Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2018 minn H mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-11 ta’ April 2018 fil-Kawża T-271/10 RENV, H vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-413/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: H (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-11 ta’ April 2018 fil-Kawża T-271/10 RENV, H v Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sa fejn tiċħad l-azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM), li permezz tagħha l-appellanti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ “Criminal Justice Adviser – Prosecutor” fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina) u, jekk ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap ta’ din il-Missjoni msemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK 1 , tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina u sa fejn tiċħad it-talba għad-danni minħabba l-illegalità tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq;

tiddeċiedi dwar il-kawża, u, jekk neċessarju, tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza jħallas l-ispejjeż fil-Kawża C-455/14 P kif ukoll dawk f’dawn il-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tallega ksur tal-Artikolu 216 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn is-sentenza appellata deċiża minn awla komposta parzjalment mill-istess imħallfin li ddeċidew id-digriet li ġie rriformat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward tal-poteri tal-Kap tal-Missjoni sabiex jadotta deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet mill-ġdid tal-persunal u tar-rwol tal-Istat Membru tal-oriġini fil-qafas tat-trasferiment tal-persunal ssekondat, l-appellanti tallega ksur tal-paragrafu II tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn l-imħallef tal-ewwel istanza ma osservax id-deċiżjoni fil-kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Żanutarament tal-provi

Ksur tad-dritt tad-difiża u trattament ugwali, sa fejn l-appellanti ma nstegħmetx fir-rigward ta’ xi dokumenti u osservazzjonijiet bil-miktub imressqa mill-Kunsill matul il-proċedura tal-ewwel istanza.

Ksur tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn ġie deċiż li l-appellanti għandha tbati l-ispejjeż fil-Kawża C-455/14 P, fejn hija rebħet.

____________

1 ĠU 2009, L 322, p. 22.