Language of document : ECLI:EU:C:2018:136

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2018(1)

Kawża C-27/17

AB flyLAL-Lithuanian Airlines, fi stralċ

vs

Starptautiskā lidosta Rīga VAS

Air Baltic Corporation A/S

ŽIA Valda AB,

VA Reals AB,

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell, il-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ tort, delitt u kważi delitt – Ftehim antikompetittivi – Telf ta’ dħul ikkawżat minn atti antikompetittivi minn kompetituri – Kunċett ta’ ‘post fejn tkun seħħet il-ħsara’ – Tilwima li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor – Kunċett ta’ ‘operazzjoni ta’ fergħa’”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

IV. Analiżi

A. Introduzzjoni

B. Domanda 2: “Il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”

1. “Inċident ta’ ħsara” u “dannu”

2. Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”

a) L-iskop tal-protezzjoni offruta u konsistenza mal-liġi applikabbli

b) Xi suq affettwat?

c) In-natura u l-post tad-dannu speċifikuu

1) Regola ġenerali:dannu finanzjarju joriġina mill-post fejn l-effett ta’ ħsara jkun twettaq

2) “Post fejn tkun seħħet il-ħsara” f’każijiet ta’ kompetizzjoni

3. Applikazzjoni għal din il-kawża

4. Konklużjoni għat-tieni domanda

C. Domanda 1: Il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara (u l-identità tal-konvenuti)

1. Differenzi bejn kawżalità għal finijiet ta’ ġurisdizzjoni u mertu

2. Kawżalità għal finijiet ta’ ġurisdizzjoni, f’każijiet li jinvolvu fatti kumplessi

3. Post tal-inċident li kkawża l-ħsara f’azzjonijiet għal danni bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni

a) Artikolu 101 TFUE

b) Artikolu 102 TFUE

4. Applikazzjoni għal dan il-każ

a) Post tal-inċident li kkawża l-ħsara

b) L-identità tal-konvenuti

5. Konklużjoni għall-ewwel domanda

D. Domanda 3

1. Ratio legis u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(5)

2. Hemm xi “fergħa”?

3. Ir-rabta mat-tilwima

V. Konklużjoni

I.      Introduzzjoni

1.        AB flyLAL – Lithuanian Airlines (iktar ’il quddiem “flyLAL”) kienet topera titjiriet mill-ajruport ta’ Vilnius fil-Litwanja sakemm hija tqiegħdet fi stralċ.

2.        Skont flyLAL, il-falliment tagħha kien ikkawżat minn iffissar ta’ prezzijiet predatorji (jiġifieri, inqas mill-ispiża) mil-linja tal-ajru Latvjana Air Baltic Corporation AS (iktar ’il quddiem “Air Baltic”). Dak l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji kien, skont kif huwa allegat, parti minn strateġija antikompetittiva miftiehma bejn l-Air Baltic u l-operatur tas-Starptautiskā lidosta Rīga (l-Ajruport Internazzjonali ta’ Riga fil-Latvja, iktar ’il quddiem l-“Ajruport ta’ Riga”). Għalhekk, l-Ajruport ta’ Riga u l-Air Baltic ftiehmu li jnaqqsu radikalment il-prezzijiet imħallsa mill-Air Baltic għal servizzi fl-Ajruport ta’ Riga. Il-flus imfaddla mbagħad intużaw mill-Air Baltic biex jiġi ffinanzjat l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji li tefgħu lil flyLAL ’il barra mis-suq f’Vilnius, il-Litwanja.

3.        flyLAL ressqet quddiem il-qorti lill-Air Baltic u lill-Ajruport ta’ Riga għad-danni fil-qrati f’Vilnius, il-Litwanja. Il-qorti tal-ewwel istanza sabet li l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga kienu kisru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali u kkumpensat lil flyLAL għad-danni fl-ammont ta’ EUR 16.1 miljuni, flimkien mal-interessi, kontra l-Air Baltic (iżda mhux kontra l-Ajruport ta’ Riga). L-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”) appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell, il-Litwanja), billi kkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani li jieħdu konjizzjoni tat-tilwima.

4.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel tliet domandi lil din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2). Essenzjalment dawn għandhom rabta mal-inċident ta’ ħsara, jekk telf ta’ profitti jitqies bħala “ħsara” għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni u jekk it-tilwima tistax titqies li tkun toriġna mill-operazzjonijiet tal-fergħa tal-Air Baltic fil-Litwanja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001, li kien applikabbli fiż-żmien rilevanti, jipprovdu li:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet [ikun jeħtieġ] fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6.        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 li huwa fis-Sezzjoni 2, “Ġurisdizzjoni speċjali” jipprevedi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]

5.      f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih ikunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.        Fl-2004, flyLAL kienet il-linja tal-ajru ewlenija ta’ ġarr li kienet ittir mill-ajruport ta’ Vilnius. Fl-2004, l-Air Baltic, il-linja tal-ajru ewlenija ta’ ġarr li kienet ittir mill-Ajruport ta’ Riga wkoll bdiet topera titjiriet mill-Ajruport ta’ Vilnius. Mill-inqas xi wħud minn dawk it-tijriet kienu għall-istess destinazzjonijiet li flyLAL kienet isservi.

9.        Sussegwentement, il-pożizzjoni fis-suq ta’ flyLAL f’Vilnius naqset, filwaqt li dik tal-Air Baltic issaħħet. Wara telf finanzjarju sinjifikanti, flyLAL tqiegħdet fi stralċ.

10.      flyLAL tqis li l-falliment tagħha kien ikkawżat minn iffissar ta’ prezzijiet predatorji mitluba mill-Air Baltic fuq rotot mill-ajruport ta’ Vilnius, li b’hekk tefgħu lil flyLAL ’il barra mis-suq. Skont flyLAL l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji kienu ffinanzjati bi skonti mogħtija mill-Ajruport ta’ Riga b’rabta ma’ servizzi pprovduti lill-Air Baltic fl-Ajruport ta’ Riga.

11.      Dwar dawk l-iskonti, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2006 meħuda fi proċeduri separati, il- Latvijas Republikas Konkurences padome (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tal-Latvja) qies li l-Ajruport ta’ Riga kien introduċa sistema ta’ tnaqqis b’effett mill-1 ta’ Novembru 2004, li kienet tipprovdi għal tnaqqis sa 80 % għal tlugħ u nżul ta’ ajruplani u għal servizzi ta’ sigurtà. Il-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tal-Latvja) iddikjara li s-sistema ta’ tnaqqis kienet kisret l-Artikolu 82(c) tat-Trattat KE (illum l-Artikolu 102(c) TFUE). Huwa ordna li l-Ajruport ta’ Riga jieqaf japplika s-sistema.

12.      flyLAL ressqet lill-Air Baltic u lill-Ajruport ta’ Riga quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali, Vilnius, il-Litwanja) fejn talbet dikjarazzjoni li l-aġir tal-konvenuti kien ifisser ftehim ipprojbit u abbuż minn pożizzjoni dominanti, minħabba li kien kuntrarju għall-Artikoli 81 u 82 TKE (illum l-Artikoli 101 u 102 TFUE (3)), u li l-konvenuti jiġu kkundannati in solidum fis-somma ta’ EUR 57 874 768.30 bħala kumpens għal danni materjali.

13.      Bi tweġiba l-konvenuti sostnew li huma kienu persuni ġuridiċi rreġistrati fir-Repubblika tal-Latvja u, għalhekk, it-tilwima kellha tinstema’ quddiem il-qrati Latvjani.

14.      B’sentenza tal-27 ta’ Jannar 2016, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) laqgħet parzjalment it-talba, billi kkundannat lill-Air Baltic tħallas is-somma ta’ EUR 16 121 094 lil flyLAL bħala danni u interessi annwali ta’ 6 % fuq dak l-ammont. Hija ċaħdet talbiet separati ppreżentati mill-partijiet terzi ŽIA Valda AB u VA Reals AB (“l-azzjonisti ta’ flyLAL”). Hija ddeċidiet ukoll li, skont l-Artikolu 5(3) u (5) tar-Regolament Nru 44/2001, it-tilwima kellha tinstema’ quddiem il-qrati Litwani.

15.      flyLAL, l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell, il-Litwanja). Permezz tal-appell tagħha flyLAL titlob li s-sentenza tal-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali, Vilnius) titħassar u li t-talba tagħha tintlaqa’ kompletament. Il-konvenuta l-Air Baltic titlob li dik is-sentenza tal-ewwel istanza titħassar minħabba ksur tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u li l-kawża titħalla ma tinstemax. L-Air Baltic tgħid li t-tilwima ma kellhiex x’taqsam mal-operazzjonijiet tal-fergħa Litwana tagħha u, għaldaqstant, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kienx applikabbli. L-Artikolu 5(3) tar-Regolament lanqas ma kien applikabbli minħabba li l-atti allegatament illegali ma kinux twettqu fil-Litwanja. Barra minn hekk, din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx tagħti dritt li tinfetaħ kawża quddiem il-qrati tal-Istat fejn ikun hemm telf indirett fil-forma ta’ tnaqqis f’riżorsi finanzjarji. Fl-appell tiegħu Riga Airport essenzjalment iressaq l-istess argumenti li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni fuq it-tilwima bħall-Air Baltic.

16.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li kien diġà ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha “flyLAL I” (4), li kienet indirizzat il-kwistjoni dwar jekk it-tilwima bejn il-partijiet kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, u li t-tilwima kienet ta’ natura ċivili u kummerċjali. Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, ma kellhiex dubju li r-Regolament Nru 44/2001 kien applikabbli għal dan il-każ. Hija tosserva, madankollu, li s-sentenza flyLAL I kienet eżaminat biss il-kwistjoni tal-applikazzjoni u l-infurzar fir-Repubblika tal-Latvja ta’ miżuri kawtelatorji interim ordnati mil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell, il-Litwanja). Madankollu, ma kinitx indirizzata l-ġurisdizzjoni dwar il-mertu tat-tilwima.

17.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appel, il-Litwanja) tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” użata [fil-punt 3 tal-]Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-post tal-konklużjoni, mill-konvenuti, tal-ftehim illegali kontra l-Artikolu 82(ċ) KE [Artikolu 102(ċ) TFUE] jew bħala li tirreferi għall-post fejn l-atti li jisfruttaw il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn dan il-ftehim twettqu, billi jintalbu prezzijiet predatorji (permezz ta’ sussidji trażversali) sabiex jikkompetu mar-rikorrenti fl-istess swieq inkwistjoni?

2.      Id-dannu (profitti mitlufa) subit mir-rikorrenti f’din il-kawża bħala konsegwenza tal-fatti illegali mwettqa mill-konvenuti jista’ jitqies bħala ħsara fis-sens tal-[punt 3] tal-Artikolu 5 tar--[Regolament Nru 44/2001]?

3.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-attività tal-fergħa tal-Air Baltic fil-Litwanja taqa’ fil-kunċett ta’ ‘operazzjonijiet ta’ fergħa’ fis-sens tal-[punt 5] tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001]?”

18.      Sottomissjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn flyLAL u mill-Air Baltic, mill-Ajruport ta’ Riga, ŽIA Valda u VA Reals, mill-Gvern Latvjan u l-Gvern Litwan, u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet interessati li pparteċipaw fl-istadju tal-proċeduri bil-miktub, bl-eċċezzjoni ta’ ŽIA Valda u VA Reals, ukoll ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-16 ta’ Novembru 2017.

IV.    Analiżi

A.      Introduzzjoni

19.      Dan il-każ iqajjem mistoqsijiet dwar ġurisdizzjoni għal smigħ ta’ kawża għal danni b’sensiela relattivament kumplessa ta’ fatti. Il-qorti nazzjonali tirreferi għal tliet iksur tal-liġi tal-kompetizzjoni: (I) abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fis-sistema ta’ tnaqqis implementata mill-Ajruport ta’ Riga; (II) ftehim antikompetittiv bejn l-Ajruport ta’ Riga u l-Air Baltic; u (iii) abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ ffissar ta’ prezzijiet predatorji mill-Air Baltic. Dawn il-ksur, qed jiġi sottomess, kienu marbuta ma’ xulxin, u jiffurmaw parti minn strateġija biex flyLAL tinqala’ ’l barra mis-suq f’Vilnius u passiġġieri jmorru lejn l-Ajruport ta’ Riga għall-benefiċċju kemm tal-Ajruport ta’ Riga kif ukoll tal-Air Baltic.

20.      Nixtieq nenfasizza b’mod ċar mill-bidu nett li dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u mhux l-applikazzjoni sostantiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’dan il-każ. Dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet huma ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

21.      Barra minn dan, il-gwida ġenerali mogħtija dwar il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni f’dawn il-konklużjonijiet ikollha wkoll tibqa’ pjuttost astratta. Dan ma huwiex biss minħabba d-diviżjoni tal-funzjonijiet bejn din il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, iżda wkoll minħabba li mid-digriet tar-rinviju, l-interazzjoni bejn l-allegati tliet iksur tibqa’ daqsxejn mhux ċara. B’mod partikolari l-qorti tar-rinviju ssemmi fl-ewwel domanda tagħha u wkoll fil-motivazzjoni tagħha li kien hemm ftehim li kien jikser l-Artikolu 102(c) TFUE, minkejja l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni mid-definizzjoni tagħha tirrigwarda mġiba unilaterali. B’hekk, filwaqt li jfittxu li jipprovdu xi gwida siewja lill-qorti tar-rinviju, dawn il-konklużjonijiet bilfors jibqgħu fil-livell ta’ ipoteżi u għażliet, li jkun għall-qorti tar-rinviju li tivverifika u tapplika għall-każ skont kif ikun jixraq.

22.      Sa fejn jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali, ir-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament Nru 44/2001, hija li tilwima għandha tinstema’ mill-qorti tal-post fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu (Artikolu 2(1)). L-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li persuna tista’ wkoll titressaq quddiem qorti, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, l-espressjoni “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” hija intiża tkopri kemm “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” u “[il]-post tal-inċident li kkawża l-ħsara”, biex il-konvenut ikun jista’ jitressaq quddiem il-qrati ta’ wieħed jew ieħor minn dawk il-postijiet (5).

24.      Il-kwistjonijiet prinċipali f’dan il-każ huma dwar kif dawn iż-żewġ alternattivi — “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” u “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara” — għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest. Dawn il-kwistjonijiet jaqblu mat-tieni u l-ewwel domanda rispettivament tal-qorti tar-rinviju. Jiena ser neżaminahom l-ewwel (B u Ċ) qabel ma ngħaddi għat-tielet domanda dwar l-operazzjonijiet ta’ fergħa skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 (D).

B.      Domanda 2: “Il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”

25.      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tifsira ta’ “dannu” (bħala aspett ta’ “effett tal-ħsara”) għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod speċifiku tistaqsi jekk dannu finanzjarju (telf ta’ dħul) allegat minn flyLAL għandux jitqies bħala “ħsara” f’dan is-sens.

26.      Nifhem li l-għan bażiku ta’ din id-domanda huwa li jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm ġurisdizzjoni speċjali skont dik id-dispożizzjoni fil-post fejn ikun seħħ telf ta’ dħul, b’implikazzjoni: il-Litwanja.

27.      Fl-opinjoni tiegħi, il-post tad-dannu finanzjarju (telf ta’ dħul) ma jfissirx hawnhekk “il-post fejn seħħet il-ħsara”. F’każ bħal dan, “il-post fejn seħħet il-ħsara” huwa l-post fis-swieq milquta bil-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fejn ir-rikorrenti tallega nuqqas ta’ bejgħ.

28.      Jien u nindirizza t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett ser inqis id-distinzjoni bejn, minn naħa, “l-inċident ta’ ħsara” biex niddetermina l-ġurisdizzjoni, u, min-naħa l-oħra, “id-dannu” fil-kuntest tal-evalwazzjoni fil-mertu (1). Imbagħad, inqis “il-post fejn seħħet il-ħsara” biex niddetermina l-ġurisdizzjoni fi proċeduri ġudizzjarji abbażi tal-liġi tal-kompetizzjoni (2) u napplika dak li nkun sibt għal dan il-każ (3).

1.      “Inċident ta’ ħsara” u “dannu”

29.      Minn meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Bier ’l hawn il-kliem “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li jidher fit-test tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi l-kliem “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” u “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara” (6). Bier, għalhekk, effettivament taqsam il-kunċett ta’ “inċident ta’ ħsara” f’żewġ kunċetti separati ta’ kawża u effett: “il-ħsara” u “l-inċident li kkawża l-ħsara”. Isegwi li “dannu” (jew “ħsara” (7)) f’dan il-kuntest huwa aspett “tal-inċident ta’ ħsara” li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni użat biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni billi jkunu identifikati dawk il-postijiet b’rabta mill-qrib mat-tilwima.

30.      Dan il-kunċett ta’ dannu bħala aspett ta’ “inċident ta’ ħsara” huwa, għaldaqstant, differenti mill-kunċett ta’ “dannu” li jagħmel parti mill-evalwazzjoni fil-mertu u jidentifika l-konsegwenzi negattivi għal rikorrent speċifiku li jservu bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ kumpens fi flus (8). Dannu f’dan l-aħħar sens huwa (b’mod ġenerali (9)) iddefinit skont il-liġi nazzjonali.

31.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja Minbarra ddistingwiet b’mod ċar il-kunċett ta’ “dannu” bħala parti mill-evalwazzjoni fil-mertu, mill-kunċett ġurisdizzjonali ta’ “dannu” bħala aspett ta’ “inċident ta’ ħsara”. Il-kunċett ġurisdizzjonali ta’ “dannu” ġie kklassifikat b’żewġ modi importanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, “dannu” f’dan l-aħħar sens, bħala prinċipju, jirreferi għal “dannu speċifiku” għall-kuntrarju ta’ “dannu ġenerali”. It-tieni nett, huwa limitat għal dannu “inizjali”.

32.      Delitti u kważi delitti jistgħu jkunu ta’ protezzjoni kontra effetti negattivi kemm fuq l-interess pubbliku (dannu ġenerali) kif ukoll fuq l-interessi privati ta’ individwi (dannu speċifiku). Pereżempju, delitti ta’ tip “ambjentali” jistgħu jipproteġu ġeneralment kemm kontra tniġġis atmosferiku kif ukoll speċifikament kontra ħsara għas-saħħa tal-individwu. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fl-identifikazzjoni “tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, “dannu” għandhiex tinftiehem bħala d-dannu ġenerali jew id-dannu speċifiku li kontra tiegħu r-regola toffri protezzjoni.

33.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-frażi “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” hija suġġetta għall-kundizzjoni li tali post ikun jinsab fi Stat Membru li attwalment jipproteġi d-dritt allegatament miksur (10). Fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dik il-protezzjoni “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” tirreferi b’mod iktar preċiż għall-post tad-dannu speċifiku.

34.      F’dan ir-rigward ikun utli wieħed iqis il-fatti u l-kuntest ta’ Bier. F’dik il-kawża, l-allegat inċident ta’ ħsara kien ir-rimi ta’ ammonti enormi ta’ skart ta’ melħ f’Mulhouse, Franza (il-kawża), li niġġes ix-xmara Rhine. eventwalment ikkawża dannu lin-negozju tal-ortikultura tar-rikorrenti f’Rotterdam (il-konsegwenza). Ir-rimi ta’ skart, għalhekk, ikkawża dannu ġenerali f’medda tar-Rhine tul diversi mijiet ta’ kilometri fi Franza, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-motivazzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara, mhux inqas mill-post fejn tkun seħħet il-ħsara, jista’ skont il-każ, jikkostitwixxi element ta’ rabta sinjifikattiv mill-aspett ta’ ġurisdizzjoni. Jista’ jkun hemm biss responsabbiltà għal delitt jew kważi delitt jekk tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn il-ħsara u l-inċident li fih toriġina l-ħsara” (11).

35.      Fi kliem ieħor, “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” ma jirreferix għad-dannu ġenerali iżda għad-dannu lil rikorrenti speċifiċi individwali. L-azzjoni għal danni titlob li tiġi stabbilita rabta kawżali speċifikament mad-dannu kkawżat lir-rikorrent u li b’rabta magħha jintalab kumpens. L-Avukat Ġenerali Capotorti huwa tabilħaqq ħafna iktar espliċitu fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, billi jirreferi għall-“post fejn id-dannu li għalih jintalab kumpens ikun twettaq” (12).

36.      Dik il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-motivazzjoni fil-kawża Bier u f’deċiżjonijiet li ġew wara li “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” ikollu rabta mill-qrib mat-tilwima (għall-kuntrarju ta’ rabta ġenerali mad-delitt) (13).

37.      Barra minn hekk, dannu speċifiku jikkostitwixxi biss aspett rilevanti tal-“inċident ta’ ħsara” u jipprovdu bażi għal ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jekk ikun “il-ħsara inizjali”, kuntrarjament għal konsegwenzi negattivi. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-kunċett ta’ “inċident ta’ ħsara” bħala okkorrenza speċifika li tista’ tiġi sseparata minn effetti indiretti (14).

38.      Dan il-punt huwa rifless fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Marinari (15). F’dak il-każ kienu ntbagħtu biljetti negozjabbli lil bank fir-Renju Unit; kienu ġew ikkonfiskati mill-bank u mgħoddija lill-pulizija. Marinari kien ġie arrestat. Sussegwentement huwa ħarrek lir-Renju Unit quddiem il-qrati Taljani abbażi li huwa kien ġarrab dannu finanzjarju fl-Italja minħabba l-konfiska.

39.      Fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, (16) li kien ġie qabel l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi kkonfermat li l-frażi “[i]l-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq […] ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv tant li tkun tinkludi kull post fejn setgħu jinħassu l-konsegwenzi negattivi ta’ inċident li jkun diġà kkawża dannu li attwalment ikun seħħ band’oħra (17).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “ħsara inizjali” (sekwestru tal-biljetti negozjabbli u arrest) kienet imġarrba fir-Renju Unit, u kull dannu (finanzjarju) bħala konsegwenza mġarrab fl-Italja ma kienx suffiċjenti biex jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Taljani: “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara ma jkoprix il-post fejn il-vittma tallega li sofriet danni finanzjarji li jsegwu ħsara inizjali li tkun seħħet u mġarrba minnha fi Stat [Membru] ieħor” (18).

41.      Wieħed jista’ wkoll jara b’mod ċar il-punti msemmija iktar ’il fuq fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Dumez. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-post fejn tkun seħħet il-ħsara jkun il-“post fejn seħħ id-dannu, dan l-aħħar kunċett ma jistax jinftiehem ħlief bħala li jindika l-post fejn il-fatt kawżali, li jattiva r-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali, ipproduċa direttament l-effetti dannużi fir-rigward ta’ dak li kien il-vittma immedjata tiegħu” (19).

42.      Ittrattajt daqsxejn fit-tul it-tifsira ta’ “dannu” bħala aspett ta’ “inċident ta’ ħsara” minħabba li hija ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

43.      Din il-kawża hija dwar allegat ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. B’mod simili għall-eżempju ta’ dannu ambjentali diskuss iktar ’il fuq, il-liġi tal-kompetizzjoni għandha dimensjoni kemm privata kif ukoll pubblika. Operaturi privati jressqu talbiet għal danni abbażi tal-liġi tal-kompetizzjoni biex jirkupraw kumpens għal dannu għall-interessi individwali tagħhom. Madankollu, il-liġi tal-kompetizzjoni teżisti, bla dubju, primarjament sabiex tipprevjeni tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u d-dannu li jirriżulta għall-ġid ekonomiku ġenerali.

44.      Barra minn hekk, fil-każ ta’ delitti ekonomiċi fejn id-dannu lil operaturi ta’ swieq individwali jkun prinċipalment finanzjarju, ikun hemm, fil-fehma tiegħi, riskju anki ikbar li l-kunċett ġurisdizzjonali ta’ “dannu” (bħala aspett ta’ “effett tal-ħsara”) jitħallat mal-kunċett sostantiv ta’ “dannu” (fis-sens ta’ konsegwenzi negattivi rilevanti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà u jiġi kkalkulat il-quantum). Għal din ir-raġuni nqis li l-kjarifiki magħmula iktar ’il fuq dwar il-bażi tad-distinzjonijiet li qed isiru huma ta’ importanza partikolari. Nassumi li dan tabilħaqq jirrifletti, għall-inqas parzjalment, ix-xewqa li tali konfużjoni tkun evitata, li hija l-bażi tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

45.      Ser inkompli nindirizza dawn il-punti fit-taqsima li ġejja.

2.      Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”

46.      Il-koeżistenza ta’ dimensjonijiet pubbliċi u privati tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni twassal għal ambigwità dwar x’jista’ jikkostitwixxi “[i]l-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’kawżi għal danni bbażati fuq il-liġi tal-kompetizzjoni. Dan jista’ jiġi interpretat bħala l-post ta’ dannu “ġenerali” għas-suq (tgħawwiġ tal-kompetizzjoni), jew il-post ta’ dannu “speċifiku” lil impriżi partikolari (20). Jagħti lok ukoll għall-mistoqsija dwar liema tip ta’ dannu “speċifiku” qiegħda ssir referenza għalih f’dan il-kuntest.

47.      F’każijiet bħal dan, fejn l-imġiba antikompetittiva għandha l-effett li teskludi impriżi mis-swieq billi ma tħallihomx jagħmlu negozju jew tagħmililhom iktar diffiċli (21), nissuġġerixxi li “il-post fejn isseħħ il-ħsara” ikun il-post fis-suq milqut mill-ksur (22) meta l-vittma tallega telf ta’ bejgħ.

48.      Dik il-konklużjoni hija konsistenti mal-analiżi ġenerali magħmula iktar ’il fuq (Taqsima 1) u hija kkonfermata minn tliet kunsiderazzjonijiet oħra. L-ewwel, hemm (a) il-ħtieġa għal konsistenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni offruta mir-regoli tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali, u mir-regoli dwar il-liġi applikabbli; it-tieni, hemm (b) il-ħtieġa ta’ element ta’ rabta partikolarment mill-qrib mat-tilwima; u, it-tielet, hemm (ċ) il-fatt li “id-dannu inizjali” fis-sens ta’ dannu speċifiku lill-vittma jkun telf ta’ bejgħ u mhux dannu finanzjarju li jirriżulta.

a)      L-iskop tal-protezzjoni offruta u konsistenza mal-liġi applikabbli

49.      Inqis li, bħala propożizzjoni ġenerali, f’każijiet ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mingħajr tgħawwiġ, “il-post fejn ikun seħħ l-inċident”, fis-sens ta’ “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” għandu jkun jinsab fis-swieq milquta minn tali ksur. F’dan is-sens, u konformi ma’ dak li kien issuġġerit bħala punt ġenerali iktar ’il fuq (23), “dannu speċifiku” huwa wkoll, f’termini ġeografiċi, kategorija sekondarja loġika ta’ “dannu ġenerali”.

50.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq tikkonferma li fl-identifikazzjoni “tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3), għandu jitqies l-iskop tal-protezzjoni li toffri d-dispożizzjoni sostantiva tal-liġi inkwistjoni. Hekk li fil-kawża Concurrence, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li “[i]l-post fejn seħħ id-dannu jista’ jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur”, u wkoll li “[i]r-riskju li dannu jseħħ fi Stat Membru partikolari huwa suġġett għall-fatt li d-dritt li huwa allegatament miksur ikun protett f’dan l-Istat Membru” (24).

51.      Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 101 u 102 TFUE, primarjament għandhom l-għan li titħares il-kompetizzjoni mingħajr tgħawwiġ. Għal din ir-raġuni biss insibha impossibbli nikkonċepixxi li tingħata ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u “tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, lil qrati ’il barra mis-swieq milquta mill-ksur.

52.      Barra minn hekk, il-limitazzjoni msemmija iktar ’il fuq “tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara” f’każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni hija konsistenti mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-liġi applikabbli (25). Hekk li l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Ruma II jipprevedi li f’każ ta’ azzjonijiet għal danni bbażati fuq il-liġi tal-kompetizzjoni l-liġi applikabbli tkun dik “tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew li probabbli jkun, milqut”.

53.      Fl-aħħar nett, l-identifikazzjoni tal-post fejn ikun seħħ id-dannu (dannu speċifiku) bħala li jkun jinsab fis-swieq milquta minn tali ksur (dannu ġenerali) tipprovdi iktar prevedibbiltà. Impriża li taġixxi b’mod antikompetittiv għandha tistenna li tiġi mressqa quddiem il-qorti f’dawk il-postijiet fejn l-azzjonijiet tagħha jkollhom riperkussjonijiet fuq is-suq. Bħala prinċipju hija ma għandhiex, madankollu, tistenna li titħarrek ’il barra minn dawk is-swieq.

b)      Xi suq affettwat?

54.      Wieħed allura jistaqsi jekk ir-rikorrent f’azzjoni għal danni abbażi tal-liġi tal-kompetizzjoni jistax iħarrek f’kull post fejn is-suq jintlaqat mill-ksur (26). Jiena nsib dik il-proposta problematika għal ħafna raġunijiet.

55.      L-ewwel nett, tali interpretazzjoni tal-“post fejn tkun seħħet il-ħsara” għandha l-potenzjal f’kawżi fil-liġi tal-kompetizzjoni li tippermetti għażla kważi illimitata ta’ postijiet fejn tħarrek fejn ksur ikollu impatt ġeografiku wiesa’. Dan ir-riżultat fih innifsu jidher li jkun diffiċli jiġi rrikonċiljat mal-fatt li l-Artikolu 5(3) huwa regola speċjali u eċċezzjoni, u għandu jiġi interpretat b’mod strett (27).

56.      It-tieni nett, l-għoti ta’ ġurisdizzjoni “lill-post fejn tkun seħħet il-ħsara” huwa bbażat fuq il-loġika li jkun hemm “rabta partikolarment mill-qrib bejn l-ilment u l-qrati [ta’ dak il-post]” (28). “L-ilment”, jiġifieri l-azzjoni speċifika għal danni, ġeneralment ma tkunx dwar dannu lil swieq. Speċifikament tkun dwar id-dannu li allegatament ikun ġarrab rikorrent partikolari b’dik l-azzjoni speċifika.

57.      It-tielet nett, interpretazzjoni li tippermetti lil rikorrent iħarrek f’kull suq milqut ma taqbilx, fil-fehma tiegħi, mal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonċentra fuq il-post ta’ dannu inizjali lil vittmi speċifiċi bħala li jkun “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”. Dwar dan nagħmel referenza għall-analiżi fil-kawża Bier iktar ’il fuq (29). Hemm iktar xi jsostni dan f’ġurisprudenza iktar reċenti.

58.      Il-kawża Concurrence (30) kienet dwar distribuzzjoni selettiva li kienet tipprojbixxi l-bejgħ permezz tal-internet. Ir-rikorrenti, distributriċi permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, essenzjalment issottomettiet li l-projbizzjoni ma kinitx applikata b’mod uniformi man-netwerk kollu. B’riżultat ta’ dan hija tilfet bejgħ potenzjali li mar għand il-bejjiegħ bl-imnut onlajn Amazon. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-post fejn seħħ id-dannu għandu jitqies li huwa t-territorju tal-Istat Membru li jipproteġi l-imsemmija projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-azzjoni inkwistjoni, territorju li fih ir-[rikorrenti tallega li sofriet tnaqqis fil-bejgħ tagħha]” (31).

59.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddiskutietx jekk “il-post fejn seħħ id-dannu” setax jestendi għal kull post fejn il-kompetizzjoni jew swieq setgħu jintlaqtu bl-applikazzjoni diskriminatorja tal-klawżoli kuntrattwali tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva. Minflok hija immedjatament ikkwalifikat il-post fejn kien seħħ id-dannu bħala l-post fejn kien intilef il-bejgħ.

60.      B’mod simili fil-kawża CDC, li kienet dwar kartell fis-suq għall-perossidu tal-idroġenu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post fejn kien seħħ id-dannu tqies li kien il-post fejn id-dannu “[kien] jikkonsisti fi spejjeż żejda mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli” (32).

61.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq jiena tal-fehma li “post fejn tkun seħħet il-ħsara” f’każijiet bħal dan għandu jitqies bħala l-post fis-suq milqut mill-ksur fejn il-vittma tallega li tkun ġarrbet dannu.

c)      In-natura u l-post tad-dannu speċifikuu

62.      Id-definizzjoni prattika stabbilita hawn stess iktar ’il fuq twassal għall-punt speċifiku magħmul fit-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju: liema “dannu”? Għall-finijiet li jiġi ddeterminat “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”, għandu jitqies id-dannu finanzjarju li allegatament ir-rikorrent ikun ġarrab, jew ikun xi dannu ieħor?

63.      Fil-fehma tiegħi ma huwiex il-post tad-dannu finanzjarju iżda l-post tal-allegat telf ta’ bejgħ.

1)      Regola ġenerali:dannu finanzjarju joriġina mill-post fejn l-effett ta’ ħsara jkun twettaq

64.      Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq (33), ċertament ma huwiex dejjem il-każ li l-post fejn iseħħ dannu finanzjarju jkun jista’ jintuża biex ikun identifikat “il-post fejn l-effett ta’ ħsara jkun twettaq”, għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost tindika li dannu finanzjarju ġeneralment joriġina mill-post fejn l-effett ta’ ħsara jkun twettaq. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fil-kawża Marinari li l-post ta’ dannu finanzjarju indirett li jkun irriżulta wara minn dannuinizjali (sekwestru ta’ proprjetà u arrest) ma kienx “il-post fejn l-effett ta’ ħsara jkun twettaq” (34). Fil-kawża Concurrence li għaliha saret referenza iktar ’il fuq, “l-inċident ta’ ħsara” identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja kien b’mod ċar it-telf ta’ bejgħ. Id-dannu finanzjarju rriżulta minn dak il-bejgħ mitluf. Madankollu, f’dak is-sens id-dannu kien “sempliċement” korollarju tat-telf ta’ bejgħ u ma kinitx saret referenza għalih fid-dispożittiv tas-sentenza (35).

65.      Fis-sentenza iktar reċenti Universal Music il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet biex ikkonfermat li l-post ta’ dannu finanzjarju dirett jista’ l-anqas ma jkun “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” (36).

66.      Fil-kawża Universal Musicil-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “‘il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq’, fl-assenza ta’ elementi oħrajn ta’ rabta, il-post li jinsab fi Stat Membru fejn seħħ dannu, meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent u li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor” (37). “Huwa biss fis-sitwazzjoni fejn iċ-ċirkustanzi partikolari l-oħra tal-kawża jingħaqdu wkoll flimkien sabiex jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn seħħ dannu purament finanzjarju, li tali dannu jista’, b’mod iġġustifikat, jippermetti lir-rikorrent jibda l-kawża quddiem din il-qorti.” (38)

67.      Għalhekk, dak li huwa importanti huwa fejn ikun seħħ id-dannu inizjali għall-interess protett tar-rikorrent. Jekk jiġi konkluż li d-dannu inizjali jkun finanzjarju u jimmaterjalizza direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent, “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” ikun biss il-post ta’ dak id-dannu finanzjarju jekk ikun hemm element ieħor ta’ rabta għal dak il-post.

2)      “Post fejn tkun seħħet il-ħsara” f’każijiet ta’ kompetizzjoni

68.      Fil-każ ta’ mġiba antikompetittiva li jkollha l-effett li (parzjalment jew kompletament) teskludi impriżi mis-swieq billi ma tħallihomx jew tagħmilha iktar diffiċli għalihom jagħmlu negozju, tali dannu inizjali, jiġifieri dannu speċifiku, ċertament kważi ma jkunx dannu finanzjarju. Minflok, wisq probabbli jkun telf ta’ bejgħ.

69.      Fil-fehma tiegħi dan huwa pjuttost ikkonfermat b’mod ċar fil-kawża Concurrence (39) imsemmija iktar ’il fuq fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt għamlet riferiment għall-fatt li telf finanzjarju jirriżulta minn telf ta’ bejgħ, imma espliċitament ibbażat il-ġurisdizzjoni fuq it-telf tal-bejgħ biss. Għalkemm il-bażi legali tal-azzjoni mressqa bil-kawża Concurrence ma jingħadx speċifikament li kienet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma nara ebda raġuni għaliex il-loġika ma għandhiex tiġi trasposta hawnhekk.

70.      Naturalment, bħala propożizzjoni ġenerali, jidher f’loku li wieħed jassumi li ħafna drabi “jirriżulta” dannu finanzjarju minn telf ta’ bejgħ (40). Madankollu, dan ma jfissirx li dawk l-inċidenti għandhom iseħħu fl-istess post. Jista’ jkun hemm koinċidenza sinjifikattiva ħafna, iżda mhux neċessarjament.

71.      Għalhekk, il-vittma ta’ delitt jew kważi delitt relatat mal-liġi tal-kompetizzjoni tista’ tbati l-konsegwenzi finanzjarji kważi kollha (jew tabilħaqq kollha) għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-post fejn ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha (inċident ta’ dannu finanzjarju). Madankollu, dak it-telf jista’ tabilħaqq ikun relatat ma’ bejgħ mitluf f’postijiet differenti.

72.      Minbarra dak li għidt iktar ’il fuq, infakkar li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li hemm fl-Artikolu 5(3) suppost li hija bbażata, kif jgħidu l-Premessi 11 u 12, fuq l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara jew tkun tista’ sseħħ, li tiġġustifika l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawk il-qrati għal raġunijiet relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dawk il-qrati jkunu s-soltu l-iktar adegwati sabiex jiddeċiedu l-każ inkwistjoni, ukoll għal dak li jirrigwarda l-faċilità li biha jinġabru l-provi. Jekk ir-rikorrent jilmenta dwar bejgħ mitluf (fis-suq/swieq milqut/a mit-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni) u telf ta’ dħul li jirriżulta (imġarrab l-iktar fiċ-ċentru finanzjarju tiegħu, li jista’ jkun ’il barra mis-suq milqut), fil-fehma tiegħi l-qrati tal-post tal-ewwel ġeneralment ikunu jidhru aħjar jew għall-inqas fl-istess qagħda tajba bħal dawk tal-post tal-aħħar biex jiddeċiedu l-kawża (41).

73.      Wara li ntqal dan kollu, ikun sewwa jiġi rrikonoxxut li dan ir-raġunament ma tantx jaqbel ma’ aspett wieħed tal-azjenda fil-kawża CDC (42) imsemmija iktar ’il fuq. Dik il-kawża kienet dwar kartell fis-suq tal-perossidu tal-idroġenu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża li d-dannu kien jinkludi “spejjeż żejda mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli”. Bħala riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq ” bħala l-post fejn il-vittma tkun sofriet l-akbar konsegwenzi finanzjarji, jiġifieri l-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha (43).

74.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-kawża, għalkemm ma tgħidx li l-kawża CDC kienet ġiet deċiża ħażin, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-fatt li dik is-sentenza setgħet fil-prattika twassal biex tiġi stabbilita regola wiesgħa ta’ forum actoris. Dan ikun qiegħed ireġġa’ lura kompletament ir-regola ġenerali tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li l-ġurisdizzjoni hija tal-qrati tal-post tad-domiċilju tal-konvenut.

75.      Jiena wkoll għandi riżervi qawwija dwar dak l-aspett partikolari tas-sentenza fis-sentenza CDC. F’din il-parti tal-konklużjonijiet nipprova nispjega r-raġuni għaliex it-tiftix għal risposta fil-prinċipju għad-domanda dwar il-ġurisdizzjoni għal azzjonijiet għal danni privati bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni kellha tkun ikkunsidrata b’mod kemxejn differenti. Minħabba n-natura potenzjalment estensiva tas-sentenza CDC, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ verament tintalab xi darba fil-ġejjieni titfa’ ħarsitha mill-ġdid fuq din il-kwistjoni (44).

76.      Madankollu u f’kull każ, din il-kawża tista’, għall-inqas sa ċertu punt, tkun distinta. Il-kawża CDC kienet dwar kartell ta’ prezzijiet, jiġifieri, ftehim bil-għan li jkun żgurat it-trasferiment ta’ ġid mingħand klijenti lil membri ta’ kartell billi klijenti jintalbu prezzijiet ogħla. Għaldaqstant, mod kif jitqies il-kartell huwa li jkun tfassal speċifikament biex jikkawża dannu finanzjarju dirett. Għalhekk, il-mod partikolari li bih id-dannu mmanifesta ruħu fil-kawża CDC possibbilment jipprovdi bażi li tiddistingwi din il-kawża. Din il-kawża ma tinvolvix kartell ta’ prezzijiet. Ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija ta’ esklużjoni (telf ta’ bejgħ u emarġinazzjoni tas-suq) milli ta’ sfruttament fin-natura tagħha (klijenti mitluba jħallsu prezzijiet esaġerati).

3.      Applikazzjoni għal din il-kawża

77.      F’din il-kawża, flyLAL tallega li l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga ikkospiraw sabiex jgħawġu s-swieq għal titjiriet minn u lejn Vilnius permezz ta’ ffissar ta’ prezzijiet predatorji, li kkawżaw lil flyLAL telf kunsiderevoli ta’ bejgħ. Minn dak it-telf ta’ bejgħ irriżulta f’telf ta’ dħul u profitti u, fl-aħħar, fil-falliment ta’ flyLAL.

78.      Skont ir-raġunament deskritt fil-punt preċedenti, “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” fis-sens ta’ “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara”, ikun jista’ jiġi identifikat b’mod ġenerali bħala s-suq/s-swieq milqut/a minn dawk l-allegati ksur.

79.      Għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni speċifikament b’rabta ma’ flyLAL, “il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” ikun il-post f’dak is-suq jew f’dawk is-swieq milqut jew milquta minn dawk l-allegati ksur, fejn flyLAL sofriet dannu inizjali (dannu speċifiku) fl-għamla ta’ telf ta’ bejgħ. Ma jkunx il-post tad-dannu finanzjarju mġarrab minn flyLAL li jkun irriżulta minn dak it-telf ta’ bejgħ.

80.      Abbażi tal-fatti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda naturalment bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-fatti, dak it-telf ta’ bejgħ jidher li huwa kkonċentrat fuq Vilnius, li huwa l-punt komuni ta’ tluq/wasla ta’ diversi rotot li fuqhom flyLAL kienet topera, u wkoll fejn, nifhem, l-objettivi kienu l-kampannija ta’ rreklamar komparattiv tal-Air Baltic u l-iffissar ta’ prezzijiet allegatament predatorji.

81.      F’dan il-każ, “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-regolament jista’, għalhekk, ikun il-Litwanja. Dan ma jfissirx li kien l-uniku tali post iżda, fir-rigward ta’ telf ta’ bejgħ, tabilħaqq jidher li kien il-post ewlieni.

82.      Dan iwassalni għall-aħħar punt tiegħi b’rabta mat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju. Dik id-domanda tirreferi għad-dannu kkawżat “bħala konsegwenza tal-fatti illegali mwettqa mill-konvenuti [fil-plural, jiġifieri l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga]”. Il-mod ta’ raġunament hawn iktar ’il fuq huwa risposta għall-partijiet dwar liema u fejn tad-domanda tal-qorti tar-rinviju: liema inċident ta’ ħsara (jiġifieri dannu inizjali li jkun iġġarrab) u fejn seħħ? Madankollu, b’mod kritiku, dan ir-raġunament ma jagħtix risposta għad-domanda dwar min li hija impliċita fid-domanda: min għandhom ikunu l-konvenuti?

83.      Dan il-punt ser jiġi indirizzat fil-kuntest tat-taqsima li jmiss, li tagħti risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, essenzjalment dwar liema inċident ikkawża l-ħsara u fejn seħħ?

4.      Konklużjoni għat-tieni domanda

84.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi r-risposta li ġejja għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju:

F’każ bħal dan, “il-ħsara” mġarrba mir-rikorrenti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa t-telf ta’ bejgħ tar-rikorrenti kkawżat mit-tgħawwiġ ikkontestat tal-kompetizzjoni. “Il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni skont dik id-dispożizzjoni huwa l-post fis-suq milqut mill-ksur fejn il-vittma tallega telf ta’ bejgħ.

C.      Domanda 1: Il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara (u l-identità tal-konvenuti)

85.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha jiena nifhem li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi kif ikun identifikat il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara.

86.      Il-qorti tar-rinviju toffri żewġ għażliet: il-post fejn il-ftehim bejn l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga kien ġie konkluż u l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ dak il-ftehim (jiġifieri fejn allegatament kien ipprattikat l-iffisar ta’ prezzijiet predatorji mill-Air Baltic) (45)).

87.      Abbażi tal-fatti kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju nqis li r-risposta hija li dawk iż-żewġ postijiet jistgħu jitqiesu li huwa l-post tal-inċident li kkawża l-ħsara. Wieħed mill-elementi ewlenin li jiddetta din il-konklużjoni huwa l-fatt li l-azzjonijiet tal-Air Baltic fl-implementazzjoni tal-ftehim fihom infushom jammontaw għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE (46).

88.      Meta niġi biex nindirizza l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju nibda billi nqis id-differenzi bejn kawżalità għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni u bħala parti mill-evalwazzjoni fil-mertu (1). Imbagħad neżamina l-identifikazzjoni tal-inċident li kkawża l-ħsara meta jkun hemm kuntest fattwali kumpless (2). Imbagħad ngħaddi biex inqis kif nidentifika l-inċident li kkawża l-ħsara speċifikament f’każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni (3), u fl-aħħar nett napplika dawk il-prinċipji għal dan il-każ (4).

1.      Differenzi bejn kawżalità għal finijiet ta’ ġurisdizzjoni u mertu

89.      Kawżalità fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u l-identifikazzjoni tal-inċident li kkawża l-ħsara hija differenti mill-kunċett ta’ kawżalità għall-finijiet tal-evalwazzjoni fil-mertu. F’dak ir-rigward nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

90.      L-ewwel nett, “l-inċident li kkawża l-ħsara” huwa aspett “tal-l-effett tal-ħsara”, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni użat biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni billi jiġu identifikati dawk il-postijiet b’rabta mill-qrib mat-tilwima. Għalhekk huwa differenti mill-kunċett ta’ kawżalità bħala parti mill-evalwazzjoni fil-mertu li jintuża essenzjalment għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà (47).

91.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet b’mod espliċitu l-użu ta’ kunċetti ta’ kawżalità f’liġi sostantiva nazzjonali biex tkun iddeterminata l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3). Hekk li fil-kawża Melzeril-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “soluzzjoni li tikkonsisti fid-dipendenza tal-identifikazzjoni tal-fattur ta’ determinazzjoni fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mid-dritt sostantiv nazzjonali tmur kontra l-għan ta’ ċertezza legali, peress li, skont id-dritt applikabbli, l-aġir ta’ persuna li jkun twettaq fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita jista’ jiġi kkwalifikat jew le bħala inċident kawżali għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, din is-soluzzjoni ma tippermettix lill-konvenut li jipprevedi b’mod raġonevoli l-qorti li jista’ jiġi mħarrek quddiemha” (48).

92.      It-tielet nett, il-kunċetti ta’ kawżalità għal ġurisdizzjoni u l-mertu huma a fortiori differenti peress li l-applikazzjoni tagħhom tinvolvi tip differenti u livell ta’ stħarriġ ta’ provi. id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għandha kemm jista’ jkun tkun ta’ malajr u faċli (49). Għalhekk, valutazzjoni tal-ġurisdizzjoni hija, mid-definizzjoni tagħha stess, waħda prima facie. Il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża tqis bħala stabbiliti t-talbiet allegati u tfittex biss li tidentifika “[dawk] l-elementi ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa [tal-Artikolu 5(3)]” (50). Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni fil-mertu tal-kawżalità fattwalment tkun iktar iddettaljata u titlob li jitqiesu l-kawżi rilevanti kollha (inklużi, pereżempju, azzjonijiet mir-rikorrent innifsu li jkun seta’ kkontribwixxa għad-dannu).

2.      Kawżalità għal finijiet ta’ ġurisdizzjoni, f’każijiet li jinvolvu fatti kumplessi

93.      Minkejja dawn id-differenzi fundamentali bejn l-evalwazzjonijiet dwar ġurisdizzjoni u mertu u l-kunċetti użati biex isiru, iż-żewġ evalwazzjonijiet jitwettqu b’rabta mal-istess sett ta’ fatti. B’riżultat ta’ dan hemm xi elementi komuni.

94.      L-evalwazzjoni dwar ġurisdizzjoni, fil-prattika, titlob stħarriġ tal-karatteristiċi fattwali u legali tal-każ fuq livell astratt. Tali stħarriġ ikun jeħtieġlu jsir biex jiġi ddeterminat jekk il-każ ikunx tal-kunċett ta’ “delitt jew kważi delitt”(51). F’din il-kategorija għandu jiġi identifikat it-tip ta’ delitt allegat, minħabba li dan għandu jibdel l-approċċ bażiku biex jiġi identifikat, fost l-oħrajn, il-post fejn tkun ġiet ikkawżata l-ħsara. Għaldaqstant, għal tip speċifiku ta’ delitt li jkun jinvolvi katina ta’ inċidenti, inċident speċifiku tul dik il-katina jitqies li jkollu importanza partikolari (52).

95.      Pereżempju, il-qofol tad-delitt ta’ libell huwa l-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni falza li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ persuna. Dak id-delitt, meta jitwettaq, aktarx ikun jinvolvi sett kumpless ta’ atti. Dawn ikunu jinkludu, pereżempju, li ssir reġistrazzjoni bil-miktub tad-dikjarazzjoni, trażmissjoni lill-pubblikatur, stampar, ħruġ, distribuzzjoni, u fl-aħħar nett il-qari tagħha mill-pubbliku. Bħala prinċipju, dawk huma kollha atti meħtieġa mill-aspett ta’ kawżalità fattwali. Madankollu, mill-aspett ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” jitqies bħala l-post fejn ikun stabbilit il-pubblikatur (53).

96.      L-għażla ta’ inċident speċifiku bħala li jkun rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ma tħallix ikun hemm proliferazzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet. Dan huwa skont in-natura speċjali tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3), u l-ħtieġa għal interpretazzjoni restrittiva. Tgħin ukoll biex ikun hemm il-prevedibbiltà. Barra minn hekk, ġurisdizzjoni speċjali skont l-Artikolu 5(3) hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u, f’dan il-każ, il-qrati tal-post fejn tkun ġiet ikkawżata l-ħsara. Fil-katina ta’ inċidenti meħtieġa li jwasslu biex isir libell, huwa ħafna possibbli li xi wħud jew forsi kważi l-inċidenti kollha jseħħu f’post fejn il-qrati żgur ma jkunux l-iktar adatti biex jiddeċiedu l-każ.

97.      Ejja nieħdu bħala eżempju, dikjarazzjoni libelluża dwar resident Franċiż inizjalment magħmula bil-miktub fil-Ġermanja, mibgħuta bil-posta fir-Renju Unit lil pubblikatur fil-Lussemburgu u mibgħuta n-naħa l-oħra tal-fruntiera biex isiru kopji stampati tagħha fis-Slovakkja, qabel ma titqassam u tinqara mal-Ewropa kollha. Anki (jew speċjalment) f’tali ċirkustanzi estremi, każi klassiċi, ikun jeħtieġ issir għażla għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni. Idealment, sakemm ma jkunx hemm raġuni speċifika u konvinċenti ħafna, għandu jintgħażel inċident wieħed għal dawk il-finijiet. Dan huwa konformi man-natura ta’ ġurisdizzjoni speċjali u jirrifletti wkoll l-użu fil-ġurisprudenza tas-singular (“l-inċident li kkawża l-ħsara”).

98.      Fl-aħħar nett, biex ikun iddeterminat (il-post fejn seħħ) l-inċident li kkawża l-ħsara, huwa importanti li ma tinteshiex waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel għamlet distinzjoni bejn il-post fejn seħħet il-ħsara u l-post tal-inċident li kkawża l-ħsara u ttrattathom it-tnejn bħala bażi għall-ġurisdizzjoni.

99.      Għalhekk, diġà fil-kawża Bier il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li “deċiżjoni favur biss il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara toħloq, f’għadd konsiderevoli ta’ każijiet, konfużjoni bejn il-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 2 u 5(3) tal-Konvenzjoni [ta’ Brussels], b’tali mod li din it-tieni dispożizzjoni titlef minħabba f’hekk l-effettività tagħha” (54). Fi kliem ieħor, huwa normali li l-post tal-inċident li jikkawża l-ħsara sikwit jikkoinċidi mad-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisprudenza diġà bbilanċjat dan billi identifikat il-post fejn isseħħ il-ħsara bħala forum alternattiv. Bħala prinċipju, għalhekk, dan ma huwiex żvantaġġ li jeħtieġlu jkun sostnut iktar b’interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “post tal-inċident li kkawża l-ħsara”.

3.      Post tal-inċident li kkawża l-ħsara f’azzjonijiet għal danni bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni

100. Il-post fejn tkun ġiet ikkawżata l-ħsara f’azzjonijiet għal danni bbażati fuq il-liġi tal-kompetizzjoni x’aktarx ikun differenti skont jekk l-allegat ksur ikunx ftehim antikompetittiv (ksur tal-Artikolu 101 TFUE) jew imġiba unilaterali antikompetittiva (abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE).

a)      Artikolu 101 TFUE

101. B’mod ġenerali, f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara” jista jkun: (i) il-post fejn ikun ġie konkluż il-ftehim, jew (ii) il-post tal-implementazzjoni tiegħu, jew (iii) it-tnejn (55).

102. Fil-kawża CDC il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet (i) (56). Inqis li, bħala prinċipju, dan huwa l-approċċ korrett, għal diversi raġunijiet.

103. L-ewwel nett, għandha tkun evitata proliferazzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet “speċjali”. Dan fih innifsu huwa raġuni qawwija kontra (iii).

104. It-tieni nett, minn qari estensiv tal-ġurisprudenza jidhirli li “l-inċident li kkawża l-ħsara” sikwit ikun identifikat bħala dak l-ewwel att li bih min iwettaqq id-delitt “iġib id-delitt fid-dinja”, pereżempju billi effettivament jikkomunika l-informazzjoni lill-udjenza (pubblikazzjoni (57)), jew jagħti bidu għal katina ta’ inċidenti li jwasslu jew aktarx iwasslu għad-dannu li l-liġi tara li ma jseħħx (l-attivazzjoni tal-proċess għall-wiri ta’ reklam fuq l-internet (58); tħabbir ta’ azzjoni industrijali) (59)). Fuq din il-bażi nqis il-konklużjoni tal-ftehim bħala l-ewwel rabta rilevanti fil-katina kawżali.

105. It-tielet nett, l-ewwel approċċ jista’ ċertament jiġi kkritikat. Pereżempju, jista’ jiġi argumentat li partijiet għal ftehim antikompetittiv jistgħu minn jeddhom jagħżlu post biex jikkonkludu ftehim li jxejjen is-Sezzjoni 2 dwar “Ġurisdizzjoni speċjali” — “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”. Jissemmew ukoll diffikultajiet biex tinġieb prova tal-post ta’ konklużjoni. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li rikorrent jista’ dejjem iħarrek fl-Istat Membru fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu. Il-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħtix dritt assolut għal ġurisdizzjoni alternattiva fl-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward nirreferi għal darb’oħra għar-raġunijiet li għalihom “il-post fejn tkun twettqet il-ħsara” kunċettwalment inqasam fil-post fejn seħħet il-ħsara u l-post tal-inċident li kkawżaha (60). Ma kienx intiż li jiżgura li l-aħħar imsemmi post tal-inċident ikun dejjem differenti mid-domiċilju, u jipprovdi għal post addizzjonali u alternattiv għal taħrika. Minflok, qiegħed jiżgura li meta ż-żewġ postijiet ma jkunux l-istess, il-post fejn tkun seħħet il-ħsara jkun jista’ jservi bħala alternattiva.

106. Ir-raba’ nett, jekk rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu kkawżat minn ftehim antikompetittiv, jidhirli li l-post fejn tkun seħħet il-ħsara, kif iddefinit iktar ’il fuq fit-Taqsima 2, x’aktarx ħafna li jkun jikkostitwixxi sett sekondarju tal-post ta’ implementazzjoni.

107. Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq inqis li fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-post fejn ikun seħħ l-inċident li jkun ikkawża l-ħsara għandu jiġi interpretat bħala l-post fejn ikun ġie konkluż il-ftehim. (61)

b)      Artikolu 102 TFUE

108. Peress li ma hemm l-ebda ftehim skont l-Artikolu 102 TFUE, u, għalhekk, ma hemm l-ebda post tal-konklużjoni tal-ftehim. Hemm ħtieġa ta’ soluzzjoni differenti, iżda soluzzjoni li xorta waħda tħares l-istess loġika: kif (u, għalhekk, meta u fejn) inġieb id-delitt fid-dinja; meta ddaħħal fil-forum estern?

109. Fl-opinjoni tiegħi l-inċident li jikkawża l-ħsara f’każijiet ta’ abbuż huwa l-implementazzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, huma l-atti adottati mill-impriża dominanti li tqiegħed l-abbuż fil-prattika fis-suq, kuntrarju għal kull żvilupp intern minn dik l-impriża ta’ politika kummerċjali abbużiva.

110. L-abbuż minn pożizzjoni dominanti huwa kunċett oġġettiv li jiddefinixxi t-tip ta’ mġiba fis-suq (62) Min-natura tiegħu stess jeħtieġlu jitqiegħed fil-prattika. L-intenzjoni “biss” li jsir l-abbuż ma hijiex abbuż. It-tħejjija ta’ strateġija jew politika kummerċjali li tkun tammonta għal abbuż kieku kellha titqiegħed fil-prattika tkun għadha ma hijiex abbuż fiha nfisha.

111. Għal din ir-raġuni nqis li l-atti qabel l-implementazzjoni, inkluż l-iżvilupp tal-istrateġija kummerċjali rilevanti, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta’ skedi ta’ ffissar ta’ prezzijiet ma jistgħux jikkostitwixxu “inċidenti li jikkawżaw il-ħsara”. Dawn jistgħu jkunu elementi kawżali meħtieġa minn perspettiva fattwali, iżda, mill-aspett tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, huma jkunu biss atti preparatorji.

112. Dan ovvjament iqanqal il-mistoqsija: liema atti ta’ implementazzjoni jikkostitwixxu inċidenti li jikkawżaw il-ħsara?

113. Ma hemmx lista eżawrjenti ta’ atti li jistgħu jammontaw għal abbuż, u dawk li ġew identifikati jikkristallizzaw f’modi differenti ħafna. B’hekk l-evalwazzjoni konkreta ta’ x’jikkostitwixxi implementazzjoni f’każ speċifiku x’aktarx li tkun differenti, skont it-tip ta’ abbuż inkwistjoni u l-fatti speċifiċi ta’ kull każ. Pereżempju, il-predazzjoni tinvolvi l-offerta u l-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi bi prezz partikolari (inqas mill-ispiża); bejgħ abbinat essenzjalment jinvolvi li wieħed jirrifjuta joffri prodott partikolari waħdu; rifjut ta’ liċenzja jista’ jimmanifesta lilu nnifsu bħala offerta ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet meqjusa bħala inaċċettabbli.

114. F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tidentifika “il-post tal-inċident li jikkawża l-ħsara” f’każijiet ta’ ffissar ta’ prezzijiet predatorji. Fil-fehma tiegħi, minħabba li l-implementazzjoni ta’ ffissar ta’ prezzijiet predatorji tinvolvi l-offerta u l-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi bi prezzijiet inqas mill-ispiża, il-post tal-inċident li jikkawża l-ħsara” ikun il-post fejn jiġu offruti u applikati prezzijiet predatorji.

4.      Applikazzjoni għal dan il-każ

115. Kif diġà ntqal iktar ’il fuq (63), il-kuntest fattwali u l-evalwazzjoni fil-mertu f’dan il-każ huma kumplessi. Barra minn hekk, il-mod kif it-tliet iksur allegati huma marbuta flimkien ma huwiex ċar għal kollox. Għalhekk, il-fatti u l-evalwazzjoni ġuridika fil-mertu jitqiesu kif ġew ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, li jwasslu għall-alternattivi bażiċi li ġejjin dwar “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara”, deskritt fil-qosor separatament dwar imġiba li tista’ tkun skont l-Artikolu 101 TFUE, minn naħa u skont l-Artikolu 102 TFUE, min-naħa l-oħra.

a)      Post tal-inċident li kkawża l-ħsara

116. Abbażi tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-ftehim allegatament antikompetittivi bejn l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara (jiġifieri t-telf ta’ bejgħ minn flyLAL), huwa l-post tal-konklużjoni tal-ftehim. Jekk wieħed jassumi li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha kienu tħarsu, il-qrati ta’ dak il-post ikollhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jisimgħu kawża kontra dawk iż-żewġ entitajiet għad-danni kkawżati minn dak il-ftehim antikompetittiv.

117. F’dak li jirrigwarda l-allegat iffissar ta’ prezzijiet predatorji mill-Air Baltic bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara huwa l-post fejn ġew offruti u applikati l-prezzijiet predatorji. Jekk wieħed jassumi li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha kienu tħarsu, il-qrati ta’ dak il-post ikollhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, jisimgħu kawża kontra l-Air Baltic għad-danni kkawżati minn dak l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji.

b)      L-identità tal-konvenuti

118. Huwa importanti jiġi enfasizzat li f’kull wieħed miż-żewġ xenarji alternattivi — ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE — li l-inċident li kkawża l-ħsara jinvolvi persuni differenti. Fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE huwa ssuġġerit li kemm l-Air Baltic kif ukoll l-Ajruport ta’ Riga kkonkludew il-ftehim antikompetittiv. Għall-kuntrarju, l-Air Baltic biss offriet u applikat prezzijiet predatorji.

119. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ ffissar ta’ prezzijiet predatorji, il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara huwa l-post fejn kienu offruti u applikati l-prezzijiet predatorji mill-Air Baltic. Minħabba li dawk l-atti ta’ implementazzjoni tal-aġir abbużiv ma kinux twettqu mill-Ajruport ta’ Riga, dan tal-aħħar ma jistax jitressaq quddiem qorti fuq din il-bażi skont l-Artikolu 5(3).

120. Għall-kuntrarju, Il-ftehim allegatament antikompetittiv intqal li kien ġie konkluż bejn l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga. Bħala prinċipju għalhekk, it-tnejn li huma jistgħu jitressqu quddiem il-qorti bħala konvenuti abbażi tal-Artikolu 5(3) quddiem il-qrati tal-post fejn ġie konkluż il-ftehim.

121. Huwa minnu li s-soluzzjoni msemmija iktar ’il fuq tista’ tidher kumplessa. Madankollu, din hija fil-biċċa l-kbira konsegwenza tal-grad ta’ kumplessità ta’ dan il-każ u tal-fatt li għadd ta’ atti jidhru li tgħaqqdu f’qatta waħda. F’tali kuntest, soluzzjonijiet “iktar sempliċi” mfassla biex jiddisponu minn tali każ uniku jistgħu verament joħolqu problemi ta’ applikazzjoni f’każijiet li jiġu wara.

122. Hekk, pereżempju, jista’ jiġi argumentat li l-ġurisdizzjoni għandha tingħata wkoll kontra l-Ajruport ta’ Riga abbażi tal-Artikolu 5(3) fil-post fejn kienu offruti jew applikati prezzijiet predatorji. Madankollu dan ikun ifisser l-aċċettazzjoni li, fil-każ ta’ ftehim antikompetittivi, ikun hemm ġurisdizzjoni fil-post tal-konklużjoni tal-ftehim u fil-post ta’ implementazzjoni irrispettivament minn min jimplementa hemmhekk. Approċċ bħal dan ma huwiex aċċettabbli għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 101 u ta’ wara.

123. Alternattivament, jista’ jiġi argumentat li huwa biss il-post tal-konklużjoni tal-ftehim li għandu jiġi rrikonoxxut bħala “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara” bl-esklużjoni tal-post tal-offerta u l-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji. Dan ikun ukoll, fil-fehma tiegħi, approċċ żbaljat. Filwaqt li huwa minnu li, b’ċerta tifsira, il-predazzjoni f’dan il-każ tista’ tiġi interpretata bħala att ta’ implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, hija għandha l-karatteristika li tikkostitwixxi minnha nnifisha ksur għalih waħdu tal-liġi tal-kompetizzjoni. Dan huwa tabilħaqq aspett speċifiku u distintiv ħafna ta’ dan il-każ. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tiegħi tkun żbaljata l-konklużjoni li l-post tal-offerta u l-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji ma jistax jitqies bħala “il-post tal-inċident li kkawża l-ħsara”. Dan jista’ jitqies hekk, iżda madankollu għal darba oħra, għal tip differenti ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (abbuż unilaterali minn pożizzjoni dominanti) li, imbagħad, ikollu implikazzjonijiet għall-identità tal-konvenut(i).

5.      Konklużjoni għall-ewwel domanda

124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tkun kif ġej:

F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, il-kunċett ta’ “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” skont fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jinftiehem bħala li jfisser, fir-rigward tal-ftehim allegatament antikompetittiv, il-post tal-konklużjoni tal-ftehim, u għal dak li jirrigwarda l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti li jkun jikkonsisti f’iffissar ta’ prezzijiet predatorji, il-post fejn kienu ġew offruti u applikati prezzijiet predatorji.

D.      Domanda 3

125. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-operazzjonijiet tal-fergħa tal-Air Baltic fil-Litwanja jikkostitwixxux “operazzjonijiet ta’ fergħa”(64) skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001.

126. Ir-risposta li din il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju għat-tielet domanda hija limitata b’mod inerenti minħabba l-fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel konstatazzjonijiet fattwali u evalwazzjoni tagħhom. Għalhekk, id-domanda jekk il-fergħa tal-Air Baltic effettivament operatx jew le bħala fergħa skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament hija domanda għall-qorti nazzjonali.

127. Dak li tista’ tagħti din il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, hija gwida ġenerali dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati meta ssir dik l-evalwazzjoni. Fi kliem sempliċi, ir-risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju hija “iva”, sakemm ikun ġie stabbilit li l-fergħa kienet ipparteċipat fit-twettiq tal-allegata predazzjoni.

128. Inżid ngħid li, fil-fehma tiegħi, din id-domanda b’mod ċar tipprevedi l-possibbiltà tat-tilwima b’rabta ma’ ffissar ta’ prezzijiet allegatament predatorji mill-Air Baltic li joriġinaw mill-operazzjonijiet tal-fergħa tagħha fil-Litwanja. Id-domanda ma hijiex dwar il-ftehim allegatament illegali bejn l-Air Baltic u l-Ajruport ta’ Riga. Dwar dan naqbel mal-Kummissjoni li ma hemmx indikazzjoni fit-talba għal rinviju li l-fergħa tal-Air Baltic fil-Litwanja kienet b’xi mod involuta f’dak il-ftehim.

129. Isegwi li l-ġurisdizzjoni potenzjali bbażata fuq l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 hija l-ġurisdizzjoni li tkopri l-allegazzjoni ta’ predazzjoni kontra l-Air Baltic, imwettqa bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. L-Ajruport ta’ Riga ma jistax, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni biss, u fir-rigward ta’ dak l-aġir allegatament antikompetittiv, jiġi indikat bħala konvenut quddiem il-qrati Litwani.

1.      Ratio legis u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(5)

130. Il-ġurisdizzjoni speċjali skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ tinftiehem bħala estensjoni tar-regola dwar id-domiċilju skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. F’każijiet fejn il-konvenut ikun stabbilixxa persuna sussidjarja f’ġurisdizzjoni, il-qrati ta’ dak il-post ikollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu kawża kontra l-persuna sussidjarja direttament abbażi tal-Artikolu 2. Dan, madankollu, ma huwiex hekk f’każ ta’ fergħa li ma jkollhiex personalità ġuridika separata. Hija, għalhekk, il-ġurisdizzjoni speċjali skont l-Artikolu 5(5) li taqdi każijiet bħal dawn fejn il-konvenut ikun estenda l-attivitajiet tiegħu lil hinn mid-domiċilju tiegħu permezz ta’ stabbilimenti permanenti iżda mingħajr ma jkun ħoloq sussidjarji, u t-tilwima tkun relatata mal-attivitajiet ta’ dawk l-istabbilimenti (65).

131. Biex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) u tiġġustifika l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-post tagħha l-fergħa għandha tissodisfa ċerti kundizzjonijiet minimi. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-permanenza tagħha u li partijiet terzi jifhmu li huma ma jkollhomx għalfejn jittrattaw direttament mal-kumpannija prinċipali iżda jkunu jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet kummerċjali fil-post fejn tkun tinsab il-fergħa (66).

132. L-Artikolu 5(5) jitlob ukoll li “kwistjoni […] toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa”. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm rabta bejn l-attivitajiet tal-fergħa u t-tilwima.

2.      Hemm xi “fergħa”?

133. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju tiddikjara b’mod espliċitu li “ma għandhiex dubji li l-fergħa ta’ Air Baltic Corporation fir-Repubblika tal-Litwanja tikkostitwixxi fergħa skont it-tifsira tal-Artikolu 5(5)” tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju ssemmi għadd ta’ fatturi li jwassluha għal dik il-konklużjoni, inkluż id-dritt tal-fergħa li tistabbilixxu relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ma’ partijiet terzi, tiżviluppa attivitajiet kummerċjali u tiffissa prezzijiet għal servizzi u stokk. Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-għan tal-attività tal-fergħa huwa, fost affarijiet oħra, it-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri, merkanzija u posta bl-ajru.

134. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “fergħa” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 titlob evalwazzjoni specifikament tal-fatti. Minħabba li l-qorti tar-rinviju diġà waslet għal dik il-konklużjoni fattwali, dan il-punt għandu jitqies bħala stabbilit.

3.      Ir-rabta mat-tilwima

135. Għalhekk nifhem li l-għan tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju pjuttost jirrigwarda jekk l-attivitajiet tal-fergħa għandhomx rabta suffiċjenti mat-tilwima.

136. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju speċifikament tenfasizza l-fatt li l-fergħa ma tħejjix kontijiet sommarji li jkunu separati minn dawk tal-kumpannija prinċipali, Air Baltic Corporation AS. Minflok, matul il-perijodu rilevanti, id-data dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-fergħa kienu inkorporati fir-rapporti finanzjarji tal-kumpannija prinċipali. Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-fergħa fil-fatt kellha s-setgħa tiffissa prezzijiet ta’ titjiriet, ma hemm l-ebda indikazzjoni li hija attwalment għamlet hekk.

137. F’każ ta’ talbiet abbażi ta’ delitt, biex it-tilwima toriġina mill-operazzjonijiet tal-fergħa, il-fergħa għandha tkun ipparteċipat f’mill-inqas xi wħud mill-azzjonijiet li jikkostitwixxu d-delitt.

138. Fil-fehma tiegħi l-fatt li d-data tal-prestazzjoni finanzjarja tal-fergħa kienu inkorporati fir-rapporti finanzjarji tal-kumpannija prinċipali huwa, bħala prinċipju, newtrali fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-tilwima toriġinax minn operazzjonijiet tal-fergħa. Kontijiet sommarji separati kif stabbiliti jistgħu jikkostitwixxu fattur wieħed fost oħrajn fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “fergħa” u jistgħu jgħinu wkoll biex ikunu identifikati l-attivitajiet imwettqa mill-fergħa. Madankollu, tal-anqas f’dan il-każ, ma narax kif dan jista’ jkun deċiżiv, fih innifsu, fl-evalwazzjoni jekk il-fergħa kinitx ipparteċipat fid-delitt. Fid-dawl ta’ dan kollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-valur probatorju tas-sistema tal-kontabbiltà użata hija kwistjoni li għandha tiġi ttrattata mill-qorti nazzjonali.

139. It-tieni fattur imsemmi iktar ’il fuq – nuqqas ta’ ċarezza dwar jekk il-prezzijiet kinux attwalment iffissati mill-fergħa — huwa bla dubju ta’ iktar rilevanza.

140. Jekk jista’ jiġi stabbilit li l-fergħa fil-fatt iffissat il-prezzijiet li huma allegatament predatorji, allura, fil-fehma tiegħi, it-tilwima tista’ tabilħaqq titqies bħala li tkun oriġinat mill-operazzjonijiet tal-fergħa. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq (67), l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji, sakemm jibqa’ attività kompletament interna tal-impriża dominanti, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi “l-inċident li kkawża l-ħsara”. Madankollu, fil-fatt jikkostitwixxi prekundizzjoni meħtieġa (68) għall-abbuż. Dan jammonta għal parteċipazzjoni u, b’xi mod, kompliċità biex isseħħ l-imġiba antikompetittiva inkwistjoni. Bħala tali, l-att ta’ ffissar tal-prezzijiet jikkostitwixxi parteċipazzjoni suffiċjenti fid-delitt biex tkun iġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001.

141. Nifhem li l-problema li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju hija li ma huwiex ċar jekk il-fergħa fil-fatt stabbilitx il-prezzijiet rilevanti. Allura x’jiġri jekk dak il-fatt jibqa’ mhux stabbilit sal-istandard ta’ prova meħtieġ?

142. Fl-opinjoni tiegħi l-fergħa xorta waħda tista’ titqies li pparteċipat fl-iffissar ta’ prezzijiet predatorji, b’tali mod li t-tilwima toriġina mill-operazzjonijiet tal-fergħa, anki jekk ma ffissatx il-prezzijiet predatorji hija stess, iżda kienet offriet dawk il-prezzijiet fis-suq jew kienet mod ieħor strumentali biex jiġu konklużi kuntratti għal servizzi b’dawk il-prezzijiet. F’każijiet bħal dawn il-fergħa kienet reġgħet ipparteċipat fit-twettiq ta’ att li jikkostitwixxi prekundizzjoni meħtieġa għall-abbuż.

143. Jekk dan huwiex il-każ huwa fl-aħħar mill-aħħar għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi. Bil-għan li ssir tali evalwazzjoni fattwali għandu jkun aċċertat jekk il-fergħa pparteċipatx jew le biex isseħħ l-imġiba antikompetittiva. Jekk dan tabilħaqq huwa l-każ, għandu jiġi aċċettat li t-tilwima toriġina minħabba l-operazzjonijiet tal-fergħa.

144. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li nagħti risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej:

F’każijiet bħal dan, tilwima relatata ma’ ffissar ta’ prezzijiet allegatament predetarji għandha titqies bħala li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa għall-finijiet tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 jekk il-fergħa tkun ipparteċipat fit-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu prekundizzjoni meħtieġa għall-abbuż, inkluż b’mod partikolari billi jiġu ffissati prezzijiet predatorji, billi dawk il-prezzijiet jiġu offruti fis-suq, jew xort’oħra jekk il-fergħa tkun strumentali biex jiġu konklużi kuntratti għal servizzi bl-applikazzjoni ta’ dawk il-prezzijiet.

V.      Konklużjoni

145. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi rrinvjati lilha mil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) kif ġej:

(1)      F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, il-kunċett ta’ “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jinftiehem bħala li jfisser, fir-rigward tal-allegat ftehim antikompetittiv, il-post tal-konklużjoni tal-ftehim, u fir-rigward tal-allegat abbuż minn pożizzjoni dominananti li jkun jikkonsisti fl-iffissar ta’ prezzijiet predatorji, il-post fejn il-prezzijiet predatorji jkunu ġew offruti u applikati.

(2)      F’każ bħal dan, “il-ħsara” li r-rikorrenti ġarrbet għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali hija t-telf ta’ bejgħ tar-rikorrenti ikkawżat mill-allegat tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. “Il-post fejn tkun seħħet il-ħsara” biex tkun stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jkun il-post fis-suq milqut mill-ksur fejn il-vittma tallega telf ta’ bejgħ.

(3)      F’każijiet bħal dan, tilwima relatata ma’ ffissar ta’ prezzijiet allegatament predatorji għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw mill-operazzjonijiet ta’ fergħa għall-finijiet tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001 jekk il-fergħa tkun ipparteċipat fit-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu prekundizzjoni meħtieġa għall-abbuż, inkluż b’mod partikolari billi jiġu ffissati prezzijiet predatorji, billi dawk il-prezzijiet jiġu offruti fis-suq jew xort’oħra l-fergħa tkun strumentali għall-konklużjoni ta’ kuntratti għal servizzi bl-applikazzjoni ta’ dawk il-prezzijiet.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3      Għal raġunijiet ta’ sempliċità, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, qed nuża l-enumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat wara dak ta’ Lisbona.


4      Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319).


5      Diġà fis-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, (21/76, EU:C:1976:166, punt 19); reċentement ikkonfermata bis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C-194/16, EU:C:2017:766, punt 29).


6      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, (21/76, EU:C:1976:166, punt 19).


7      Bil-lingwa Ingliża, il-Qorti tal-Ġustizzja bosta drabi tuża l-kelma “dannu” f’dan il-kuntest, għalkemm xi drabi tintuża wkoll “ħsara”. Għalhekk, għalkemm fil-fehma tiegħi dan jista’ joħloq xi ftit tal-konfużjoni, ġeneralment jiena ser nuża “dannu”. Xi ambigwità fit-terminoloġija li seħħet f’dan il-qasam huwa, fil-fehma tiegħi, attribwibbli għall-varjabbiltà lingwistika. Għalhekk, jeżistu żewġ “kliem għerq” differenti f’ċerti lingwi li huma użati meta nirreferu għal dawn il-kunċetti Id-differenza f’kelma għerq (pereżempju fil-lingwa Ingliża “inċident ta’ ħsara”/“ħsara”, minn naħa, u “dannu”, min-naħa l-oħra) fil-fatt ma teżistix jew ma tintużax dejjem fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Wieħed jista’ jara dan permezz ta’ paragun bejn l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 19) — pereżempju bil-Franċiż (“dommage” u “fait dommageable”); bl-Olandiż (“schade” u “schadebrengende feit”); jew bit-Taljan (“danno” u “evento dannoso”). Min-naħa l-oħra, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża, għalkemm ukoll tuża l-istess kelma għerq, tagħmel differenza kemxejn ċara (“Schadenerfolg” u “schädigendes Ereignis”).


8      “Dannu” tirreferi għall-effetti negattivi fuq il-vittma. “Danni” huma l-ammont ta’ ħlas fi flus li jinkludi l-espressjoni monetarja tad-“dannu” (kumpens) iżda li jista’ jkopri wkoll danni punittivi jew danni simboliċi.


9      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea timponi li l-liġi nazzjonali tipprevedi għall-possibbiltà li jitressqu azzjonijiet għal danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, EU:C:2001:465, punt 26)). Il-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stabbilew kundizzjonijiet bażiċi li jistabbilixxu responsabbiltà u jitolbu li l-liġi nazzjonali tħares il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 92) u d-Direttiva 2014/104/EU (tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk(C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)


11      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, (21/76, EU:C:1976:166, punti 15 sa 16). Enfasi miżjuda.


12      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Bier (21/76, EU:C:1976:147, punt 10).


13      Sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punti 11, 17 u 18).


14      Dan jikkostitwixxi wkoll fattur ieħor li jiddistingwi “dannu” bħala aspett tal-“effett tal-ħsara” minn “dannu” bħala parti minn evalwazzjoni sostantiva. Din tal-aħħar hija kunċett usa’ li jinkludi mhux biss il-ħsara inizjali iżda wkoll potenzjalment konsegwenzi negattivi sussegwenti. Ara, pereżempju, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/104. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jkun possibbli jinkiseb kumpens għal ħsara kkawżata lil konsumaturi indiretti bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u nazzjonali. “[…] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, […] il-kumpens għal ħsara jista’ jintalab minn kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet il-ħsara, irrispettivament ta’ jekk humiex xerrejja diretti jew indiretti minn kontraventur […]”.


15      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, (C-364/93, EU:C:1995:289).


16      Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36)


17      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari(C-364/93, EU:C:1995:289, punt 14).


18      Sentenza sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari(C-364/93, EU:C:1995:289, punt 21 u d-dispożittiv).


19      Sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France et (C-220/88, EU:C:1990:8, punt 20).


20      Ara f’dan is-sens, pereżempju, Idot, L., “La dimension internationale des actions en réparation. Choisir sa loi et son juge: Quelles possibilités?”, Concurrences N°3‑2014, punt 30, fejn hemm preferenza għall-post ta’ ħsara speċifika; Vilá Costa, B., “How to apply Articles 5(1) and 5(3) Brussels I Regulation to Private Enforcement of Competition Law: a Coherent Approach”, fi International Antitrust Litigation: Conflict of Laws and Coordination, Basedow, J. et al ed., Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2012, li jipproponi kemm il-post tad-dannu ġenerali (li dan l-awtur jirreferi għalih bħala “ħsara ġenerika”) u d-dannu speċifiku.


21      Sa fejn dan ikun jinvolvi predazzjoni u kollużjoni għal esklużjoni permezz tal-użu ta’ predazzjoni.


22      Huwa mifhum li dak is-suq ikun jista’ jinkludi diversi Stati Membri.


23      Iktar ’il fuq, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, (C-618/15, EU:C:2016:976, punt 30). Enfasi miżjuda.


25      Il-ħtieġa tal-konsistenza bejn ir-regoli dwar il-liġi applikabbli skont ir-Regolament Nru 864/2007 u l-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001 issir referenza għaliha b’mod espliċitu fil-premessa 7 tal-ewwel regolament (ara r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007 L 199, p. 40).


26      Din il-kawża tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni u l-mistoqsija korrispondenti dwar azzjonijiet għad-danni li jirrigwardaw kawżi dwar ksur allegatament differenti ta’ regoli tal-kompetizzjoni. Nirrikonoxxi mill-ewwel li l-kwistjoni li ssegwi minnufih hija dwar x’dannu eżatt jista’ jintalab f’kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet? Din il-kwistjoni tqum, b’mod partikolari fid-dawl tal-approċċ mużajk ikkonfermat dan l-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C-194/16, EU:C:2017:766, punt 47)). Din il-kwistjoni, madankollu, tmur lil hinn mill-portata ta’ din il-kawża u ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany(C-360/12, EU:C:2014:1318, punti 43 sa 45) u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449, punt 25).


28      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C-352/13, EU:C:2015:335, punt 39). Enfasi miżjuda.


29      Punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, (C-618/15, EU:C:2016:976).


31      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence (C-618/15, EU:C:2016:976, punt 35 u d-dispożittiv). Enfasi miżjuda.


32      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C-352/13, EU:C:2015:335, punt 52).


33      Punti 37 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, (C‑364/93, EU:C:1995:289, punt 21).


35      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, (C-618/15, EU:C:2016:976, punti 33 u 35 u d-dispożittiv).


36      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449). Madankollu, l-Avukat Ġenerali Szpunar f’dik il-kawża ma qisx li d-dannu finanzjarju kien dirett (konklużjonijiet fil-kawża Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:161, punti 30 sa 33).


37      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449, punt 40).


38      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449, punt 39). Enfasi miżjuda.


39      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, (C‑618/15, EU:C:2016:976).


40      Bħala prinċipju għandu jirriżulta telf ta’ dħul. Jekk dan iwassalx għal telf ta’ profitti naturalment jiddependi mill-ispejjeż.


41      Dik id-dikjarazzjoni jeħtiġilha tkun relattiva. Meta talba għal danni li tkun ibbażata fuq il-liġi tal-kompetizzjoni ma tkunx konsegwenza, jiġifieri meta ma tkunx deċiżjoni minn qabel li tkun sabet ksur, id-diffikultajiet dwar provi f’dak li jkollu x’jaqsam ma’ prova ta’ ksur jistgħu jkunu wisq sinjifikattivi b’paragun ma’ prova u kwantifikazzjoni ta’ dannu.


42      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335).


43      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C-352/13, EU:C:2015:335, punti 52 u 56).


44      Issa la dan għadu ma seħħx, CDC ukoll tidher li jkun diffiċli tiġi rrikonċiljata mas-sentenza Universal Music. Jidher li fis-sentenza CDC id-dannu probabbilment kien attwalment “jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent u li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma identifikatx element ta’ rabta addizzjonali partikolari kif imsemmi u meħtieġ fid-deċiżjoni sussegwenti tagħha fid-deċiżjoni Universal Music — ara s-sentenza tat-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449, punt 40). Fl-opinjoni tiegħi l-element ta’ rabta f’dawn il-kawżi jista’ jkun il-post tax-xiri tal-prodotti (jew is-servizzi) tal-kartell.


45      Il-Qorti tar-rinviju ma tirreferix għal atti ta’ implementazzjoni oħra possibbli, bħall-għoti ta’ skonti lill-Air Baltic.


46      Għal darba oħra, kif intqal iktar ’il fuq fil-punti 19 sa 21, inqis dik il-konklużjoni bħala stabbilita, billi f’dawn il-konklużjonijiet hemm diskussjoni biss dwar il-ġurisdizzjoni u mhux il-mertu.


47      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq. Dak kien il-każ fiż-żmien rilevanti u minn hemm ’l hawn kien ikkonfermat bid-Direttiva 2014/104 Din id-direttiva tabilħaqq tgħid espliċitament li “li r-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza.” (premessa 11, enfasi miżjuda, ara wkoll l-Artikolu 4).


48      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, (C-228/11, EU:C:2013:305, punt 35)


49      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:554, punt 68).


50      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44).


51      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2003:482, punt 52).


52      Ara l-eżempji mogħtija f’European Commentaries on Private International Law: Brussels Ibis Regulation, it-tieni edizzjoni, Vol. 1, Mankowski, P. u Magnus, U., Sellier – European Law Publishers, Cologne, 2016, p. 293 et seq.).


53      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C-68/93, EU:C:1995:61, punt 24).


54      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, (21/76, EU:C:1976:166, punt 20).


55      Ara, pereżempju, Danov, M., Jurisdiction and Judgments in Relation to EU Competition Law Claims, Hart Publishing, Oxford, 2011, p. 92.


56      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 50).


57      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 24).


58      Sentenza tad-19 ta‘ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 34).


59      Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline(C-18/02, EU:C:2004:74, punt 41).


60      Iktar ’il fuq, punti 98 u 99.


61      Qiegħed nikkwota r-raġunijiet ewlenin hawnhekk. Jistgħu jiġu invokat oħrajn ukoll, pereżempju, il-fatt li bħala prinċipju “restrizzjonijiet minħabba l-għan” jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE anki mingħajr prova tal-implementazzjoni jew effetti (minkejja li rikorrent ma tantx ikollu suċċess b’talba għad-danni jekk ma jkunx jista’ jipprova l-effetti).


62      Sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 91).


63      Punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Dwar dak li għandu x’jaqsam mat-terminoloġija, ta’ min jiftakar li ma hemmx raġuni ssir distinzjoni bejn il-kliem “fergħa, aġenzija jew stabbiliment” għal dawn il-finijiet — ara dwar dan is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punt 21).


65      Ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(5) tista’ f’dan is-sens issir referenza għaliha bħala “kważi domiċilju tal-konvenut għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni”. Ara European Commentaries on Private International Law: Brussels Ibis Regulation, it-2 edizzjoni, Vol. 1, Mankowski, P., u Magnus, U., Sellier. European Law Publishers, Cologne 2016, p. 350.


66      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12); tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punti 9 sa 13); tas-6 ta’ April 1995, Lloyd’s Register of Shipping (C-439/93, EU:C:1995:104, punt 19).


67      Iktar ’il fuq, punti 110 u 111.


68      Ara b’analoġija s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline(C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 34). Il-kunċett ta’ “prekundizzjoni meħtieġa” f’dan is-sens hija b’mod ċar usa’ mill-kunċett ta’ “l-inċident li kkawża l-ħsara”.