Language of document : ECLI:EU:C:2011:840

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 (1)

Kawża C‑368/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Prodotti organiċi — Kummerċ ġust — Prodotti li jirrispettaw l-ambjent u li huma soċjalment responsabbli — Ekonomija sostennibbli — Tikketti ‘Max Havelaar’ u ‘EKO’ — Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti — Speċifikazzjonijiet tekniċi — Karatteristiċi ambjentali — Adattabbiltà u għażla tal-parteċipanti — Kapaċitajiet tekniċi u professjonali — Kriterji ta’ għoti ta’ kuntratti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Artikoli 2, 23, 26, 44, 48 u 53 tad‑Direttiva 2004/18/KE”






Werrej


I —   Introduzzjoni

II — Il-kuntest ġuridiku

III — Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

A —   L-għoti tal-kuntratt

1.     Il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt

2.     L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

3.     In-nota ta’ informazzjoni

4.     L-għoti tal-kuntratt

B —   It-tikketti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt

C —   Il-proċedura prekontenzjuża

IV — It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V —   Evalwazzjoni

A —   L-ewwel motiv tar-rikors: ir-riferiment għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti

1.     L-ewwel parti tal-ewwel motiv: ir-riferiment għat-tikketta “EKO” għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti (Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18)

a)     L-applikabbiltà tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18

b)     In-nuqqas ta’ projbizzjoni ġenerali li jsir riferiment għal ekotikketti fil-kuntest tal-istabbiliment tal-karatteristiċi ambjentali ta’ prodott

c)     Il-projbizzjoni li tiġi preskritta ekotikketta speċifika b’mod vinkolanti

d)     Konklużjoni intermedjarja

2.     It-tieni parti tal-ewwel motiv: ir-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti (Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18)

a)     Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18

b)     Sussidjarjament: fuq il-kompattibbiltà tar-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” mad-Direttiva 2004/18

i)     Id-dispożizzjoni applikabbli: l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18

ii)   Eżami tar-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” fid-dawl tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18

3.     Sommarju tal-ewwel motiv

B —   It-tielet motiv: ir-riferiment, magħmul fil-kriterju għall-għoti, għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” fir-rigward tal-ingredjenti li għandhom jiġu pprovduti

1.     Osservazzjoni preliminari

2.     L-ewwel argument imressaq insostenn tat-tielet motiv: l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt pubbliku u ż-żewġ tikketti

3.     It-tieni argument imressaq insostenn tat-tielet motiv: ir-riferiment għat-tikketti u mhux għall-kriterji li fuqhom huma bbażati dawn it-tikketti

C —   It-tieni motiv: l-allegat riferiment għal akkwisti sostennibbli u għal aġir soċjalment responsabbli bħala kriterju tal-adattabbiltà

1.     L-ewwel parti tat-tieni motiv: rekwiżiti allegatament illegali fir-rigward tal-prova tal-kapaċitajiet tekniċi tal-offerenti (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 48(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18)

2.     It-tieni parti tat-tieni motiv: l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn ir-rekwiżiti tal-adattabbiltŕ tal-offerenti u s-suġġett tal-kuntratt (Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18)

3.     It-tielet parti tat-tieni motiv: l-allegat ksur tal-obbligu ġenerali ta’ trasparenza (Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18)

D —   Sommarju

VI — Spejjeż

VII — Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Ma humiex biss il-konsumaturi iżda anki l-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li qegħdin jagħtu dejjem iktar importanza lill-konsum sostennibbli. Il-kwistjoni ċentrali f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dwar sa liema punt, fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissottomettu l-għoti ta’ kuntratt għall-kundizzjoni li l-prodotti li jkunu ser jiġu pprovduti għandhom ikunu jirrispettaw l-ambjent u jkunu soċjalment responsabbli.

2.        Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li ġiet organizzata matul is-sena 2008 bil-għan li jingħata kuntratt pubbliku li jirrigwarda l-provvista u l-ġestjoni ta’ magni tal-kafè, awtorità lokali Olandiża kienet irreferiet għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO”. B’dan il-mod, hija riedet tiżgura li l-persuna li tieħu l-kuntratt tipprovdi prodotti “sostennibbli”, ikkaratterizzati b’mod partikolari mill-fatt li jkunu jirrispettaw l-ambjent u jkunu soċjalment responsabbli. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta lill-Pajjiżi l-Baxxi l-fatt li l-użu ta’ dawn iż-żewġ tikketti u ta’ diversi espressjonijiet użati fid-dokumenti tal-kuntratt kienu jmorru kontra r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

3.        Il-kwistjoni dwar jekk, u sa liema punt, fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti ekoloġiċi u soċjali u, b’mod partikolari, jistax isir riferiment għal tikketti eżistenti fl-oqsma tal-ambjent u tal-kummerċ ġust hija ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp futur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Din il-kwistjoni tinkariga lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kompitu diffiċli li tikseb bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tas-suq intern u t-tħassib ambjentali u soċjali, mingħajr madankollu ma tinjora r-rekwiżiti prattiċi tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Minn naħa, jeħtieġ li tiġi evitata kull diskriminazzjoni tal-offerenti potenzjali u kull segmentazzjoni tas-swieq. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu kapaċi jiksbu prodotti organiċi, li jirrispettaw l-ambjent u li jirriżultaw minn kummerċ ġust, mingħajr ma l-piż amministrattiv isir eċċessiv.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa stabbilit bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (2).

5.        Fit-Titolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet u prinċipji ġenerali”, l-Artikolu 2 isemmi l-“[p]rinċipji ta’ assenjar [għoti] ta’ kuntratti” li ġejjin:

“L-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti”.

6.        Fost ir-“[r]egoli fuq kuntratti pubbliċi” imsemmija fit-Titolu II tad-Direttiva 2004/18, il-Kapitolu IV jinkludi serje ta’ “[r]egoli speċifiċi li jikkontrollaw speċifikazzjonijiet u dokumenti ta’ kuntratt”; minn dan il-kapitolu, l-Artikolu 23, moqri flimkien mal-Anness VI minn naħa, u l-Artikolu 26 min-naħa l-oħra, jinteressawni iktar partikolarment.

7.        Bħalma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 23 u tal-Anness VI(1)(b) tad-Direttiva 2004/18, il-kliem “speċifikazzjoni teknika” ifissru, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi għal provvisti,

“speċifikazzjoni li tagħti tifsira għall-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott […], bħal livelli ta’ kwalità, livelli ta’ esekuzzjoni ambjentali, disinn għal kull rikjesta […] assessjar ta’ konformita, esekuzzjoni, użu tal-prodott, sigurta u dimensjonijiet inkluż ir-rikjesti rilevanti għall-prodott rigward l-isem taħt liema l-prodott huwa mibjugħ, teminoloġija, simboli, metodi u ta’ ttestjat u testijiet, ippakkettar, l-immarkar u t-tikkettar, instruzzjonijiet għal min se jużah, proċessi u metodi ta’ produzzjoni u proċessi ta’ assessjar dwar konformita’”.

8.        Fuq il-bażi ta’ din id-definizzjoni, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18 jirregola l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif ġej (siltiet):

“1.      L-ipeċifikazzjonijiet Tekniċi kif definiti f’punt 1 ta’ l-Anness VI għandhom ikunu mniżżlin fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt, bħal avviżi ta’ kuntratt, dokumenti ta’ kuntratt jew dokumenti addizzjonali. […]

2.      Speċifikazzjonijiet Tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal dawk li jixħtu l-offerti [offerenti] u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakli mhux ġustifikati għal ftuħ ta’ disposizzjoni pubbliku għal kompetizzjoni.

3.      Mingħajr preġudizzju għar-regoli Tekniċi nazzjonali obbligatorji, safejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, l-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għandhom ikunu formulati:

(a)      jew b’referenza għal speċifikazzjonijiet Tekniċi definit fl-Anness VI […]. Kull referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”;

(b)      jew f’termini ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali; ta’ l-aħħar jistgħu jinkludu karatteristiċi ambjentali. Madankollu, parametri bħal dawn għandhom ikunu preċiżi biżżejjed li jippermettu lil dawk li jixħtu l-offerti biex jiddeterminaw il-kontenut suġġettiv [suġġett] tal-kuntratt u li jippermettu awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] li jagħtu l-kuntratt;

(c)      jew f’termini ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali kif imsemmija fis-sub-paragrafu (b), b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fis-sub-paragrafu (a) bħala mezz biex tiġi preżunta konformità ma’ twettiq bħal dan jew ħtiġijiet funzjonali;

(d)      jew billi jsir riferiment għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmijin fis-sub-paragrafu (a) għal ċerti karatteristiċi, u billi jsir riferiment għat-twettiq jew ħtiġijiet funzjonali, imsemmijin fis-sub-paragrafu (b) għal karatteristiċi oħra.

[…]

6.      Fejn awtoritajiet kontrattwanti iniżżlu karatteristiċi ambjentali f’termini ta’ twettiq jew ħtiġijiet funzjonali kif sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3(b) huma jistgħu jużaw l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati, jew, jekk meħtieġ, partijiet minnhom, kif definit minn eko-tikketti Ewropej jew (multi-) nazzjonali, jew bi kull eko-tikketta oħra, basta:

–        dawk l-ispeċifikazzjonijiet huma xierqa li jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-fornimenti jew servizzi li huma l-għan tal-kuntratt,

–        il-ħtiġijiet għat-tikketta huma mfasslin fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika,

–        l-eko-tikketti huma adottati billi tintuża proċedura li kull min għandu interess, bħal korpi governattivi, konsumaturi, manifatturi, distributuri u organizzazzjonijiet ambjentali jistgħu jieħdu sehem, u

–        huma aċċessibli għall-partijiet kollha interessati.

Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jindikaw li l-prodotti u servizzi li jġorru fuqhom l-eko-tikketta huma meqjusa li jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi imniżżlin fid-dokumenti tal-kuntratt; huma għandhom jaċċettaw kull mezzi oħra xierqa ta’ prova bħal, dossier tekniku tal-manifattur jew rapport ta’ eżami minn korp rikonoxxut.

[…]

8.      Jekk ma jkunux ġustifikati bil-kontenut suġġettiv tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet Tekniċi m’għandhomx jirreferu għal għamla jew sors, jew proċess partikolari, jew marki ta’ ditta, dokumenti ta’ dritt, tipi jew oriġini speċifiku jew produzzjoni bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti intrapriżi jew ċerti prodotti. Referenza bħal din għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn deskrizzjoni preċiża bizzejjed u tinftiehem tal-kontentut suġġettiv tal-kuntratt fis-segwiment ta' paragrafi 3 u 4 mhijiex possibli; referenza bħal din għandha tkun akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”.”

9.        Barra minn hekk, fir-rigward tal-“[k]ondizzjonijiet għal twettiq ta’ kuntratti”, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jispeċifika:

“Awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.”

10.      Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-“[t]mexxija tal-proċedura” jinsabu taħt it-Titolu II tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/18; fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, l-Artikoli 44, 48 u 53 huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

11.      L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18 jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-iżvolġiment tal-proċedura; dan l-artikolu huwa intitolat “Verifikata’ l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti” u b’mod partikolari jistipula li:

“1.      Kuntratti għandhom jingħataw […], wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi […], ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti skond il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52 […].

2.      L-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta [offerenti] jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skont l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntatt.

[…]”

12.      L-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18 jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-“[a]bilità [kapaċità] teknika u/jew professjonali” tal-operaturi ekonomiċi u dawn huma mfassla kif ġej (siltiet):

“1.      L-abilitajiet [kapaċitajiet] Tekniċi u/jew professjonali ta’ l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati u eżaminati skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Evidenza ta’ l-abilitajiet Tekniċi ta’ l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu fornuti b’mezz jew aktar ta’ dan li ġej skond in-natura, kwantità jew importanza, u użu tax-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi:

[…]

(ċ)      deskrizzjoni tal-faċilitajiet Tekniċi u miżuri użat mill-fornitur jew minn min jipprovdi servizz biex tiġi żgurata l-kwalità u l-istudju dwar l-intrapriża u facilitajiet ta’ riċerka;

[…]

(6)      L-awtorità kontrattwanti [kontraenti] għandha tispeċifika, fl-avviż jew fl-istedina għal offerta, liema riferenzi taħt paragrafu 2 hi tkun tixtieq tirċievi.”

13.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2004/18 isemmi r-regoli li ġejjin taħt it-titolu “Kriterji ta’ għotja [għall-għoti] ta’ kuntratt”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-ħlas għal ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] għandhom jibbażaw l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi għandhom ikunu jew:

(a)      meta l-għotja tingħata lil offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament skond l-opinjoni ta’ l-awtoritajiet kontrattwanti, kriterji varji marbutin mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, per eżempju, kwalità, prezz, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, karattersitiċi ambjentali, spejjeż rikorrenti, effett ta’ spiża, servizz ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika, data tal-konsenja u perjodu ta’ konsenja jew perjodu ta’ tlestija, jew

(b)      l-aktar prezz baxx biss.”

III – Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

A –    L-għoti tal-kuntratt

14.      Matul is-sena 2008, il-provinċja Olandiża ta’ Noord-Holland implementat proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista u l-ġestjoni ta’ magni tal-kafè. Il-kuntratt kellu jkun mifrux fuq perijodu ta’ tliet snin, bil-possibbiltà li jiġġedded għal sena addizzjonali.

1.      Il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt

15.      L-avviż ta’ kuntratt, ippubblikat fis-16 ta’ Awwissu 2008 f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), taħt it-titolu “Deskrizzjoni fil-qosor tal-kuntratt jew tal-akkwist/akkwisti”, kien jinkludi b’mod partikolari t-test ta’ hawn taħt:

“Il-provinċja ta’ Noord-Holland għandha kuntratt għall-ġestjoni tal-magni tal-kafè. Dan il-kuntratt jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2009. Il-provinċja tixtieq tikkonkludi kuntratt ġdid mill-1 ta’ Jannar 2009 permezz ta’ sejħa għal offerti fil-livell Ewropew. Aspett importanti huwa li l-provinċja ta’ Noord-Holland għandha l-intenzjoni tuża iktar prodotti organiċi u li jirriżultaw minn kummerċ ġust fil-magni tal-kafè” (4).

16.      Taħt is-sezzjoni “L-eżekuzzjoni tal-kuntratt [hija] suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari oħra”, l-avviż ta’ kuntratt kien jispeċifika “Le” (5). Kien hemm indikat li l-kuntratt kellu jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (6).

2.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

17.      Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (7), li ntbagħtu lill-partijiet ikkonċernati fuq talba, ġie speċifikat b’mod partikolari li l-evalwazzjoni tal-offerti kellha ssir mhux biss abbażi tal-prezz, iżda anki abbażi ta’ kriterji kwalitattivi u ambjentali. F’dan ir-rigward, ġie enfasizzat li l-provinċja ta’ Noord-Holland kellha l-intenzjoni li tuża, fil-magni tal-kafè tagħha, iktar prodotti organiċi u li jirriżultaw minn kummerċ ġust.

18.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jinkludu kemm il-kriterji tal-adattabbiltà li kellhom jissodisfaw l-offerenti kif ukoll il-kriterji għall-għoti li kienu jippermettu li tiġi evalwata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Barra minn hekk, kien speċifikat li dawk l-offerti konformi mal-kriterji tal-adattabbiltà biss kienu se jiġu evalwati abbażi tal-kriterji għall-għoti.

19.      Fi ħdan is-sezzjoni 4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li kienet intitolata “Rekwiżiti ta’ adattabbiltà/rekwiżiti minimi”, is-subsezzjoni 4.4.4, min-naħa tagħha intitolata “Rekwiżiti ta’ kwalità”, kienet tinkludi fost l-oħrajn is-silta li ġejja:

“Fil-kuntest ta’ politika tal-akkwisti sostennibbli u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi, il-provinċja ta’ Noord-Holland titlob lill-fornitur josserva l-kriterju ta’ sostennibbiltà tal-akkwisti u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi. Kif tissodisfa/w (i)l-kriterji ta’ sostennibbiltà tal-akkwisti u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi[?] Barra minn hekk, għandu jiġi indikat kif il-fornitur jikkontribwixxi sabiex is-suq tal-kafè jsir iktar sostennibbli u sabiex il-produzzjoni tal-kafè ssir ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament responsabbli.”

Barra minn hekk, fis-subsezzjoni 4.4.6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolata “Sommarju tar-rekwiżiti minimi”, dan l-istess rekwiżit ta’ kwalità kien deskritt bħala “kriterju knock-out”.

20.      Mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien hemm mehmuż, bħala Anness A, “lista ta’ rekwiżiti” li kull offerent kellu jiddikjara li jaċċetta. Din il-lista kienet tinkludi kemm ir-“rekwiżiti” kif ukoll ix-“xewqat” tal-awtorità kontraenti; tal-ewwel kienu jikkonsistu minn rekwiżiti minimi li kellhom jiġu sodisfatti inkella l-offerent jiġi eskluż mill-proċedura għall-għoti, filwaqt li t-tieni kienu jikkostitwixxu kriterji għall-għoti li l-osservanza tagħhom min-naħa tad-diversi offerenti kienet evalwata permezz ta’ sistema ta’ punti.

21.      Fil-punt 31 ta’ din il-lista ta’ rekwiżiti, issemma r-“rekwiżit” li ġej fir-rigward tal-kafè u tat-te li għandhom jiġu pprovduti:

“F’dak li jirrigwarda x-xarbiet tal-kafè u tat-te, il-provinċja ta’ Noord-Holland tirrikorri għat-tikketti Max Havelaar u EKO.”

22.      Barra minn hekk, fil-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti ġiet espressa x-“xewqa” segwenti, min-naħa tal-awtorità kontraenti, rigward l-“ingredjenti” (jiġifieri z-zokkor, il-ħalib tat-trab u l-kawkaw) li għandhom jiġu pprovduti, xewqa li jekk tiġi sodisfatta setgħet tiġi ppremjata b’massimu ta’ 15-il punt:

“L-ingredjenti għandhom ikunu konformi, jekk possibbli, mat-tikketti EKO u/jew Max Havelaar.”

23.      Skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tressiq ta’ offerti b’varjazzjonijiet ma kienx awtorizzat. Lanqas offerti suġġetti għal kundizzjonijiet ma kienu aċċettati.

3.      In-nota ta’ informazzjoni

24.      Skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti potenzjali kellhom il-possibbiltà li jagħmlu mistoqsijiet lill-provinċja ta’ Noord-Holland bħala awtorità kontraenti, li għalihom huma kienu se jirċievu tweġiba permezz ta’ nota ta’ informazzjoni. Din in-nota, aċċessibbli permezz tal-internet, kienet tagħmel parti integrali mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tipprevali fuq il-partijiet l-oħra ta’ dawn.

25.      Fil-fatt, fid-9 ta’ Settembru 2008, il-provinċja ta’ Noord-Holland ippubblikat din in-nota ta’ informazzjoni li din kienet tinkludi speċifikament żewġ tweġibiet għal mistoqsijiet magħmula mill-offerenti potenzjali fir-rigward tat-tikketti “Max Haavelar” u “EKO” stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

–        F’dak li jirrigwarda l-punt 31 tal-lista ta’ rekwiżiti, għall-mistoqsija “Nistgħu nqisu li, għat-tikketti indikati, japplika dan li ġej: ‘jew ekwivalenti’[?]”, il-provinċja wieġbet “Sakemm ikunu bbażati fuq kriterji komparabbli jew identiċi” (punt 11 tan-nota ta’ informazzjoni).

–        F’dak li jirrigwarda l-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti, għall-mistoqsija “Nistgħu nqisu li, għat-tikketti indikati, japplika dan li ġej: ‘jew ekwivalenti’[?]”, il-provinċja wieġbet hekk: “L-ingredjenti jista’ jkollhom tikketta bbażata fuq l-istess kriterji” (punt 12 tan-nota ta’ informazzjoni).

4.      L-għoti tal-kuntratt

26.      Skont avviż ippubblikat fl-24 ta’ Diċembru 2008, il-kuntratt ingħata lill-impriża Olandiża Maas International B.V., li tinsab f’Eindhoven, fi tmiem tal-proċedura għall-għoti (8).

B –    It-tikketti msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt

27.      It-tikketta “Max Havelaar” (9) ilha mill-1988 tingħata minn fondazzjoni tad-dritt ċivili Olandiż, l-iStichting Max Havelaar. Il-prodotti li għandhom din it-tikketta nxtraw bi prezz ġust u b’kundizzjonijiet ġusti mingħand organizzazzjonijiet magħmula minn produtturi żgħar ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-għoti tat-tikketta huwa suġġett għall-osservanza ta’ erba’ kriterji: prezz minimu li jkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni, żieda meta mqabbla mal-prezz fuq is-suq dinji, prefinanzjament u l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali fit-tul bejn l-importatur u l-produtturi. L-istabbiliment tar-regoli, il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni jsiru minn organizzazzjoni internazzjonali ewlenija, il-Fairtrade Labelling Organisation (FLO) (10), li tinsab f’Bonn, il-Ġermanja.

28.      Anki t-tikketta “EKO” hija tikketta privata Olandiża. Hija ilha tingħata mill-1985 minn fondazzjoni tad-dritt ċivili Olandiż, l-iStichting Skal, għal prodotti komposti għall-inqas minn 95 % minn ingredjenti prodotti bl-agrikoltura organika. L-iStichting Skal teżerċita l-attività tagħha b’koordinazzjoni mal-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura, tal-Patrimonju Naturali u tas-Sajd.

29.      Kemm “Max Havelaar” kif ukoll “EKO” ġew irreġistrati bħala trade marks Komunitarji mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern.

C –    Il-proċedura prekontenzjuża

30.      B’segwitu ta’ lment, il-Kummissjoni fetħet din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha tal-14 ta’ Mejju 2009 kif ukoll fl-opinjoni motivata tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2009, hija semmiet essenzjalment l-istess ilmenti invokati bħal dawk li fuqhom jibbaża dan ir-rikors. Hija tikkontesta lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-fatt li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt kisret id-Direttiva 2004/18.

31.      Kemm fir-risposta tiegħu tas-17 ta’ Awwissu 2009 għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-31 ta’ Diċembru 2009 dwar l-opinjoni motivata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiċħad in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat (11).

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      B’rikors tal-20 ta’ Lulju 2010, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

33.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tikkonstata li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il quddiem tad-Direttiva 2004/18 minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista u l-ġestjoni ta’ magni tal-kafè, ippubblikat taħt in-numru 2008/S 158‑213630, l-awtorità kontraenti,

–        ippreskriviet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, it-tikketti “Max Havelaar” u “EKO”, jew tal-inqas tikketti bbażati fuq kriterji komparabbli jew identiċi, u dan bi ksur tal-Artikolu 23(6) u (8) tal-imsemmija direttiva,

–        użat, sabiex tikkontrolla l-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi, tal-kriterji u tal-provi dwar is-sostennibbiltà tal-akkwisti u r-responsabbiltà soċjali tal-impriżi, u dan bi ksur tal-Artikoli 48(1) u (2), u 44(2) u, fi kwalunkwe każ, tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, u

–        irreferiet, sabiex tifformula l-kriterji għall-għoti, għat-tikketti “Max Havelaar” u/jew “EKO”, jew tal-inqas għal tikketti bbażati fuq l-istess kriterji, u dan bi ksur tal-Artikolu 53(1) tal-imsemmija direttiva;

2)      tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

34.      Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)      tiċħad ir-rikors u

2)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35.      Ir-rikors tal-Kummissjoni wassal għal skambju ta’ noti bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għal seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fis-26 ta’ Ottubru 2011. Ir-Renju tad-Danimarka, li kien ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Frar 2011, ma pparteċipax fil-proċedura u rrinunzja t-talba tiegħu għal intervent fis-17 ta’ Ottubru 2011.

V –    Evalwazzjoni

36.      Id-dritt tal-kuntratti pubbliċi ilu żmien twil jikkundanna t-tfittxija ta’ għanijiet tal-politika ambjentali u soċjali, u dan immanifesta ruħu, fost affarijiet oħra, fl-użu tal-kliem prinċipali “għanijiet li ma jirrigwardawx il-kuntratt”. Sadanittant, il-prinċipju ġie madankollu aċċettat li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-għoti ta’ kuntratti, l-aspetti ambjentali u tal-politika soċjali (12); dan il-prinċipju, bħala tali, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Dan jirriżulta, min-naħa, mill-komunikazzjonijiet kollha tagħha li ġew ippubblikati dwar dan is-suġġett (13). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod espliċitu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, inkluż waqt is-seduta, li l-awtoritajiet kontraenti kienu awtorizzati jagħtu kuntratti pubbliċi li l-għan tagħhom kien speċifikament il-provvista ta’ prodotti organiċi li jirriżultaw minn kummerċ ġust.

37.      Madankollu, fuq livell iktar prattiku huwa dibattibbli ħafna taħt liema kundizzjonijiet u taħt liema forma l-fehmiet tal-awtorità kontraenti dwar l-ambjent u dwar il-politika soċjali jistgħu jiġu espressi b’mod konkret fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-Direttiva 2004/18. Hija tikkritika l-aġir tal-provinċja ta’ Noord-Holland minn tliet perspettivi, u fir-rikors tagħha ddedikat motiv differenti għal kull wieħed minn dawn it-tliet aspetti. Dawn il-kriterji jikkonċernaw qabel kollox ir-riferiment għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” magħmul fid-dokumenti tal-kuntratt.

38.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jiċħadx li l-kuntratt pubbliku ta’ provvista inkwistjoni jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18, iżda jikkontesta l-fatt li l-provinċja ta’ Noord-Holland kisret din id-direttiva.

A –    L-ewwel motiv tar-rikors: ir-riferiment għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti

39.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kiser l-Artikolu 23(6) u (8) tad-Direttiva 2004/18, dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta b’liema mod l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu l-karatteristiċi tal-prodotti suġġetti għall-kuntratt (imsejħa “speċifikazzjonijiet tekniċi”).

40.      Bħalma speċifikat waqt is-seduta, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-provinċja ta’ Noord-Holland li tixtri prodotti organiċi li jirriżultaw minn kummerċ ġust (14) bħala tali ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-ksur tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18 li hija tikkontesta fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkonsisti fil-fatt li, sabiex tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti, il-provinċja ta’ Noord-Holland irreferiet għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO”, u f’kull każ għal tikketti li japplikaw kriterji komparabbli jew identiċi.

41.      Konkretament, dan il-motiv jirrigwarda l-punt 31 tal-lista ta’ rekwiżiti, li fih l-offerenti ġew informati, taħt it-titolu “rekwiżit”, dwar il-fatt li l-provinċja ta’ Noord-Holland “[i]rrikorriet” għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” għax-xarbiet tal-kafè u t-te. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-punt 11 tan-nota ta’ informazzjoni, li fih l-awtorità kontraenti speċifikat li taċċetta wkoll tikketti “ekwivalenti” “[s]akemm ikunu bbażati fuq kriterji komparabbli jew identiċi”.

42.      L-ewwel parti tal-ewwel motiv tikkonċerna t-tikketta “EKO” (rigward dan il-punt, ara s-sezzjoni 1 li ssegwi dan il-punt), filwaqt li t-tieni parti tirrigwarda t-tikketta “Max Havelaar” (ara s-sezzjoni 2 iktar ’il quddiem).

1.      L-ewwel parti tal-ewwel motiv: ir-riferiment għat-tikketta “EKO” għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti (Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18)

43.      L-ewwel parti tal-ewwel motiv tikkonċerna t-tikketta “EKO”, u f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tqis li l-fatt li din issemmiet fil-punt 31 tal-lista ta’ rekwiżiti jmur kontra l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18.

44.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet kontraenti huma kompletament ħielsa li jiddeċiedu huma stess liema prodott jixtiequ jiksbu. Madankollu, meta jistabbilixxu l-karatteristiċi tal-prodott, inklużi l-karatteristiċi ambjentali tiegħu, huma għandhom josservaw ċertu numru ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiżguraw it-trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-offerenti potenzjali u li l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni ma jkunx ostakolat b’mod mhux iġġustifikat. L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18 jagħmel parti minn dawn ir-regoli.

a)      L-applikabbiltà tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18

45.      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18 isemmi regoli dettaljati rigward l-użu, mill-awtoritajiet kontraenti, ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi fid-dokumenti tal-kuntratt. Bħalma jirriżulta mill-Anness VI(1)(b) tal-imsemmija direttiva, il-kliem “speċifikazzjonijiet tekniċi” għandhom ifissru speċifikazzjonijiet f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott. Bħala eżempji ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, l-Anness VI(1)(b) tad-Direttiva 2004/18 isemmi fost l-oħrajn il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, is-simboli, l-ippakkjar, l-immarkar u t-tikkettjar, kif ukoll il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni.

46.      Mingħajr ebda dubju, ir-riferiment magħmul mill-awtorità kontraenti għal ekotikketta bħalma hija t-tikketta “EKO” jissodisfa din id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika. Fil-fatt, din it-tikketta tiggarantixxi ċertu metodu ta’ produzzjoni u tipprovdi informazzjoni dwar ċerti karatteristiċi ambjentali ta’ dan il-kafè jew ta’ dan it-te.

47.      Għaldaqstant, l-użu tat-tikketta “EKO” fil-lista ta’ rekwiżiti tal-provinċja ta’ Noord-Holland għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18.

b)      In-nuqqas ta’ projbizzjoni ġenerali li jsir riferiment għal ekotikketti fil-kuntest tal-istabbiliment tal-karatteristiċi ambjentali ta’ prodott

48.      Skont l-Artikolu 23(3)(b) tad-Direttiva 2004/18, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jinkludu karatteristiċi ambjentali tal-prodott li għandu jiġi pprovdut f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali. Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18, huma jistgħu jużaw l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati, jew, jekk meħtieġ, partijiet minnhom, kif iddefinit minn ekotikketti Ewropej jew (multi)nazzjonali, jew minn kull ekotikketta oħra.

49.      Jidher li l-Kummissjoni tifhem din id-dispożizzjoni fis-sens li, l-awtoritajiet kontraenti, meta jiddeskrivu r-rekwiżiti tagħhom fir-rigward tal-offerenti potenzjali, jistgħu jirreferu biss għal speċifikazzjonijiet konkreti, jiġifieri d-“dokumentazzjoni teknika”, filwaqt li kull riferiment dirett għal ekotikketti huwa pprojbit.

50.      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mit-test tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 ma tirriżultax projbizzjoni daqshekk kategorika tal-użu tal-ekotikketti, u tali projbizzjoni lanqas ma tidher iġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni u tal-kuntest tagħha.

51.      Huwa minnu li l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 jagħmel enfasi fuq l-“ispeċifikazzjonijiet dettaljati” li l-awtoritajiet kontraenti huma mistennija jużaw sabiex jiddeskrivu l-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti.

52.      Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-awtoritajiet kontraenti għandhom isemmu separatament, fid-dokumenti tal-kuntratt, kull waħda mill-ispeċifikazzjonijiet li tagħmel parti minn ekotikketta. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom l-opportunità li fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu b’mod ġenerali, permezz ta’ sempliċi riferiment għal ekotikketti, għall-ispeċifikazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati dawn it-tikketti. Huwa f’dan is-sens li għandu jinftiehem il-fatt li l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jużaw “l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati […] kif definit minn eko-tikketti” sabiex jiddeskrivu l-karatteristiċi ambjentali.

53.      Skont il-kliem ċar tad-dispożizzjoni, dan it-tip ta’ riferiment ġenerali huwa awtorizzat mhux biss fir-rigward tal-ekotikketti “Ewropej”, pereżempju l-“ekotikketta tal-UE” fis-sens tar-Regolament Nru 1980/2000 (15) u tar-Regolament Nru 66/2010 (16), iżda anki f’dak li jirrigwarda l-ekotikketti “nazzjonali”, “(multi-) nazzjonali” u “oħra”, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 (17).

54.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li taħseb il-Kummissjoni, riferiment globali għall-ispeċifikazzjonijiet kollha li fuqhom hija bbażata ekotikketta huwa totalment kompatibbli mal-prinċipju ta’ trasparenza, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Ewropew tal-kuntratti pubbliċi (18).

55.      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ trasparenza jirrikjedi biss li l-offerenti kollha jingħataw aċċess ugwali għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18) u li jispeċifikaw suffiċjentement il-karatteristiċi ambjentali tal-prodott li għandu jiġi pprovdut sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt [Artikolu 23(3)(b) tad-Direttiva 2004/18] (19).

56.      F’dan ir-rigward, riferiment globali għall-ispeċifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata ekotikketta ġeneralment huwa suffiċjenti. Fil-fatt, minn offerent informat tajjeb u normalment diliġenti (20), wieħed ċertament jistenna li jkun familjari mal-ekotikketti użati fil-kuntratt inkwistjoni jew, għall-inqas, li jikseb informazzjoni mingħand il-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ dawn it-tikketti dwar il-kriterji applikati minnhom.

57.      Barra minn hekk, meta jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li magħhom għandhom jikkonformaw l-awtoritajiet kontraenti, ma għandux jiġi injorat il-piż amministrattiv li jinvolvu. Dan il-piż għandu dejjem ikun proporzjonat mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu skont id-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Jekk ikun possibbli li jiġu deskritti l-karatteristiċi ambjentali ta’ prodott bi preċiżjoni suffiċjenti għal offerent raġonevolment informat sempliċement b’riferiment globali għall-ispeċifikazzjonijiet li fuqhom tibbaża ekotikketta, tkun tikkostitwixxi formalità li l-awtorità kontraenti tintalab madankollu tipprovdi l-lista dettaljata ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet kollha.

58.      Barra minn hekk, anki l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 juri li, bħala regola ġenerali, ma teżistix projbizzjoni ta’ riferiment dirett għal ekotikketti. Din id-dispożizzjoni tawtorizza espressament lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jassumu li l-prodotti jew is-servizzi li għandhom ekotikketta partikolari jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Din id-dispożizzjoni ma tagħmilx sens jekk l-awtoritajiet kontraenti kienu awtorizzati biss li jsemmu individwalment id-diversi speċifikazzjonijiet, iżda mhux li jirreferu għall-ekotikketta nnifisha li tapprovahom.

59.      Għalhekk, f’din il-kawża, il-fatt li fid-dokumenti tal-kuntratt il-provinċja ta’ Noord-Holland irreferiet għal ekotikketta mingħajr ma elenkat fid-dettall l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li fuqhom hija bbażata, fih innifsu, ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18.

c)      Il-projbizzjoni li tiġi preskritta ekotikketta speċifika b’mod vinkolanti

60.      Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, il-mod kif il-provinċja ta’ Noord-Holland irreferiet, fil-punt 31 tal-lista ta’ rekwiżiti, għall-ekotikketta “EKO” jiksirx l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18.

61.      L-interpretazzjoni tal-fatti mill-partijiet tvarja fir-rigward ta’ dan il-punt. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li kien mitlub b’mod vinkolanti li l-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti jkollhom it-tikketta “EKO”, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-provinċja ta’ Noord-Holland riedet biss tordna kafè u te prodotti li jirriżultaw minn agrikoltura organika u li r-riferiment għat-tikketta “EKO” fil-lista ta’ rekwiżiti kellu biss bħala għan li jagħti eżempju ta’ dan ir-rekwiżit.

62.      L-argumenti tal-Kummissjoni huma iktar b’saħħithom.

63.      Huwa minnu li l-provinċja ta’ Noord-Holland, kemm fil-pubblikazzjoni tal-proġett tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, effettivament kienet enfasizzat ix-xewqa tagħha li tuża iktar prodotti li jirriżultaw mill-agrikoltura organika u mill-kummerċ ġust fil-magni tal-kafè tagħha. Madankollu, fil-lista ta’ rekwiżiti hija speċifikat, fis-sezzjoni “rekwiżiti”, li hija “kienet tuża” kafè u te bit-tikketta “EKO”. Fl-istess ħin, hija ddefinixxiet it-terminu “rekwiżit” fis-sens li jirreferi għal kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu sodisfatti b’mod obbligatorju inkella l-offerent jiġi eskluż mill-proċedura għall-għoti (21).

64.      L-offerenti potenzjali, li l-fehim tagħhom huwa kruċjali għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt (22), setgħu jifhmu biss dan kollu fis-sens li kienu mitluba jipprovdu kafè u te bit-tikketta “EKO” u li kienu se jiġu esklużi mill-proċedura għall-għoti jekk il-prodotti tagħhom ma jkollhomx speċifikament din it-tikketta.

65.      Dan it-tip ta’ rekwiżit imur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18), li għandhom jiġu osservati anki fl-kuntest tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18. Minn naħa, fil-fatt, l-impriżi, b’mod partikolari l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li l-kafè u t-te tagħhom għandhom tikketta oħra li ma hijiex it-tikketta “EKO”, użata fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma żvantaġġati. Min-naħa l-oħra, l-impriżi li jiddistribwixxu l-kafè u t-te prodotti b’agrikoltura organika iżda li ma għandhomx tikketta huma żvantaġġati.

66.      Għaldaqstant, il-provinċja ta’ Noord-Holland qabżet il-limiti ta’ dak li jippermettulha d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 u tal-Artikolu 23(3)(b) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tad-definizzjoni tal-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti. Hija ma rreferietx biss globalment għall-“ispeċifikazzjonijiet dettaljati” li fuqhom hija bbażata t-tikketta “EKO” (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18) u lanqas ma llimitat ruħha li ssemmi l-preżunzjoni li l-prodotti bit-tikketta “EKO” jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kuntratt (l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 23(6) tal-imsemmija direttiva). Għall-kuntrarju, hija ppreskriviet b’mod vinkolanti t-tikketta “EKO” bħala tali, bil-konsegwenza li setgħu biss jiġu pprovduti kafè u te speċifikament b’din it-tikketta, filwaqt li jiġi eskluż kull kafè jew te ieħor.

67.      Il-fatt li meta ġiet mistoqsija dwar dan l-awtorità kontraenti sussegwentement aċċettat, fin-nota ta’ informazzjoni tagħha, l-ispeċifikazzjoni “jew ekwivalenti” għal dak li jikkonċerna ż-żewġ tikketti użati minnha għall-kafè u t-te, ma jibdel xejn.

68.      Huwa minnu li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-kliem “jew ekwivalenti” ma jqajjimx oġġezzjonijiet. Fil-fatt, f’kuntest ieħor il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippreveda dan espressament [ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(3)(a), u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/18]. Speċifikament, u għall-kuntrarju ta’ dak li taħseb il-Kummissjoni, l-ispeċifikazzjoni “jew ekwivalenti” ma tistax tiġi miċħuda minħabba l-inċertezza legali li allegatament tikkawża. Huwa inerenti għal kull kuntratt pubbliku li l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-konformità tal-offerti ppreżentati mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, twettaq verifika tal-ekwivalenza (23).

69.      Madankollu, bħalma sostniet ġustament il-Kummissjoni, f’dan il-każ il-kjarifika permezz tal-ispeċifikazzjoni “jew ekwivalenti” ġiet inkluża biss, fin-nota ta’ informazzjoni, diversi ġimgħat wara li kienu ntbagħtu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt lill-partijiet ikkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li, sadattant, seta’ kien hemm xi offerent potenzjali li rrinunzja li jippreżenta l-offerta minħabba l-formulazzjoni iktar restrittiva fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jidher li kienet tindika l-obbligu tat-tikketta “EKO”, mingħajr l-ebda verifika tal-ekwivalenza.

70.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva li l-provinċja ta’ Noord-Holland ippubblikat in-nota ta’ informazzjoni li tispeċifika “jew ekwivalenti” fit-terminu previst fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2004/18, jiġifieri mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel id-data tal-għeluq iffissata għall-wasla tal-offerti.

71.      Madankollu, din l-oġġezzjoni hija irrilevanti. Il-perijodu ta’ sitt ijiem skont l-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2004/18 japplika biss għall-“informazzjoni addizzjonali relatata ma’ l-ispeċifikazzjonijiet u kwalunwe dokumenti sostinenti” ikkomunikati mill-awtorità kontraenti lill-offerenti potenzjali, fuq talba tagħhom. Ċertament, informazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tiċċara ċerti punti u tipprovdi ċertu tagħrif. Min-naħa l-oħra, żbalji legali fundamentali li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma jistgħux jiġu rrimedjati b’dan il-mod. Fil-fatt, id-dokumenti tal-kuntratt għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-offerenti potenzjali u ma huwiex possibbli li jsirulhom korrezzjonijiet fir-rigward ta’ punti essenzjali ftit jiem qabel id-data tal-għeluq iffissata għall-wasla tal-offerti.

d)      Konklużjoni intermedjarja

72.      Għalhekk, bħala sommarju, għandu jiġi kkonstatat li effettivament kien hemm ksur tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 minħabba l-fatt li l-provinċja ta’ Noord-Holland ippreskriviet b’mod vinkolanti ekotikketta speċifika, jiġifieri t-tikketta “EKO”, għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni hija fondata.

2.      It-tieni parti tal-ewwel motiv: ir-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti (Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18)

73.      It-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni tikkonċerna t-tikketta “Max Havelaar” li skont il-Kummissjoni, l-użu tagħha fil-punt 31 tal-lista ta’ rekwiżiti, ikkompletat sussegwentement mill-punt 11 tan-nota ta’ informazzjoni, imur kontra l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18.

a)      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18

74.      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18 huwiex applikabbli wkoll għal fatti bħal dawk f’din il-kawża.

75.      Il-Kummissjoni tidher li tixtieq tirrispondi immedjatament fl-affermattiv għal din id-domanda abbażi tal-fatt li, matul il-proċedura, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħa pożizzjoni fir-rigward tal-kontenut tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18. Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tinjora l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi esprima ruħu sussidjarjament biss dwar l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18, filwaqt li jibqa’ jikkontesta fermament li ma huwiex applikabbli għat-tikketta “Max Havelaar”. Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi daħal mingħajr ebda riżerva f’diskussjoni dwar l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli jew le. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk jeżistix jew le l-allegat nuqqas, anki jekk dan ma humiex, jew ma għadux iktar, ikkontestat (24). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tapplika intenzjonalment dispożizzjoni inkorretta, anki jekk il-partijiet jaqblu dwar l-applikazzjoni tagħha (25). Kif qal ġustament l-Avukat Ġenerali Léger, il-qorti bl-ebda mod ma hija passiva fir-rwol tagħha u ma tistax tintrabat li tkun biss il-“kelliem tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (26).

76.      Bħall-paragrafi l-oħra kollha tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18, il-paragrafu 8 tagħha, li huwa l-paragrafu inkwistjoni, jikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li bihom l-awtorità kontraenti tiddeskrivi s-suġġett tal-kuntratt. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, bir-riferiment li għamlet għat-tikketta “Max Havelaar”, il-provinċja ta’ Noord-Holland stabbilixxietx speċifikazzjoni teknika għall-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti.

77.      Bħalma diġa sostnejt iktar ’il fuq, skont l-Anness VI(1)(b) tagħha l-kliem “speċifikazzjonijiet tekniċi” fis-sens tad-Direttiva 2004/18 għandhom ifissru speċifikazzjonijiet f’dokument li jiddeskrivu l-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott. Għaldaqstant, dawn għandhom ikunu indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-proprjetajiet ta’ prodott. Din l-analiżi hija kkonfermata mil-lista tal-Anness VI(1)(b) tad-Direttiva 2004/18: l-eżempji tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ċċitati fiha kollha jikkonċernaw il-prodott stess, il-produzzjoni, l-ippakkjar u l-użu tiegħu.

78.      Għall-kuntrarju, it-tikketta “Max Havelaar” ma tikkonċernax il-karatteristiċi tal-prodotti, iżda l-kundizzjonijiet kummerċjali mogħtija lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. It-tikketta ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-proprjetajiet tal-prodott, iżda tindika jekk it-tranżazzjonijiet relatati miegħu kinux ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet mogħtija lill-bdiewa kkonċernati.

79.      Jekk napplikaw dan għal din il-kawża, dan ifisser li t-tikketta “Max Havelaar” ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-karatteristiċi u dwar il-mod ta’ produzzjoni tal-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti, bħal pereżempju t-togħma, il-livell ta’ kafeina jew l-użu ta’ pestiċidi, iżda tippermetti biss li jiġu dedotti l-kundizzjonijiet li bihom inxtara dan il-kafè jew it-te mingħand il-produtturi tagħhom. Bħalma ż-żewġ partijiet ġustament osservaw, dan jirrigwarda l-politika tal-akkwist tal-offerenti potenzjali.

80.      Għaldaqstant, bir-riferiment tagħha għat-tikketta “Max Havelaar”, l-awtorità kontraenti ma stabbiliet l-ebda speċifikazzjoni teknika fis-sens tad-Direttiva 2004/18, iżda, għall-kuntrarju, daħħlet kunsiderazzjonijiet soċjali fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

81.      Għaldaqstant, l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18 ma japplikax għal din il-kawża. Bħalma se nuri iktar ’il quddiem (27), ir-riferiment mill-awtorità kontraenti għal tikketta tali li jirriżultaw minn kummerċ ġust bħal “Max Havelaar” kellu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18.

82.      Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

83.      Għall-kuntrarju ta’ dak li apparentement taħseb il-Kummissjoni, il-motiv tagħha bbażat fuq l-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18 ma jistax sempliċement jiġi interpretat mill-ġdid bħala motiv meħud mill-Artikolu 26 ta’ din l-istess direttiva. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita (28), is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tistax taqbeż il-limiti tas-suġġett tal-kawża kif definit. Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni ilmentat, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, dwar ksur tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18, ma jistax jiġi kkonstatat, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja konsekuttiva, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, motiv li jfittex li jikkonstata tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa wkoll inammissibbli skont l-Artikolu 42(2) tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu kien biss fir-replika tal-Kummissjoni li tressaq għall-ewwel darba, mingħajr ma dan id-dewmien jidher li kien iġġustifikat b’raġunijiet validi.

b)      Sussidjarjament: fuq il-kompattibbiltà tar-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” mad-Direttiva 2004/18

84.      Għal finijiet ta’ kompletezza, iktar ’il quddiem se niffoka fil-qosor, sussidjarjament, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-riferiment tal-provinċja ta’ Noord-Holland għat-tikketta “Max Havelaar” kienx kompatibbli mad-Direttiva 2004/18.

i)      Id-dispożizzjoni applikabbli: l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18

85.      Bħalma r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi osserva ferm sew, il-legalità tar-riferiment, mill-awtorità kontraenti, għal tikketta tal-kummerċ ġust għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18, iżda tal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu “[i]niżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt”, liema kundizzjonijiet jistgħu “partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali”.

86.      Element li ma jistax jiġi injorat f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku huwa l-akkwist, mill-persuna li tieħu l-kuntratt, tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti lill-awtorità kontraenti. Il-punt dwar jekk prodott bħall-kafè jew it-te li għandu jiġi pprovdut lil awtorità kontraenti huwiex riżultat ta’ kummerċ ġust jiddependi mill-politika tal-akkwist, ibbażata fuq kriterji soċjali, tal-persuna li tieħu l-kuntratt.

87.      B’hekk, meta rreferiet għat-tikketta “Max Havelaar” fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, il-provinċja ta’ Noord-Holland fil-fatt stabbilixxiet kundizzjoni motivata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-politika soċjali fis-sens tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, għalkemm jista’ jagħti l-każ li l-istess provinċja kienet taħseb li d-dokumenti tal-kuntratt tagħha ma kinux jinkludu kundizzjonijiet ta’ dan it-tip (29).

ii)    Eżami tar-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” fid-dawl tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18

88.      Rigward il-mertu, il-Kummissjoni għandha tingħata raġun fir-rigward il-fatt li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 ma jikkonferixxix lill-awtorità kontraenti setgħa bla limiti li tinfluwenza l-politika tal-akkwist tal-persuna li eventwalment tieħu l-kuntratt. Ir-rekwiżiti tagħha dwar din il-politika tal-akkwist għandhom jirrigwardaw b’mod konkret is-suġġett tal-kuntratt pubbliku għal provvisti (30) u mhux jikkonċernaw, pereżempju, il-politika ġenerali tal-akkwist tal-persuna li tieħu l-kuntratt. Għalhekk, l-awtorità kontraenti ma tistax titlob li l-offerenti potenzjali jiddistribwixxu esklużivament prodotti li jirriżultaw minn kummerċ ġust, iżda tista’ titlob biss li l-prodotti li effettivament ikunu se jiġu pprovduti lilha fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku jkunu jirriżultaw minn kummerċ ġust. F’dan il-każ, il-provinċja ta’ Noord-Holland ma talbet xejn iktar.

89.      Lanqas il-fatt li awtorità kontraenti tirreferi għal tikketta tal-kummerċ ġust sabiex tesprimi l-kundizzjonijiet soċjali tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt imposti minnha, mingħajr ma telenka fid-dettall il-kriterji li fuqhom hija bbażata din it-tikketta, ma jqajjimx riżervi ta’ prinċipju fir-rigward tal-obbligu ta’ trasparenza li għandu jiġi osservat fil-kuntest tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 (31). Fil-fatt, bħalma diġà sostnejt fir-rigward tal-ekotikketti (32), minn offerent informat tajjeb u normalment diliġenti wieħed jistenna li jkun familjari mal-ekotikketti użati fil-kuntratt inkwistjoni jew, għall-inqas, li jikseb informazzjoni mingħand il-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ dawn it-tikketti dwar il-kriterji applikati minnhom.

90.      L-implementazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt kif ukoll l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-kuntratt jistgħu saħansitra jiġu notevolment iffaċilitati jekk l-impriżi kkonċernati jkunu awtorizzati jirreferu għal tikketti tal-kummerċ ġust sabiex jagħtu prova li huma josservaw il-kundizzjonijiet soċjali imposti mill-awtorità kontraenti. B’dan il-mod, il-piż amministrattiv jitnaqqas għal livell minimu kemm għall-awtorità kontraenti kif ukoll għall-offerenti potenzjali u l-persuna li eventwalment tieħu l-kuntratt.

91.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-awtoritajiet kontraenti ċertament ma jistgħux ikunu rikjesti jesprimu l-ideat tagħhom dwar il-kummerċ ġust fid-dokumenti tal-kuntratt. Ħafna drabi, xorta waħda ma jkollhomx l-għarfien meħtieġ f’dak il-qasam. Barra minn hekk, id-differenzi fl-ideat tal-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kummerċ ġust (pereżempju, dwar il-livell tal-prezz, it-tul ta’ żmien adegwat tar-relazzjonijiet bejn ix-xerrejja u l-produtturi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll dwar il-mod u l-portata tal-prefinanzjament tal-produzzjoni (33)) jinvolvu riskju serju ta’ frammentazzjoni tas-suq. Għaldaqstant, huwa fl-interess kemm tal-offerenti potenzjali kif ukoll tal-awtoritajiet kontraenti li fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti jkun jista’ jsir riferiment għal tikketti tal-kummerċ ġust.

92.      Madankollu, il-kundizzjonijiet soċjali tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt stabbiliti mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dan ifisser li ma għandhiex issir diskriminazzjoni, la diretta u lanqas indiretta (34).

93.      Dan l-aħħar rekwiżit ma ġiex osservat f’din il-kawża. Fil-fatt, il-provinċja ta’ Noord-Holland ma użatx it-tikketta “Max Havelaar” unikament sabiex tesprimi l-ideat tagħha tal-politika soċjali fir-rigward tal-kummerċ ġust. Lanqas ma llimitat ruħha li ssemmi l-preżunzjoni li l-prodotti li għandhom it-tikketta “Max Havelaar” jissodisfaw ir-rekwiżit tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħha motivati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali. Għall-kuntrarju, hija ppreskriviet b’mod vinkolanti t-tikketta “Max Havelaar” bħala tali, bil-konsegwenza li setgħu biss jiġu pprovduti kafè u te speċifikament b’din it-tikketta, filwaqt li jiġi eskluż kull kafè jew te ieħor (35).

94.      B’dan il-mod, minn naħa hija kkawżat dannu lill-impriżi, b’mod partikolari impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li l-kafè u t-te tagħhom għandhom tikketta oħra li ma hijiex it-tikketta “Max Havelaar”, li tintuża l-iktar fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju. Min-naħa l-oħra, hija qiegħdet fi żvantaġġ lill-impriżi li jiddistribwixxu l-kafè jew it-te prodott bil-kummerċ ġust iżda li ma għandux tikketta (36).

95.      Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jista’ jiġi konkluż li l-mod kif imxiet il-provinċja ta’ Noord-Holland, li jikkonsisti fil-preskrizzjoni, b’mod vinkolanti, li l-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti jkollhom tikketta tal-kummerċ ġust speċifika, jiġifieri t-tikketta “Max Havelaar”, ma kienx konformi mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18.

96.      Bħalma indikajt diġà (37), il-kjarifika magħmula sussegwentement mill-awtorità kontraenti fil-punt 11 tan-nota ta’ informazzjoni tagħha, li kienet tgħid li r-riferiment għat-tikketta “Max Havelaar” kellu jinftiehem li għandu miżjud miegħu l-kliem “jew ekwivalenti”, ma hijiex rilevanti għal din l-analiżi.

97.      Inċidentalment, ngħid ukoll li r-riflessjonijiet li għadni kif għamilt fir-rigward tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 huma rilevanti wkoll għall-finijiet tal-Artikolu 23(8) ta’ din id-direttiva fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis, għall-kuntrarju ta’ dak li argumentajt jiena iktar ’il fuq (38), li għandha tapplika din l-aħħar dispożizzjoni msemmija.

3.      Sommarju tal-ewwel motiv

98.      L-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa biss parzjalment fondat. Għandu jiġi aċċettat sa fejn jsostni ksur tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18; min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(8) tad-Direttiva 2004/18.

B –    It-tielet motiv: ir-riferiment, magħmul fil-kriterju għall-għoti, għat-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” fir-rigward tal-ingredjenti li għandhom jiġu pprovduti

99.      Minħabba r-rabta tematika mill-qrib mal-ewwel motiv, huwa xieraq li t-tielet motiv imressaq mill-Kummissjoni jiġi eżaminat wara l-ewwel wieħed. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, li jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti li l-awtoritajiet kontraenti huma awtorizzati japplikaw sabiex jagħtu l-kuntratt. Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma ġietx osservata minħabba l-fatt li l-provinċja ta’ Noord-Holland irreferiet, meta fformulat il-kriterji għall-għoti tagħha, għat-tikketti “Max Havelaar” u/jew “EKO”, u fi kwalunkwe każ għal tikketti li huma bbażati fuq l-istess kriterji.

100. F’termini konkreti, dan il-motiv jikkonċerna l-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti, li jinforma lill-offerenti bix-“xewqa” tal-provinċja ta’ Noord-Holland li l-“ingredjenti” li għandhom jiġu pprovduti (jiġifieri z-zokkor, il-ħalib tat-trab u l-kawkaw) ikunu konformi, “jekk possibbli”, mat-tikketti “EKO” u/jew “Max Havelaar”. L-osservanza ta’ din ix-“xewqa” tista’ tiġi ppremjata, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti b’massimu ta’ 15-il punt. Barra minn hekk, fil-punt 12 tan-nota ta’ informazzjoni, l-awtorità kontraenti speċifikat li hija kienet se taċċetta wkoll tikketti “ekwivalenti”, u żiedet tgħid li l-ingredjenti seta’ “jkollhom tikketta bbażata fuq l-istess kriterji” bħat-tikketti “EKO” u “Max Havelaar”.

1.      Osservazzjoni preliminari

101. L-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 jiġi applikat fil-każ li l-awtorità kontraenti tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li tagħti l-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (39). Bħalma jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kelma “pereżempju”, id-Direttiva 2004/18 stess ma telenkax b’mod eżawrjenti l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi stabbilita l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (40).

102. Dawn il-kriterji ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura purament ekonomika. Fil-fatt, il-valur ta’ offerta għall-awtorità kontraenti jista’ jiġi influwenzat ukoll minn fatturi li ma jaqgħux taħt approċċ purament ekonomiku. Dan jirriżulta mill-istess test tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, li jistipula li n-natura estetika u funzjonali kif ukoll il-karattersitiċi ambjentali, fost affarijiet oħra, jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (41).

103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, xejn ma jostakola lil awtorità kontraenti milli tikkunsidra wkoll aspetti ekoloġiċi u soċjali (42).

104. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li kull kriterju ta’ din in-natura jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-imsemmija awtorità kontraenti. Għall-kuntrarju, skont il-ġurisprudenza, jistgħu jiġu kkunsidrati biss il-kriterji li huma intiżi sabiex effettivament jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (43).

105. F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti ma għandhiex libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet (44). Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, il-kriterji li tapplika l-awtorità kontraenti għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni (45). Huma għandhom jippermettu li jiġi stabbilit liema offerta hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (46). Barra minn hekk, għandhom ikunu kriterji oġġettivi li jiżguraw konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u li jiggarantixxu li l-offerti huma evalwati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva (47).

106. F’din il-kawża, il-Kummissjoni tqis li dawn il-prinċipji ma ġewx osservati minn żewġ aspetti: minn naħa, hija ssostni li ma teżisti l-ebda rabta bejn it-tikketti “Max Havelaar” u “EKO” u s-suġġett tal-kuntratt pubbliku (dwar dan il-punt, ara s-sezzjoni 2 iktar ’il quddiem). Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-provinċja ta’ Noord-Holland ikklassifikat iż-żewġ tikketti bħala kriterji għall-għoti minflok ma ħadet biss inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti bażiċi li fuqhom huma bbażati (dwar dan l-aspett, ara s-sezzjoni 3 iktar ’il quddiem). Dawn huma ż-żewġ argumenti mressqa mill-Kummissjoni li se neżamina iktar fid-dettall iktar ’il quddiem.

2.      L-ewwel argument imressaq insostenn tat-tielet motiv: l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt pubbliku u ż-żewġ tikketti

107. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li ma teżisti l-ebda rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt pubbliku u ż-żewġ tikketti “EKO” u “Max Havelaar” li fuqhom ibbażat ruħha l-provinċja ta’ Noord-Holland, peress li dawn it-tikketti huma relatati mal-politika ġenerali tal-akkwist tal-offerenti potenzjali biss.

108. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti u, barra minn hekk, jikkontradixxi l-argumentazzjoni mressqa mill-Kummissjoni stess fil-kuntest tal-ewwel motiv (48). Għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, iż-żewġ tikketti inkwistjoni għandhom rabta suffiċjenti mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku.

109. Għaldaqstant, it-tikketta “EKO” tikkonċerna direttament il-karatteristiċi, iktar preċiżament il-karatteristiċi ambjentali, tal-ingredjenti li għandhom jiġu pprovduti. Tikketta, li l-Kummissjoni stess ikklassifikat, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 u (3)(b) tal-istess artikolu, ta’ speċifikazzjoni teknika intiża sabiex tistabbilixxi l-prestazzjoni jew ir-rekwiżiti funzjonali tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti, ma tistax tiġi miċħuda kwalunkwe rabta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku fil-kuntest tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2004/18.

110. Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-tikketta “Max Havelaar”, huwa minnu li hija ma tiddefinixxix strettament il-karatteristiċi tal-prodotti, peress li dawn huma suġġetti għal speċifikazzjonijiet tekniċi (Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18) (49). Madankollu, din it-tikketta tindika jekk it-tranżazzjonijiet relatati ma’ dawn il-prodotti kinux ġusti. Dan it-tip ta’ aspett jista’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt (Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18) (50). Għalhekk, ir-rabta mas-suġġett tal-kuntratt (f’dan il-każ, il-provvista ta’ “ingredjenti” bħaz-zokkor, il-ħalib tat-trab u tal-kawkaw) ma tistax tiġi miċħuda a priori. Fil-fatt, għal awtorità kontraenti li tagħti importanza lil aġir soċjalment responsabbli, bħalma juru d-dokumenti tal-kuntratt, il-punt dwar jekk il-prodotti li għandhom jiġu pprovduti nxtrawx mingħand il-produtturi tagħhom f’kundizzjonijiet ġusti jista’ jagħmel differenza waqt l-istabbiliment tar-relazzjoni bejn il-kwalità/prezz. Ovvjament, it-togħma taz-zokkor ma tinbidilx skont jekk ikunx zokkor li jirriżulta minn kummerċ ġust jew le. Madankollu, prodott li jkun ġie kkummerċjalizzat f’kundizzjonijiet inġusti jħalli togħma qarsa f’ħalq konsumatur li jkun konxju mir-responsabbiltajiet soċjali tiegħu.

111. Ċertament ikun eċċessiv kieku, fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni li tevalwa l-politika ġenerali tal-akkwist tal-offerenti potenzjali u tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-prodotti kollha li huma jiddistribwixxu, irrispettivament minn jekk ikunux is-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jew le, humiex riżultat ta’ kummerċ ġust (51).

112. Madankollu, fil-kawża inkwistjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett tal-kummerċ ġust ċertament ma jmurx f’din l-estremità. Bħalma osserva ġustament ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-provinċja ta’ Noord-Holland semmiet biss, fil-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti tagħha, il-kriterju dwar jekk l-“ingredjenti” li għandhom jiġu pprovduti lilha kellhomx tikketta li turi li huma kienu jirriżultaw minn kummerċ ġust. Għaldaqstant, l-użu tat-tikketta “Max Havelaar” fid-dokumenti tal-kuntratt inkwistjoni kellu evidentement rabta speċifika mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku.

113. Għaldaqstant, l-ewwel argument imressaq mill-Kummissjoni insostenn tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

3.      It-tieni argument imressaq insostenn tat-tielet motiv: ir-riferiment għat-tikketti u mhux għall-kriterji li fuqhom huma bbażati dawn it-tikketti

114. Jonqos li neżamina jekk il-mod kif il-provinċja ta’ Noord-Holland irreferiet, fil-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti, għat-tikketti “EKO” u “Max Havelaar” jiksirx l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18.

115. L-interpretazzjoni tal-fatti mill-partijiet tvarja fir-rigward ta’ dan il-punt. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-awtorità kontraenti stabbilixxiet it-tikketta “EKO” u t-tikketta “Max Havelaar” bħala kriterji għall-għoti fir-rigward tal-“ingredjenti” li għandhom jiġu pprovduti (jiġifieri z-zokkor, il-ħalib tat-trab u l-kawkaw), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-provinċja ta’ Noord-Holland xtaqet biss tirreferi għar-rekwiżiti bażiċi li fuqhom huma bbażati dawn iż-żewġ tikketti.

116. L-argumenti tal-Kummissjoni huma iktar b’saħħithom.

117. Huwa minnu li, kemm fl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-provinċja ta’ Noord-Holland kienet enfasizzat, bi kliem vag ħafna, li kellha l-intenzjoni tuża iktar prodotti organiċi u li jirriżulta minn kummerċ ġust fil-magni tal-kafè tagħha. Madankollu, fil-punt 35 tal-lista ta’ rekwiżiti, hija esprimiet ix-“xewqa” li l-ingredjenti jkunu konformi, “jekk possibbli”, mat-tikketti “EKO” “u/jew” “Max Havelaar”. Hija ppreċiżat din id-dikjarazzjoni fil-punt 12 tan-nota ta’ informazzjoni fis-sens li l-ingredjenti seta’ jkollhom tikketta oħra, li tkun ibbażata fuq l-istess kriterji bħat-tikketti “EKO” u “Max Havelaar”. Min-naħa l-oħra, la fil-lista ta’ rekwiżiti u lanqas fin-nota ta’ informazzjoni ma jissemmew prodotti organiċi jew li jirriżulta minn kummerċ ġust mingħajr tikketta.

118. L-offerenti potenzjali, li l-fehim tagħhom huwa kruċjali għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt (52), setgħu jifhmu biss dan kollu fis-sens li, sabiex jiksbu l-ikbar ammont ta’ punti possibbli, il-prodotti li kellhom jipprovdu kellu jkollhom it-tikketta “EKO” u/jew it-tikketta “Max Havelaar”, jew għall-inqas tikketti ekwivalenti.

119. Dan il-mod kif imxiet l-awtorità kontraenti ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-formulazzjoni ta’ kriterji għall-għoti li jirriżultaw mill-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18.

120. Għall-kuntrarju ta’ dak li taħseb il-Kummissjoni, il-kawża ta’ dan assolutament ma hijiex allegat nuqqas ta’ trasparenza (53) minħabba r-riferiment għaż-żewġ tikketti. Fil-fatt, bħalma indikajt diġà (54), minn offerent informat tajjeb u normalment diliġenti wieħed ċertament jistenna li jkun familjari mal-ekotikketti użati fil-kuntratt inkwistjoni jew, għall-inqas, li jikseb informazzjoni mingħand il-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ dawn it-tikketti dwar il-kriterji applikati minnhom.

121. Fil-fatt kien assolutament possibbli li offerenti potenzjali joffru prodotti b’tikketti oħra, ibbażati fuq l-istess kriterji bħat-tikketti “EKO” u “Max Havelaar”. Fil-fatt, bħalma sostna l-gvern Olandiż mingħajr ma kien kontradett, it-tikketta “EKO” (55) hija bbażata biss fuq il-kriterji tar-regolamenti Ewropej dwar il-prodotti tal-agrikoltura organika (56) u t-tikketta “Max Havelaar” hija sostanzjalment identika għat-tikketa “Fairtrade” li teżisti fil-livell internazzjonali u li tingħata f’numru kbir ta’ Stati mill-korpi li ngħaqdu flimkien fi ħdan il-Fairtrade Labelling Organisation (57).

122. Madankollu, il-fatt li awtorità kontraenti tippremja b’punti addizzjonali, bħalma għamlet f’dan il-każ il-provinċja ta’ Noord-Holland, fil-kuntest tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, il-fatt li l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti jkollhom tikketti ta’ produzzjoni organika u tal-kummerċ ġust imur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament (58) kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni (59) li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 (60). Fil-fatt, dan iwassal sabiex jiġu żvantaġġjati l-impriżi li jiddistribwixxu prodotti li jirriżultaw minn agrikoltura organika u minn kummerċ ġust iżda li ma għandhomx tikketta. L-offerenti potenzjali għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovaw li l-prodotti tagħhom jissodisfaw kompletament il-kriterji għall-għoti stipulati mill-awtorità kontraenti anki jekk ikollhom tikketta differenti minn dawk iċċitati mill-awtorità kontraenti jew ma jkollhom ebda tikketta.

123. F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jipprovdi li t-tikketti “EKO” u “Max Havelaar” ma kinux jikkostitwixxu rekwiżiti obbligatorji f’dak li jirrigwarda l-“ingredjenti” li għandhom jiġu pprovduti, iżda kienu biss “xewqat” tal-awtorità kontraenti mhux ta’ natura vinkolanti, u ppremjati b’numru ta’ punti insinjifikattivi. Minn naħa, fil-fatt, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li tinkludi sistema ta’ evalwazzjoni permezz ta’ punti, ftit punti jistgħu jistabbilixxu jekk offerent jingħatax il-kuntratt jew jitilfux. Min-naħa l-oħra, il-kriterji kollha għall-għoti, inklużi dawk li l-awtorità kontraenti tathom importanza relattivament baxxa waqt l-evalwazzjoni, għandhom ikunu konformi, mingħajr ebda eċċezzjoni, mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi li huma l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati fl-istadji kollha tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt (61).

124. Għaldaqstant, bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18. It-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

C –    It-tieni motiv: l-allegat riferiment għal akkwisti sostennibbli u għal aġir soċjalment responsabbli bħala kriterju tal-adattabbiltà

125. It-tieni motiv imressaq mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikoli 2, 44(2) kif ukoll 48(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18, li jistabbilixxu, minn naħa, il-prinċipju ta’ trasparenza tal-għoti ta’ kuntratti (Artikolu 2) u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-impriżi mill-awtorità kontraenti (Artikoli 44 u 48). Il-Kummissjoni tqis li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati inkwantu l-provinċja ta’ Noord-Holland stabbilixxiet kriterji u talbet provi li jirrigwardaw, skont il-Kummissjoni, l-aġir relatat mal-akkwist sostennibbli u soċjalment responsabbli tal-offerenti potenzjali inġenerali.

126. B’mod iktar speċifiku, dan il-motiv jikkonċerna s-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fejn il-provinċja ta’ Noord-Holland teżiġi li l-offerenti potenzjali josservaw “il-kriterji ta’ sostennibbiltà tal-akkwisti u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi”. F’din is-subsezzjoni, l-offerenti huma mitluba wkoll jispjegaw kif jissodisfaw “il-kriterji ta’ sostennibbiltà tal-akkwisti u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi” u jindikaw kif jikkontribwixxu “sabiex is-suq tal-kafè jsir iktar sostennibbli u sabiex il-produzzjoni tal-kafè ssir ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament responsabbli” (62).

1.      L-ewwel parti tat-tieni motiv: rekwiżiti allegatament illegali fir-rigward tal-prova tal-kapaċitajiet tekniċi tal-offerenti (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 48(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18)

127. L-ewwel parti tat-tieni motiv hija speċifikament iddedikata għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-prova tal-kapaċitajiet tekniċi tal-offerenti. Skont il-Kummissjoni, il-provinċja ta’ Noord-Holland, bid-dikjarazzjonijiet li għamlet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-politika tal-akkwisti sostennibbli u għall-aġir soċjalment responsabbli tal-offerenti potenzjali, qabżet il-limiti stretti stabbiliti mill-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18 fir-rigward tal-evalwazzjoni u l-verifika tal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi.

128. Bħalma josserva ġustament ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, din il-parti tat-tieni motiv hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, ir-rekwiżiti li għalihom huma suġġetti l-offerenti potenzjali ma jikkonċernawx il-kapaċitajiet tekniċi jew professjonali tagħhom. Għall-kuntrarju, bħalma jirriżulta mit-titolu tas-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dawn huma “[r]ekwiżiti ta’ kwalità” li jirrigwardaw is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.

129. Anki l-eżami tal-kuntest ġenerali, li jinkludi s-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jikkonferma din l-impressjoni. Fil-fatt, is-sezzjoni 4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt intitolata “Rekwiżiti ta’ adattabbiltà/rekwiżiti minimi”, u dan jagħti ħjiel li din is-sezzjoni ma tittrattax biss l-adattabbiltà tal-offerenti potenzjali (jew il-kapaċitajiet tagħhom), bħas-subsezzjoni 4.4.3, li hija ddedikata għall-esperjenza tal-offerenti, iżda tittratta wkoll aspetti oħra. Dawn l-aspetti l-oħra jinkludu l-kwistjoni, li qiegħda tiġi kkontestata hawnhekk, dwar kif l-offerent għandu l-intenzjoni li josserva r-rekwiżiti tas-sostennibbiltà u tal-aġir soċjalment responsabbli (subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

130. Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-analiżi tal-Kummissjoni, is-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 48(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18 u, għalhekk, lanqas ma tista’ tiġi evalwata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

131. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tkun tixtieq tapplika din id-dispożizzjoni, hija ma tostakolax kundizzjoni ta’ kuntratt pubbliku bħal dik imsemmija fis-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

132. Huwa paċifiku li effettivament l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18 jinkludi lista eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżigu mingħand l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-kapaċitajiet tekniċi tagħhom (63).

133. Madankollu, għar-“rekwiżiti ta’ kwalità” tagħha tas-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-provinċja ta’ Noord-Holland setgħet tibbaża ruħha fuq waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2004/18, u b’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjoni taħt (ċ), li tipprovdi b’mod ċar li l-kapaċitajiet tekniċi ta’ fornitur jistgħu jiġu ġġustifikati minn “deskrizzjoni […] [tal-]miżuri użat […] biex tiġi żgurata l-kwalità”. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi korrettament semma tali ċirkustanza.

134. Għaldaqstant, l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18 hija infondata.

2.      It-tieni parti tat-tieni motiv: l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn ir-rekwiżiti tal-adattabbiltà tal-offerenti u s-suġġett tal-kuntratt (Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18)

135. It-tieni parti tat-tieni motiv hija bbażata fuq l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18. Din id-dispożizzjoni tipprovdi essenzjalment li l-awtorità kontraenti tista’ tifformula rekwiżiti minimi fir-rigward tal-adattabbiltà tal-offerenti potenzjali sa fejn dawn ikunu relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt (64).

136. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 ma ġiex osservat minħabba l-fatt li fil-fehma tagħha, id-dikjarazzjonijiet dwar il-politika tal-akkwisti sostennibbli u tal-aġir soċjalment responsabbli tal-offerenti potenzjali li jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma għandhomx rabta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku għal provvisti inkwistjoni, anzi huma jikkonċernaw il-politika ġenerali tal-akkwist tal-operaturi ekonomiċi.

137. Ma jistax jitqies li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi aċċetta din l-allegazzjoni minħabba l-fatt li ddefenda ruħu b’relattivament inqas ħeġġa kontra din l-allegazzjoni fil-proċedura prekontenzjuża (65). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemm l-ebda regola ta’ proċedura li tirrikjedi li Stat Membru jressaq l-argumenti kollha għad-difiża tiegħu waqt il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE (66). Fi kwalunkwe każ, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddefenda ruħu b’mod vigoruż kontra l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18.

138. Barra minn hekk, l-ilment dwar ksur tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 huwa infondat. Fil-fatt, minn naħa, bħalma diġà għedt iktar ’il fuq, dan l-ilment ma jikkonċernax (67) rekwiżit relatat mal-adattabbiltà jew il-kapaċitajiet tal-offerenti potenzjali li ssemmi s-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u għalhekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18 lanqas biss japplika. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi sostnut li s-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma għandhiex rabta suffiċjenti mas-suġġett tal-kuntratt.

139. Sa fejn huwa rilevanti għall-finijiet tal-ilment ifformulat mill-Kummissjoni, is-suġġett tal-kuntratt kien il-provvista ta’ kafè, te u “ingredjenti” oħra għal magni tal-kafè, u l-awtorità kontraenti tat importanza espressament lin-natura “sostennibbli” tal-prodotti, li hija xtaqet li jkunu jirriżultaw, minn naħa, mill-agrikoltura organika u, minn naħa l-oħra, mill-kummerċ ġust. Bħalma indikajt diġà fil-kuntest tal-ewwel motiv, dan it-tip ta’ rekwiżiti huwa intiż sabiex jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti (karatteristiċi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18), u parzjalment sabiex jiddeskrivi kundizzjonijiet oħra ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt (aspetti soċjali fis-sens tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18).

140. Għaldaqstant, peress li s-sostennibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent għandhom rwol importanti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, ma tistax tiġi miċħuda lill-awtorità kontraenti l-possibbiltà li tistaqsi lill-offerenti potenzjali kif se jissodisfaw “il-kriterji ta’ sostennibbiltà tal-akkwisti u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi” u li titlobhom jindikaw kif se jikkontribwixxu “sabiex is-suq tal-kafè jsir iktar sostennibbli u sabiex il-produzzjoni tal-kafè ssir ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament responsabbli”.

141. Min-naħa ta’ awtorità kontraenti, huwa assolutament leġittimu li din titlob lill-offerenti potenzjali jinformawha dwar il-mod kif beħsiebhom jilħqu l-għanijiet tal-kuntratt li tkun stabbilixxiet. Għall-kuntrarju ta’ dak li taħseb il-Kummissjoni, din it-talba ma tikkonċernax, prinċipalment, il-politika ġenerali tal-akkwist tal-offerenti potenzjali iżda, għall-kuntrarju, hija tikkonċerna l-aġir tagħhom fil-qasam tal-akkwist b’rabta mal-prodotti li għandhom konkretament jiġu pprovduti, jiġifieri l-kafè, it-te u l-“ingredjenti” l-oħra (68).

142. Għaldaqstant, l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18 hija infondata wkoll.

3.      It-tielet parti tat-tieni motiv: l-allegat ksur tal-obbligu ġenerali ta’ trasparenza (Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18)

143. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tressaq sussidjarjament l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ġenerali ta’ trasparenza, imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 (69).

144. L-għan ta’ dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt Ewropew tal-kuntratti pubbliċi huwa essenzjalment li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan il-prinċipju jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura għall-għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u mhux ambigwu fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex b’hekk, minn naħa, l-offerenti kollha informati tajjeb u normalment diliġenti jkunu jistgħu jifhmu l-portata preċiża tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti mressqa mill-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (70).

145. Il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li r-rekwiżiti msemmija fis-subsezzjoni 4.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ġew ifformulati b’mod ġenerali u vag wisq.

146. Jiena naqbel ma’ din il-fehma. Mis-silta kkontestata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma huwiex suffiċjentement ċar x’tip ta’ spjegi u provi tirrikjedi l-awtorità kontraenti mingħand l-offerenti potenzjali. Barra minn hekk, il-formulazzjonijiet magħżula mill-provinċja ta’ Noord-Holland ma jippermettux li wieħed ikun jaf b’ċertezza x’tifhem eżatt bil-kliem “sostennibbiltà tal-akkwisti u […] responsabbiltà soċjali tal-impriżi” kif ukoll bil-kliem dwar il-kontribut “sabiex is-suq tal-kafè jsir iktar sostennibbli u sabiex il-produzzjoni tal-kafè ssir ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament responsabbli”.

147. Kien hemm bżonn deskrizzjoni iktar speċifika ta’ dak li l-provinċja ta’ Noord-Holland kienet qiegħda tistenna mill-offerenti tagħha. Pereżempju, il-provinċja setgħet talbet informazzjoni dwar il-ftehim ta’ kummerċ ġust u ta’ produzzjoni organika li l-offerenti potenzjali possibbilment ikkonkludew mal-fornituri rispettivi tagħhom. Il-provinċja setgħet ukoll tistieden lill-offerenti potenzjali jispeċifikaw il-miżuri adottati bl-għan li jiżguraw li dan il-ftehim jiġi osservati.

148. Fi kwalunkwe każ, l-oġġezzjoni mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri li diversi organizzazzjonijiet internazzjonali ddefinixxew il-kunċett ta’ sostennibbiltà, ma ġietx sostanzjata suffiċjentement sabiex ikun jista’ jiġi kkonfutat l-ilment ta’ nuqqas ta’ trasparenza.

149. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18. Minn dan jirriżulta li tielet parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni hija fondata.

D –    Sommarju

150. Bħala konklużjoni, nista’ nikkonstata li d-Direttiva 2004/18 ċertament tippermetti li l-awtorità kontraenti tieħu inkunsiderazzjoni aspetti ekoloġiċi u soċjali fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, inkluż li tirreferi, fil-kundizzjonijet tas-sejħa għal offerti, għal tikketti eżistenti fl-oqsma tal-ambjent u tal-kummerċ ġust.

151. Madankollu, l-awtorità kontraenti ma tistax tirrikjedi li l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti jkollhom tikketta speċifika, iżda għandha taċċetta wkoll tikketti oħra u anki prodotti mingħajr tikketta, sakemm il-karatteristiċi ambjentali tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti imposti mill-awtorità kontraenti.

152. Barra minn hekk, fl-għoti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-politika ġenerali tal-akkwist tal-offerenti, iżda tista’ tikkunsidra biss l-aġir tal-akkwist tagħhom fir-rigward tal-prodotti li għandhom effettivament jiġu pprovduti. Fil-każ li awtorità kontraenti titlob lill-offerenti informazzjoni u provi li jirrigwardaw is-sostennibbiltà tal-prodotti u tal-politika kummerċjali tagħhom, dan ir-rekwiżit irid ikun suffiċjentement marbut mas-suġġett tal-kuntratt u jkun ifformulat f’termini konkreti.

153. Fil-każ ineżami, il-provinċja ta’ Noord-Holland ikkonformat ma’ dawn ir-regoli parzjalment biss. Fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku għall-provvisti inkwistjoni, li ngħata matul is-sena 2008, hija kisret tliet dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni: l-Artikoli 2, 23(6) u 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18. Min-naħa l-oħra, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tad-dispożizzjonijiet l-oħra invokati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikoli 23(8), 44(2) kif ukoll 48(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18.

VI – Spejjeż

154. Skont l-Artikolu 69(3) tar-regoli tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod partikolari meta l-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

155. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, f’dan il-każ il-Kummissjoni għandha raġun f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, it-tielet parti tat-tieni motiv tagħha u t-tielet motiv tagħha, filwaqt li hija tilfet fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv tagħha.

156. F’dawn il-kundizzjonijiet, jidhirli li huwa raġonevoli li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha (71).

VII – Konklużjoni

157. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati minħabba l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista u l-ġestjoni ta’ magni tal-kafè implementata matul is-sena 2008, il-provinċja ta’ Noord-Holland

–        ippreskriviet b’mod vinkolanti li l-kafè u t-te li għandhom jiġu pprovduti għandu jkollhom it-tikketta “EKO” jew tikketta bbażata fuq kriterji komparabbli, u b’hekk kisret l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18,

–        imponiet, fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, “rekwiżiti ta’ kwalità” mhux ċari li l-offerenti potenzjali kellhom jissodisfaw fir-rigward tal-“kriterji ta’ sostennibbiltà tal-akkwist u ta’ responsabbiltà soċjali tal-impriżi”, u b’hekk kisret l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, u

–        ipprevediet, fil-kuntest tal-kriterji għall-għoti, li tippremja b’punti addizzjonali l-fatt li l-“ingredjenti” li għandhom jiġu pprovduti jkollhom it-tikketta “EKO” u/jew “Max Havelaar” jew tikketti bbażati fuq l-istess kriterji, u b’hekk kisret l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


3 —      ĠU 2008, S 158-213630.


4 —      Punt II.1.5 tal-avviż ta’ kuntratt.


5 —      Punt III.1.4 tal-avviż ta’ kuntratt.


6 —      Punt IV.2.1 tal-avviż ta’ kuntratt.


7 —      “Offerteaanvraag ‘Koffieautomaten’” tal-11 ta’ Awwissu 2008 (referenza: PNH‑45096).


8 —      Avviż tal-għoti ta’ kuntratt, ĠU 2008, S 250‑333033.


9 —      Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, l-isem “Max Havelaar” ittieħed mit-titolu ta’ ktieb magħruf ħafna tal-letteratura Olandiża: Max Havelaar of de koffieveilingen der Nederlandsche Handelsmaatschappij (Max Havelaar jew il-bejgħ tal-kafè tal-kumpannija kummerċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi). Dan il-ktieb, ippubblikat fl-1859 minn Multatuli (psewdonimu ta’ Edouard Douwes Dekker), jittratta l-inġustizzji soċjali li jeżistu fis-settur tal-kultivazzjoni tal-kafè f’dawk li qabel kienu l-Indji tal-Lvant Olandiżi (dik li llum il-ġurnata hija l-Indoneżja) b’konsegwenza tal-politika kolonjali Olandiża.


10 —      Ara s-sit www.fairtrade.net (l-aħħar darba li ġie kkonsultat kien fil-25 ta’ Ottubru 2011).


11 —      Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxa għall-inqas li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2, 23(6) u 53 tad-Direttiva 2004/18 “ma ġewx osservati sal-inqas dettall”. Min-naħa l-oħra, fir-risposta għall-opinjoni motivata ma hemm ebda dikjarazzjoni f’dan is-sens.


12 —      F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punti 28 sa 30), u tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, Ġabra p. I‑7213, punti 53 sa 69), kif ukoll il-premessi 1, 5, 29, 33, 44 u 46 tad-Direttiva 2004/18.


13 —      Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Lulju 2001, dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u l-possibbiltajiet li jiġu integrati kunsiderazzjonijiet ambjentali f’dawn il-kuntratti [COM(2001) 274 finali, ĠU C 333, p. 12]; Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ottubru 2001, dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u l-possibbiltajiet li jiġu intergrati kunsiderazzjonijiet ambjentali f’dawn il-kuntratti [COM(2001) 566 finali, ĠU C 333, p. 27]; Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tas-16 ta’ Lulju 2008, Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar [COM(2008) 400 finali]; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-5 ta’ Mejju 2009, — Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibbilità relatati mal-kummerċ [COM(2009) 215 finali, p. 10]; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 “EWROPA 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” [COM(2010) 2020 finali, p. 18 u 19].


14 —      Rigward dan il-punt, ara d-deskrizzjoni ġenerali tal-kuntratt fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (siltiet minnhom ġew riprodotti fil-punti 15 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


15 —      Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2000, dwar skema riveduta tal-għoti tal-eko-tikketta Komunitarja (ĠU L 237, p. 1).


16 —      Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU 2010, L 27, p. 1).


17 —      Rigward dan il-punt, ara l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-emenda 45 fil-proposta għal direttiva emendata tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvisti, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet [COM(2002) 236 finali, ĠU C 203E, p. 210, 215, il-kolonna tal-lemin]. Dan il-punt, li tqajjem espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, ma ġiex ikkontestat bejn il-partijiet.


18 —      Artikolu 2 u l-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18.


19 —      Ara wkoll l-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2004/18; f’dan l-istess sens ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 111).


20 —      Rigward il-kriterju tal-offerent li jkun informat tajjeb u normalment diliġenti, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C‑448/01, Ġabra p. I‑14527, punt 57), u Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 111).


21 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 —      F’dan ir-rigward, fuq l-istabbiliment tal-valur ta’ kuntratt pubbliku ta’ kostruzzjoni, ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punt 53).


23 —      F’dan ir-rigward, ara wkoll l-aħħar parti tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(6), kif ukoll il-premessa 29 (b’mod partikolari l-ħames sentenza) tad-Direttiva 2004/18.


24 —      Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑243/89, Ġabra p. I‑3353, punt 30), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑438/07, Ġabra p. I‑9517, punt 53).


25 —      F’dan ir-rigward, ara d-digriet tas-27 ta’ Settembru 2004, UER/M6 et (C‑470/02 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 69), u s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 65).


26 —      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421), punt 36.


27 —      Ara l-punti 85 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 —      Ara, bħala eżempji, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑34/04, Ġabra p. I‑1387, punt 49), u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 33).


29 —      Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30 —      F’dan ir-rigward ara, għalkemm jikkonċernaw kriterji ta’ għoti ekoloġiċi, is-sentenzi Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, l-aħħar sentenza ta’ punt 59, u punt 64) u EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 66).


31 —      Ara l-Artikolu 2, kif ukoll il-premessa 2 u 33 tad-Direttiva 2004/18.


32 —      Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33 —      Barra minn hekk il-kundizzjonijiet kummerċjali adegwati jistgħu jvarjaw minn prodott għal ieħor u minn pajjiż produttur għal ieħor. Fil-każ ta’ dubju, il-korp taċ-ċertifikazzjoni li jagħti tikketta ta’ kummerċ ġust huwa, mingħajr dubju, f’pożizzjoni aħjar li jagħmel evalwazzjoni oġġettiva minn fornitur jew awtorità kontraenti.


34 —      Il-premessa 29 tad-Direttiva 2004/18; fl-istess rigward, ara s-sentenza Beentjes (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 30).


35 —      Rigward dan il-punt, ara wkoll il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar it-tikketta “EKO”.


36 —      Rigward dan il-punt, ara wkoll il-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-rigward tat-tikketta “EKO”.


37 —      Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38 —      Ara l-punti 74 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 —      F’dan ir-rigward, dwar id-dispożizzjonijiet li ppreċedew l-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18, ara s-sentenzi Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 54); tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction (C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 35); tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 63), u tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et (C‑532/06, Ġabra p. I‑251, punt 29).


41 —      F’dan ir-rigward, diġà semmejt is-sentenza Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 55).


42 —      Ara wkoll ir-raba’ paragrafu tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18.


43 —      Sentenzi Beentjes (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 19), SIAC Construction (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 36), Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 59), GAT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 64) u Lianakis et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 29 u 30).


44 —      Sentenzi Beentjes (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 26), SIAC Construction (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 37), Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 61 u 64), u tal-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et (C‑331/04, Ġabra p. I‑10109, punt 21).


45 —      F’dan ir-rigward, diġà semmejt is-sentenzi Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, l-aħħar sentenza tal-punt 59, u punt 64), EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 66) u ATI EAC e Viaggi di Maio et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 21).


46 —      It-tielet paragrafu tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18; ara, barra minn hekk, il-premessa 5 ta’ din id-direttiva.


47 —      L-ewwel paragrafu tal-premessa 46 u l-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18; fl-istess rigward, is-sentenzi Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12) u ATI EAC e Viaggi di Maio et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 21).


48 —      Fl-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni kkunsidrat kemm it-tikketta “EKO” kif ukoll it-tikketta “Max Havelaar” bħala tikketti li jikkostitwixxu speċifikazzjonijiet tekniċi u evalwathom fid-dawl tal-Artikolu 23(6) u (8) tad-Direttiva 2004/18.


49 —      F’dan ir-rigward, ara l-punti 74 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 85 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 —      B’mod analogu, għalkemm f’kuntest ieħor, ara s-sentenzi Beentjes (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28, fir-rigward tal-kapaċità tal-offerenti li jimpjegaw persuni li ilhom żmien twil qiegħda), kif ukoll EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 70 sa 72, dwar il-kapaċità tal-offerenti li jipprovdu l-ikbar kwantità ta’ elettriku possibbli minn dik stabbilita fis-sejħa għal offerti). Ara wkoll il-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53 —      L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18.


54 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 —      F’dan ir-rigward, ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56 —      Fi żmien tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkontestat, ir-regolament applikabbli kien ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91, tal-24 ta’ Ġunju 1991, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 39), li sussegwentement ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tal-28 ta’ Ġunju 2007, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, p. 1).


57 —      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 —      L-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18.


59 —      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18.


60 —      F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Beentjes (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 29); tas-26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑225/98, Ġabra p. I‑7445, punt 50); Concordia Bus Finland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 63 u 64) u EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 69).


61 —      F’dan ir-rigward, ara, għal dak li jikkonċerna l-oqsma l-iktar differenti tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenzi tal-25 ta’ April 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑87/94, Ġabra p. I‑2043, punt 54); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 93), EVN u Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 56) u ATI EAC e Viaggi di Maio et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 22).


62 —      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63 —      F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1982, Transporoute (76/81, Ġabra p. 417, punti 8, 9 u 15); tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI u Bellini (minn 27/86 sa 29/86, Ġabra p. 3347, punt 9), u tas-26 ta’ April 1994, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑272/91, Ġabra p. I‑1409, punt 35), kollha jirrigwardaw dispożizzjonijiet komparabbli mal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18.


64 —      Ara, b’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18.


65 —      Il-Kummissjoni tiċċita r-risposta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, p. 6, li fiha, skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxa li l-kundizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt ma kinux “esklużivament relatati mas-suġġett tal-kuntratt”.


66 —      Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, Ġabra p. I‑5585, punt 19), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 49 in fine).


67 —      Ara l-punti 128 sa 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68 —      Dwar dan il-punt, ara d-dikjarazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel u t-tielet motivi (b’mod partikolari l-punti 88 u 109 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


69 —      Ara wkoll il-premessa 2 u 39 tad-Direttiva 2004/18.


70 —      Sentenza Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 111); sentenzi simili oħra huma tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑340/02, Ġabra p. I‑9845, punt 34), u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑299/08, Ġabra p. I‑11587, punt 41), li jipprovdu li l-prinċipju ta’ trasparenza jeżiġi li s-suġġett ta’ kull kuntratt kif ukoll il-kriterji tal-għoti tiegħu jkunu spjegati b’mod ċar.


71 —      Fl-istess rigward, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑160/08, Ġabra p. I‑3713, punt 133).