Language of document : ECLI:EU:C:2009:183

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2009 1(1)

Kawża C-123/08

Proċeduri penali

kontra

Dominic Wolzenburg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (l-Olanda)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI – Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Kunċetti ta’ persuna li ‘toqgħod’ u ‘residenta [residenti]’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Trattament differenti taċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra – Prinċipju ta’ trattament ugwali”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-portata tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (2), li jipprovdi raġuni għall-għażla ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

2.        Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jeżegwixxi (3) tista’ tirrifjuta milli teżegwixxi tali mandat jekk dan ikun inħareġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja meta l-persuna rikjesta tkun “qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta [residenti] tal-Istat Membru” u meta dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi s-sentenza huwa stess.

3.        Ir-Rechtbank Amsterdam (l-Olanda) (4) tixtieq tkun taf safejn din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tista’ tapplika għal ċittadin Ġermaniż li jkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ħabs u li jkun ilu jaħdem fl-Olanda fejn joqgħod ma’ martu mix-xahar ta’ Ġunju 2005.

4.        Din il-qorti tinsab ukoll ikkonfrontata bil-fatt li l-persuna interessata ma għandhiex permess ta’ residenza permanenti fl-Olanda u li, skont id-dritt Olandiż, hija ma tistax tibbenefika mill-imsemmija raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni peress li r-regola li biha l-konsenja ta’ ċittadin Olandiż għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena għandha tiġi rrifjutata ma tapplikax ħlief għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkollhom tali permess ta’ residenza.

5.        B’hekk, l-imsemmija qorti, fl-ewwel lok, tixtieq tkun taf kemm għandu jkun twil iż-żmien ta’ residenza fl-Istat Membru li jeżegwixxi, tal-persuna milquta b’mandat ta’ arrest Ewropew sabiex din il-persuna tkun meqjusa bħala li toqgħod jew tirrisjedi f’dak l-Istat, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

6.        Fit-tieni lok, hija tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

7.        Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni jipprekludix liġi nazzjonali li biha r-regola li tiddisponi li l-konsenja ta’ ċittadin nazzjonali għandha tiġi rrifjutata meta dik il-konsenja tkun mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena tapplika biss għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li huma titulari ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

8.        Dawn it-tliet domandi huma simili ħafna għal dawk li, f’kuntest differenti, kienu suġġetti għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (5), li ngħatat wara li ġiet ippreżentata din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

9.        F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċetti ta’ persuna li “toqgħod” u “residenta [residenti]” fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Hija pprovdiet ukoll xi risposti għat-tieni domanda li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-applikazzjoni ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti amministrattivi, bħalma huma l-permess ta’ residenza nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija ma ddeċidietx fuq l-aħħar punt li jirrigwarda l-konformità mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-konsenja ta’ ċittadin nazzjonali iżda mhux ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

10.      Din il-kawża għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża u tagħlaq ir-risposti mogħtija fis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

11.      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħid li, fil-kunċett tal-persuna “residenta [residenti]” bħal f’dak fejn il-persuna “toqgħod”, il-kundizzjoni determinanti hija dwar jekk il-persuna milquta bil-mandat ta’ arrest Ewropew għandiex rabtiet biżżejjed mal-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li wieħed ikun jista’ jaħseb li l-eżekuzzjoni tal-piena f’dak l-Istat tkabbar il-possibiltajiet ta’ integrazzjoni ta’ dik il-persuna fis-soċjetà. Jiena ser nindika li t-tul ta’ żmien ta’ residenza fl-imsemmi Stat jikkostitwixxi wieħed mill-elementi rilevanti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-qorti kompetenti biex tistabbilixxi jekk dik il-kundizzjoni hijiex sodisfatta.

12.      Fir-rigward tat-tieni domanda, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi li l-applikazzjoni ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħalma hija l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

13.      Fl-aħħar nett, b’risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-liġi nazzjonali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE.

14.      Qabel ma neżamina fid-dettal l-analiżi tiegħi, jidhirli li jkun utli li nesponi iktar ’il quddiem il-prinċipji essenzjali li ser insemmi matul l-analiżi tiegħi u li kienu ta’ gwida għar-raġunament tiegħi:

–        il-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas issostitwiet il-proċedura ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri, liema proċedura għadha teżisti fir-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati terzi kif ukoll f’dawk bejn l-Istati Membri meta l-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew, f’każijiet eċċezzjonali, ma tkunx applikabbli, b’mod partikolari, minħabba raġunijiet marbuta mal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas għal dak iż-żmien;

–        id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas jimponu li jiġu analizzati l-kwistjonijiet li fir-realtà jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv, inkwantu l-applikazzjoni tagħhom hija neċessarjament relatata direttament mal-kunċett ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna kkundannata. Peress li l-iżvilupp modern tad-dritt kriminali li seħħ fl-Istati Membri, iqis l-integrazzjoni tal-persuna fis-soċjetà bħala funzjoni fundamentali tal-piena, jirriżulta minn dan li kull deċiżjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi relattivi għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull persuna kkundannata, u dan skont il-prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-piena li minnu jifforma parti r-reġim tal-eżekuzzjoni tagħha;

–        fir-rigward tal-piena jew ta’ miżura simili bħalma hija l-“kustodja”, kemm l-eżekuzzjoni tagħha kif ukoll l-għoti tagħha jikkonċernaw il-libertà individwali. Għaldaqstant, ir-regoli tas-sistema ġudizzjarja, li jiżguraw ir-rispett għal din il-libertà fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu żgurati, partikolarment fir-rigward tad-diskrezzjoni meħtieġa li għandu jkollu l-ġudikant għall-implementazzjoni effettiva tal-prinċipji li huwa għandu jieħu ħsieb li jiġu applikati.

I –    Id-dritt Komunitarju

A –    Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas

15.      Id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tabolixxi l-proċedura formali tal-estradizzjoni fost l-Istati Membri, kif prevista fid-diversi konvenzjonijiet li fihom dawn l-Istati huma membri u li jissostitwuha b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji (6). Il-ħames premessa tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas tiddisponi, f’dan ir-rigward:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment [konsenja] bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment [konsenja] ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

16.      Id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (7), u fuq “livell għoli ta’ kunfidenza” bejn l-Istati Membri (8).

17.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas huwa intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”. Huwa jiddisponi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment [konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.     L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.     Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

18.      Meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ kustodja, dan għandu jinħareġ għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

19.      L-istess Artikolu 2 jipprovdi lista ta’ 32 ksur li minħabba fihom, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat b’sentenza ta’ kustodja għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi esegwit anki jekk il-fatti inkwistjoni mhumiex punibbli fl-Istat Membru li jeżegwixxi. Fir-rigward tal-ksur l-ieħor, il-konsenja tal-persuna milquta bil-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ jkun suġġett mill-Istat Membru li jeżegwixxi għall-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-atti.

20.      L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas huma rispettivament iddedikati għar-raġunijiet tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 4(6) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiddisponi:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta [residenti] tal-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu.”

21.      Din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija supplimentata bl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li japplika meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għal skopijiet ta’ prosekuzzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-konsenja tal-persuna milquta b’dan il-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġett għall-kundizzjoni li din il-persuna, li tkun ċittadina jew residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, wara li tkun instemgħat, tiġi rritornata lil dan l-Istat li jeżegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

B –    Il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-Deċiżjoni Qafas skont is-sentenza Kozłowski

22.      Is-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, għandha bħala kuntest iċ-ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi segwenti.

23.      L-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi kellhom quddiemhom talba għall-konsenja ta’ Kozłowski, li huwa ċittadin Pollakk, bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-qorti Pollakka għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ħabs ta’ ħames xhur mogħtija minn sentenza li kienet definittiva.

24.      Kozłowski kien jinsab detenut fiċ-ċentru penitenzjarju ta’ Stuttgart (il-Ġermanja) fejn kien qiegħed jiskonta ordni ta’ detenzjoni ta’ tliet snin u nofs, li kienet ingħatatlu mill-qrati Ġermaniżi għal diversi frodi mwettqa fil-Ġermanja.

25.      Huwa kien ġuvni u bla tfal. Huwa kien jaf ftit li xejn jitkellem il-lingwa Ġermaniża. Huwa daħal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Frar 2005 fejn qagħad sal-arrest tiegħu, li seħħ fl-10 ta’ Mejju 2006, b’xi interruzzjonijiet, b’mod partikolari waqt il-vaganzi tal-Milied. Huwa ħadem hemmhekk okkażjonalment fis-settur tal-bini. Huwa kkontesta l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u xtaq jibqa’ fil-Ġermanja wara li jiġi lliberat.

26.      Fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta f’dispożizzjonijiet differenti skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex ċittadin Ġermaniż jew ċittadin barrani.

27.      Għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadini Ġermaniżi, l-estradizzjoni tagħhom għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza hija possibbli biss meta l-persuna mfittxija tagħti l-kunsens tagħha (9). Għal dak li jikkonċerna l-barranin li r-residenza normali tagħhom tkun fit-territorju nazzjonali, kemm jekk ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz, l-estradizzjoni tagħhom għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tista’ tiġi rrifjutata meta l-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens għall-konsenja tagħha u tipprevali x-xewqa tagħha li għandha tiġi protetta li s-sentenza tiġi eżegwita fit-territorju nazzjonali (10).

28.      Din il-liġi ħarġet wara deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja) li ngħatat fit-18 ta’ Lulju 2005 fejn iddikjarat il-liġi preċedenti antikostituzzjonali minħabba li kienet tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt fundamentali ta’ kull Ġermaniż biex ma jiġix estradit (11).

29.      L-Oberlandesgericht (il-Ġermanja) kellha quddiemha ż-żewġ kwistjonijiet segwenti. Minn banda, hija kellha tistabbilixxi jekk Kozłowski kienx joqgħod jew jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. B’mod iktar preċiż, il-kwistjoni kienet dwar x’konklużjonijiet kellha tasal għalihom għal din l-analiżi, fl-ewwel lok, mill-interruzzjonijiet fiż-żmien ta’ residenza ta’ Kozłowski fil-Ġermanja fl-2005 u fl-2006, u fit-tieni lok, mill-fatt li Kozłowski, iktar minn tliet xhur wara li daħal fil-Ġermanja, ma kien jagħmel ebda attività u kien jirnexxielu jgħix billi jikser il-liġi, b’mod li r-regolarità tar-residenza tiegħu fil-Ġermanja kienet tidher inċerta, u fit-tielet lok, minħabba li Kozłowski kien qiegħed fil-ħabs.

30.      Mill-banda l-oħra, l-Oberlandesgericht analizzat il-konformità tad-dritt Ġermaniż li jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. B’mod partikolari, hija xtaqet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk, u safejn, kienx possibbli li ssir distinzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini barranin li huma ċittadini tal-Unjoni.

31.      B’hekk l-Oberlandesgericht għamlet iż-żewġ domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala li qed ‘toqgħod’ jew li hija ‘resident[i]’ fi Stat Membru [ta’ eżekuzzjoni] fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […], meta din il-persuna:

a)      ma toqgħodx b’mod mhux interrott fl-Istat Membru [ta’ eżekuzzjoni];

b)      toqgħod f’dan l-Istat Membru mingħajr ma tosserva l-liġi dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin;

c)      twettaq reati hemmhekk b’mod sistematiku u/jew

d)      tkun miżmuma f’detenzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena?

2)      Traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […] li teskludi fi kwalunkwe każ il-konsenja kontra r-rieda tiegħu, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, ta’ ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet tal-Istat [ta’ eżekuzzjoni] setgħa diskrezzjonali sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Eworpew maħruġ kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jopponu għall-konsenja tagħhom, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ ċittadinanza tal-Unjoni taħt l-Artikolu 6(1) UE, moqri flimkien mal-Artikoli 12 KE u 17 KE et seq. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati almenu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali?”

32.      Fis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet biss għall-ewwel domanda. Hija ddikjarat:

“l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        persuna mfittxija ‘tirrisjedi’ fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u hija ‘toqgħod’ hemm meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat Membru, tkun kisbet rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza;

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna hija koperta bit-terminu ‘toqgħod’ fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(6), hija l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha tagħmel evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, b’mod partikolari, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din il-persuna jkollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi.”

33.      Hija bbażat ir-risposta tagħha fuq il-motivi segwenti:

–        it-tifsira u l-ambitu tat-terminu “toqgħod” u “residenti” mhumiex iddefiniti fid-deċiżjoni qafas;

–        it-terminu “toqgħod” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv li jimplika li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew sempliċement għaliex il-persuna mfittxija tinsab temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi. Madankollu, lanqas jista’ jiġi interpretat fis-sens li persuna mfittxija li tkun ilha toqgħod hemm għal ċertu żmien ma tkunx, fi kwalunkwe każ, setgħet stabbilixxiet rabtiet ma’ dan l-Istat li jistgħu jiġġustifikaw li din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi invokata;

–        it-terminu “toqgħod” huwa għalhekk rilevanti biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas;

–        it-termini “toqgħod” u “residenti” għandhom jiġu ddefiniti b’mod uniformi ġewwa l-Unjoni u l-Istati Membri ma jistgħux jagħtuhom tifsira iktar wiesa’ minn dik li toħroġ minn din id-definizzjoni;

–        sabiex jiġi stabbilit jekk, f’sitwazzjoni konkreta, tapplikax ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha, fl-ewwel lok, tiddetermina biss jekk il-persuna mfittxija hijiex ċittadina, residenti jew jekk toqgħodx f’dak l-Istat u għalhekk, fit-tieni lok, għandha tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li s-sentenza mogħtija fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi;

–        f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu, b’mod partikolari, l-għan li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna mfittxija;

–        għaldaqstant, it-termini “residenta [residenti]” u “toqgħod” ikopru, rispettivament, sitwazzjonijiet li fihom il-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi, jew, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-istess Stat, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan tal-aħħar ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza;

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni konkreta, jeżistux dawn ir-rabtiet, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din tal-aħħar ikollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi;

–        fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, ċirkustanza waħdanija minn dawn, m’għandux ikollha importanza determinanti fiha nfisha;

–        għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-persuna mfittxija ma qagħditx b’mod mhux interrott fl-Istat Membru li jeżegwixxi u l-fatt li hija ma toqgħox hemmhekk skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin ma jeskludux, minnhom innifishom, li dik il-persuna “toqgħod” f’dak l-Istat, imma jistgħu madankollu jkunu rilevanti, u

–        il-fatt li persuna twettaq reati b’mod sistematiku fl-Istat Membru li jeżegwixxi u l-fatt li hija tkun miżmuma f’detenzjoni hemmhekk huma fatturi irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata “toqgħod[x]” f’dak l-Istat, imma jista’ jkollhom ċerta rilevanza, jekk il-persuna tkun toqgħod hemmhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar jekk hemmx raġuni leġittima għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

34.      Wara li applikat dawn il-kriterji għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Kozłowski, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex tikkonkludi li, minn naħa, dan ma kienx jirrisjedi fil-Ġermanja, u min-naħa l-oħra, huwa lanqas ma kien joqgħod hemmhekk u dan fid-dawl tad-dewmien, in-natura u l-kundizzjonijiet tar-residenza tiegħu kif ukoll in-nuqqas ta’ rabtiet familjari u r-rabtiet ekonomiċi dgħajfa ma’ dak l-Istat.

II – Il-kuntest fattwali u ġuridiku tad-deċiżjoni tar-rinviju

A –    Is-sitwazzjoni tal-persuna mfittxija

35.      D. Wolzenburg ġie kkundannat minn diversi qrati Ġermaniżi għal piena ta’ ħabs għal sena u disa’ xhur talli wettaq diversi reati, b’mod partikolari talli daħħal il-marijuana fil-Ġermanja.

36.      Fit-13 ta’ Lulju 2006, il-prosekuzzjoni ta’ Aix‑la‑Chapelle (il-Ġermanja) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra D. Wolzenburg għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, li hija bagħtet fit-3 ta’ Awissu 2006.

37.      D. Wolzenburg daħal l-Olanda fil-bidu tax-xahar ta’ Ġunju 2005. Mis-16 ta’ Ġunju 2005, huwa qagħad fl-Olanda f’appartament li jinsab f’Venlo, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kiri f’ismu u f’isem martu. Dan jinsab reġistrat fir-reġistri ta’ din il-belt. Waqt is-seduta tat-30 ta’ Novembru 2007, huwa ddikjara li martu, li hija wkoll ta’ nazzjonalità Ġermaniża, kienet tqila.

38.      D. Wolzenburg ħadem bħala impjegat fl-Olanda matul is-snin 2005 sal- 2007. Ingħatalu numru fiskali u tas-sigurtà soċjali fl-24 ta’ Lulju 2005. Huwa ġab prova li kellu assigurazzjoni tal-mard għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

39.      Fl-20 ta’ Settembru 2006, huwa ppreżenta ruħu fid-diviżjoni tal-immigrazzjoni u naturalizzazzjoni biex jirreġistra ruħu bħala ċittadin tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa jibbenefika mid-dritt ta’ residenza skont id-dritt Komunitarju u li, fid-dawl tar-reati li għalihom ġie kkundannat, huwa ma kellux jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Olanda.

40.      Hija tippreċiża wkoll li l-fatti dwar id-dħul tal-marijuana fil-Ġermanja twettqu parzjalment fl-Olanda, b’mod li l-persuna interessata setat tfittxet ukoll f’dan l-Istat Membru.

B –    Id-dritt Olandiż

41.      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ġie implementat fl-Olanda bl-Artikolu 6 tal-liġi fuq il-konsenja ta’ persuni (Overleveringswet), tad-29 ta’ April 2004 (12), li jiddisponi:

“1.   Il-konsenja ta’ persuna Olandiża tista’ tiġi awtorizzata sakemm tintalab għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija kontriha u li, skont l-awtorità ġudizzjara li teżegwixxi, jiġi ggarantit li, jekk tiġi kkundannata b’sentenza ta’ detenzjoni inkundizzjonata fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat minħabba l-fatti li għalihom tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja, hija tista’ teħel din il-piena fl-Olanda.

2.     Il-konsenja ta’ persuna Olandiża ma hijiex permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

3.     Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-prosekuzzjoni għandha tinforma lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li hija lesta teżegwixxi s-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-konvenzjoni tal-21 ta’ Marzu 1983 fuq it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati (Trb. 1983, 74) jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.

[…]

5.     Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal barrani li jkollu permess ta’ residenza għal terminu indeterminat, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fl-Olanda għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew u inkwantu huwa mistenni li l-persuna barranija ma titlifx id-dritt ta’ residenza tagħha fl-Olanda wara s-sentenza jew il-piena li tingħata wara l-konsenja.”

III – Id-domandi preliminari

42.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5) tal-OLW japplikaw meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jingħata sabiex tiġi eżegwita sentenza, b’mod li l-konsenja għandha tiġi rrifjutata meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu sodisfatti, skont l-Artikolu 6(2) tal-OLW.

43.      Hija tindika wkoll li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiffavorixxu l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna kkundannata, billi jippermettu lill-istess persuna li tiskonta s-sentenza tagħha l-iktar qrib possibbli għall-ambjent soċjali li fih hija għandha tintegra.

44.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza madankollu li, skont l-Artikolu 6(5) tal-OLW, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li għandhom dritt ta’ residenza fl-Olanda abbażi tal-Artikolu 18 KE imma li m’għandhomx permess ta’ residenza għal terminu indeterminat ma jibbenefikawx minn din id-dispożizzjoni tal-OLW.

45.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ksib ta’ dan il-permess ta’ residenza għal terminu indeterminat huwa suġġett għall-kundizzjoni doppja li l-persuna trid tkun ilha toqgħod fl-Olanda mingħajr interruzzjoni għal ħames snin u għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 201.

46.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-impossibbiltà taċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li m’għandhomx tali permess ta’ residenza milli jibbenefikaw mir-raġuni għan-nuqqas ta’ konsenja stabbilita fl-Artikolu 6(5) tal-OLW taffettwa d-drittijiet li huma għandhom fil-kapaċità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni.

47.      Wara li fakkret li skont is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (13), il-qorti nazzjonali hija obbligata li tinterpreta l-liġi domestika tagħha skont id-Deċiżjoni Qafas, fil-limiti ta’ interpretazzjoni contra legem, ir-Rechtbank Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jistgħu jiġu inklużi fost il-persuni li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Istat Membru li jeżegwixxi skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas il-persuni li m’għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru li jeżegwixxi imma [li għandhom] in-nazzjonalità ta’ Stat membru ieħor u li, abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, jirrisjedu legalment fl-Istat Membru li jeżegwixxi, ikun x’ikun it-tul ta’ żmien ta’ din ir-residenza legali?

2)      a)     Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċetti msemmija fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonċernaw persuni li m’għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru li jeżegwixxi iżda [li għandhom] in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u li, qabel ma ġew arrestati minħabba mandat ta’ arrest Ewropew, kienu jirrisjedu legalment għall-inqas għal żmien determinat fl-Istat Membru li jeżegwixxi abbażi tal-Artikolu 18(1) KE?

b)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, x’inhuma f’dan il-każ il-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti għall-finijiet tat-tul tar-residenza legali?

3)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, l-Istat Membru li jeżegwixxi jista’, minbarra rekwiżit relatat mat-tul ta’ żmien ta’ residenza legali, jimponi rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat?

4)      Miżura nazzjonali li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ detenzjoni, [l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni] tirrifjuta mandat ta’ arrest Ewropew, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni (materjali) tat-Trattat KE?

5)      Billi

–        l-Artikolu 6(2) u (5) tal-[OLW] fih regoli li jittrattaw b’mod identiku l-Olandiżi u l-persuni li m’għandhomx nazzjonalità Olandiża, iżda jkollhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza Olandiża għal terminu indeterminat

u

–        fir-rigward ta’ dawn il-gruppi ta’ persuni, il-konsenja jkollha tiġi rrifjutata minħabba dawn ir-regoli meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ sentenza definittiva ta’ detenzjoni,

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (5) tal-OLW jikkostitwixxu diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 12 KE inkwantu l-applikazzjoni tat-trattament identiku mhijiex estiża għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkollhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 18(1) KE li minkejja li ma jitilfux dan id-dritt ta’ residenza wara li tingħatalhom is-sentenza definittiva ta’ detenzjoni, ma jkollhomx permess ta’ residenza Olandiża għal terminu indeterminat?”

IV – Kunsiderazzjonijiet

48.      Id-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ikopru tliet domandi li jiena ser neżamina iktar tard. Fl-ewwel lok, hemm id-domanda dwar kemm trid iddum residenti l-persuna mfittxija fl-Istat Membru li jeżegwixxi sabiex dik il-persuna “toqgħod” jew tkun “residenta [residenti]” f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas; fit-tieni lok, jekk l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni tistax tkun suġġetta għal kundizzjonijiet amministrattivi, bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat, u fit-tielet lok, jekk il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li biha l-konsenja taċ-ċittadini nazzjonali għandha tiġi rrifjutata dejjem waqt li dik taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma tistax tiġi rrifjutata ħlief jekk huma jkollhom permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

A –    Fuq il-perijodu ta’ residenza fl-Istat Membru li jeżegwixxi

49.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha kif ukoll bis-subparagrafu (a) u (b) tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, kemm għandha ddum tirrisjedi l-persuna mfittxija fl-Istat Membru li jeżegwixxi sabiex dik il-persuna tkun meqjusa bħala li toqgħod jew tirrisjedi f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

50.      Ir-risposta għal din id-domanda, fil-fehma tiegħi, toħroġ b’mod ċar mis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq. Jiena nfakkar li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li persuna tkun tirrisjedi fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta hija tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u hija tkun toqgħod hemm meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat Membru, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza.

51.      Hija ppreċiżat li sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni konkreta, persuna tkun stabbilietx dawn ir-rabtiet, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din tal-aħħar ikollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi

52.      Hija ddeduċiet din l-affermazzjoni mill-fatt li l-kunċetti tal-persuna li “toqgħod” u “residenta [residenti]” mhumiex iddefiniti fid-Deċiżjoni Qafas, li dawn għandhom jingħataw definizzjoni uniformi ġewwa l-Unjoni li m’għandhiex tkun estensiva u li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-obbjettivi mfittxija mill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, fosthom dik, b’mod partikolari, li titkabbar il-possibbiltà ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna mfittxija.

53.      Għaldaqstant, minn dawn l-indikazzjonijiet wieħed jista’ jislet il-kundizzjonijiet li ġejjin għal din il-kawża.

54.      Minn naħa, id-dewmien tar-residenza tal-persuna mfittxija fl-Istat Membru li jeżegwixxi jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-persuna għandhiex rabtiet biżżejjed ma’ dak l-Istat. Din l-analiżi tapplika kemm fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenta [residenti]” kif ukoll dak ta’ li “toqgħod”, u dan kif tattesta d-definizzjoni ta’ dan l-aħħar kunċett, fejn il-persuna titqies li toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat, hija tkun akkwistat rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza.

55.      Min-naħa l-oħra, dan il-perijodu għandu jkun ta’ “ċertu tul” (14), jiġifieri ta’ tul sinjifikattiv li, fid-dawl tas-sitwazzjoni kollha tal-persuna mfittxija, juri l-eżistenza ta’ rabta reali ta’ dik il-persuna mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

56.      Minn dan isegwi li persuna ma tistax titqies bħala li toqgħod jew tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ikun x’ikun it-tul tal-perijodu ta’ residenza f’dak l-Istat. Fil-fatt, bħalma mhuwiex biżżejjed li l-persuna mfittxija tkun temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi biex hija titqies bħala li toqgħod hemm (15), lanqas m’huwa biżżejjed li hija jkollha biss ir-residenza reali jew prinċipali tagħha għal ftit wisq żmien, mingħajr ma jkunx għad għandha rabtiet oħra ma’ dak l-Istat, bħalma hija l-attività professjonali jew il-preżenza ta’ membri tal-familja tagħha.

57.      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-espressjoni “ta’ ċertu tul” użata fis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, li lanqas m’hu meħtieġ li l-persuna mfittxija tkun tirrisjedi fl-imsemmi Stat b’mod mhux interrott għal żmien speċifiku, ta’ ħames snin pereżempju, kif inhu mitlub fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE (16) sabiex tibbenefika mid-dritt għar-residenza permanenti. Peress li l-kunċetti tal-persuna “residenta [residenti]” u li “toqgħod” għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni, Stat Membru ma jistax jeżiġi tul ta’ residenza legali obbligatorja. Il-liġi Olandiża, inkwantu twassal sabiex tissuġġetta n-nuqqas ta’ konsenja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li dak iċ-ċittadin ikun jirrisjedi b’mod mhux interrott fl-Olanda għal ħames snin, fil-fehma tiegħi, tmur kontra d-Deċiżjoni Qafas f’dan ir-rigward.

58.      Il-kwistjoni dwar jekk it-tul tar-residenza tal-persuna mfittxija fl-Istat Membru li jeżegwixxi huwiex biżżejjed biex jippermettilha tibbenefika mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tidħol, għalhekk, fl-evalwazzjoni konkreta ta’ dak it-tul ta’ perijodu fid-dawl tal-elementi oġġettivi rilevanti kollha l-oħra li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dik il-persuna.

59.      B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet il-mod ta’ analiżi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha ssegwi sabiex tistabbilixxi jekk tapplikax ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. L-imsemmija awtorità għandha, fl-ewwel lok, tistabbilixxi biss jekk il-persuna hijiex ċittadina ta’ dak l-Istat, tirrisjedi jew toqgħod hemm u mbagħad, jekk dak ikun il-każ, fit-tieni lok, tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li s-sentenza mogħtija fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi (17). Taħt din il-perspettiva, l-integrazzjoni tal-persuna mfittxija ma tikkostitwixxix ħlief wieħed minn dawn l-interessi leġittimi.

60.      Jien mhinix konvint minn din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

61.      Minn naħa, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fid-dawl tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, jiena ma narax interess leġittimu ieħor li jista’ jkun hemm b’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ konsenja stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-istess deċiżjoni, b’mod li ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv, u dan kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett tal-persuna li “toqgħod” (18).

62.      Min-naħa l-oħra, dan il-mod ta’ analiżi għall-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ma jidhirx li huwa konformi mal-mod ta’ interpretazzjoni ta’ kunċett imsemmi f’att Komunitarju, fejn meta dan il-kunċett ma jkunx iddefinit fl-att u li dan l-att lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċett għandu jiġi ddefinit fl-ambitu tal-kuntest tiegħu u tal-obbjettiv li huwa għandu (19). Effettivament huwa fid-dawl tal-obbjettiv imfittex mid-dispożizzjoni Komunitarja inkwistjoni li l-kunċetti li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tagħha għandhom jiġu evalwati f’kull każ inkwistjoni.

63.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, f’kull sitwazzjoni konkreta, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, sabiex tistabbilixxi jekk persuna mfittxija hijiex “toqgħod” jew “residenta [residenti]” fl-Istat Membru li jeżegwixxi fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, għandha teżamina jekk dik il-persuna għandhiex rabtiet ma’ dak l-Istat tali li l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat imsemmi tkun tidher meħtieġa sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà. Huwa effettivament fid-dawl ta’ dan l-obbjettiv li l-kontenut ta’ dawn il-kunċetti ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, u li, f’kull każ konkret, l-istess kontenut għandu jiġi evalwat.

64.      Il-post fejn persuna li għandha tiskonta sentenza ta’ ħabs jew ordni ta’ detenzjoni, toqgħod jew tirrisjedi, hija rilevanti għall-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà, peress li din l-integrazzjoni hija intiża biex tippermetti lil dik il-persuna terġa’ ssib postha fis-soċjetà, jiġifieri l-ambjent familjari, soċjali u professjonali fejn hija kienet toqgħod qabel l-eżekuzzjoni tal-kundanna tagħha u fejn x’aktarx tkun ser terġa’ tmur malli tiskonta s-sentenza tagħha.

65.      B’hekk, fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fuq ir-regoli penitenzjarji (20), l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa esprimew ix-xewqa li d-detenzjoni sseħħ, safejn hu possibbli, f’kundizzjonijiet li jippermettu lid-detenut li jżomm u jsaħħaħ ir-rabtiet mal-familja tiegħu. Id-detenzjoni għandha wkoll tagħti lid-detenut l-impressjoni li huwa mhuwiex eskluż mis-soċjetà. Id-detenzjoni, fl-aħħar nett, għandha tiffaċilita is-sejba u l-qbid ta’ xogħol wara li tiġi skontata s-sentenza, u dan permezz ta’ programm ta’ preparazzjoni għal-liberazzjoni li jinżamm fl-istabbiliment penitenzjarju jew għal-liberazzjoni kundizzjonata viġilata (21).

66.      L-implementazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet teħtieġ, konsegwentement, li l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tal-ordni ta’ detenzjoni taqta’ l-inqas possibbli l-irbit tad-detenut mal-familja tiegħu kif ukoll mal-ambjent soċjali tiegħu u d-dinja professjonali tiegħu.

67.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tevalwa, f’sitwazzjoni konkreta, jekk il-persuna mfittxija hijiex “toqgħod” jew “residenta [residenti]” fl-Istat Membri li jeżegwixxi fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

68.      Minn dan isegwi li din il-persuna, fil-fehma tiegħi, tista’ titqies li hija residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, anki jekk hija ilha toqgħod hemm għal ftit wisq żmien, jekk, madankollu, hija għandha rabtiet oħra ma’ dak l-Istat li huma b’saħħithom biżżejjed, bħalma huwa l-fatt li hija jkollha r-residenza prinċipali tagħha, li toqgħod mal-familja tagħha u li teżerċita attività professjonali fl-Istat imsemmi.

69.      Għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ D. Wolzenburg, jiena tal-fehma li dan jista’ jitqies li huwa residenti fl-Olanda fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas peress li, fil-mument li l-awtoritajiet Olandiżi rċevew il-mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonċernah, huwa kien stabbilixxa r-residenza prinċipali tiegħu f’dan l-Istat għal ftit iktar minn sena qabel; huwa kien joqgħod hemm ma’ martu u kien jeżerċita attività professjonali hemmhekk.

70.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nipproponi li tingħata risposta li t-tul tal-perijodu tar-residenza fl-Istat Membru li jeżegwixxi tal-persuna mfittxija b’mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-persuna toqgħodx jew tirrisjedix f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li, fid-dawl tal-elementi oġġettivi l-oħra li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni konkreta tal-persuna msemmija, din għandha rabtiet ma’ dan l-imsemmi Stat li jippermettu li jingħad li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ ħabs fl-Istat Membru li jeżegwixxi hija tali li tiffavorixxi l-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà.

B –    Fuq il-possibbiltà li l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tkun suġġetta għal kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat

71.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tistax tkun suġġetta għal kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali, bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

72.      Is-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, pprovdiet diġà indikazzjoni fuq ir-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar jekk persuna mfittxija tistax tkun meqjusa bħala li “toqgħod” jew “residenta [residenti]” fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta hija ma tkunx toqgħod hemmhekk skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin. L-Oberlandesgericht Stuttgart għamlet din id-domanda peress li Kozłowski, iktar minn tlett xhur wara li daħal fil-Ġermanja, ma kien iwettaq ebda attività u kien jiżgura l-għajxien bażiku tiegħu bir-reati li kien iwettaq (22).

73.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt li ma jeskludix, minnu nnifsu, li l-persuna mfittxija tkun tista’ titqies bħala li toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi, imma l-istess fatt jista’ jikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta.

74.      Minn dawn l-elementi hija ddeduċiet li, biex tingħata risposta għad-domanda inkwistjoni u kif indikat il-qorti tar-rinviju stess, jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jibbaża d-dritt tiegħu biex jirrisjedi fl-Istat Membru li jeżegwixxi fuq l-Artikolu 18 KE jew, jekk ikun il-każ, fuq l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika skont il-prinċipju tal-moviment liberu previst fit-Trattat KE, u li dan id-dritt jista’ jiġi kkontestat minn dak l-Istat biss f’ċerti ċirkustanzi skont id-dritt Komunitarju.

75.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin tal-Unjoni u skont l-Artikolu 18(1) KE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat KE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq. Huwa paċifiku wkoll li l-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni tikkostitwixxi l-istat bażiku ta’ kull ċittadin ta’ Stat Membru u li d-dritt, iggarantit mit-Trattat KE, li wieħed jeżerċita attività ekonomika fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu, għal rasu jew bħala impjegat, għandu d-dritt korollarju li wieħed joqgħod f’dak l-Istat.

76.      Kif tesponi l-qorti tar-rinviju stess, dan id-dritt ta’ residenza mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet amministrattivi bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat. Tali kundizzjoni ma tinsabx fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat KE u lanqas f’dawk li jinsabu fid-Direttiva 2004/38, u dan b’kuntrast mad-dispożizzjoni li wieħed irid ikollu riżorsi biżżejjed biex joqgħod għal iktar minn tliet xhur u l-obbligu li ma jkunx ta’ theddida għall-ordni pubblika u s-sigurtà pubblika tal-Istat Membru ospitanti li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq.

77.      Bl-istess mod, il-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat mhuwiex waħda mill-kundizzjonijiet biex tapplika r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

78.      Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ pussess ta’ dak il-permess ma jistax jeskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, u lanqas jista’ jikkostitwixxi element rilevanti li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex din ir-raġuni tiġi applikata.

79.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nipproponi li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali, bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

80.      Iktar minn hekk, jiena nirrileva li d-dritt Olandiż jissuġġetta wkoll l-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għal żewġ kundizzjonijiet addizzjonali. Minn naħa huwa meħtieġ ukoll li l-persuna mfittxija tkun tista’ titħarrek fl-Olanda għar-reati li għalihom jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, li jkun prevedibbli li l-persuna ma titlifx id-dritt tagħha għar-residenza f’dan l-Istat Membru wara s-sentenza jew id-digriet imposti fuqu wara l-konsenja.

81.      Il-qorti tar-rinviju ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-konformità ta’ dawn il-kundizzjonijiet mad-Deċiżjoni Qafas, peress li hija kkonstatat li dawn kienu sodisfatti f’din il-kawża. Madankollu, jiena ngħid li l-ewwel kundizzjoni, fejn il-persuna mfittxija għandha tkun tista’ titħarrek fl-Istat Membru li jeżegwixxi għar-reati li jwasslu biex jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, fil-fehma tiegħi, mhijiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas.

82.      Minn naħa, fil-fatt, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprovdi biss bħala kundizzjonijiet għall-applikazzjoni, l-ewwel nett, li l-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi u, fit-tieni lok, li dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skont il-liġi domestika tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif rajna diġà, iddeċidiet li l-kunċetti ta’ persuna li “toqgħod” u “residenta [residenti]” għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Din l-analiżi tal-kunċetti li jaffettwaw l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha l-effett, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-istess applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għal kundizzjoni addizzjonali li mhijiex prevista f’din id-dispożizzjoni.

83.      Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni addizzjonali inkwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata mill-obbjettiv imfittex bl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tal-integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna mfittxija. Ma teżisti ebda rabta, a priori, bejn il-post tat-twettiq ta’ reat u l-post fejn il-persuna stabbilixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu u fejn id-detenzjoni tiegħu, konsegwentement, għandha l-ikbar ċans li tiffavorixxi l-integrazzjoni fis-soċjetà tiegħu.

84.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, fejn il-persuna mfittxija m’għandhiex titlef id-dritt għar-residenza tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi, din tidher li hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas, inkwantu l-obbjettiv tal-integrazzjoni fis-soċjetà imfittex fl-Artikolu 4(6) tal-istess deċiżjoni jissupponi impliċitament li l-persuna mfittxija tkun tista’ tkompli tirrisjedi f’dak l-Istat u inkwantu d-dritt għar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li tiegħu mhuwiex ċittadin mhuwiex inkundizzjonat.

85.      Jiena nfakkar sempliċiment li jekk wara t-twettiq ta’ reat fi Stat Membru, ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt għar-residenza tiegħu f’dak l-Istat, din iċ-ċaħda ma tistax tirriżulta ħlief minn deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata skont il-kundizzjonijiet restrittivi ħafna previsti fl-Artikoli 27 sa 33 tad-Direttiva 2004/38.

86.      Tali deċiżjoni, għalhekk, m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġifieri meta l-komportament tal-persuna interessata jirrappreżenta theddida reali, attwali u gravi biżżejjed għal xi interess fundamentali tas-soċjetà. Barra minn hekk, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju għal raġunjiet ta’ ordni pubblika jew ta’ sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni, partikolarment, it-tul tar-residenza tal-persuna interessata fit-territorju tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ saħħa tiegħu, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika, tal-integrazzjoni soċjali u kulturali f’dak l-Istat u kif ukoll tal-intensità tar-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

C –    Konklużjoni intermedja

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, persuna mfittxija li ssib ruħha fis-sitwazzjoni ta’ D. Wolzenburg għandha tkun tista’ titqies bħala li toqgħod jew tirrisjedi fl-Olanda fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u tibbenefika b’hekk mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

88.      Kif jirriżulta mis-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, u kif fakkritha l-qorti tar-rinviju, huma l-qrati nazzjonali li, skont il-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi, għandhom jinterpretaw il-liġi domestika tagħhom safejn hu possibbli fid-dawl tat-test u l-għan tad-Deċiżjoni Qafas sabiex jilħqu r-riżultat mixtieq minnha (23). Madankollu, dan l-obbligu jieqaf meta l-liġi domestika ma tistax tiġi interpretata b’mod li huwa kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas, inkwantu l-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi ma jkunx jista’ jservi ta’ bażi għall-interpretazzjoni contra legem(24).

89.      Fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (25), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat madankollu safejn dan l-ostaklu seta’ jingħeleb permezz tal-prinċipju tal-ekwivalenza. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-dritt nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni li huwa jirrikonoxxi, jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li dispożizzjoni tas-sistema ġuridika interna tiġi interpretata b’tali mod li jkun evitat kunflitt ma’ regola oħra ta’ dritt intern jew li, għal dan il-għan, tkun limitata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi tkun applikata biss safejn tkun kompatibbli mal-imsemmija regola, il-qorti hija obbligata tuża l-istess metodi sabiex tilħaq ir-riżultat imfittex mid-Direttiva kkonċernata (26). Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi tista’ tiġi trasposta fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas.

90.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma esponietx jekk u safejn il-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mid-dritt nazzjonali tagħha jippermettulha li ssolvi l-kunflitt bejn l-Artikoli 6 tal-OLW u 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas b’mod li persuna fis-sitwazzjoni ta’ D. Wolzenburg tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni biex ma tiġix ċeduta u li tiskonta s-sentenza tagħha fl-Olanda.

91.      Hija ma ndikatx kif ir-raba’ u l-ħames domanda, dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tmurx kontra l-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE, humiex rilevanti f’dan ir-rigward. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, skont il-metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt intern tagħha, il-possibbiltà li l-qorti tar-rinviju twassal għar-riżultat mixtieq mid-Deċiżjoni Qafas tiddependi mir-risposta għal din id-domanda. Ir-raba’ u l-ħames domanda, li l-ammissibbiltà tagħhom ma ġietx ikkontestata, ma jistgħux għalhekk jitqiesu bħala manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, b’mod li jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżaminhom.

D –    Fuq il-konformità tas-sistema kkontestata mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni

92.      Bir-raba’ u l-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kumpatibbli mal-Artikolu 12 KE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

93.      B’hekk, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-konsenja taċ-ċittadini tagħha stess għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata, waqt li l-konsenja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Istat Membru li jeżegwixxi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tista tiġi rrifjutata biss jekk huma jkollhom permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

94.      Diversi Stati Membri li intervjenew f’din il-proċedura jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din id-domanda fin-negattiva u dan għal diversi raġunijiet li jistgħu jinġabru b’dan il-mod.

95.      Fl-ewwel lok, skont il-Gvern Daniż, Ġermaniż u Awstrijakk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jiddeċiedu li l-konsenja tista’ tiġi rrifjutata fil-każijiet previsti f’dik id-dispożizzjoni, imma dawn l-Istati mhumiex obbligati jittrasponu dawn il-każijiet fid-dritt intern. B’hekk huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jiddeċiedu li jimplementaw ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4(6), b’mod li huma jkollhom id-dritt li jissuġġettaw l-applikazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna liċ-ċittadini nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra għal kundizzjonijiet differenti.

96.      Fit-tieni lok, skont il-Gvern Olandiż, tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 12 KE peress li hija ma taqax taħt it-Trattat KE, imma taħt il-kamp tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li sab ruħu fihom D. Wolzenburg mhumiex koperti mit-Trattat KE, inkwantu huwa ġie arrestat fl-1 ta’ Awissu 2006 abbażi ta’ avviż fil-kuntest tas-sistema ta’ informazzjoni Schengen għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni.

97.      Fit-tielet lok, Stat Membru għandu dritt jipprojbixxi l-konsenja taċ-ċittadini tiegħu stess. Skont il-Gvern Awstrijak, din il-projbizzjoni hija konformi mal-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, fejn f’dawn l-artikoli, l-eżistenza ta’ rapport ta’ prossimità bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi u dan l-Istat hija preżunta b’mod konklussiv.

98.      Barra minn hekk, il-projbizzjoni minn Stat għall-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess tinsab espressa fl-Artikolu 3 tal-protokoll Nru 4 (27). Dan huwa wkoll prinċipju fundamentali applikat f’testi oħra fil-kuntest tat-titlu VI tat-Trattat UE, dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (28).

99.      Bl-istess mod, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stat Membru jista’ jieħu miżuri differenti fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu u fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sakemm din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv (29). Tali leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal f’dan il-każ, tirrifjuta l-konsenja taċ-ċittadini nazzjonali u tagħmel l-istess fejn jidħlu biss ċittadini ta’ Stati Membri oħra li għandhom permess ta’ residenza għal terminu indeterminat hija oġġettivament ġustifikata, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini tal-Unjoni għandhom rabta iktar mill-qrib mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

100. Barra minn hekk, bil-fatt li adotta l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fl-Istat Membru li jeżegwixxi m’għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li joqogħdu f’dan l-Istat mingħajr ma jkollhom ir-residenza tagħhom hemmhekk.

1.      Fuq il-possibbiltà tal-Istati Membri li ma jittrasponux l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fil-każ tat-traspożizzjoni

101. It-trattament differenti previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jidhirx li jista’ jkun iġġustifikat bil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u dan għaż-żewġ raġunijiet segwenti.

102. L-ewwel nett, jiena tal-fehma li l-implementazzjoni fid-dritt intern, tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, mhijiex fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, imma hija obbligatorja. Sussidjarjament, anki jekk wieħed kellu jissupponi li din it-traspożizzjoni mhijiex obbligatorja, Stat Membru ma jistax jadotta miżura li tinvolvi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

103. Fir-rigward tal-ewwel punt, kif esponiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiffavorixxi l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna kkundannata. Peress li din il-persuna, jekk din tkun ċittadin tal-Unjoni, għandha d-dritt li tiċċaqlaq u tirrisjedi fl-Istati Membri kollha, is-suċċess tal-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà jirrigwarda mhux biss l-Istat Membru li jeżegwixxi, imma wkoll l-Istati Membri kollha l-oħra u l-persuni li joqogħdu hemmhekk.

104. L-istess analiżi tista’ ssir f’dak li jikkonċerna liċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Dawn iċ-ċittadini, minħabba l-eliminazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fiż-żona Schengen, jistgħu jiċċaqalqu liberament f’din iż-żona. Huma jistgħu jiċċaqalqu u jirrisjedu fl-Unjoni kollha bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

105. Minn dan isegwi li l-ftuħ tal-fruntieri rrenda lill-Istati Membri responsabbli solidalment għall-ġlieda kontra l-kriminalità. Din hija effettivament ir-raġuni li għaliha l-ħolqien tal-kamp tal-liġi kriminali Ewropea deher bħala meħtieġ sabiex il-libertajiet tal-moviment ma jiġux eżerċitati għad-detriment tas-sigurtà pubblika.

106. Għaldaqstant, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas fid-dritt ta’ kull Stat Membru hija meħtieġa, fil-fehma tiegħi, sabiex il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jippreġudikax l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna kkundannata u għaldaqstant, l-interess leġittimu tal-Istati Membri kollha għall-prevenzjoni tal-kriminalità, liema interess, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi.

107. Din hija r-raġuni għaliex, bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-ewwel kliem tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri “[l]-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew”, għandhom jinqraw fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandu jkollha l-possibbiltà fid-dritt intern li topponi l-konsenja meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Din l-analiżi hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mid-deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2008/909/JAI (30) li hija intiża biex tiffavorixxi l-eżekuzzjoni ta’ pieni ta’ ħabs fl-Istat fejn din l-eżekuzzjoni hija ta’ natura li żżid il-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni tal-persuna kkundannata fis-soċjetà.

108. Fuq it-tieni punt, anki jekk wieħed kellu jissupponi li l-Istati Membri għandhom il-libertà li jittrasponu jew ma jittrasponux l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jekk huma jipproċedu għal din it-traspożizzjoni, huma ma jistgħux jiksru l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

2.      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

109. Ċertament, id-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata abbażi tat-Trattat UE u mhux fuq it-Trattat KE. Huwa minnu wkoll li d-dritt tan-nazzjonalità jibqa’ jaqa’ taħt il-kompetenza sovrana tal-Istati Membri u li d-dritt Komunitarju m’għandux l-għan li jelimina kull differenza fit-trattament fid-dritt ta’ Stat Membru bejn iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni. Id-dmirijiet u d-drittijiet li jorbtu reċiprokament lil Stat Membru ma’ kull wieħed miċ-ċittadini tiegħu mhumiex hemm biex jiġu trasposti sistematikament għal kull ċittadin tal-Istati Membri l-oħra (31).

110. Għaldaqstant, minn din il-premessa ma jistax jiġi dedott li d-dispożizzjonijiet adottati minn Stat Membru sabiex jimplementa att li jaqa’ taħt it-Trattat KE ma jistgħux jiġu kkontrollati fir-rigward tal-legalità tagħhom fid-dawl tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

111. Minn naħa, fil-fatt, jirriżulta li l-persuni li eżerċitaw il-moviment liberu ggarantit mit-Trattat KE għandhom dritt jipprevalixxu ruħhom mill-Artikolu 12 KE. L-eżerċitar tal-moviment liberu jikkostitwixxi r-rabta mad-dritt Komunitarju li hija meħtieġa sabiex japplika dan l-Artikolu (32). Il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru mal-artikolu msemmi tista’ tiġi eżaminata peress li dan japplika għal persuna li tkun eżerċitat il-moviment liberu, anki jekk din il-leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza rriżervata (33).

112. B’hekk, fis-sentenza Cowan, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ċittadin Britanniku, li kien aggredit fi Franza waqt btala turistika, kellu d-dritt li jipprevalixxi ruħu mill-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fil-konfront tal-liġi Franċiża fuq ir-riżarċiment tal-vittmi ta’ reati, minkejja li din kellha natura ta’ regola ta’ proċedura kriminali fid-dritt intern. Bl-istess mod, fis-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, ġie deċiż li tfal Spanjoli li jirrisjedu legalment fil-Belġju bħala ċittadini tal-Unjoni setgħu jipprevalixxu ruħhom mill-istess prinċipju kontra regoli Belġjani li jirregolaw il-kunjom.

113. Dawn is-sentenzi jiffurmaw parti minn ġurisprudenza stabbilita li biha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rriżervati tiegħu, Stat Membru ma jistax jippreġudika r-regoli tat-Trattat KE (34), fosthom il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 12 KE. Din il-ġurisprudenza għandha tapplika, a fortiori, meta Stat Membru jimplementa att tad-dritt tal-Unjoni, bħalma hija d-Deċiżjoni Qafas, u dan jinsab ikkonfermat fl-Artikolu 47 UE, li bih ebda dispożizzjoni tat-Trattat UE m’għandha taffettwa r-regoli tat-Trattat KE.

114. Minn dan isegwi li D. Wolzenburg, li jinsab fl-Olanda wara li eżerċita l-libertà ta’ moviment mogħtija mit-Trattat KE, bħala ċittadin tal-Unjoni jew operatur ekonomiku, għandu dritt li jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 12 KE kontra leġiżlazzjoni Olandiża li tistabbilixxi f’liema ċirkustanzi huwa jista’ jibbenefika mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

115. Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ Deċiżjoni Qafas, jippreġudika l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bħala prinċipju fundamentali li jinsab, partikolarment, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, magħmula f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (35).

116. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri, huma u jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-KEDB u hekk kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (36).

117. Il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jimplementa r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għalhekk ma jistgħux jaħarbu l-kontroll tal-konformità tagħhom mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

3.      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

118. Huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni tagħmel differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, meta ċ-ċittadini Olandiżi jibbenefikaw obbligatorjament u inkundizzjonalment mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Olanda, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ma jibbenefikawx minn din ir-raġuni ħlief jekk huma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali.

119. Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni jeħtieġ li s-sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm dik id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (37). Huwa meħtieġ ukoll li d-differenza fit-trattament inkwistjoni tkun meħtieġa u proporzjonata għall-għan imfittex (38).

120. Diversi Stati Membri sostnew li huma għandhom dritt li jeskludu b’mod sistematiku l-konsenja taċ-ċittadini tagħhom u li, minn dan l-aspett, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tagħhom u dik taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas mhumiex komparabbli. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni għar-raġunijiet segwenti.

121. Fl-ewwel lok, jiena ma nemminx li l-impossibbiltà assoluta tal-konsenja taċ-ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi hija kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas.

122. Minn naħa, jiena nikkonstata li l-kwalità ta’ ċittadin tal-Istat Membru li jeżegwixxi hija meqjusa fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas bl-istess mod bħall-kwalità ta’ persuna li “toqgħod” jew “tirrisjedi” f’dak l-Istat, liema kwalitajiet ma jistgħux iwasslu għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konsenja ħlief wara evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna mfittxija, li ssir każ b’każ mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

123. Min-naħa l-oħra, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tkabbar il-possibbiltà tal-persuna mfittxija biex tintegra fis-soċjetà. Bir-referenza għall-kwalità taċ-ċittadin tal-Istat Membru li jeżegwixxi f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreżuma li din il-kwalità kienet tikkostitwixxi l-preżunzjoni tal-eżistenza tar-rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi, li tħalli lil wieħed jaħseb li l-iskontar tas-sentenza f’dak l-Istat setgħet tiffavorixxi dik l-integrazzjoni fis-soċjetà.

124. Għaldaqstant, jiena ma naħsibx li din il-preżunzjoni tista’ titqies minn Stat Membru bħala konklussiva. Kontriha hemm il-varjetà kbira ħafna ta’ sitwazzjonijiet umani li jiffaċċjaw ta’ kuljum l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. B’hekk, jiena nista’ nimmaġina l-każ ta’ ċittadin Olandiż li ilu joqgħod għal diversi snin fi Stat Membru li mhuwiex ir-Renju tal-Olanda, fejn huwa għandu familja u impjieg, u li huwa telqu biss biex jiskonta s-sentenza mogħtija kontrih fl-ewwel Stat. Jiena ma naħsibx li, f’din is-sitwazzjoni, huwa possibbli li wieħed jippreżumi b’mod konklussiv li l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna interessata tkun assigurata aħjar bl-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Olanda.

125. Din hija r-raġuni għaliex jiena tal-fehma li l-obbjettiv tal-integrazzjoni fis-soċjetà, imfittex permezz tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistax jintlaħaq mingħajr l-individwalizzazzjoni tas-sistema tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tissupponi li l-imħallef juża d-diversi poteri ġudizzjarji tiegħu u l-libertà ta’ evalwazzjoni totali tiegħu. Dan l-obbjettiv, konsegwentement, ma jistax fil-fehma tiegħi jiġġustifika li Stat Membru jċaħħad l-awtorità ġudizzjarja kompetenti minn kull setgħa ta’ evalwazzjoni meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun jolqot ċittadin nazzjonali. L-awtorità ġudizzjarja għandha b’hekk tkun tista’ tilqa’ talba għal konsenja meta l-persuna mfittxija, bħal fil-każ imsemmi, ma jkollhiex irbit ieħor mal-Istat Membru li jeżegwixxi ħlief in-nazzjonalità tagħha.

126. Fit-tieni lok, l-impossibbiltà assoluta ta’ konsenja ta’ ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma jidhirx li hija konformi mal-istruttura u l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

127. In-nuqqas ta’ estradizzjoni, min-naħa ta’ Stat, taċ-ċittadini tiegħu jikkostitwixxi prinċipju tradizzjonali tad-dritt tal-estradizzjoni. Dan huwa rikonoxxut mill-Konvenzjoni Ewropea tal-Estradizzjoni, iffirmata mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, li, fl-Artikolu 6(1)(a) tagħha tipprovdi li kull parti kontraenti għandha l-fakultà li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha.

128. Il-prinċipju tan-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali jsib l-oriġni tiegħu fis-sovranità tal-Istati fuq iċ-ċittadini tagħhom stess, fl-obbligi reċiproċi li jorbtuhom u fin-nuqqas ta’ kunfidenza fis-sistemi ġuridiċi ta’ Stati oħra. B’hekk, fost il-motivi li jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal dan il-prinċipju hemm, partikolarment, id-dmir tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu kontra l-applikazzjoni ta’ sistema kriminali barranija, li l-proċedura tagħha ma tkunx magħrufa minnhom u lanqas il-lingwa, u li fil-kuntest tagħha huma diffiċlment jistgħu jiddefendu ruħhom (39).

129. Id-Deċiżjoni Qafas turi biċ-ċar l-abbandun ta’ dan il-prinċipju bejn l-Istati Membri. Kif jirriżulta mill-premessi u l-artikoli tagħha, partikolarment mill-Artikolu 31, din għandha bħala għan espress li telimina l-proċedura tal-estradizzjoni u li tissostitwiha b’sistema ta’ konsenja, li fil-kuntest tagħha l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tistax topponi din il-konsenja ħlief b’deċiżjoni motivata b’mod partikolari permezz ta’ wieħed mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

130. Id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif jissemma fis-sitt premessa ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jikkostitwixxi l-ewwel konkretizzazzjoni, fil-qasam tad-dritt kriminali, tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew, li nżamm f’Tempere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, ikklassifika bħala “punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

131. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, meta deċiżjoni tittieħed minn awtorità ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat li taħtu taqa’, hija għandha effett sħiħ u dirett fl-Unjoni kollha, b’mod li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ieħor għandhom jikkooperaw għall-eżekuzzjoni tagħha daqs kieku hija ngħatat minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat tagħhom stess (40). Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja lanqas m’huwa limitat għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat imma jestendi għall-Unjoni kollha.

132. Minn dan isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob il-konsenja ta’ persuna, kemm jekk wara kundanna definittiva, kemm jekk minħabba li din il-persuna tkun qed tiġi mfittxija kriminalment, id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita awtomatikament, fl-Istati Membri kollha, mingħajr ebda raġuni oħra għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni possibbli ħlief dawk previsti fid-Deċiżjoni Qafas. Fi kliem ieħor, bil-fatt li aċċettaw li joħolqu ż-żona ġudizzjarja Ewropea u, b’mod partikolari, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, l-Istati Membri rrinunzjaw għall-poter sovran tagħhom li jevitaw li ċ-ċittadini tagħhom stess jiġu suġġetti għall-investigazzjonijiet u sanzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra.

133. Din ir-rinunzja saret possibbli peress li, kif ġie indikat fl-għaxar premessa tad-Deċiżjoni Qafas, “[i]l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri”.

134. Din il-kunfidenza ġiet fl-ewwel lok espressa fir-rinunzja min-naħa tal-Istati Membri għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-prosekuzzjoni tal-persuni, li tinsab fil-prinċipju ne bis in idem, sanċit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (41), li bih persuna li tkun ikkundannata definittivament fi Stat Membru m’għandhiex tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor.

135. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (42), dan il-prinċipju jimplika neċessarjament li, irrispettivament mill-modi li bihom tiġi imposta l-piena, l-Istati Membri għandhom kunfidenza reċiproka fis-sistemi rispettivi tagħhom tal-ġustizzja kriminali u li kull Stat jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali li jkun fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, anki meta l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu stess ikun iwassal għal soluzzjoni differenti (43).

136. Din il-kunfidenza toħroġ minn diversi fatturi. Minn naħa, l-Istati Membri kollha urew, meta huma ħolqu l-Komunitajiet Ewropej jew meta aderew magħhom, li huma kienu Stati ta’ dritt, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, kif previsti fil-KEDB u, mis-7 ta’ Diċembru 2000, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, apparti r-ratifika ta’ din il-Konvenzjoni u l-iffirmar tal-Karta, dawn l-Istati kollha jaqblu fuq l-istess tifsira eżiġenti tal-istat ta’ dritt, u dan kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-punt 1 tal-motivi tal-proposta tagħha għal Deċiżjoni Qafas (44).

137. Minkejja li sal-lum hemm nuqqas ta’ armonizzazzjoni estiża tad-dritt kriminali sostantiv u proċedurali ġewwa l-Unjoni, l-Istati Membri, għalhekk, setgħu jikkonvinċu ruħhom li l-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tagħhom jiġu mfittxija u mogħtija sentenza fl-Istati Membri l-oħra jirrispettaw id-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini u jippermettu lil dawn biex jiddefendu ruħhom sew, minkejja d-diffikultajiet lingwistiċi u n-nuqqas ta’ familjarità mal-proċedura.

138. Min-naħa l-oħra, il-kunfidenza li kull Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu għandhom ikollhom fil-ġustizzja tal-Istati Membri l-oħra tidher li hija r-riżultat loġiku u inevitabbli tal-ħolqien tas-suq uniku kif ukoll taċ-ċittadinanza Ewropea.

139. Fil-fatt, kull Stat Membru għandu l-obbligu li, fl-applikazzjoni tal-libertajiet tal-moviment stabbiliti mit-Trattat KE, jippermettu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw fit-territorju tagħhom attività ekonomika, indipendenti jew bħala impjegati, fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali tagħhom stess.

140. Bil-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inqabeż stadju ieħor peress li kull Stat Membru kien obbligat ukoll jilqa’ fit-territorju tiegħu ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ jirrisjedu hemmhekk, jekk dawn iċ-ċittadini jkollhom, tal-inqas matul l-ewwel ħames snin, riżorsi suffiċjenti u jkunu koperti fir-rigward tas-sigurtà soċjali. L-Istat Membru għandu jippermettilhom ukoll li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet lokali kif ukoll f’dawk tal-Parlament Ewropew. Fl-aħħar nett, huwa għandu jestendi l-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari għal kull ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab fi Stat terz, jekk l-Istat Membru li tiegħu l-persuna interessata tkun ċittadin, ma joffrix dik il-protezzjoni.

141. Għaldaqstant, it-twettiq tas-suq uniku u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni wasslu progressivament lill-Istati Membri biex ikollhom jittrattaw liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bħala ċittadini nazzjonali tagħhom stess f’parti dejjem tikber tal-ħajja ekonomika, soċjali u politika. Dawn jippermettu wkoll lil kull ċittadin li jmur jgħix jew jaħdem fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu ġewwa l-Unjoni, bħal kwalunkwe ċittadin nazzjonali ta’ dak l-Istat.

142. Il-mument jidher għalhekk li huwa opportun biex ma’ din it-tifsira ġuridika tiżdied l-ugwaljanza quddiem il-ġustizzja. Fi kliem ieħor, peress li ċittadin tal-Unjoni illum għandu, f’kull Stat Membru, l-istess drittijiet, fil-parti l-kbira tagħhom, bħal dawk taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, ikun xieraq li huwa jkun suġġett għall-istess obbligi f’materji kriminali. Dan jimplika li, jekk huwa jwettaq ksur fl-Istat Membru ospitanti, huwa jiġi mfittex hemmhekk u meħud quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat, bħaċ-ċittadini nazzjonali, u li huwa jiskonta s-sentenza tiegħu hemmhekk, ħlief jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat proprju tiegħu tkun tista’ tkabbar il-possibbiltajiet tiegħu li jintegra fis-soċjetà.

143. L-abbandun tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali fid-Deċiżjoni Qafas jinsab ikkonfermat ukoll, jekk hemm dan il-bżonn, mid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 33 tal-istess deċiżjoni favur ir-Repubblika tal-Awstrija, li jawtorizzaw lil dan l-Istat Membru sabiex iżomm dan il-prinċipju sakemm ikun meħtieġ biex tinbidel il-Kostituzzjoni tiegħu u, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008.

144. Huwa minnu li fid-Deċiżjoni Qafas 2002/946, adottata wara d-Deċiżjoni Qafas, l-Artikolu 5 isemmi espressament il-każ fejn Stat Membru, taħt il-liġi tiegħu, “ma jestradixxix iċ-ċittadini proprji” u jipprovdi li, f’dan il-każ, il-persuna suspettata li wettqet fi Stat Membru ieħor il-ksur imsemmi f’dak l-att, il-prosekuzzjoni tagħha għandha ssir fl-Istat Membru li tiegħu hija tkun ċittadina, skont is-sistema prevista fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet li huma previsti f’test li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ ir-repressjoni ta’ ksur speċifiku, m’għandhomx jiddeterminaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

145. Fl-aħħar nett, jiena ma nemminx li l-konsenja minn Stat Membru ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew imur kontra d-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 4, li bih ħadd ma jista’ jiġi mkeċċi mit-territorju tal-Istat li tiegħu huwa jkun ċittadin.

146. Minn naħa, il-konsenja tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jitqies bħala tkeċċija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

147. Min-naħa l-oħra, l-abbandun tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali, kif ikkonfermat fid-Deċiżjoni Qafas, ma jċaħħadx lill-awtoritajiet ġudizzjarji li jeżegwixxu, minn kull mezz ta’ protezzjoni tal-persuna kkonċernata jekk, b’mod eċċezzjonali, jirriżulta li talba għal konsenja kienet tali li tippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-istess persuna.

148. B’hekk, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas, bħal kull att ta’ dritt sussidjarju, il-validità tagħha tiddependi mill-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali (45) u li l-Istati Membri, fl-implementazzjoni tagħha, bħal kull att ieħor tad-dritt Komunitarju, huma obbligati wkoll li jirrispettaw dawn id-drittijiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħa ħsieb jippreċiża, fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-obbligu ta’ konsenja impost bid-Deċiżjoni Qafas ma għandu bl-ebda mod jippreġudika d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji miġbura fl-Artikolu 6 UE.

149. Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’, f’każ partikolari u b’mod eċċezzjonali, tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jekk, kif jinsab indikat fil-premessa tnax tad-Deċiżjoni Qafas, “hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet”.

150. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, jekk Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet kriminali, sostantivi jew proċedurali, li jippreġudikaw il-prinċipji miġbura fl-Artikolu 6 UE, il-Kunsill jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas skont l-Artikolu 7 UE, u dan kif jinsab indikat fil-premessa għaxra tal-istess deċiżjoni.

151. Ir-referenza għal dawn id-diversi garanziji fid-Deċiżjoni Qafas, li minnha nnifisha ma toħloqx drittijiet, peress li l-imsemmija garanziji diġà jiffurmaw parti integrali mill-ordni ġuridiku Komunitarja, turi safejn il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-innovazzjonijiet kontenuti f’din id-Deċiżjoni Qafas fil-konfront tas-sistema tradizzjonali tal-estradizzjoni, bħalma huwa l-abbandun tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali, ma jinvolvux tnaqqis fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

152. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux, mingħajr ma jippreġudikaw l-effett utli tad-Deċiżjoni Qafas, jadottaw dispożizzjonijiet fid-dritt intern tagħhom li, b’xi mod jew ieħor, ikollhom l-effett li jintroduċu mill-ġdid xi eċċezzjoni sistematika favur iċ-ċittadini tagħhom.

153. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed kellu jissupponi li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu dritt jeskludi sistematikament il-konsenja taċ-ċittadini tiegħu, tali interpretazzjoni ma tiġġustifikax it-trattament differenti kontenut fid-dispożizzjoni Olandiża inkwistjoni.

154. Skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li joqgħod jew jirrisjedi fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jixbah liċ-ċittadin ta’ dan l-Istat inkwantu huwa għandu jkun jista’ jibbenefika minn deċiżjoni ta’ rifjut ta’ konsenja u mill-possibbiltà li jiskonta s-sentenza tiegħu f’dan l-Istat.

155. Il-fatt li tali ċittadin jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija jkollu l-effett li l-persuna mfittxija jkollha bilfors tiskonta s-sentenza tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi, ikun xi jkun it-tul tas-sentenza u d-distanza li tifred l-Istat Membru li jeżegwixxi mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

156. Din is-soluzzjoni tista’, għalhekk, ikollha l-effett li trendi prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna, il-kuntatti bejn il-persuna kkundannata u l-qraba tagħha, permezz ta’ żjarat fil-post tad-detenzjoni, kif ukoll it-twettiq tal-attività professjonali ta’ din il-persuna, fil-kuntest, pereżempju, tal-organizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza f’kuntest ta’ semi-libertà.

157. Din id-differenza fit-trattament tidher li hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mad-differenza fis-sitwazzjoni li tista’ teżisti bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi u dawk ta’ Stati Membri oħra, li joqogħdu jew jirrisjedu fl-ewwel Stat, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, kieku din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata skont il-pożizzjoni li ħa l-Gvern Olandiż.

158. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, tmur kontra l-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

159. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-konsenja taċ-ċittadini tagħha stess għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata, waqt li l-konsenja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, ma tistax tiġi rrifjutata ħlief jekk huma jkollhom permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

V –    Konklużjoni

160. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li tingħata risposta għad-domandi preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam bil-mod kif ġej:

“1)      It-tul tal-perijodu tar-residenza fl-Istat Membru li jeżegwixxi tal-persuna mfittxija b’mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-persuna toqgħodx jew tirrisjedix f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, għandu jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li, fid-dawl tal-elementi oġġettivi l-oħra li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni konkreta tal-persuna msemmija, din għandha rabtiet ma’ dan l-imsemmi Stat li jippermettu li jingħad li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ ħabs fl-Istat Membru li jeżegwixxi hija tali li tiffavorixxi l-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà.

2)      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previst f’din id-dispożizzjoni ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali, bħalma huma l-pussess ta’ permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.

3)      L-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-konsenja taċ-ċittadini tagħha stess għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata, waqt li l-konsenja taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li joqogħdu jew jirrisjedu fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma tistax tiġi rrifjutata ħlief jekk huma jkollhom permess ta’ residenza għal terminu indeterminat.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3 – Iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi”.


4 – Skont id-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Olanda skont l-Artikolu 35 UE, din il-qorti tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal domandi preliminari għall-interpretazzjoni ta’ att adottat fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, bħalma hija d-Deċiżjoni Qafas [(informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1999, L 114, p. 56)].


5 – C-66/08, Ġabra p. I-6041.


6 – L-ewwel u l-ħames premessa tad-Deċiżjoni Qafas.


7 – Is-sitt premessa tad-Deċiżjoni Qafas.


8 – L-għaxar premessa tad-Deċiżjoni Qafas.


9 – Artikolu 80(3) tal-liġi fuq l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal-20 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1721).


10 – Artikolu 83(b)(2), tal-liġi fuq l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali.


11 – L-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) jiddisponi li:


“Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradat barra mill-pajjiż. Tista’ tinħareġ regola li tidderoga minn dan permezz ta’ liġi sabiex isseħħ l-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn il-qorti internazzjonali, sakemm il-prinċipji tal-Istat ta’ dritt ikunu garantiti.”


12 – Staatsblad 2004, Nru 195, fil-verżjoni emendata tagħha (iktar ’il quddiem l-“OLW”).


13 – C-105/03, Ġabra p. I-5285.


14 – Sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).


15 – Ibidem (punt 36).


16 – Direttiva tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77).


17 – Sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


18 – Ibidem (punt 36).


19 – Ibidem (punt 42).


20 – Ara, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 3 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri fuq ir-regoli penitenzjarji Ewropej, adottata fit-12 ta’ frar 1987 u ssostiwita bir-Rakkomandazzjoni Ġabra(2006) 2, adottata fil-11 ta’ Jannar 2006. Ara, wkoll, il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq it-trasferiment ta’ persuni kkundannati, tal-21 ta’ Marzu 1983. Il-funzjoni ta’ integrazzjoni fis-soċjetà hija msemmija wkoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea (1997) (ĠU 1999, C 98, p. 279), fejn l-istess Parlament fakkar li s-sentenza kellha l-funzjoni ta’ konverżjoni u integrazzjoni fis-soċjetà u li l-obbjettiv kien, għaldaqstant, l-integrazzjoni umana u soċjali tal-persuna detenuta (punt 78).


21 – Rakkomandazzjonijiet Nru R (87) 3 (punti 24, 103 u 107) kif ukoll Ġabra(2006) 2 (punti 63, 68-1 u 86).


22 – Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, Stat Membru għandu d-dritt li jissuġġetta r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, għall-kundizzjoni li dak iċ-ċittadin ikollu riżorsi biżżejjed għalih u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex ma jkunx ta’ theddida għas-sistema ta’ siġurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti.


23 – Sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


24 – Ibidem (punt 47).


25 – C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835.


26 – Punt 116.


27 – Protokoll Nru 4 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tas-16 ta’ Settembru 1963, li jirrikonoxxi ċerti drittijiet u libertajiet li huma differenti minn dawk li jinsabu diġà fil-konvenzjoni u fl-ewwel protokoll addizzjonali għall-konvenzjoni, kif emendat bil-protokoll Nru 11 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 4”).


28 – Il-Gvern Daniż jiċċita, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI, tat-28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, p. 1).


29 – Il-Gvern Daniż jiċċita s-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Pastoors u Trans-Cap (C-29/95, Ġabra p. I-285), kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257).


30 – Deċiżjoni qafas tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, p. 27).


31 – Ir-rabta partikolari bejn kull Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu stess ġiet mfakkra wkoll fl-Artikolu 17(1) KE fejn jingħad li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkumplementa u mhux tissostitwixxi ċ-ċittadinanza nazzjonali.


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 19), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 29). Ara, a contrario, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2008, Bartsch (C-427/06, Ġabra p. I-7245, punt 25).


33 – Għal dak li jikkonċerna r-regoli ta’ proċedura kriminali, ara s-sentenza Cowan, iċċitata iktar ’il fuq, u, f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw l-isem ta’ persuna, is-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq.


34 – Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-fiskalità diretta, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40), kif ukoll, fil-qasam tas-sigurtà pubblika, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69, punti 15 u 16).


35 – ĠU C 364, p. 1. Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 21(2) ta’ din il-Karta jiddisponi li, “fil-qasam fejn japplika t-Trattat [KE] u t-Trattat [UE], u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattati msemmija, għandha tkun ipprojbita kull disriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità”.


36 – Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Ibidem (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Sentenza Pastoors u Trans-Cap, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


39 – Z. Deen-Racsmány, u R. Blekxtoon, “The Decline of the Nationality Exception in European Extradition?”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, Vol. 13/3, p. 317 sa 363, Koninklijke Brill NV, l-Olanda, 2005.


40 – F’dan ir-rigward, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tas-26 ta’ Lulju 2000 fuq ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet finali f’materji kriminali [KOM(2000) 495 finali, speċjalment p. 8].


41 – Konvenzjoni tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990.


42 – C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345.


43 – Punt 33.


44 – Proposta ta’ Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2001 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn Stati Membri [KOM(2001) 522 finali].


45 – Il-konformità tad-Deċiżjoni Qafas mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 UE, f’dak li jikkonċerna t-tneħħija tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja għat-32 ksur elenkat fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ġiet ivverifikata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tagħha, fis-sentenza Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq.