fl-Italja.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew li huma ssuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, Ġabra p. I‑9621, punt 56).

36      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom, bħala regola, jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C‑388/08 PPU, Ġabra p. I‑8983, punt 51).

37      Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu dan il-mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leymann u Pustovarov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

38      F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-kunċett tal-“istess atti” li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax titħalla f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ kull Stat Membru skont id-dritt nazzjonali tagħhom. Fil-fatt, mir-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dan il-kunċett, dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, Ġabra p. I‑6041, punti 41 u 42). Għalhekk, dan jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li, bħala tali, jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mill-qrati kollha li quddiemhom tkun tressqet kawża f’dan ir-rigward, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu VII tal-Protokoll Nru 36 tat-Trattat FUE, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji.

39      Għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett tal-“istess atti” jinsab ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS. F’dan il-kuntest, l-imsemmi kunċett ġie interpretat bħala li jirrigwarda biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludi ġabra ta’ fatti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, irrispettivament mill-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck, C‑436/04, Ġabra p. I‑2333, punti 27, 32 u 36, kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten, C‑150/05, Ġabra p. I‑9327, punti 41, 47 u 48).

40      Fid-dawl tal-għan komuni tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li huwa li jiġi evitat li persuna tiġi mħarrka mill-ġdid jew tkun is-suġġett ta’ sentenza kriminali fir-rigward tal-istess fatti, għandu jiġi aċċettat li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ipprovduta fil-kuntest tal-KFS tapplika wkoll fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas.

41      Meta l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat issir taf bl-eżistenza fi Stat Membru ieħor ta’ sentenza definittiva għall-“istess atti” bħal dawk koperti mill-mandat ta’ arrest Ewropew li tressaq quddiemha, l-imsemmija awtorità għandha, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, tirrifjuta li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, din tkun ġiet skontata jew qed tiġi infurzata bħalissa jew ma tistax tiġi eżegwita iżjed skont il-liġijiet tal-Istat Membru li fih tkun ingħatat is-sentenza.

42      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li tqis prima facie li l-fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza definittiva tat-30 ta’ Novembru 2005, jiġifieri l-pussess minn G. Mantello ta’ 155.46g kokaina fit-13 ta’ Settembru 2005 f’Vittoria, huma, għall-finijiet tal-kunċett tal-“istess atti”, differenti minn dawk imsemmija fil-mandat ta’ arrest, jiġifieri, minn naħa, il-fatti, li seħħew bejn Jannar 2004 u Novembru 2005, relattivi għall-parteċipazzjoni ta’ G. Mantello fl-organizzazzjoni kriminali bħala traffikant, intermedjarju u l-persuna li tikseb id-droga, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dawk marbuta mal-pussess illegali tad-droga matul dan l-istess perijodu fi bliet differenti Taljani u Ġermaniżi.

43      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, fil-verità, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw iktar il-kunċett ta’ “sentenza definittiva” mill-kunċett tal-“istess atti”. Fil-fatt, din il-qorti tistaqsi jekk, sa fejn l-investigaturi Taljani kellhom, fil-mument meta ngħatat is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005, provi dwar fatti, mifruxa fuq perijodu bejn Jannar 2004 u Novembru 2005, li permezz tagħhom setgħu jiġu ppruvati r-reati ta’ partiċipazzjoni ta’ G. Mantello fl-organizzazzjoni kriminali kif ukoll ta’ pussess illegali ta’ droga, din is-sentenza tistax titqies bħala li tikkostitwixxi mhux biss sentenza definittiva ta’ kundanna li tkopri l-fatti iżolati li seħħew fit-13 ta’ Settembru 2005 li fir-rigward tagħhom ġiet iddikjarata l-eżistenza tar-reat ta’ pussess illegali ta’ droga bil-għan li tinbigħ mill-ġdid, iżda wkoll sentenza li tipprekludi proċeduri sussegwenti għal reati bħal dawk inklużi fil-mandat ta’ arrest.

44      Fi kliem ieħor, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li l-awtoritajiet investigattivi kellhom provi relattivi għall-fatti li jikkostitwixxu r-reati msemmija fil-mandat ta’ arrest, iżda ma pproduċewhomx għall-evalwazzjoni tat-Tribunale di Catania meta dan iddeċieda fuq il-fatti iżolati tat-13 ta’ Settembru 2005, jippermettix li jiġi kkunsidrat li din hija deċiżjoni li tista’ tiġi kkunsidrata bħala sentenza definittiva fir-rigward tal-fatti esposti f’dan il-mandat ta’ arrest.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li persuna mfittxa titqies li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva fir-rigward tal-istess atti fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas meta, fi tmiem proċedura kriminali, l-azzjoni pubblika ssir definittivament estinta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C‑385/01, Ġabra p. I‑1345, punt 30, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C‑491/07, Ġabra p. I‑11039, punt 32) jew ukoll meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jkunu adottaw deċiżjoni li permezz tagħha s-suspettat jinħeles definittivament fir-rigward tal-fatti li bihom huwa akkużat (ara, b’analoġija, is-sentenzi Van Straaten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u Turanský, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

46      In-natura “definittiva” ta’ sentenza msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas taqa’ taħt id-dritt tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat din is-sentenza.

47      Għaldaqstant, deċiżjoni li, skont id-dritt tal-Istat Membru li jkun beda proċeduri kriminali kontra persuna, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika fuq livell nazzjonali fir-rigward ta’ ċerti fatti ma jistax ikollha l-effett, bħala regola, li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-eventwali teħid jew tkomplija ta’ proċeduri kriminali, fir-rigward tal-istess fatti, kontra din il-persuna f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Turanský, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

48      F’dan ir-rigward, fuq l-eżempju tal-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 57 tal-KFS, l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti lil awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat titlob, mingħand l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li fih deċiżjoni tkun ingħatat, informazzjoni legali dwar in-natura preċiża ta’ din id-deċiżjoni sabiex tistabbilixxi jekk din, skont id-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat, hijiex ta’ tali natura li għandha titqies bħala li twassal għall-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika fuq livell nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Turanský, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

49      Issa, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirreferi preċiżament għall-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Fir-risposta tagħha, l-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat indikatilha espressament li, skont id-dritt Taljan, l-akkużat kien is-suġġett ta’ sentenza definittiva fir-rigward tal-fatti iżolati ta’ pussess ta’ droga, iżda li l-proċeduri koperti mill-mandat ta’ arrest kienu bbażati fuq fatti differenti, relattivi għar-reat ta’ kriminalità organizzata kif ukoll għal reati oħrajn ta’ pussess illegali ta’ droga intiża biex tinbigħ mill-ġdid, reati li ma kinux koperti mis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Novembru 2005. Għaldaqstant, minkejja li l-awtoritajiet investigattivi kellhom ċertu informazzjoni fattwali marbuta ma’ dawn ir-reati, mir-risposta pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat jirriżulta li l-ewwel sentenza tat-Tribunale di Catania ma tistax titqies bħala li twassal għall-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-imsemmija fatti koperti mill-mandat ta’ arrest tiegħu.

50      Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, b’risposta għal talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas magħmula mill-imsemmija awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, tkun espressament ikkonstatat, abbażi ta’ spjegazzjonijiet, li s-sentenza preċedenti tagħha ma tkoprix il-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest tagħha u li għalhekk ma tipprekludix il-proċeduri msemmija fl-imsemmi mandat ta’ arrest, għandha tislet il-konklużjonijiet kollha li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet magħmula fir-risposta tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hi li, għall-finijiet tal-ħruġ u tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kunċett tal-“istess atti”, li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn, b’risposta għal talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas magħmula mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, skont id-dritt nazzjonali tagħha u b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett tal-“istess atti” kif stabbilit fl-istess Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni qafas, tkun espressament ikkonstatat li s-sentenza mogħtija preċedentement fl-ordinament ġuridiku tagħha ma tikkostitwixxix sentenza definittiva li tkopri l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest tagħha u li għalhekk ma tipprekludix il-proċeduri msemmija fl-imsemmi mandat ta’ arrest, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat b’ebda mod ma għandha għalfejn tapplika, b’rabta ma’ din is-sentenza, ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja stabbilita fl-imsemmi Artikolu 3(2).

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Għall-finijiet tal-ħruġ u tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kunċett tal-“istess atti”, li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l‑Istati Membri, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn, b’risposta għal talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas magħmula mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, skont id-dritt nazzjonali tagħha u b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett tal-“istess atti” kif stabbilit fl-istess Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni qafas, tkun espressament ikkonstatat li s-sentenza mogħtija preċedentement fl-ordinament ġuridiku tagħha ma tikkostitwixxix sentenza definittiva li tkopri l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest tagħha u li għalhekk ma tipprekludix il-proċeduri msemmija fl-imsemmi mandat ta’ arrest, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat b’ebda mod ma għandha għalfejn tapplika, b’rabta ma’ din is-sentenza, ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja stabbilita fl-imsemmi Artikolu 3(2).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.