Language of document : ECLI:EU:C:2011:12

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2011 (1)

Kawża C‑262/09

Wienand Meilicke

Heidi Christa Weyde

Marina Stöffler

vs

Finanzamt Bonn-Innenstadt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja)]





“Moviment liberu tal-kapital – Eliminazzjoni tat-taxxa doppja tad-dividendi – Taxxa fuq id-dħul – Taxxa fuq il-kumpanniji – Taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività”Werrej

I –Introduzzjoni5

II –Il-kuntest ġuridiku6

A –Dritt tal-Unjoni 6

B –Dritt nazzjonali8

III –Fatti u talbiet għal deċiżjoni preliminari10

A –Il-Fatti10

B –L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 200711

C –It-tieni talba għal deċiżjoni preliminari12

IV –Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja16

V –Argumenti tal-partijiet17

A –L-ewwel domanda preliminari17

B –It-tieni domanda preliminari19

C –It-tielet domanda preliminari21

D –Ir-raba’ domanda preliminari24

VI –Evalwazzjoni ġuridika27

A –Osservazzjonijiet preliminari27

B –L-ewwel domanda preliminari31

C –It-tieni domanda preliminari42

D –It-tielet domanda preliminari46

E –Ir-raba’ domanda preliminari58

1.Id-domanda 4 (b)61

2.Id-Domanda 4(a)65

VII –Konklużjoni74

I –    


II – Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għat-tieni darba l-Finanzgericht Köln imur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala suġġett it-tassazzjoni tat-tqassim ta’ dividendi barranin. F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht jitlob li jiġu ċċarati l-modalitajiet li bihom għandhom jiġu trasposti fil-prassi legali l-prinċipji ffisati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meilicke et (2), tas-6 ta’ Marzu 2007, mogħtija b’risposta għall-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari tagħha fl-imsemmija kawża prinċipali.

2.        Fil-kawża prinċipali jidhru, minn naħa, ir-rikorrenti, W. Meilicke, H. C. Weyde u M. Stöffler bħala eredi ta’ H. Meilicke li miet fit-3 ta’ Mejju 1997, u min-naħa l-oħra, il-konvenut, il-Finanzamt Bonn-Innenstadt. Is-suġġett tal-kawża huwa, inter alia, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li telimina t-taxxa doppja fuq id-dividendi mħallsa fis-snin 1995-1997 lill-mejjet H. Meilicke minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

3.        F’dan ir-rigward, fis-sentenza Meilicke et, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li telimina t-taxxa doppja, u li abbażi tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq it-tqassim tad-dividendi tiġi kkumpensata bil-kreditu ta’ taxxa lill-azzjonisti li huma fiskalment residenti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul liema ammont jikkorrispondi għat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa, għandha tiġi applikata b’mod ekwivalenti kemm għad-dividendi interni kif ukoll għal dawk li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni.

4.        Għalkemm din is-soluzzjoni ċċarat għall-qorti tar-rinviju liema kienu d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-kawża prinċipali, din issa qed tiffaċċja l-problema li toriġina mid-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata b’mod konkret it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ tali kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll, essenzjalment, li jiġi ċċarat kif u fir-rigward ta’ liema dispożizzjonijiet tal-proċedura għandu jsir b’mod konkret fil-kawża prinċipali t-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq it-tqassim ta’ dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni.

III – Il-kuntest ġuridiku

A –    Dritt tal-Unjoni (3)

5.        Il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali kompetenti fi ħdan il-Komunità hija regolata mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (4).

6.        Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħatilha l-informazzjoni msemmija fir-rigward ta’ xi każ partikolari. L-awtorità kompetenti tal-Istat li lilu saret it-talba għal informazzjoni ma għandhiex għalfejn tikkonforma ruħha mat-talba jekk jidher li l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-talba ma tkunx eżawriet is-sorsi ta’ informazzjoni normali tagħha, li, skont iċ-ċirkustanzi, hija setgħet użat sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tinkorri r-riskju li tipperikola l-ksib tar-riżultat li tkun qed tfittex.

7.        Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 77/799, għall-finijiet li tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li lilu saret it-talba għandha twettaq ir-riċerki neċessarji sabiex tinkiseb din l-informazzjoni. Sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba, l-awtorità kkonċernata jew l-awtorità amministrattiva li lilha saret it-talba għandha tipproċedi daqs li kieku qed taġixxi f’isimha jew fuq talba ta’ awtorità oħra tal-Istat Membru tagħha stess.

B –    Dritt nazzjonali

8.        Skont l-Artikoli 1, 2 u 20 tal-Liġi tas-7 ta’ Settembru 1990, dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem, l-“EStG”) (5) fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati, id-dividendi mqassma mill-kumpanniji b’kapital azzjonarju favur persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, residenti fil-Ġermanja, huma taxxabbli hemm minħabba li dawn id-dividendi huma dħul minn kapital.

9.        Skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 1991, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, iktar ’il quddiem, il-“KStG”) (6), fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati, il-kapital proprju suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji u mqassam bħala dividendi minn kumpannija b’kapital azzjonarju, jiġi intaxxat b’rata ta’ 30 %, għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-kumpanniji suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja.

10.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tal-istess liġi, il-persuni taxxabbli jistgħu jnaqqsu bħala taxxa fuq id-dħul mill-ammont dovut lill-uffiċċju tat-taxxi Ġermaniż 3/7 tad-dividendi mħallsa lilhom minn kumpanniji jew assoċjazzjonijiet suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja, fil-każ fejn dawn ikunu ġejjin minn ħlasijiet taxxabbli taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji u t-taxxa fuq il-kumpanniji mnaqqsa tiġi kkunsidrata, għall-finijiet tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, bħala dħul taxxabbli.

11.      Skont l-inċiż (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(2), it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji jippreżupponi l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Artikoli 44 u 45 tal-KStG.

12.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 175(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa tas-16 ta’ Marzu 1976 (Abgabenordnung, iktar ’il quddiem, l-“AO”), fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati, avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa għandu jinħareġ, jiġi revokat jew emendat meta jseħħ avveniment li jipproduċi effetti fiskali għall-passat (avveniment retroattiv). Permezz tal-Liġi għat-traspożizzjoni tad-direttivi, tad-9 ta’ Diċembru 2004 (7), l-Artikolu 175 tal-AO ġie emendat, b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2004, fis-sens li l-għoti jew il-preżentazzjoni a posteriori ta’ ċertifikat jew ta’ dikjarazzjoni ma baqax jiġi kkunsidrat bħala avveniment retroattiv. Ma hija prevista l-ebda dispożizzjoni tranżitorja.

IV – Fatti u talbiet għal deċiżjoni preliminari

A –    Il-Fatti

13.      Fis-snin 1995 sa 1997, H. Meilicke, ċittadin Ġermaniż residenti fil-Ġermanja, kien jirċievi dividendi minn kumpanniji Olandiżi u Daniżi għal azzjonijiet li kellu fil-pussess tiegħu. Dan id-dħul minn kapital kien jiġi ntaxxat fil-Ġermanja mingħajr tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikata fil-Pajjiżi l-Baxxi u fid-Danimarka fuq il-profitti mqassma bħala dividendi.

14.      L-avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ H. Meilicke għas-sena 1995, maħruġ fis-16 ta’ Frar 1998, kif ukoll dak għas-sena 1996, maħruġ fis‑7 ta’ Settembru 1998, jinsabu taħt riżerva ta’ eżami mill-ġdid. L-avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ H. Meilicke għas-sena 1997, maħruġ fis-26 ta’ Lulju 2000, ma fih l-ebda riżerva ta’ eżami mill-ġdid.

15.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma l-eredi ta’ H. Meilicke, li miet fl-1997.

16.      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-uffiċċju konvenut it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji mit-taxxa fuq id-dħul ikkalkolata għal H. Meilicke fir-rigward tad-dividendi tal-ishma Olandiżi u Daniżi li huwa rċieva fis-snin 1995 sa 1997.

17.      Il-konvenut fil-kawża prinċipali ċaħad it-talba għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2000, li kontra tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw ilment fis-16 ta’ Jannar 2001. Permezz ta’ deċiżjoni dwar l-ilment mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2002, l-ilment ġie miċħud ukoll. F’dan ir-rigward, il-konvenut fil-kawża prinċipali essenzjalment sostna li, abbażi tas-sitwazzjoni tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, it-taxxa fuq il-kumpanniji biss, dovuta fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti għall-finijiet fiskali fil-Ġermanja, setgħet titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul dovuta lill-azzjonisti. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan jikkostitwixxi restrizzjoni illegali tal-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment, u għal din ir-raġuni ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

B –    L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007

18.      Permezz ta’ deċiżjoni li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2004, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura għall-ewwel darba u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari dwar jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, li jipprovdi li għandha titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul biss it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn kumpannija jew minn assoċjazzjoni suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja, sa mhux iktar minn 3/7 tal-qligħ kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20(1) tal-EstG, huwiex kompatibbli mal-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) u (3) KE.

19.      B’risposta għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Meilicke et (8) li l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali li, bis-saħħa tagħha, meta jsir tqassim ta’ dividendi minn kumpannija b’kapital azzjonarju, azzjonist taxxabbli prinċipalment fi Stat Membru jibbenefika minn kreditu fiskali, ikkalkolat abbażi tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti skont it-taxxa fuq il-kumpanniji, meta l-kumpannija li tkun qiegħda tqassam il-profitti tkun stabbilita f’dan l-istess Stat Membru iżda mhux meta l-imsemmija kumpannija tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor.

C –    It-tieni talba għal deċiżjoni preliminari

20.      Fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea espressi fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2007, il-qorti tar-rinviju issa tqis li bħala prinċipju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-finijiet tat-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq it-tqassim tad-dividendi min-naħa tal-kumpanniji Olandiżi u Daniżi. Madankollu, għadu ma huwiex ċar għall-qorti tar-rinviju kif u fir-rigward ta’ liema dispożizzjonijiet u kundizzjonijiet proċedurali, għandu effettivament isir it-tnaqqis. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li bihom u tas-suġġetti li minnhom għandha tiġi prodotta l-prova tagħhom relatata mat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa barra mill-pajjiż. Problematika ulterjuri li l-qorti tar-rinviju qed tiffaċċja hija jekk, u fil-każ affermattiv, b’liema kundizzjonijiet għandu jsir it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni fil-każ fejn it-taxxa li effettivament hija dovuta jew titħallas ma hijiex fil-fatt determinabbli, liema taxxa tista’ saħansitra tirriżulta ogħla mit-taxxa li għandha titħallas fuq id-dividendi nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-neċessità u dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom għandu jsir it-tnaqqis suċċessiv tat-taxxa fuq il-kumpanniji input imħallsa barra mill-pajjiż, għalkemm fil-preżenza ta’ avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul li saret definittiva.

21.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi mill-ġdid il-proċeduri quddiemha u li tresssaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE, kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza u l-prinċipju tal-effettività [il-prinċipju tal-effettività u l-prinċipju tal-effett utli], jipprekludu regola, bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-“EstG”) (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji tittieħed bħala tpaċija fil-konfront tat-taxxa fuq id-dħul, sa 3/7 tad-dividendi grossi, sakemm dawn id-dividendi ma joriġinawx minn ħlasijiet li fir-rigward tagħhom jitqies li ntuża l-kapital rispettiv msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 30(2) tal-“KStG”) (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati), u dan minkejja li t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot lid-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ddeterminata fil-prattika u tista’ tkun ogħla?

2.      Il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE, kif ukoll il-prinċipju tal-effettività u l-prinċipju tal-effiċjenza [l-prinċipju tal-effett utli], jipprekludu regola, bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EstG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li tipprovdi li t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji teħtieġ li tiġi prodotta dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikoli 44 et seq tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li għandha tindika b’mod partikolari l-ammont li jista’ jiġi paċut mit-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll il-kompożizzjoni tal-ħlas filwaqt li jiġu speċifikati d-diversi partijiet tal-kapital rispettiv li jista’ jintuża bbażati fuq id-diviżjoni speċjali tal-kapital rispettiv li tinsab fl-Artikolu 30 KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati), u dan minkejja li fil-prattika jkun impossibbli li tiġi determinata t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li għandha tiġi paċuta u minkejja li jkun impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni marbuta mad-dividendi barranin?

3.      Jekk ikun effettivament impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 44 tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) u jekk ma tkunx tista’ tiġi determinata t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot id-dividendi barranin, il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE jeżiġi li tiġi kkalkolata r-rata imposta bħala taxxa fuq il-kumpanniji u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward it-taxxi li jkunu ġew imposti indirettament fi stadji preċedenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji?

4.  a) Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta negattiva u dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija meħtieġa:

Il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività [il-prinċipji tal-effettività u tal-effett utli] għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-AO, u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-Einführungsgesetz zur Abgabenordnung (Liġi Ġermaniża li tintroduċi l-Kodiċi Fiskali Ġermaniż), li, b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2004, ma baqgħetx tikkunsidra bħala avveniment b’effett retroattiv b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji b’tali mod li b’hekk għamlet teknikament impossibbli t-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji meta l-avviżi tat-taxxa jkunu definittivi, u dan mingħajr ma pprovdiet għal terminu tranżitorju li permezz tiegħu setgħet issir it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji?

b)      Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta affermattiva u ebda dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhija meħtieġa:

L-Artikolu 56 KE, il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività [il-prinċipji tal-effettività u tal-effett utli] għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħall-punt 2 tal-Artikolu 175(1) tal-AO, li tipprovdi li avviż tat-taxxa għandu jkun emendat meta jseħħ avveniment retroattiv, b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’tali mod li b’hekk tippermetti t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dividendi Ġermaniżi anki meta l-avviżi tat-taxxa jkunu definittivi filwaqt li dan ma jkunx possibbli fir-rigward ta’ dividendi barranin fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji?”

V –    Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Id-digriet tar-rinviju tal-14 ta’ Mejju 2009 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2009. Fil-proċedura bil-miktub ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2010 ħadu sehem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni.

VI – Argumenti tal-partijiet

A –    L-ewwel domanda preliminari

23.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk liġi nazzjonali li għandha l-għan li tipprojbixxi t-tassazzjoni doppja tal-profitti mqassma bħala dividendi, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-każ fejn hija tipprevedi li t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi, mqassma kemm fl-istess Stat kif ukoll fi Stati oħra tal-Unjoni, titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul b’rata fissa ta’ 3/7 tad-dividendi grossi, għalkemm it-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni hija fil-fatt indeterminabbli u tista’ tirriżulta ogħla mit-taxxa fissa ta’ 30 % applikata għad-dividendi nazzjonali.

24.      Skont il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ċċarat jekk l-ammont tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji, li għandha titnaqqas skont il-prinċipji espressi fis-sentenza Meilicke et, għandux jiġi determinat, bħala prinċipju, abbażi tat-taxxa effettiva tal-input imħallsa fuq it-tqassim jew pjuttost abbażi tal-frazzjoni, stabbilita skont il-liġi, tat-3/7 tad-dividendi grossi. Fil-każ fejn id-determinazzjoni kellha tiġi bbażata, effettivament, fuq it-taxxa effettiva mħallsa, il-qorti tar-rinviju ssaqsi barra minn hekk jekk, fejn fil-fatt ikun impossibbli, jew imprattikabbli li wieħed jiddetermina dan l-oneru fiskali, jeħtieġ li jsir riferiment għal kriterji oħra.

25.      Il-Kummissjoni ssostni li t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji li għandha titnaqqas għandha tiġi determinata abbażi tat-taxxa tal-input effettivament imħallsa fuq it-tqassim tad-dividendi. Madankollu, din it-taxxa ma għandhiex tirriżulta neċessarjament ogħla mill-frazzjoni tad-dividendi li għandhom jitnaqqsu fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi magħmul minn kumpanniji nazzjonali. Fiċ-ċirkustanza li, f’każ partikolari, id-determinazzjoni tat-taxxa tal-input imħallsa effettivament ma tkunx possibbli jew prattikabbli, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li jkun l-oneru effettiv li jirrappreżenta l-parametru applikabbli. Dan jeskludi għalkollox il-bżonn li wieħed jirrikorri għal parametri alternattivi bħal, pereżempju, l-ammont ta’ 3/7 tad-dividendi kkontemplat fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 36(2) tal-EStG.

26.      Il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut fil-kawża prinċipali jqisu li t-tnaqqis tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji għandha ssir abbażi tal-ammont tal-obbligu fiskali effettiv, mingħajr ma wieħed jieħu inkunsiderazzjoni taxxi tal-input eventwali mħallsa indirettament. Barra minn hekk, l-ammont imnaqqas huwa limitat għat-taxxa fuq id-dħul li għandha titħallas mill-azzjonist fuq id-dividendi li jirċievi.

27.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jerġgħu jsostnu li t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titnaqqas għandha tiġi kkalkolata abbażi tat-taxxa li hija dovuta b’mod astratt mill-kumpannija li qed tagħmel it-tqassim tad-dividendi u li għandha titħallas direttament jew indirettament fuq id-dividendi mqassma. F’dan ir-rigward, l-ammont imnaqqas ma jista’ fl-ebda każ ikun limitat għat-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-azzjonist għad-dividendi li jkun irċieva.

B –    It-tieni domanda preliminari

28.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk u taħt liema kundizzjonijiet it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tista’ bl-istess mod tiġi suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, redatta fuq mudell uffiċjali u mitluba skont il-liġi għall-finijiet tat-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-azzjonist tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi nazzjonali.

29.      Skont il-Kummissjoni, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, intiża sabiex jiġi ċċarat jekk il-persuna taxxabbli tistax tintalab tippreżenta dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-provi li huma fihom infushom meħtieġa u d-dispożizzjonijiet dettaljati tal-Artikoli 44 et seq tal-KStG. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jobbligax, bħala regola, l-Istati Membri sabiex jagħtu benefiċċji fiskali mingħajr id-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Madankollu dan ma jfissirx li Stat Membru, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, jista’ jistabbilixxi ad libitum il-forom proċedurali li għandhom jiġu osservati u l-mezzi li għandhom jintużaw għal finijiet probatorji. Dan għandu pjuttost jillimita ruħu għal dak li huwa effettivament meħtieġ fid-dawl tar-ratio tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u, għaldaqstant, li jissodisfa interess leġittimu għall-informazzjoni. B’hekk, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jeħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi minn dokument wieħed redatt mill-kumpannija u preċiżament konformi mal-mudell preskritt mill-Artikolu 44 tal-KStG. Għandu jkun suffiċjenti li d-dokumenti ġustifikattivi u l-informazzjoni rilevanti jiġu ppreżentati lill-amministrazzjoni kompetenti fiskali f’forma li tista’ tintuża minnha. Barra minn hekk, l-Istat Membru ma jistax jinsisti fuq il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni u dokumenti ġusitifikattivi li fir-rigward tagħhom tirriżulta n-nuqqas ta’ rilevanza tagħhom għall-każ inkwistjoni. Anki talba ta’ din in-natura tkun sproporzjonata.

30.      Il-Gvern Ġermaniż iqis li talba ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa jew ta’ dokumentazzjoni simili li tikkonċerna t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji magħmula lill-persuna taxxabbli, li għandha l-intenzjoni tikseb kreditu ta’ taxxa, ma tmurx kontra l-Artikoli 56 KE u 58 KE, u lanqas ma tmur kontra l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Għalkemm tali dokumentazzjoni ma għandhiex neċessarjament tkun konformi ma’ mudell partikolari, bħala prinċipju, għall-finijiet tat-tnaqqis, għandha tiġi aċċettata biss dokumentazzjoni xierqa li tipprovdi informazzjoni ċara u li tinfthiem dwar it-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi mħallsa. Barra minn hekk, l-amministrazzjonijiet fiskali ma humiex obbligati jużaw il-mezzi ta’ assistenza transkonfinali, skont id-Direttiva 77/799, sabiex jintegraw l-informazzjoni u d-dokumenti li ma ġewx ipprovduti mill-persuna taxxabbli.

31.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-konvenut fil-kawża prinċipali osserva li la l-Artikoli 56 KE u 58 KE, u lanqas il-prinċipji ta’ effettività u ta’ effett utli ma jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li ssostni li t-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tiġi suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG. Meta waqt is-seduta, ġie mistoqsi f’dan ir-rigward, madankollu, il-konvenut fil-kawża prinċipali biddel l-interpretazzjoni tiegħu u għalhekk qabel mal-opinjoni tal-Kummissjoni.

32.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jippreċiżaw li l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rekwiżit għat-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi barranin.

C –    It-tielet domanda preliminari

33.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE jobbligawx lill-qorti nazzjonali sabiex tipproċedi bl-istima tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stat ieħor tal-Unjoni, meta dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Artikolu 44 tal-KStG ma tistax tiġi ppreżentata u t-taxxa li effettivament tħallset ma tistax tiġi determinata. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk eventwalment għal tali stima għandhomx jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni t-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament.

34.      Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li ssir l-istima tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stat ieħor tal-Unjoni, jista’ jirriżulta minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali ġenerali dwar l-istima tal-bażi taxxabbli. Obbligu bħal dan jissussisti sa fejn persuna taxxabbli tista’ bl-istess mod tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ stima f’sitwazzjoni purament interna li tkun paragunabbli. Minkejja li jeżistu dispożizzjonijiet ta’ liġi interna ta’ dan it-tip fil-qasam ta’ stimi, l-amministrazzjoni fiskali kompetenti skont l-Artikolu 56 KE, għandha, madankollu, dejjem tirrikonoxxi t-tnaqqis ta’ oneru fiskali preċedenti fil-każ li jirriżulta adegwatament dokumentat mill-persuna taxxabbli, anki meta l-ammont eżatt tal-oneru ma jistax jiġi kkonstatat.

35.      Fir-rigward tal-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni terġa’ ssostni li, skont l-Artikolu 56 KE, azzjonist taxxabbli għandu d-dritt li jara li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-taxxi li eventwalment diġà tħallsu mill-kumpanniji sussidjarji tal-kumpannija li qed tqassam id-dividendi, fil-każ fejn persuna taxxabbli tista’ tnaqqas tali taxxa tal-input imħallsa anki fil-każ ta’ dividendi mqassma minn kumpanniji nazzjonali.

36.      Minn naħa, il-Gvern Ġermaniż isostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għandu jiġi eskluż, minħabba li s-sistema Ġermaniża preċedenti tat-taxxa fuq il-kumpanniji kienet intiża sabiex telimina t-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi kull darba fuq il-livell tal-kumpannija immedjatament superjuri. It-tnaqqis jirrigwarda biss it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividendi. It-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji nazzjonali jippreżupponi, barra minn hekk, dejjem il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għaldaqstant, anki t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas barra mill-pajjiż tista’ titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist biss meta huwa jippreżenta dokumenti li minnhom tirriżulta b’mod ċar u li jinftiehem it-taxxa fuq il-kumpanniji li effettivament għandha titħallas.

37.      Anki skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis ta’ taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni huwa eskluż. B’kunsiderazzjoni ta’ każijiet transkonfinali simili, hija wkoll neċessarja dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-finijiet tal-prova tat-taxxi diretti li diġà tħallsu. Il-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali, li jkunu ssuġġettaw għat-taxxa min jirċievi d-dividendi, humiex obbligati li jirrikorru għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-informazzjoni nieqsa skont id-Direttiva 77/799/KEE, għandha tiġi riżolta f’sens negattiv.

38.      Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu l-possibbiltà ta’ stima tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji barranin, meta jirriżulta li l-ammont ma jistax jiġi ddeterminat. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll it-taxxi mħallsa indirettament.

D –    Ir-raba’ domanda preliminari

39.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, minn naħa, jekk hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, interpretazzjoni tal-Artikolu 175 tal-AO, fil-verżjoni fis-seħħ sat-28 ta’ Ottubru 2004, liema interpretazzjoni ssostni li rendikont tat-taxxa fuq id-dħul li sar definittiv, jista’ jiġi rettifikat wara l-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, filwaqt li tali rettifika tibqa’ eskluża meta din tkun ibbażata fuq dikjarazzjonijiet jew ċertifikazzjonijiet magħmula barra mill-pajjiż, li ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti formali msemmija fl-Artikoli 44 et seq tal-KStG [ir-raba’ domanda preliminari (b)]. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ssaqsi jekk l-abrogazzjoni retroattiva tal-possibbiltà prevista mill-Artikolu 175 tal-AO, li wieħed jirrettifika r-rendikonti tat-taxxa fuq id-dħul [ir-raba’ domanda preliminari (a)] hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

40.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 175 tal-AO jikkostitwixxi regola proċedurali, li għaldaqstant għandha tosserva l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Għalhekk dispożizzjoni tad-dritt intern bħall-Artikolu 175 tal-AO, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fejn fil-każ ta’ dividendi mqassma minn kumpanniji nazzjonali, din tippermetti t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa anki jekk ir-rendikont tat-taxxa fuq id-dħul rilevanti jkun sar definittiv, u preċiżament permezz tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li minnha jirriżulta d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa li tħallset preċedentement, iżda ma tippermettix l-emenda nfisha ta’ rendikonti tat-taxxa definittivi fil-każ ta’ dividendi mqassma minn kumpanniji ta’ Stati oħra tal-Unjoni, anki meta d-dritt għat-tnaqqis jiġi pprovat permezz tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dokumenti oħra rilevanti.

41.      Barra minn hekk, kif espost mill-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi emenda retroattiva tal-Artikolu 175 tal-AO, fil-każ fejn din toħloq sitwazzjoni fejn il-preżentazzjoni a posteriori tad-dokumenti neċessarji għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa ma tibqax tiddetermina r-rettifika ta’ rendikonti tat-taxxa definittivi fir-rigward ta’ dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi terminu raġonevoli li matulu għandhom jiġu ppreżentati l-imsemmija dokumenti għall-finijiet tat-tnaqqis.

42.      Skont il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG bħala preżuppost proċedurali għar-rettifika ta’ rendikonti definittivi tat-taxxa fuq id-dħul hija għalkollox konformi mad-dritt tal-Unjoni, fejn tali rettifika tibqa’ eskluża fil-każ ta’ preżentazzjoni a posteriori ta’ ċertifikati jew ta’ dikjarazzjonijiet barranin li ma josservawx ir-rekwiżiti formali tal-Artikoli 44 et seq tal-KStG. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari mogħtija fil-kawża prinċipali, l-abrogazzjoni retroattiva ta’ tali leġiżlazzjoni tirriżulta wkoll konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea anki fil-każ, minħabba fiha, jonqos retroattivament u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja l-preżuppost proċedurali għat-tnaqqis suċċessiv tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikata fi Stat ieħor tal-Unjoni. F’dan il-kuntest għandu jittieħed partikolarment inkunsiderazzjoni l-fatt li għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi, il-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali – magħrufa bħala l-proċedura ta’ tnaqqis integrali – baqgħet fis-seħħ sal-2001. Għalhekk mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa rilevanti li l-leġiżlatur Ġermaniż għamel emendi speċifiċi lid-dixxiplina proċedurali erba’ snin wara l-abrogazzjoni tal-proċedura ta’ tnaqqis integrali, u b’hekk ipproduċa effetti fuq tali sistema wkoll.

43.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tas-soluzzjoni tar-raba’ domanda preliminari, huwa deċiżiv il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa issa għadha ma għamlitx disponibbli dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji konformi mal-mudell uffiċjali għad-dividendi barranin. Minħabba l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja insistiet fuq il-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, ir-rikonoxximent tad-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jirriżulta prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-każ li l-perijodu tranżitorju previst wara l-emenda tal-Artikolu 175 tal-AO jiġi ffissat b’tali mod li l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, redatta skont il-mudell uffiċjali għad-dividendi barranin, ma tistax tinvolvi r-rettifika ta’ rendikonti tat-taxxa fuq id-dħul, qabel ma tali dikjarazzjoni tkun saret disponibbli.

VII – Kunsiderazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

44.      L-erba’ domandi preliminari li jeħtieġu soluzzjoni f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari huma fformulati b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali differenti, u, għaldaqstant b’mod partikolarment tekniku. Jidhirli li sabiex is-suġġett jinftiehem aħjar, għandi niddeskrivi fil-qosor il-kuntest tal-liġi tat-taxxa nazzjonali tal-imsemmija domandi. Dan għandu jippermetti, barra minn hekk, li d-domandi preliminari jiġu jikkonċernaw is-sustanza rilevanti tagħhom mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

45.      Il-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet inerenti għat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji b’kapital azzjonarju, suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, lill-azzjonisti tagħhom, li huma fiskalment residenti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, jirriżulta li abbażi tal-liġi applikabbli ratione temporis, id-dividendi nazzjonali huma kkunsidrati provenjenti mill-kapital proprju tal-imsemmija kumpanniji li jista’ jintuża għall-finijiet tat-tqassim. Qabel it-tqassim, tali dividendi huma normalment suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija li qed tqassam id-dividendi fejn wara li jitqassmu d-dividendi lill-azzjonisti taxxabbli fuq id-dħul, huma jiġu suġġetti għal din it-taxxa fuq id-dħul.

46.      Sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq tali tqassim ta’ dividendi, il-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża applikabbli fil-perijodu kkonċernat jipprovdi sistema komplessa li abbażi tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-impriżi fuq id-dividendi mqassma tiġi rimborsata lill-azzjonisti suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul taħt forma ta’ kreditu fiskali b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi grossi (9).

47.      Karatteristika importanti ta’ tali sistema ta’ tnaqqis tikkonsisti fil-fatt li r-rati varjabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kapital proprju li jintuża għat-tqassim tad-dividendi jiġu adattati għall-kreditu fiskali b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi grossi. Dan iseħħ essenzjalment fil-mod li ġej: fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi, it-taxxa fuq il-kumpanniji li tkun diġà tħallset, tiġi miżjuda jew imnaqqsa sabiex tiġi ġġenerata “taxxa tat-tqassim tad-dividendi” bbażata fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji, b’rata ta’ 30 % tad-dividendi grossi. Madankollu ċerti partijiet tad-dividendi mqassma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji ma jidħlux fil-kalkolu ta’ din it-“taxxa tat-tqassim tad-dividendi” u b’hekk jibqgħu definittivament eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji. It-tqassim ta’ dan il-kapital proprju mhux intaxxat ma jagħti l-ebda kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul lill-azzjonist. L-intaxxar tat-taxxa fuq il-kumpanniji ffissata b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi għalhekk jikkorrispondi bħala prinċipju għat-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa mill-kumpannija li qassmet id-dividendi (10).

48.      Sabiex l-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għad-dikjarazzjoni tad-dħul tal-azzjonisti individwali biex jiġi stabbilit l-ammont eżatt tal-kreditu fuq it-taxxa personali, l-azzjonisti għandhom l-obbligu jippreżentaw dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandu jiġi redatt mill-kumpannija distributriċi abbażi tal-mudell preskritt uffiċjalment. Abbażi ta’ tali ċertifikat tista’ tiġi stabbilita t-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji applikata għad-dividendi mqassma. Fejn dan ma jiġix ippreżentat, it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi tiġi eskluża skont il-liġi.

49.      Fl-aħħar nett, karatteristika ulterjuri ta’ tali dixxiplina hija li t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas isir irrispettivament mill-ħlas effettiv tat-taxxa. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni tat-taxxa Ġermaniża madankollu twassal ġeneralment għar-riżultat li l-kreditu ta’ taxxa b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi grossi jikkorrispondi għat-taxxa li l-kumpannija li qed tqassam id-dividendi tkun effettivament ħallset.

B –    L-ewwel domanda preliminari

50.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għandhux, jew jistax issir fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa b’ammont korrispondenti għall-frazzjoni fissa li tiġi applikata għad-dividendi nazzjonali, ta’ 3/7 tad-dividendi grossi, fejn it-taxxa tal-input effettiva mħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita u, bħala konsegwenza, tista’ tirriżulta ogħla mit-taxxa fissa ta’ 30 % pagabbli fuq id-dividendi nazzjonali.

51.      Għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din id-domanda għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Meilicke et (11) iddikjarat li leġiżlazzjoni tat-taxxa li tipprovdi li fl-okkażjoni ta’ tqassim ta’ dividendi minn kumpannija b’kapital azzjonarju, azzjonist taxxabbli prinċipalment fi Stat Membru jibbenefika minn kreditu ta’ taxxa, ikkalkolat abbażi tar-rata tat-taxxa li għandha titħallas fuq il-profitti mqassma skont it-taxxa fuq il-kumpanniji, meta l-kumpannija li tkun qiegħda tqassam il-profitti tkun stabbilita f’dan l-istess Stat Membru, iżda mhux meta l-imsemmija kumpannija tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (12).

52.      B’hekk, mis-sentenza ċċitata wieħed jista’ jiddeduċi li t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, b’mod analogu għad-dividendi nazzjonali, għandha titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul li għandha titħallas mill-azzjonist suġġett għaliha.

53.      Dan l-obbligu jista’ jiġi sodisfatt billi wieħed jirrikorri għal soluzzjonijiet differenti ta’ proċedura fiskali (13). Fil-formulazzjoni ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li setgħet testendi s-sistema tal-għoti ta’ krediti ta’ taxxa applikabbli għad-dividendi nazzjonali anki lid-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni. Bħala prinċipju, proċedura bħal din hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

54.      Essenzjalment, fir-rigward tad-dividendi nazzjonali, it-taxxa doppja tiġi eliminata permezz tat-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi bi kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul, fejn l-ammont ta’ dan il-kreditu jiġi stabbilit b’relazzjoni mar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament applikabbli għad-dividendi: il-kreditu ta’ taxxa “fiss” b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi nazzjonali grossi jikkorrispondi, bħala prinċipju, għal taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa li tammonta għal 30 % (14). Bħala konsegwenza diretta, anki l-għoti ta’ krediti ta’ taxxa fuq id-dħul intiża għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja fuq it-tqassim ta’ dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għandha tiġi marbuta mat-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq tali dividendi. F’tali kuntest, il-frażi taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input mħallsa, għandha tfisser it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa effettivament jew li għandha titħallas mill-kumpannija li tkun qiegħda tqassam fir-rigward tat-tqassim ta’ dividendi.

55.      Fil-każ fejn l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input effettivament imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni jkun l-istess jew inqas minn 30 %, jirriżulta minn dan li kreditu fuq it-taxxa fuq id-dħul għandu jingħata abbażi ta’ tali obbligu fiskali preċedenti. Fejn jiġi pprovat li taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni b’rata ta’ 20 %, huwa għalhekk biżżejjed li l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul jingħata kreditu fiskali b’rata ta’ 2/8 tad-dividendi grossi. Taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa u dokumentata b’rata ta’ 25 % għandha tiġi kkumpensata bi kreditu ta’ taxxa ta’ 25/75 tad-dividendi grossi.

56.      B’hekk hija biss taxxa effettiva u dokumentata fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa b’rata ta’ 30 % li tagħti lill-persuna taxxabbli fuq id-dħul, u li qed tirċievi dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, id-dritt, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tikseb kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi b’mod nominali, f’każijiet interni, b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi grossi. Dan huwa wkoll loġiku, peress li l-moviment liberu tal-kapital ma jeħtieġ ebda sistema fiskali favorevoli għad-dividendi li ġejjin minn kumpanniji barranin.

57.      Madankollu, il-moviment liberu ta’ kapital lanqas ma jipprojbixxi trattament fiskali iktar favorevoli għad-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, sabiex b’hekk fl-ipoteżi fejn l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tirriżulta ekwivalenti jew inqas minn 30 %, allura kemm kreditu ta’ taxxa “abbażi ta’” tali oneru fiskali preċedenti, kif ukoll tnaqqis forfettarju b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi mqassma għandhom jiġu kkunsidrati konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

58.      Min-naħa l-oħra, il-każ fejn taxxa effettiva u dokumentata fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni taqbeż ir-rata ta’ 30 % għandu jiġi evalwat b’mod differenti.

59.      Fil-kuntest ta’ analiżi kkonċentrata biss fuq l-effett tal-libertajiet fundamentali, wieħed jista’ jsostni li bħala prinċipju, il-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi nazzjonali jikkorrispondi kollu kemm hu għat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa b’rata ta’ 30 %, sabiex b’hekk tali taxxa fuq id-dividendi nazzjonali titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul mingħajr limiti legali massimi. Barra minn hekk, min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jsostni wkoll li limiti ta’ dan it-tip ma jistgħux jeżistu anki fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni. F’dan is-sens, taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa bir-rata ta’ 40 % fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tagħti d-dritt lill-persuna taxxabbli li qed tirċievi d-dividendi, skont il-liġi tal-Unjoni, li tikseb kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul b’rata ta’ 4/6 ta’ tali dividendi (15).

60.      Madankollu, analiżi bħal din tittraskura l-fatt li s-sistema Ġermaniża ta’ tnaqqis fiskali hija bbażata, effettivament, fuq id-deċiżjoni adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha, li timplementa tassazzjoni uniformi tad-dividendi bbażata fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ 30 % fuq il-kapital tal-kumpannija użat għat-tqassim ta’ dividendi. Peress li l-kreditu li jingħata lill-azzjonisti fuq it-taxxa fuq id-dħul b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi mqassma, huwa intiż b’mod definittiv sabiex ipaċi t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tiġi mħallsa fuq it-tqassim tad-dividendi, permezz ta’ dan il-kreditu tiġi pperpetwata l-opzjoni bażika adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissuġġetta d-dividendi għal rata unitarja tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 30 %.

61.      Li kieku issa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-obbligu li tpaċi t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, anki lil hinn mir-rata ta’ 30 %, dan kien ifisser li jkollha tgħolli l-valur ta’ din it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa ’l fuq mil-livell tat-taxxa nazzjonali fuq il-kumpanniji. Għalhekk, dan ikun ifisser li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun obbligata tpaċi fiskalment l-effetti tad-deċiżjoni adottata minn Stat Membru fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fiskali tiegħu, li tintaxxa t-tqassim tad-dividendi b’taxxa fuq il-kumpanniji ogħla minn 30 %.

62.      Obbligu daqshekk wiesa’ ma jistax jirriżulta mil-libertajiet fundamentali. Fejn id-dividendi li ġejjin minn Stat ieħor tal-Unjoni jkunu suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji ogħla minn 30 %, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul fl-Istat tiegħu għandu biss id-dritt għar-rikonoxximent ta’ kreditu ta’ taxxa b’rata ta’ 3/7 ta’ tali dividendi. Għalhekk id-differenzi fit-tnaqqis fiskali ta’ dan l-oneru preċedenti fir-rigward tad-dividendi nazzjonali għandhom jiġu kkwalifikati bħala konsegwenzi żvantaġġużi minħabba s-sistemi differenti tat-taxxa fuq il-kumpanniji fis-seħħ fl-Istati Membri. B’kunsiderazzjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (16), dawn il-konsegwenzi għalhekk għandhom jiġu tollerati mill-persuni taxxabbli kkonċernati (17).

63.      B’hekk, jidher opportun ir-riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (18), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia ddiskutiet leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali intiża li tevita sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi li jitqassmu minn kumpannija residenti. Din il-leġiżlazzjoni kienet tipprovdi sistema ta’ eżenzjoni ta’ dawn id-dividendi mit-taxxa meta dawn kienu jitqassmu minn kumpannija residenti u t-tnaqqis tal-oneru fiskali preċedenti meta dawn jitqassmu minn kumpannija mhux residenti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sistema hija kompatibbli mal-libertajiet fundamentali, b’kundizzjoni li, minn naħa, id-dividendi ta’ oriġini barranija ma jiġux suġġetti għal rata ogħla meta mqabbla mad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u, min-naħa l-oħra, tiġi evitata sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija billi titnaqqas it-taxxa mħallsa mill-kumpannija mhux residenti li tqassam id-dividendi mit-taxxa applikabbli għall-kumpannija benefiċjarja residenti fil-limiti ta’ dan l-aħħar ammont (19). B’riferiment għall-kundizzjoni konkreta ta’ implementazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ intaxxar, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, meta dawn il-profitti sottostanti għad-dividendi ta’ oriġni barranija huma suġġetti fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam għal taxxa inferjuri għat-taxxa miġbura mill-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan tal-aħħar huwa obbligat jagħti kreditu ta’ taxxa korrispondenti għat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam il-profitti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita. Jekk bil-kontra, tali profitti jiġu suġġetti, fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam id-dividendi, għal taxxa ikbar meta mqabbla mat-tnaqqis effettwat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan tal-aħħar għandu jagħti kreditu ta’ taxxa biss fil-limiti tal-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija benefiċjarja (20).

64.      B’kunsiderazzjoni tal-kuntest partikolari tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, għalhekk sostniet, b’konklużjoni, li l-obbligu, li ġej mil-libertajiet fundamentali, li tiġi eliminata taxxa doppja ma għandux neċessarjament jiġġebbed sal-punt li l-kumpannija residenti benefiċjarja ta’ dividendi barranin għandha tiġi rimborsata anki tal-oneru fiskali preċedenti li jeċċedi r-rata nazzjonali ta’ tassazzjoni. F’dan ir-rigward, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, taxxa doppja għandha tkun limitata biss fil-qies korrispondenti fil-livell ta’ taxxa applikabbli fuq livell nazzjonali (21).

65.      Fl-opinjoni tiegħi, anki f’din il-kawża wieħed għandu jsostni li l-obbligu li jirriżulta mill-moviment liberu tal-kapital, li tiġi eliminata t-taxxa doppja ta’ dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni ma għandux jiġġebbed sal-punt li, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, persuna li tirċievi tali dividendi u li hija fiskalment residenti fil-Ġermanja għandha tingħata kreditu ta’ taxxa li jeċċedi r-rata unika tat-taxxa nazzjonali fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa u tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul.

66.      Bħala konklużjoni, għalhekk inqis li persuni li jirċievu d-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni u li huma suġġetti għal taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa ogħla minn 30 %, liema dividendi huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, għandhom id-dritt li jnaqqsu dan l-oneru fiskali preċedenti b’rata ta’ 30 %, sakemm jiġi indaqs għar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli fuq livell nazzjonali. F’tali ipoteżi, l-għoti ta’ kreditu taxxa b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi mqassma għalhekk għandu jiġi kkunsidrat konformi mad-dritt tal-Unjoni.

67.      Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kontra ta’ dak li nsostni, kellha tasal għall-konklużjoni li anki t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, ogħla minn 30 %, kellha titnaqqas in toto, taxxa fuq il-kumpanniji tal-input effettivament imħallsa bir-rata ta’ 40 % tiddetermina, f’dan il-każ, kreditu ta’ taxxa b’rata ta’ 4/6 tad-dividendi; taxxa tal-input imħallsa ta’ 50 % tattribwixxi d-dritt għal kreditu ta’ taxxa ekwivalenti ta’ 1/2 tad-dividendi mqassma.

68.      Jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjalment gravi ta’ soluzzjoni bħal din, wieħed ikollu wkoll jeżamina jekk l-obbligu limitat ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fi Stati oħra tal-Unjoni jippreġudikax il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u, f’każ affermattiv, liema konsegwenzi għandhom jinsiltu.

69.      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi analizzat, inter alia, jekk it-taxxa tat-30 % stabbilita fil-Ġermanja għat-tqassim ta’ dividendi nazzjonali u kreditu ta’ taxxa b’rata ta’ 3/7 tad-dividendi grossi kkorrelatat jikkomportax, bħala regola, li tali kreditu jkun inqas mid-debitu ta’ taxxa li jikkonċerna d-dividendi. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, għandu dejjem jiġi vverifikat, anki fil-proċeduri speċifiċi ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fi Stati oħra tal-Unjoni, jekk il-kreditu ta’ taxxa li għandu jingħata huwiex ogħla mid-debitu ta’ taxxa tal-azzjonist fir-rigward tal-imsemmija dividendi. Fejn il-kreditu ta’ taxxa jkun ogħla, b’mod konkret, minn tali dejn, probabbilment tiġi kompromessa l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża. Abbażi tar-raġuni ġenerali ta’ ġustifikazzjoni tas-salvagwardja tal-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali (22), barra minn hekk, ikollu jiġi kkonstatat jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tistax, fit-tali każ, tillimita l-kreditu ta’ taxxa relatat mad-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għall-valur tad-dejn fiskali tal-azzjonist, marbut ma’ tali dividendi.

70.      Fil-qosor, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nasal għall-konklużjoni li f’każ bħal dak suġġett tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni mit-taxxa fuq id-dħul pagabbli mill-azzjonisti taħt il-forma ta’ kreditu ta’ taxxa kkalkolat abbażi tal-oneru fiskali effettiv imħallas fuq tali dividendi. Madankollu dan it-tnaqqis ma għandux ikun ogħla mir-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għad-dividendi nazzjonali.

C –    It-tieni domanda preliminari

71.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk, u taħt liema kundizzjonijiet it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni mit-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-azzjonisti tista’ tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tiġi redatta mill-kumpannija li qed tqassam id-dividendi skont il-mudell stabbilit mil-liġi, fejn tali obbligu ta’ preżentazzjoni japplika wkoll għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi nazzjonali.

72.      Għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ tali domanda, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Meilicke et, ikkonfermat li azzjonist taxxabbli fil-Ġermanija li jirċievi dividendi minn kumpannija li hija stabbilita fi Stati oħra tal-Unjoni, skont l-Artikoli 56 KE u 58 KE u fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ratione temporis, għandu jingħata kreditu ta’ taxxa kkalkolat, bħala prinċipju, skont ir-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-profitti mqassma.

73.      L-implementazzjoni ta’ dan id-dritt, mogħti lill-azzjonist ikkonċernat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, madankollu tippreżupponi li tista’ tiġi determinata t-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li qed tqassam id-dividendi hija suġġetta għat-taxxa.

74.      B’hekk, it-tieni domanda preliminari għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara jekk leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta permezz tagħha t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tista’ tiġi pprovata esklużivament abbażi ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tiġi redatta mill-kumpannija li qed tqassam id-dividendi skont mudell, partikolarment dettaljat u preskritt mil-liġi.

75.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tingħata b’riferiment għall-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

76.      Skont l-imsemmija ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa fil-kompetenza tas-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru biex tistabbilixxi regoli proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu d-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba minn naħa dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi simili ta’ natura interna (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (23).

77.      F’dan ir-rigward, ma huwiex paċifiku, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, għall-finijiet tal-prova tal-oneru fiskali preċedenti effettiv, li għandu jitħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt – mogħti mis-sistema legali tal-Unjoni – għat-tnaqqis ta’ tali oneru mit-taxxa fuq id-dħul, bil-ksur konsegwenti tal-prinċipju ta’ effettività.

78.      Għalkemm finalment, is-soluzzjoni ta’ din id-domanda għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju, id-digriet tar-rinviju jinkludi sensiela ta’ indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li r-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, għall-finijiet tal-prova tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra l-Unjoni, probabbilment jikkuntrasta mal-prinċipju ta’ effettività. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tosserva espressament, li d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq hija marbuta b’mod indissolubbli mal-leġiżlazzjoni komplessa li tikkonċerna d-determinazzjoni ta’ taxxa ta’ 30 % fuq id-dividendi grossi, fejn tali dixxiplina toffri ċerti eċċezzjonijiet. Minħabba li d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija essenzjalment ir-rifless ta’ tali dixxiplina fiskali komplessa, din tista’ tiġi redatta biss mill-kumpanniji suġġetti għall-imsemmija leġiżlazzjoni.

79.      B’hekk, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li ssostni li t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni mit-taxxa fuq id-dħul huwa dejjem suġġett għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG meħtieġ għall-finijiet tal-prova ta’ tali oneru fiskali preċedenti, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, fejn minħabba l-imsemmi rekwiżit it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fi Stati oħra tal-Unjoni jkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa din iċ-ċirkustanza.

D –    It-tielet domanda preliminari

80.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk u, f’każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet l-Artikoli 56 KE u 58 KE jimponu li għall-finijiet tat-tnaqqis, għandha ssir l-istima tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, meta din ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata. Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll li jiġi ċċarat jekk, f’dan ir-rigward, għandhomx eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni anki t-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament.

81.      Għalkemm, permezz ta’ tali domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi biss jekk, u, f’każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet u b’liema mod tista’ jew għandha tiġi determinata, permezz ta’ stima, it-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni, jidhirli opportun, sabiex tingħata risposta raġonevoli għad-domanda preliminari, li fil-kuntest tal-analiżi ta’ tali domanda nikkunsidra l-problematika li komplessivament tikkonċerna f’każ bħal dak inkwistjoni, l-oneru tal-prova, ir-riskju marbut miegħu, kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju esprimiet stagħġib, f’punti differenti tad-digriet tar-rinviju li jirrigwarda aspetti varji tal-oneru tal-prova u tal-evalwazzjoni tal-prova fil-kawża prinċipali, u b’hekk anki l-partijiet esprimew ruħhom fuq tali punti. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tanalizza l-fatti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, madankollu, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dawn il-fatti, hija tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet utli kollha li jistgħu jgħinuha ssib soluzzjoni għall-kawża prinċipali.

82.      Il-kwistjoni ta’ kif il-persuna taxxabbli fuq id-dħul u l-awtoritajiet fiskali nazzjonali għandhom jikkontribwixxu, f’każ bħal dak imsemmi fil-kawża prinċipali, għad-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, kif ukoll il-kwistjoni tar-rwol tal-qrati nazzjonali fil-kuntest tar-riċerka u tal-evalwazzjoni tal-provi għandhom jiġu riżolti abbażi tal-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

83.      Kif diġà kelli mod nesponi, il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas ta’ dixxiplina tal-Unjoni f’dan ir-rigward, is-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru għandha tistabbilixxi l-metodi proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom l-individwi skont id-dritt tal-Unjoni, dejjem sakemm jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (24).

84.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul għandu juri l-eżistenza u l-portata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi nazzjonali permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Fil-każ fejn dan ma jistax jippreżenta din id-dikjarazzjoni, ma jista’ jsir l-ebda tnaqqis. B’dan il-mod, b’effett tal-liġi fiskali Ġermaniża, il-kontribwent ikollu jsostni mhux biss l-oneru tal-prova, iżda wkoll ir-riskju tal-prova. Barra minn hekk, il-kontribwent għandu prova waħda biss għad-dispożizzjoni tiegħu, li hija d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq ta’ KStG.

85.      Kif diġà enfasizzajt fil-kuntest tas-soluzzjoni tat-tieni domanda preliminari, ir-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG għall-finijiet tal-prova tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, imur kontra l-prinċipju ta’ effettività, sa fejn l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-imsemmi oneru fiskali mit-taxxa fuq id-dħul, kif rikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’dan il-mod isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (25). Madankollu dan ma jfissirx ukoll li fil-każ transkonfinali, eo ipso anki t-tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova sottostanti għal-liġi fiskali Ġermaniża għandha tiġi kkunsidrata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

86.      Jeħtieġ pjuttost li tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, leġiżlazzjoni li tipprovdi li azzjonist taxxabbli fi Stat għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, jista’ jinvoka t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni biss jekk u sa fejn juri anki b’mod konkret, l-oneru effettiv preċedenti. Tali tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova fuq l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul għalhekk ma jinvolvix, fih innifsu, li l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni jsir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (26).

87.      Il-qorti tar-rinviju tqis li tali tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova, f’każ bħal dak inkwistjoni, de facto, iwassal sabiex it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji jibqa’ dejjem ipprojbit (27). Fid-dawl tas-sistemi Daniżi u Olandiżi tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli fis-snin kontenzjużi, il-prova tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input effettivament imħallsa fuq it-tqassim tad-dividendi Daniżi u Olandiżi inkwistjoni tirriżulta fil-fatt impossibbli jew possibbli biss jekk jingħelbu ostakli inaċċettabbli.

88.      Fl-opinjoni tiegħi, tali stagħġib ta’ natura prattika tal-qorti tar-rinviju ma jipprekludix il-konformità ta’ sistema ta’ tnaqqis mad-dritt tal-Unjoni meta din is-sistema ssostni li l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul isostni kemm l-oneru tal-prova, kif ukoll ir-riskju tal-prova fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni. Fil-fatt, tali stagħġib jirriżulta mill-istruttura tas-sistemi tat-taxxa fuq il-kumpanniji Daniżi u Olandiżi, li, skont ir-rappreżentazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, jippermettu, biss b’ċerta diffikultà, id-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input effettivament imħallsa fuq id-dividendi. Peress li f’tali settur tat-tassazzjoni diretta ma saret ebda armonizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu s-setgħa li jistabbilixxi unilateralment tali karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji rispettiva, fid-dawl tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Il-konsegwenzi eventwali żvantaġġużi li jirriżultaw għall-kontribwenti ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet ipprojbiti mid-dritt primarju, dejjem sakemm tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju (28). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda obbligu għall-Istati Membri biex iqarrbu s-sistemi fiskali tagħhom anki fis-setturi fejn, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni, huma jkunu żammew l-awtonomija fiskali tagħhom (29).

89.      Fl-opinjoni tiegħi, peress li l-liġi Ġermaniża inkwistjoni li tirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (30) u ma tistax tiġi kkunsidrata fiha nfisha bħala diskriminazzjoni tal-azzjonisti ta’ kumpanniji ta’ Stati oħra tal-Unjoni, l-istagħġib tal-qorti tar-rinviju dwar l-impossibbiltà prattika tal-prova tat-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, minħabba l-istruttura speċifika tas-sistemi tat-taxxa fuq il-kumpanniji Daniżi u Olandiżi, għandhom jiġu kkunsidrati għalhekk bħala konsegwenzi żvantaġġużi għall-azzjonisti li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul li ma jikkostitwixxu, abbażi tal-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, ebda restrizzjoni pprojbita.

90.      Fil-kawża prinċipali tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk, mid-Direttiva 77/799/KEE, fir-rigward tal-kwistjoni transkonfinali, jistax jirriżulta li jinqaleb l-oneru tal-prova mill-azzjonisti suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul għall-amministrazzjonijiet fiskali. Fil-fehma tiegħi, anki din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

91.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 77/799 tista’ tiġi invokata minn Stat Membru biex jikseb, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, kull informazzjoni xierqa biex tippermettilu jiddetermina b’mod korrett l-ammont tat-taxxa li jaqa’ taħt l-ambitu applikattiv ta’ din id-direttiva (31). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi, inter alia, li l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor sabiex jibagħtu l-informazzjoni li huma stess ma jistgħux jiksbu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kelma “jistgħu”, f’dan ir-rigward, tindika li l-imsemmija awtoritajiet għandhom il-possibbiltà, mhux l-obbligu, li jitolbu informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru li jevalwa l-każijiet speċifiċi li fihom l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuni stabbiliti fit-territorju tiegħu tkun nieqsa u li jiddeċiedi jekk dawk il-każijiet jiġġustifikawx li ssir talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor (32).

92.      Fil-kuntest tad-deċiżjonijiet rispettivi dwar it-trażmissjoni ta’ talba ta’ assistenza skont id-Direttiva 77/799, l-Istati Membri madankollu għandhom dejjem josservaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul applikata għat-tqassim ta’ dividendi nazzjonali, jitolbu informazzjoni, skont prassi kurrenti, lill-awtoritajiet kompetenti biex jiġbru t-taxxa fuq il-kumpanniji applikata għall-profitti mqassma, fil-każ fejn l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa tirriżulta dubjuża, tkun liema tkun ir-raġuni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimponi li l-awtoritajiet kompetenti għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul anki fil-każijiet transkonfinali, fil-każijiet dubjużi, jitolbu, abbażi tad-Direttiva 77/799, informazzjoni fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa fuq id-dividendi relattivi lill-awtoritajiet kompetenti għall-ħlas ta’ tali taxxa tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-kumpannija li qed tqassam id-dividendi.

93.      Fuq il-kwistjoni dwar il-konstatazzjoni tal-mezzi ta’ prova, l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul għandu jipprova t-taxxa fuq il-kumpanniji pagabbli fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, diġà osservajt li r-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, jirriżulta, wisq probabbilment, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

94.      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-proċedura, l-azzjonist taxxabbli fuq id-dħul, jingħata l-possibbiltà li jipproduċi tali prova anki b’mod konkret (33).

95.      B’hekk, il-kwistjoni dwar liema mezzi ta’ prova għandhom jiġu ammessi f’kuntest bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi riżolta in abstracto. Madankollu bħala regola għandu jitqies li l-produzzjoni ta’ provi tirriżulta eċċessivament diffiċli għall-azzjonist ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat ieħor tal-Unjoni, li kieku qatt ma kellhom jiġu ammessi bħala mezzi ta’ prova d-dikjarazzjonijiet jew iċ-ċertifikati prodotti mill-imsemmija kumpannija. F’tali kuntest, id-diffikultajiet amministrattivi tal-awtoritajiet kompetenti fil-konstatazzjoni tal-mezzi ta’ prova barranin ma jilleġittimawx iċ-ċaħda a priori ta’ tali mezzi ta’ prova (34). Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu l-poter jeżiġi l-preżentazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi neċessarji li, bħala prassi, jippermettu lill-awtorità fiskali tikkonstata, b’mod suffiċjentement preċiż, jekk u sa fejn hija dovuta t-taxxa fuq il-kumpanniji applikata għad-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni (35), mill-kumpannija li qed tqassam id-dividendi.

96.      F’dan ir-rigward huma l-qrati nazzjonali li għandhom ir-rwol li jevalwaw il-provi, b’osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

97.      Anki d-domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju dwar jekk, u f’każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet l-Artikoli 56 KE u 58 KE jimponu li wieħed jipproċedi bl-istima tat-taxxa effettiva fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, fejn din ma tistax tiġi determinata, tista’ tiġi mwieġba b’mod definittiv biss billi wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-provi fi proċeduri fiskali simili, liema provi jirrigwardaw sitwazzjonijiet esklużivament interni tal-Istat. Fil-fatt stima ġudizzjarja tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għandha ssir, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fil-każ li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi fi proċeduri fiskali simili, relatati ma’ sitwazzjonijiet esklużivament interni tal-Istat, tkun bl-istess mod marbuta biex tagħmel stima ta’ oneru fiskali preċedenti li ma jistax jiġi determinat b’mod konkret.

98.      Fil-każ fejn skont il-proċedura fiskali rilevanti, il-qorti nazzjonali ma tkunx madankollu marbuta tagħmel stimi ta’ dan it-tip, dan l-obbligu ma jkunx jista’ jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività. Kif diġà kelli mod nosserva (36), fil-fatt, liġi li ssostni li azzjonist taxxabbli fuq id-dħul fi Stat speċifiku jista’ jinvoka t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni biss u sa fejn juri, anki b’mod konkret, it-taxxa tal-input infisha mħallsa, hija kompatibbli, bħala tali, mal-prinċipju ta’ effettività. B’hekk il-prinċipju ta’effettività ma jeħtieġ l-ebda stima ġudizzjarja tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, fejn din ma tistax tiġi pprovata.

99.      Il-kwistjoni dwar jekk fil-kuntest tal-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni anki t-taxxi tal-input imħallsa indirettament ma tistax tiġi riżolta in abstracto. Kif diġà osservajt, is-sentenza Meilicke et (37) għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak imsemmi fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji pagabbli fuq id-dividendi li ġejjin mid-Danimarka u mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jsir, bħala prinċipju, b’mod ekwivalenti għall-imputazzjoni tal-istess taxxa pagabbli fuq id-dividendi mqassma fil-Ġermanja (38). F’din il-perspettiva, it-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mal-att ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-kreditu fiskali jekk u sa fejn anki t-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi nazzjonali jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonist.

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tat-tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova, kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-provi mill-qorti, applikabbli għall-avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-qorti ma tidher bl-ebda mod obbligata li tagħmel stima f’każ fejn it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni ma tistax tiġi determinata. Obbligu ta’ dan it-tip pjuttost jirriżulta abbażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fil-każ fejn qorti nazzjonali tkun marbuta, f’sitwazzjoni simili purament nazzjonali, tipproċedi bi stima korrispondenti. Meta t-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi nazzjonali jikkontribwixxu sabiex jiġi kkonstatat l-ammont tal-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonisti, dawn għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

E –    Ir-raba’ domanda preliminari

101. Fir-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rendikont tat-taxxa fuq id-dħul ta’ H. Meilicke għas-sena 1997, li nħareġ fis-26 ta’ Lulju 2000, ma jikkontempla l-ebda riżerva ta’ eżami mill-ġdid, u b’hekk sar definittiv. Skont l-Artikolu 175 tal-AO, fil-verżjoni fis-seħħ sat-28 ta’ Ottubru 2004, rendikont tat-taxxa ta’ dan it-tip, minkejja l-karattru definittiv li jkun akkwist, seta’ jiġi rettifikat fil-każ fejn iseħħ avveniment li għandu effetti fiskali għall-passat (avveniment retroattiv), u li għalih, il-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG kellha tiġi kkwalifikata bħala avveniment retroattiv. Permezz tal-Liġi ta’ traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Diċembru 2004 (39) (iktar ’il quddiem, l-“emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004”), l-Artikolu 175 tal-AO ġie emendat, b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2004 u mingħajr perijodu tranżitorju, fis-sens li r-rilaxx jew il-preżentazzjoni a posteriori ta’ ċertifikat jew ta’ dikjarazzjoni ma baqax jgħodd bħala avveniment retroattiv. B’dan il-mod, sa mid-29 ta’ Ottubru 2004, tneħħiet b’mod retroattiv, il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-effetti tar-rendikonti tat-taxxa permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

102. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi t-tieni domanda preliminari fis-sens li huwa permess li wieħed jissuġġetta t-tnaqqis fiskali tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, il-qorti ssaqsi, minn naħa, jekk l-emenda retroattiva tal-Artikolu 175 tal-AO hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea [ir-raba’ domanda preliminari, (a)].

103. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi t-tieni domanda preliminari fis-sens li t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tista’ tiġi pprovata anki b’mezzi differenti mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, il-qorti ssaqsi, min-naħa l-oħra, jekk interpretazzjoni tal-Artikolu 175 tal-AO, fil-verżjoni fis-seħħ sat-28 ta’ Ottubru 2004, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta din issostni li rendikont tat-taxxa fuq id-dħul jista’ jiġi rettifikat abbażi tal-preżentazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni, filwaqt li tali rettifika hija eskluża abbażi ta’ dikjarazzjonijiet jew ta’ ċertifikati li jirrigwardaw id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, iżda li ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti formali tal-Artikoli 44 et seq tal-KStG [ir-raba’ domanda preliminari (b)].

104. Peress li, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tista’ tiġi pprovata anki b’mezzi differenti mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, ser neżamina, iktar ’il quddiem, qabel kollox, ir-raba’ domanda preliminari (b). Fid-dawl tar-riżultati ta’ tali analiżi, ser niddiskuti sussegwentement il-problematika tal-emenda retroattiva tal-Artikolu 175 tal-AO, imsemmija fir-raba’ domanda preliminari (a). Għalkemm tali domanda 4(b) tqajmet espressament fl-ipoteżi li t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni kellha tiġi pprovata permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, din hija bl-istess mod rilevanti fl-ipoteżi fejn l-imsemmija prova tista’ tiġi pprovduta b’mezzi oħra.

1.      Id-domanda 4 (b)

105. Ir-risposta għad-domanda 4 (b), fuq il-kwistjoni dwar jekk hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea liġi nazzjonali li ssostni li rendikont tat-taxxa fuq id-dħul jista’ jiġi rettifikat għall-finijiet tat-tnaqqis (40) tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi suġġetti għat-taxxa, fejn tali oneru fiskali preċedenti jiġi pprovat permezz tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, u minflok tibqa’ eskluża rettifika simili permezz tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjonijiet jew ċertifikati relattivi għat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni li ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti formali msemmija fl-Artikoli 44 et seq tal-KStG, għandha tingħata b’riferiment għall-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

106. F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni li tippermetti rettifika a posteriori ta’ rendikont tat-taxxa fuq id-dħul għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li huma suġġetti għat-taxxa, fir-rigward tad-dividendi mqassma minn kumpanniji nazzjonali biss, iżda mhux minn kumpanniji li huma stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala trattament iktar sfavorevoli tad-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni li jipproduċi effetti restrittivi tal-moviment liberu tal-kapital u għalhekk, bħala prinċipju pprojbit (41). F’dan il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema legali tal-Unjoni Ewropea, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiggarantixxi li s-suġġetti taxxabbli fuq id-dħul jirċievu dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, jingħataw id-dritt għar-rettifika a posteriori tat-taxxa tal-imsemmija dividendi li tirriżulta minn rendikonti definittivi tat-taxxa għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, sa fejn tali rettifika a posteriori tista’ tintalab anki mill-persuni taxxabbli fuq id-dħul li jirċievu dividendi nazzjonali.

107. B’konformità mal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dixxiplina tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, is-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru għandha tistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji li huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (42). F’dan ir-rigward, fil-każ preżenti ma huwiex paċifiku, b’mod partikolari, jekk l-estensjoni tar-rekwiżit applikabbli għad-dividendi nazzjonali, tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, tmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività.

108. Is-soluzzjoni ta’ tali domanda, inerenti għal ksur eventwali tal-prinċipju ta’ effettività, finalment tinsab f’idejn il-qorti tar-rinviju. Madankollu, id-digriet tar-rinviju jinkludi sensiela ta’ indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li r-rekwiżit tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, għall-finijiet ta’ prova tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, ksur tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat fil-kuntest tas-soluzzjoni tat-tieni domanda preliminari, id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG hija marbuta mingħajr ebda dubju mar-regoli kumplessi fuq it-tassazzjoni tat-tqassim ta’ dividendi b’rata ta’ 30 % tad-dividendi grossi, sabiex b’hekk l-impriżi ta’ Stati oħra tal-Unjoni, li ma humiex suġġetti għal tali dixxiplina, bħala regola lanqas ma huma kapaċi jirrediġu dikjarazzjoni ta’ dan it-tip (43).

109. Fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ effettività, tali prinċipju jirrikjedi wkoll li l-azzjonist suġġett għat-taxxa fuq id-dħul għandu jingħata l-possibbiltà proċedurali li jipprova a posteriori t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji tal-input mħallsa għall-finijiet li jiġu rettifikati r-rendikonti definittivi tat-taxxa fuq id-dħul (44).

110. Il-kwistjoni dwar liema mezzi ta’ prova għandhom jiġu ammessi f’dan il-każ ma tistax tiġi riżolta in abstracto. Madankollu bħala regola wieħed għandu jikkunsidra li l-produzzjoni tal-provi tkun eċċessivament diffiċli għall-azzjonist ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat ieħor tal-Unjoni, fil-każ fejn f’tali kuntest, ma jiġu qatt ammessi bħala mezzi ta’ prova d-dikjarazzjonijiet jew iċ-ċertifikati prodotti mill-imsemmija impriża. Huwa veru li kull Stat Membru għandu s-setgħa jeżiġi l-preżentazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi neċessarji. L-evalwazzjoni tal-provi, b’hekk tibqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali, b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (45).

111. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għad-domanda preliminari 4(b) għandha tkun fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma kemm minn impriżi nazzjonali, kif ukoll minn impriżi residenti fi Stati oħra tal-Unjoni, aċċertata permezz ta’ rendikont definittiv tat-taxxa, għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji pagabbli fuq tali dividendi, biss fuq il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, fil-każ fejn, b’dan il-mod, ir-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti fi Stati oħra tal-Unjoni ssir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata tali ċirkustanza.

2.      Id-Domanda 4(a)

112. Permezz tad-domanda 4(a), il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-emenda ta’ liġi nazzjonali ta’ proċedura tributarja li teskludi b’mod retroattiv ir-rettifikabbiltà tat-tassazzjoni ta’ dividendi mqassma minn kumpanniji kemm nazzjonali, kif ukoll residenti fi Stati oħra tal-Unjoni, aċċertata f’rendikont tat-taxxa fuq id-dħul abbażi tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni.

113. Fid-dawl tas-soluzzjoni ssuġġerita fir-rigward tad-domanda 4(b), ir-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju għall-“preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG” għandu jinftiehem, għal dan il-għan, bħala riferiment għar-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ “dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa” skont id-dritt tal-Unjoni. Huwa biss jekk tiġi fformulata f’dawn it-termini li d-domanda tkun tista’ tingħata risposta utli.

114. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li fil-formulazzjoni tal-imsemmija domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju telqet espliċitament mill-kunsiderazzjoni li l-emenda leġiżlattiva inkwistjoni redatta f’termini daqshekk ġeneriċi hija intiża mhux biss li tipprevjeni t-tnaqqis tat-taxxi barranin fuq il-kumpanniji u li tapplika b’mod ekwivalenti għall-kontribwenti residenti u mhux residenti. Mill-atti ma tirriżultax informazzjoni preċiża li tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tagħmel tali evalwazzjoni.

115. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju inerenti għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-emenda fiskali Ġermaniża skont il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2004, li permezz tagħha r-rettifika ta’ rendikonti definittivi tat-taxxa fuq id-dħul, ibbażata fuq il-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi nazzjonali jew li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, ġiet eskluża sa mid-29 ta’ Ottubru 2004 u għalhekk b’mod retroattiv, huma dovuti għaċ-ċirkustanza li, wara l-imsemmija emenda, min irċieva d-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, tilef il-possibbiltà, mogħtija mir-regoli preċedenti, li jinvoka d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi suġġetti għat-tassazzjoni, għalkemm ir-rendikont tat-taxxa rilevanti jkun sar definittiv.

116. Din id-domanda preliminari għandha tiġi riżolta billi jsir riferiment mill-ġdid għall-prinċipji dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk f’dan ir-rigward, id-domanda hija bbażata fuq l-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ effettività fil-kuntest tal-emenda tal-proċedura fiskali Ġermaniża permezz tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2004.

117. Qabel kollox f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li leġiżlazzjoni nazzjonali li ssostni li r-rendikonti tat-taxxa jsiru definittivi wara li jkun iddekorra perijodu ta’ żmien raġonevoli, bħala prinċipju hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, anki jekk tali leġiżlazzjoni kellha tipprovdi li d-determinazzjonijiet preċedenti tat-taxxa fuq id-dħul, li saru f’perijodu speċifiku ta’ żmien, ma jistgħux jiġu kkontestati u jiġi prekluż l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni.

118. Minn naħa, għandu wkoll jiġi osservat li din il-leġiżlazzjoni, fir-rigward tal-karattru definittiv, tikkontribwixxi bin-natura tagħha għaċ-ċertezza legali, li hija rikonoxxuta fil-ġurisprudenza stabbilita bħala prinċipju ġenerali tad-dritt (46), u b’hekk tipproteġi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lill-awtoritajiet fiskali kompetenti. Min-naħa l-oħra, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ssostni li l-applikazzjoni ta’ termini ta’ rikors raġonevoli fl-interess taċ-ċertezza legali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex b’hekk id-dekorriment ta’ tali termini jista’ jipprekludi l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-azzjonijiet li ġejjin mid-dritt tal-Unjoni (47).

119. Madankollu hawnhekk tqum il-kwistjoni speċifika dwar jekk emenda leġiżlattiva li permezz tagħha tiġi abrogata, retroattivament u mingħajr il-previżjoni ta’ perijodu tranżitorju, regola relatata mar-rettifika ta’ rendikonti tat-taxxa fuq id-dħul, applikabbli anki għall-eżerċizzju a posteriori tad-dritt għat-tnaqqis fiskali applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

120. Għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ tali domanda, jeħtieġ li wieħed jaqbad it-truf ta’ dak li ġie kkonstatat preċedentement, jiġifieri li bħala prinċipju leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta tipprovdi li rendikont tat-taxxa jsir definittiv wara d-dekorriment ta’ perijodu ta’ żmien raġonevoli. B’hekk emenda leġiżlattiva li temenda u tabroga b’mod parzjali leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, li jiġu rrettifikati rendikonti tat-taxxa, minkejja l-karattru definittiv tagħhom hija wkoll, bħala prinċipju, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

121. Il-prinċipju ta’ effettività, kif ukoll dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi madankollu jimponu, li tali modifika leġiżlattiva tidħol fis-seħħ biss wara li jkun għadda perijodu ta’ żmien tranżitorju raġonevoli.

122. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi mfakkar li l-proċeduri nazzjonali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi skont id-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Fejn issir emenda tal-proċedura fiskali li minħabba fiha, permezz ta’ dispożizzjonijiet iktar restrittivi dwar il-karattru definittiv tar-rendikonti tat-taxxa, tiġi eskluża l-implementazzjoni ta’ drittijiet speċifiċi li jirriżultaw skont id-dritt tal-Unjoni, mingħajr il-provvista ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli, l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet isir iktar diffiċli, sabiex b’hekk, f’każ ta’ dan it-tip, jista’ jiġi osservat li jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ effettività (48).

123. Fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddikjarat li jeżisti ksur ta’ tali prinċipju fil-każ fejn emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiċħad retroattivament lil suġġett taxxabbli mid-dritt, li kien igawdi qabel l-imsemmija emenda, li jikseb ir-rimbors tat-taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (49).

124. L-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004 inkwistjoni ma tikkontempla ebda dispożizzjoni tranżitorja raġonevoli. B’effett ta’ tali emenda leġiżlattiva tneħħiet il-possibbiltà li jiġu sospiżi l-effetti tar-rendikonti tat-taxxa fuq id-dħul permezz tal-preżentazzjoni a posteriori ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni sa mid-29 ta’ Ottubru 2004. B’dan il-mod, l-azzjonisti taxxabbli fuq id-dħul ġew miċħuda b’mod retroattiv, minkejja l-karattru definittiv tar-rendikonti tat-taxxa, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien, mill-possibbiltà li jinvokaw id-dritt għat-tnaqqis fiskali. Peress li b’tali emenda retroattiva tas-sitwazzjoni leġiżlattiva, l-eżerċizzju ta’ drittijiet pre-eżistenti u derivanti mis-sistema legali tal-Unjoni sar prattikament impossibbli, din tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Bl-istess mod tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

125. In-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli fl-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004, ma jinvolvix eo ipso li l-leġiżlazzjoni preċedenti li tirrigwarda r-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni aċċertata permezz ta’ rendikont definittiv tat-taxxa fuq id-dħul għandha tkompli tapplika b’mod illimitat (50). Effett ta’ dan it-tip jeċċedi l-iskop ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għaldaqstant tirriżulta f’kuntrast mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.

126. F’dan il-kuntest, f’każ bħal dak suġġett tal-kawża prinċipali, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu li jiġi ffissat perijodu tranżitorju għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tal-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004, li matulu l-azzjonisti taxxabbli fuq id-dħul ikunu jistgħu jitolbu r-rettifika ta’ rendikonti tat-taxxa abbażi ta’ dikjarazzjonijiet validi tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni.

127. Tali perijodu tranżitorju għandu, bħala prinċipju, ikun biżżejjed sabiex jippermetti lill-azzjonisti suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, li għandhom l-intenzjoni li inizjalment jeżerċitaw mingħajr limiti ta’ żmien id-dritt tagħhom għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, ikollhom żmien raġonevoli biex jinvokaw tali dritt. Huma fi kwalunkwe każ igawdu mill-għażla li jippreparaw l-azzjoni tagħhom mingħajr l-għaġla li ġejja mill-obbligu li jaġixxu b’urġenza indipendenti min-nuqqas ta’ termini li fuqhom huma setgħu inizjalment jiddependu (51).

128. Għall-finijiet tad-determinazzjoni b’mod konkret ta’ tali perijodu tranżitorju li jwassal għall-applikabbiltà tar-regoli ta’ proċedura fiskali ġodda, li qed jiġu diskussi fil-każ preżenti, għandu jiġi osservat, minn naħa, li sal-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004, ma kien jeżisti ebda terminu li matulu kellha tiġi ppreżentata t-talba ta’ rettifika ta’ rendikont definittiv tat-taxxa fuq id-dħul. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad ukoll li l-azzjonisti individwali taxxabbli ma kinux f’kundizzjoni li jitolbu liberament lill-kumpannija li qed tqassam id-dividendi dikjarazzjoni valida tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, iżda li, għal dan il-għan, kellhom iwettqu minn qabel ċerta attività ta’ informazzjoni u persważjoni.

129. Għaldaqstant, bħala konklużjoni, inqis li għandu jiġi ffisat raġonevolment għal tnax-il xahar it-terminu minimu tal-perijodu tranżitorju neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni u b’hekk tippermetti lis-suġġetti taxxabbli fuq id-dħul li jirċievu dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, bl-użu tad-diliġenza normali, li jieħdu konjizzjoni tal-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004 u tar-regoli ġodda, li jippreparaw u jippreżentaw it-talbiet tagħhom ta’ rettifika tar-rendikonti tat-taxxa f’kundizzjonijiet li ma jippreġudikawx il-possibbiltajiet tagħhom ta’ suċċess.

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda 4(a) għandha tkun fis-sens li l-emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta permezz tagħha r-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni, ikkonstatata permezz ta’ rendikont definittiv tat-taxxa, abbażi tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni valida tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi, tiġi eskluża retroattivament u mingħajr il-provvista ta’ perijodu tranżitorju, bil-konsegwenza li ma jkunx possibbli li titnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa. Għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik tal-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija prinċipji jimponu l-osservanza ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli li ma jistax ikun inqas minn tnax-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ tali liġi.

VIII – Konklużjoni

131. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari kif ġej:

1)         L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tat-taxxa fuq id-dħul dovuta lill-azzjonist taħt forma ta’ kreditu fiskali kkalkolat abbażi tal-oneru fiskali effettiv imħallas fuq l-istess dividendi. Madankollu tali tnaqqis ma għandux jeċċedi r-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli fuq id-dividendi nazzjonali.

2)         Leġiżlazzjoni nazzjonali, li ssostni li t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni mit-taxxa fuq id-dħul hija dejjem suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG meħtieġa għall-finijiet tal-prova tal-oneru fiskali preċedenti, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, fejn it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fi Stati oħra tal-Unjoni jsir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din iċ-ċirkustanza.

3)         Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli ta’ tqassim tal-oneru tal-prova u tar-riskju tal-prova mill-qorti, applikabbli għall-konstatazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Mill-prinċipju ta’ effettività ma jirriżulta ebda obbligu tal-qorti li tagħmel stima fil-każ li t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa fuq id-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata. Min-naħa l-oħra obbligu ta’ dan it-tip jissussisti, abbażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fil-każ fejn qorti nazzjonali tkun marbuta f’sitwazzjoni simili purament nazzjonali, li tipproċedi bi stima korrispondenti. Meta t-taxxi fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa indirettament fuq id-dividendi nazzjonali jikkontribwixxu sabiex jiġi kkonstatat l-ammont tal-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonisti, dawn għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

4)         Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-rettifika tat-tassazzjoni ta’ dividendi mqassma minn impriżi nazzjonali, kemm residenti fi Stati oħra tal-Unjoni, ikkonstatata permezz ta’ rendikont definittiv tat-taxxa, għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq tali dividendi, biss wara l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija taxxa skont l-Artikoli 44 et seq tal-KStG, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività fil-każ fejn, b’dan il-mod ir-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti fi Stati oħra tal-Unjoni ssir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din iċ-ċirkustanza.

5)         Emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipji ta’ effettività u tal-aspettattivi leġittimi meta permezz tagħha r-rettifika tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stati oħra tal-Unjoni, ikkonstatata permezz ta’ rendikont definittiv tat-taxxa abbażi tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni valida tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq tali dividendi, tiġi eskluża retroattivament u mingħajr il-provvista ta’ perijodu tranżitorju, bl-impossibbiltà bħala konsegwenza li titnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa. Għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik tal-emenda leġiżlattiva tat-8 ta’ Diċembru 2004, l-imsemmija prinċipji jimponu l-osservanza ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli li ma jistax ikun inqas minn tnax-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi.


1 – Lingwa oriġinali tal-konklużjonijiet: il-Ġermaniż. Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.


2 – C-292/04, Ġabra p. I-1835.


3 – B’konformità mad-denominazzjonijiet użati fit-TUE u fit-TFUE, l-espressjoni “dritt tal-Unjoni” hawn tiġi użata bħala kunċett globali li jinkludi d-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Unjoni. Fejn iktar ’il quddiem dispożizzjonijiet individwali tad-dritt primarju jassumu importanza, ser jiġu indikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ratione temporis.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tat-tassazzjoni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 757).


5 – BGBl. 1990 I, p. 1898


6 – BGBl. 1991 I, p. 638.


7 – BGBl. 2004 I, p. 3310.


8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


9 – Tali tnaqqis essenzjalment jinvolvi li t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi tiġi kkunsidrata bħala taxxa fuq id-dħul tal-azzjonist imħallsa bil-quddiem u għandha tiġi kkunsidrata kollha kemm hi mal-att tal-intaxxar ta’ dan tal-aħħar. Ara, dwar dan il-punt, J. Mössner, “Rückgewähr europarechtswidrig erhobener Steuern”, Europa im Wandel: Festschrift für Hans-Werner Rengeling, Köln, 2008, p. 339, 341 et seq. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa bejn id-dħul suġġett għat-taxxa fuq id-dħul hija parti sħiħa minn din is-sistema. Ara f’dan ir-rigward, D. Gosch, “Anrechnung ausländischer Steuern nach dem EuGH-Urteil in der Rechtssache ‘Manninen’ trotz Bestandskraft?”, DStR 2004, p. 1988, 1989.


10 – F’dan is-sens, esprimiet ruħha b’mod espliċitu l-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, p. 30 u 43. Fejn l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kemm fil-fażi bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta jinkludu jiġifieri jqiegħdu inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li bħala prinċipju mill-aspett proċesswali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Istati Membri, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi preliminari, kif imfissra mid-deċiżjoni ta’ rinviju. Ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42), tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag (C‑360/06, Ġabra p. I‑7333, punt 15), tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 57), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, (C‑409/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).


11 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


12 – Fis-sentenza Meilicke et, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonfermat il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li ssostni li filwaqt li l-qasam tat-tassazzjoni diretta jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland (C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19), tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19), tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punt 34), tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑487/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37), kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C-233/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).


13 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, Ġabra p. I‑11753), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li Stat Membru, li għandu l-intenzjoni li jevita t-taxxa doppja fuq id-dividendi nazzjonali abbażi ta’ sistema ta’ eżenzjoni, jista’ jkollu trattament ekwivalenti għad-dividendi barranin abbażi tas-sistema ta’ tnaqqis, bil-kundizzjoni li r-rata tat-taxxa għad-dividendi barranin ma tkunx ogħla minn dik applikata għad-dividendi nazzjonali u li l-ammont imħallas barra mill-pajjiż jitnaqqas sakemm jiġi indaqs għat-taxxa nazzjonali. Għal analiżi iktar dettaljata tal-kwistjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-metodu tal-eżenzjoni u ta’ dak tat-tnaqqis għall-finijiet tal-prevenzjoni tat-taxxa doppja fuq id-dividendi ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2010 fil-kawża Haribo u Österreichische Salinen (kawżi magħquda C-436/08 u C-437/08, li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 15 et seq).


14 – Ara l-punti 46 et seq iktar ’il fuq.


15 – F’dan is-sens, pereżempju, G. Stuhrmann, § 36 tal-EStG, punt 29a, fi Blümich – Kommentar EstG - KStGGewStG (minn B. Heuermann), Verlag Franz Vahlen, München, 106 aġġornament (stat: 1 ta’ Mejju 2010), li jsostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji għandha titnaqqas abbażi tar-rata applikabbli fl-Istat fejn hija stabbilita l-kumpannija li tqassam id-dividendi. B’hekk jista’ jirriżulta ammont li għandu jitnaqqas li jkun iktar jew inqas minn 3/7 tad-dividendi grossi. F’dan is-sens ara wkoll J. Lüdicke, “Pending Cases Filed by German Courts I: The Meilicke, CLT‑UFA, Keller Holding, Lasertec, Rewe Zentralfinanz, Ritter‑Coulais, Kolumbus Container Services, and Stauffer Cases”, f’Lang/Schuch/Staringer (Hrsg.), ECJ : recent developments in direct taxation, Vjenna, 2006, p. 113, 119.


16 – Fir-rigward tal-osservanza tal-kompetenzi attribwiti lill-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara K. Lenaerts, “Die Entwicklung der Rechtsprechung des Gerichtshofs der Europäischen Gemeinschaften auf dem Gebiet der direkten Besteuerung”, EuR 2009, p. 728, 737 et seq.


17 –      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 45) kif ukoll dawk ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2006 fil-kawża Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, Ġabra p. I-11673, punti 43 et seq).


18 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13. Essenzjalment tali sentenza ġiet ikkonfermata bid-digriet tat-23 ta’ April 2008, Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation (C‑201/05, Ġabra p. I-2875).


19 – Sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 48 et seq).


20 – Sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 51 et seq).


21 – Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2010 fil-kawżi magħquda C‑436/08 u C‑437/08 (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 153 et seq).


22 – Skont gurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ kapital jistgħu jiġu ġustifikati bir-raġunijiet kontemplati fl-Artikolu 58 KE jew b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu addattati biex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan preskritt u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ tali għan, ara s-sentenza Dijkman u Dijkman‑Lavaleije (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 49). Dwar il-kwalifika tan-“neċessità li tiġi salvagwardata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali” bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, Ġabra, p. I‑249, punti 21 et seq), Meilicke et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 26 et seq), Manninen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 42), kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 43).


23 – Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 43), tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28), tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 57), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).


24 – Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.


25 – Ara l-punt 79 iktar ’il fuq.


26 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche (C‑318/07, Ġabra p. I-359), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 56 KE jeskludi li liġi ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fir-rigward tad-donazzjonijiet magħmula favur korpi meqjusa bħala ta’ interess ġenerali, il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali jingħata biss għad-donazzjonijiet favur korpi stabbiliti fuq it-territorju nazzjonali, mingħajr ebda possibbiltà għas-suġġett passiv li juri li donazzjoni favur korp stabbilit fi Stat Membru ieħor tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-imsemmija liġi għall-għoti tal-benefiċċju (punt 72 u dispożittiv). Fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod ikkonstatat li anki jekk il-verifika tal-informazzjoni pprovduta mill-kontribwent tirriżulta diffiċli, xejn ma jwaqqaf lill-awtoritajiet fiskali interessati milli jirrifjutaw it-tnaqqis mitlub fil-każ fejn il-provi li fl-opinjoni tagħhom huma meħtieġa għad-determinazzjoni korretta tat-taxxa ma ġewx ipprovduti (punt 69). Fir-rigward ta’ din l-aħħar osservazzjoni, ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑150/04, Ġabra p. I‑1163, punt 54), tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C‑451/05, Ġabra p. I-8251, punti 95 et seq) kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punti 58 et seq).


27 – Digriet tar-rinviju tal-14 ta’ Mejju 2009, p. 44.


28 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 56), fejn fir-rigwrad tal-eżerċizzju mhux armonizzat tal-kompetenzi fiskali mill-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konsegwenzi vantaġġużi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel min-naħa tad-diversi Stati Membri tal-kompentenzi fiskali tagħhom, dejjem sakemm tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet ipprojbiti mit-Trattat. F’dan is-sens ara wkoll is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, Ġabra p. I‑10967, punti 19, 20 u 24), tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, Ġabra p. I-3747, punti 41, 42 u 47), kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C‑128/08, Ġabra p. I‑6823, punt 27).


29 – Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, Ġabra p. I‑10451, punt 51), tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, Ġabra p. I-1129, punt 43), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee‑Seniorenheimstatt (C‑157/07, Ġabra p. I‑8061, punt 50).


30 – Ara l-punt 86 iktar ’il fuq.


31 – Sentenzi ELISA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 92) u Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 52).


32 – Sentenzi Persche (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 65), kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C‑184/05, Ġabra p. I‑7897, punt 32).


33 – Ara f’dan il-kuntest anki s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 49), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut lill-kontribwent, f’każ ta’ taxxa transkonfinali, li jipprovdi provi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni, u li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali ma tistax tiġi ġustifikata b’referenza għall-effiċjenza tal-kontrolli fiskali bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.


34 – Ara s-sentenzi Persche (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 55) kif ukoll Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 48).


35 – Ara s-sentenzi Persche (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 54 u 60), Heinrich Bauer Verlag (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 41), tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C‑464/05, Ġabra p. I‑9325, punt 28), kif ukoll ELISA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 95).


36 – Ara l-punt 86 iktar ’il fuq.


37 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


38 – Ara l-punt 52 iktar ’il fuq.


39 – BGBl. 2004 I, p. 3310.


40 – F’dan ir-rigward jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tinsab tiffaċċja, inter alia, il-problema proċedurali li t-tnaqqis fiskali tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas fuq id-dividendi tippreżupponi li t-taxxa fuq il-kumpanniji tal-input imħallsa u li għandha tiġi rrimborsata titħallas mill-azzjonist bħala dħul suġġett għat-taxxa fuq id-dħul. Fir-rigward tat-tqassim ta’ dividendi ikkontemplat f’rendikont tat-taxxa definittiva, dan jippreżupponi li l-imsemmi rendikont, minkejja l-karattru definittiv tiegħu, jista’ jiġi emendat bl-iskop li tiġi ddikjarata taxxa tal-input imħallsa li għandha titnaqqas.


41 – Tali differenza fit-trattament bejn dividendi nazzjonali u dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni tista’ għalhekk tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital biss fejn tali differenza tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun ġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 47; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I‑9569, punt 32, kif ukoll Manninen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 29). Fil-każ inkwistjoni ma jissussistux ċirkustanzi tali li jiddeterminaw nuqqas ta’ paragunabbiltà oġġettiva tar-rettifika a posteriori ta’ rendikonti tat-taxxa definittivi li jikkonċernaw dividendi mqassma minn kumpanniji nazzjonali minn naħa, u tar-rettifika a posteriori relatata mad-dividendi li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, ma jissussistux raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifikaw trattament differenti fir-rigward tar-rettifika a posteriori ta’ rendikonti tat-taxxa definittivi li jikkonċernaw dividendi nazzjonali jew li ġejjin minn Stati oħra tal-Unjoni.


42 – Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.


44 – Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.


45 – Ara l-punt 95 iktar ’il fuq.


46 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, Ġabra p. I-837, punt 24), u tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 37).


47 – Ara s-sentenzi Bulicke (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 36), tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 32), tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punt 48), kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 28 et seq).


48 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-emenda tat-termini nazzjonali ta’ dekadenza għar-restituzzjoni tal-ammonti rċevuti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni: sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, Ġabra p. I-6325, punti 36 et seq), u tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C‑255/00, Ġabra p. I‑8003, punti 35 et seq).


49 – Sentenza Marks & Spencer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 46).


50 – Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza Grundig Italiana (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’qiegħ il-paġna 48, punt 41).


51 – Ibid. Punt 38.