Language of document : ECLI:EU:C:2018:176

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Marzu 2018 (*)

“Appell – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/408 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni – Inklużjoni tas-sustanza attiva ‘komposti tar-ram’ f’din il-lista – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Persuna kkonċernata individwalment”

Fil-Kawża C‑384/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2016,

European Union Copper Task Force, stabbilita f’Essex (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Fernández Vicién, C. Vila Gisbert, I. Moreno‑Tapia Rivas, abogadas, kif ukoll minn M. Miserendino, abogado,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis u P. Ondrůšek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti, European Union Copper Task Force, titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2016, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (T‑310/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:265), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU 2015, L 67, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 91/414

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/34/UE tat-8 ta’ Marzu 2011 (ĠU 2011, L 62, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/414”), kienet tipprevedi, fl-Anness I tagħha, lista ta’ sustanzi attivi li l-inklużjoni tagħhom kienet awtorizzata fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

3        Skont l-Artikolu 1 u l-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġu inklużi bħala sustanzi attivi l-chlormequat, il-komposti tar-ram, il-propaquizafop, il-quizalofop‑P, it-teflubenzuron u ż-zeta-cypermethrin (ĠU 2009, L 104, p. 23), il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ġiet emendata sabiex fiha jiżdiedu, b’mod partikolari, il-komposti tar-ram.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009

4        Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) jipprevedi, fl-Artikolu 14 tiegħu, intitolat “Tiġdid tal-approvazzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 3, intitolata “Tiġdid u reviżjoni”, tat-Taqsima 1, intitolata “Sustanzi attivi”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sustanzi attivi, aġenti protettivi, sinerġisti u ko-formulanti”:

“1.      Mal-applikazzjoni, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha tiġi mġedda fejn jiġi stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ġew sodisfatti.

[…]

2.      It-tiġdid tal-approvazzjoni għandu jkun għal perijodu ta’ mhux iktar minn ħmistax-il sena. […]”

5        L-Artikolu 20, intitolat “Regolament ta’ Tiġdid”, li jinsab fl-imsemmija Subtaqsima 3 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għandu jiġi adottat Regolament skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), li jipprovdi li:

(a)      l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva tiġġedded, soġġett għall-kondizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet fejn xieraq; jew

(b)      l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tiġix imġedda.

[…]”

6        L-Artikolu 24, intitolat “Kandidati għal sostituzzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 4, intitolata “Derogi”, tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1107/2009, jistabbilixxi li:

“1.      […] B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-approvazzjoni tista’ tiġġedded darba jew iżjed għal perijodi li ma jisbqux is-seba’ snin.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 21. Il-kandidati għal sostituzzjoni għandhom jiġu elenkati separatament fir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 13(4).”

7        L-Artikolu 41, intitolat “Awtorizzazzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 3, intitolata “Rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet”, tat-Taqsima 1, intitolata “Awtorizzazzjoni”, tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      L-Istat Membru li lilu tiġi ppreżentata applikazzjoni skont l-Artikolu 40 għandu, wara li jeżamina l-applikazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha msemmija fl-Artikolu 42(1), kif inhu xieraq b’rigward għaċ-ċirkostanzi fit-territorju tiegħu, jawtorizza il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, ħlief meta japplika l-Artikolu 36(3).

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru jista’ jawtorizza l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fejn:

[…]

(b) fih kandidat għal sostituzzjoni;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 50, intitolat “Valutazzjoni [evalwazzjoni] komparattiva ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidati għal sostituzzjoni”, li jinsab fis-Subtaqsima 5, intitolata “Każijiet speċjali”, tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament:

“1.      Valutazzjoni [ewalvazzjoni] komparattiva għandha titwettaq mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin jevalwaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih sustanza attiva approvata bħala kandidat għal sostituzzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw jew għandhom jirrestrinġu l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-użu fuq uċuħ partikolari tar-raba’ li jkun fih kandidat għas-sostituzzjoni fejn il-valutazzjoni komparattiva li tiżen ir-riskji u l-benefiċċji, kif imniżżel fl-Anness IV, turi li:

[…]

4.      Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidat għal sostituzzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-valutazzjoni komparattiva prevista fil-paragrafu 1 regolarment u mhux aktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata.

Abbażi tar-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni komparattiva, l-Istati Membri għandhom iżommu, jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjoni.

[…]”

9        L-Artikolu 80, intitolat “Miżuri tranżitorji”, li jinsab fil-Kapitolu XI tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji u finali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 7 tiegħu li:

“Sal-14 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ sustanzi inklużi fl-Anness I għad-Direttiva [91/414] li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II għal dan ir-Regolament u li għalihom għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament.”

 Ir-regolamenti ta’ implementazzjoni

 Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 540/2011

10      Skont il-premessa 1 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament [Nru 1107/2009] f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1), is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

 Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/232

11      Il-premessa 8 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/232 tat- 13 ta’ Frar 2015 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva komposti tar-ram (ĠU 2015, L 39, p. 7), hija fformulata kif ġej:

“Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva komposti tar-ram għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. […]”

 Ir-regolament kontenzjuż

12      L-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż, intitolat “Kandidati għas-sostituzzjoni”, jipprevedi dan li ġej:

“Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva [91/414] li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandhom ikunu kif stabbilit fil-lista fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

13      Il-lista li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-regolament tinkludi l-“komposti tar-ram (il-varjanti idrossidu tar-ram, ossiklorur tar-ram, ossidu tar-ram, taħlita bordeaux, u sulfat tar-ram tribażiku)”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

14      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2015, l-appellanti, assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ komposti tar-ram li wħud fosthom huma detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanza, ippreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tar-regolament kontenzjuż.

15      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, għar-raġuni, minn naħa, li l-appellanti ma setgħetx issostni l-interess tagħha stess u, min-naħa l-oħra, li l-membri tagħha ma kellhomx locus standi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-membri tal-appellanti ma kinux ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż u, fit-tieni lok, li dan ir-regolament kien att regolatorju li kien jinvolvi fil-konfront ta’ dawn il-membri miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-appellanti li jgħid li, fil-każ li r-rikors tagħha jiġi miċħud bħala inammissibbli, hija tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat kontra r-regolament kontenzjuż;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

18      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-punti 42 sa 44, 46 sa 48, 50 sa 52, 60 u 61 tad-digriet appellat u tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-regolament kontenzjuż jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

19      Skont l-appellanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment, minn naħa, għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-rikors. F’dan ir-rigward, fil-każ fejn l-appellanti titlob biss l-annullament parzjali ta’ att, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali miżuri ta’ implementazzjoni tal-parti tal-att li tagħha tkun qiegħda tintalab l-annullament.

20      Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-pożizzjoni tal-appellanti, din tal-aħħar kienet, quddiem il-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ inklużjoni tal-komposti tar-ram fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, l-unika rappreżentant tal-produtturi kollha tal-komposti tar-ram, użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li joperaw fl-Unjoni Ewropea.

21      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti tfakkar li hija talbet l-annullament parzjali tar-regolament kontenzjuż peress li dan inkluda l-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, b’tali mod li jissuġġettahom għas-sistema applikabbli għal tali sustanzi stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009. L-appellanti qajmet ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità kontra ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament.

22      Skont l-appellanti, id-digriet appellat, b’mod partikolari fil-punti 26, 38 u 39 tiegħu, fih deskrizzjoni qasira wisq tas-suġġett tal-imsemmi rikors ibbażat fuq deskrizzjoni daqstant limitat tar-regolament kontenzjuż. L-għan ta’ dan tal-aħħar ma huwiex biss li tiġi stabbilita lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, iżda wkoll li dawn is-sustanzi jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet sostantivi li jinsabu fir-Regolament Nru 1107/2009, liema fatt jikkostitwixxi effett immedjat u dirett tal-applikazzjoni tar-regolament kontenzjuż, li ma teħtieġ ebda miżura ta’ implementazzjoni. Fi kliem ieħor, dan ir-regolament jipproduċi huwa stess, b’mod ċert u attwali, effetti konkreti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u fuq dik tal-membri tagħha.

23      F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 44 tad-digriet appellat, huwa minnu li t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram, skont ir-Regolament Nru 1107/2009, jippresupponi li hija tressaq talba f’dan is-sens u jimplika li l-Kummissjoni tadotta att dwar din it-talba. Hija ssostni, madankollu, li dan l-att ser jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni mhux tar-regolament kontenzjuż, iżda tal-Artikoli 14 et seq. tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirregolaw il-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva.

24      L-appellanti tenfasizza li l-imsemmi att ma huwa ser ikollu l-ebda effett ta’ natura li jissupplimenta jew li jiżviluppa l-istatus ġuridiku tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni u mhux ser jikkontribwixxi sabiex jiġu ddefiniti jew iċċarati r-regoli sostantivi applikabbli għalihom.

25      L-appellanti tenfasizza wkoll il-fatt li r-regolament kontenzjuż għandu bħala effett li jissuġġetta l-komposti tar-ram għall-approvazzjoni mill-inqas kull seba’ snin, u mhux kull ħmistax-il sena bħal fil-każ tas-sustanzi attivi kandidati għas-sostituzzjoni. Għalhekk, il-komposti tar-ram huma s-suġġett, bħala prinċipju, ta’ talbiet għal tiġdid ta’ approvazzjoni darbtejn iktar frekwenti, li jżid l-ispejjeż marbuta maż-żamma tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram. Dan l-effett huwa dirett u ma jeħtieġ l-ebda adozzjoni ta’ miżura ta’ implementazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri.

26      It-tieni nett, l-appellanti ssostni li, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni nazzjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram, ir-regolament kontenzjuż għandu l-effett immedjat li jissuġġetta dawn il-prodotti u l-użu tagħhom għall-evalwazzjoni komparattiva msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 48 tad-digriet appellat, l-Istati Membri jġiegħlu lill-impriżi kkonċernati jħallsu mhux biss l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva, iżda wkoll għat-twettiq fih innifsu tal-evalwazzjoni, billi l-awtoritajiet nazzjonali jillimitaw ruħhom li jadottaw deċiżjoni fuq it-talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat. Għaldaqstant, l-appellanti u l-membri tagħha huma obbligati jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni komparattiva, indipendentement mir-riżultat finali ta’ din l-evalwazzjoni.

27      Meta kkonstatat, fil-punt 46 tad-digriet appellat, li t-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva ma għandux effett fuq il-fatt li l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq huma mogħtija jew irrifjutati, imġedda, irtirati jew emendati mill-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-effett tar-regolament kontenzjuż huwa indipendenti minn kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 50(4) tar-Regolament Nru 1107/2009 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jwettqu evalwazzjoni komparattiva b’mod regolari u mhux iktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata. Għaldaqstant, l-ebda talba għal awtorizzazzjoni jew għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ma hija neċessarja sabiex l-Istat Membru kkonċernat iwettaq evalwazzjoni komparattiva tal-komposti tar-ram, liema fatt huwa r-riżultat dirett tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

28      It-tielet nett, fil-fehma tal-appellanti, għandha tintlaħaq konklużjoni simili fir-rigward tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-fatt, minħabba l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodott li fih sustanza kandidata għas-sostituzzjoni ma huwiex awtomatiku, kif inhu, għall-kuntrarju, fil-każ ta’ kull sustanza attiva oħra.

29      Ir-raba’ nett, bħal fil-każ tal-att tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram, il-miżuri adottati mill-Istati Membri dwar talba għal rikonoxximent reċiproku jew għal awtorizzazzjoni nazzjonali ma għandhom l-ebda effett la fuq il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni u lanqas fuq is-sistema applikabbli għalihom skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

30      L-appellanti żżid li, l-istess bħall-atti li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni, dawk li ser jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jimplementaw ir-regoli speċjali applikabbli għall-komposti tar-ram ser ikunu miżuri ta’ implementazzjoni mhux tar-regolament kontenzjuż, iżda tar-Regolament Nru 1107/2009.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi rrikonoxxut l-locus standi, li jirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 59 u 91).

33      Fil-kuntest tal-eżami tat-tieni każ ipotetiku, li sar fil-punti 33 sa 51 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 34 sa 36 ta’ dan id-digriet, li r-regolament kontenzjuż għandu n-natura ta’ att regolatorju fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kuntest ta’ dan l-appell.

34      Għalhekk, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija dwar jekk, kif issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 37 sa 51 tad-digriet appellat, li r-regolament kontenzjuż jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fil-konfront tal-membri tal-appellanti.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qrati. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma kellhiex rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Meta l-implementazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta din l-implementazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn tal-aħħar sabiex jagħmlu rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat il-punt jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors u, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk dawn il-miżuri għandhomx jew le natura awtomatika (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 41 u 42, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 46).

41      F’dan il-każ, għandu, fl-ewwel lok, jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett is-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha, b’mod partikolari l-fatt li dan ir-rikors kien intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn jissuġġetta l-komposti tar-ram għal ċerti regoli sostantivi previsti mir-Regolament Nru 1107/2009.

42      Fil-fatt, mill-punti 38 sa 41 tad-digriet appellat jirriżulta li, wara li fakkret li r-regolament kontenzjuż għandu l-għan li jistabbilixxi l-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, il-Qorti Ġenerali osservat li r-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi l-applikazzjoni, għal dawn is-sustanzi, ta’ regoli speċjali, li jidderogaw minn dawk applikabbli għal sustanzi attivi oħra. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li dawn ir-regoli speċjali jikkonċernaw, l-ewwel nett, l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni kif ukoll it-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni, it-tieni nett, l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi kif ukoll it-tiġdid u l-modifika ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u, it-tielet nett, ir-rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

43      Mill-punti 42 sa 51 tad-digriet appellat jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami fid-dettall ta’ dawn ir-regoli speċjali u kkonkludiet li dawn kienu ta’ natura li jipproduċu l-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri.

44      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li att regolatorju tal-Unjoni jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li ċerti effetti legali tal-imsemmi regolament jimmaterjalizzaw biss permezz ta’ dawn il-miżuri, ma jeskludix li dan ir-regolament jipproduċi, fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, effetti legali oħra, li ma jkunux jiddependu mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

46      F’dan il-każ, għandhom għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tliet kategoriji ta’ regoli speċjali applikabbli għall-komposti tar-ram imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza u li fuqhom ibbażat ruħha l-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regolament kontenzjuż, minħabba l-fatt li huwa ssuġġetta l-komposti tar-ram għal dawn ir-regoli, jipproduċix, fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, effetti li ma jiddependux minn kwalunkwe miżura ta’ implementazzjoni.

47      Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-regoli dwar l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni u t-tiġdid ta’ din l-approvazzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tad-digriet appellat, li l-komposti tar-ram kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-data ta’ skadenza ta’ din l-approvazzjoni ma ġietx affettwata mir-regolament kontenzjuż.

48      Minn dan isegwi, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll fil-punt 42 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, kif prevista fir-Regolament Nru 1107/2009, hija rilevanti fir-rigward tal-membri tal-appellanti.

49      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 42 tad-digriet appellat u kif issostni l-appellanti, l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza kandidata għas-sostituzzjoni tista’ tiġġedded għal massimu ta’ seba’ snin, għad-differenza tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi oħra, li tista’ tiġġedded għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena, skont l-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, minħabba l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista annessa mar-regolament kontenzjuż, bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, it-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom tista’ tingħata biss għal perijodu massimu ta’ seba’ snin, u mhux għal perijodu itwal, kif kien ikun il-każ li kieku din is-sustanza ma kinitx ġiet inkluża fl-imsemmija lista.

50      Madankollu, l-effetti legali tar-regolament kontenzjuż relatati mal-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-membri tal-appellanti, biss permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

51      Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, b’mod partikolari mill-Artikolu 24(2) tiegħu, jirriżulta li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 42 u 43 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest tal-appell, il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni, mir-regolament kontenzjuż, hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza. Issa, din il-proċedura timplika, l-istess bħall-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva li ma hijiex inkluża fil-lista annessa mar-regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ regolament mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

52      Minn dan isegwi, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 44 tad-digriet appellat, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż dwar il-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram ser jidħlu fis-seħħ fil-konfront tal-membri tal-appellanti biss permezz tal-adozzjoni eventwali, abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li għalih jirreferi l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ regolament li jġedded għal perijodu massimu ta’ seba’ snin l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza.

53      Għalhekk, jekk l-eventwali piż addizzjonali impost fuq l-appellanti kif ukoll fuq il-membri tagħha u marbut mal-ħtieġa li l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram tiġġedded iktar spiss jista’ jitqies li huwa effett tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, dan l-effett ser jimmaterjalizza mhux bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda bl-adozzjoni, jekk ikun il-każ, mill-Kummissjoni, ta’ regolament li jġedded l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza.

54      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li regolament tal-Kummissjoni li jġedded l-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, bħall-komposti tar-ram, jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

55      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni kif ukoll dwar it-tiġdid u l-modifika ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, huwa minnu, kif tosserva l-appellanti, li r-regolament kontenzjuż għandu bħala effett li jissuġġetta l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram għall-proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva, prevista fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009, li fil-kuntest tagħha r-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat jiġu mqabbla ma’ riskji simili marbuta ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew ma’ metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ kontroll kontra l-organiżmi ta’ ħsara.

56      Madankollu, l-appellanti ma tistax issostni validament li hija responsabbli, flimkien mal-membri tagħha, li twettaq din l-evalwazzjoni komparattiva u li ġġarrab l-ispejjeż eventwali relatati mat-twettiq tal-imsemmija evalwazzjoni, sabiex b’hekk turi li l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż kellu effetti fil-konfront tagħhom, indipendentement mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 45 tad-digriet appellat, mill-Artikolu 50(1) u (4) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għat-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva.

57      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li jgħid li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri jirrikjedu li d-detenturi ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram jipprovdulhom evalwazzjoni komparattiva, dan ma huwa ta’ ebda sostenn għall-argument tagħha li jgħid li r-regolament kontenzjuż jipproduċi, fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha, effetti li ma jiddependux minn miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, l-obbligi li jaqgħu allegatament fuq l-imsemmija detenturi ma jirriżultawx mir-regolament kontenzjuż iżda minn deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

58      Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 46 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti, it-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009 “ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 36(2), l-Artikolu 43(1), l-Artikolu 44(3) u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi huma, jekk ikun il-każ, mogħtija jew irrifjutati, imġedda, irtirati jew emendati rispettivament mill-Istati Membri”.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż relatati mat-twettiq, mill-Istati Membri, ta’ evalwazzjoni komparattiva tar-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram meta mqabbla ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ kontroll kontra l-organiżmi ta’ ħsara “ser iseħħu fil-konfront tal-membri tal-appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” u li “[t]ali atti jikkostitwixxu, għaldaqstant, miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”.

60      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, huwa minnu li l-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li Stat Membru li jirċievi, taħt il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, talba għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza kandidata għas-sostituzzjoni jista’ jawtorizza dawn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li, barra mill-ipoteżijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 41(2) u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 41(1) tal-imsemmi regolament, joħroġ tali awtorizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

61      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż għandha l-effett li tnaqqas il-probabbiltà li Stat Membru jilqa’ b’mod favorevoli talba għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-komposti tar-ram taħt il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru li quddiemu titressaq tali talba għandu jieħu deċiżjoni fuqha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, li huwa irrilevanti jekk tali deċiżjoni għandhiex jew le natura awtomatika.

62      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punt 50 tad-digriet appellat, li l-effetti tar-regolament kontenzjuż relatati mal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza kandidata għas-sostituzzjoni “jikkonċernaw biss il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu fuq talba f’dan is-sens” u li “tali effetti ser iseħħu, jekk ikun il-każ, fil-konfront tal-membri tal-appellanti biss permezz ta’ atti tal-awtoritajiet nazzjonali li jiddeċiedu dwar it-talbiet għar-rikonoxximent reċiproku mressqa mill-imsemmija membri”.

63      Fid-dawl tal-punti 45 sa 62 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li, għalkemm huwa minnu li permezz tal-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, ir-regolament kontenzjuż issuġġetta din is-sustanza għar-regoli speċjali esposti fil-punt 42 ta’ din is-sentenza u għalhekk ipproduċa effetti legali billi emenda s-sistema legali tal-Unjoni applikabbli għall-komposti tar-ram, xorta jibqa’ l-fatt li l-appellanti ma wrietx li din l-emenda kellha, fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha, effetti li ma jiddependux mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li l-appellanti ma kellhiex locus standi fuq din il-bażi.

64      Din il-konklużjoni ma titqegħidx inkwistjoni mill-argument tal-appellanti, espost fil-punti 23 u 30 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għall-komposti tar-ram, b’mod partikolari, l-att li bih il-Kummissjoni ser twettaq it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza, ma humiex miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż, iżda tar-Regolament Nru 1107/2009.

65      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-appellanti donnu tissuġġerixxi fl-argument tagħha, l-aħħar frażi tar-raba’ paragafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tirrikjedix, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ implementazzjoni ta’ att regolatorju, li dan l-att jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din il-miżura. L-istess miżura tista’ tkun miżura ta’ implementazzjoni kemm tal-att li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi legali tagħha kif ukoll ta’ att separat, bħal f’dan il-każ ir-regolament kontenzjuż, meta l-effetti legali kollha jew parti minnhom ta’ dan l-att tal-aħħar ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-appellanti, biss permezz ta’ din il-miżura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 40).

66      F’din il-kawża, mill-punti 47 sa 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-atti li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għall-komposti tar-ram, previsti mir-Regolament Nru 1107/2009, ser jipproduċu l-effetti legali tar-regolament kontenzjuż fil-konfront tal-membri tal-appellanti u ser jikkostitwixxu għalhekk miżuri ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

67      Il-konklużjoni esposta fil-punt 63 ta’ din is-sentenza lanqas ma tista’ titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argument, imfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-appellanti kienet, quddiem il-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ inklużjoni tal-komposti tar-ram fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, l-unika rappreżentant tal-produtturi kollha tal-komposti tar-ram, użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li joperaw fl-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju kkontestat jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, iċ-ċirkustanza invokata mill-appellanti ma hijiex ta’ natura li turi li r-regolament kontenzjuż ma jinkludix tali miżuri.

68      Il-konklużjoni mnissla fil-punt 63 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata mill-argument, espost fil-punti 24 u 29 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-miżuri adottati eventwalment mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex irendu effettiva l-applikazzjoni, għall-komposti tar-ram, ta’ regoli speċjali esposti fil-punt 42 ta’ din is-sentenza ma huwa ser ikollhom l-ebda effett la fuq il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni u lanqas fuq is-sistema legali applikabbli għal din is-sustanza stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009.

69      Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jwarrab il-konstatazzjoni li l-effetti tal-applikazzjoni għall-komposti tar-ram tar-regoli speċjali mir-Regolament Nru 1107/2009 ser jimmaterjalizzaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tal-membri tal-appellanti, biss permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament kontenzjuż.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet, fil-punt 51 tad-digriet appellat, li r-regolament kontenzjuż jinkludi, fil-konfront tal-membri tal-appellanti, miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

71      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

72      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 22, 31 u 32 tad-digriet appellat, li hija u l-membri tagħha ma kinux ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż.

73      Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li hija kkonċernata individwalment mir-regolament kontenzjuż u ssostni, l-ewwel nett, li diversi fatturi jindividwalizzawha meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17).

74      L-appellanti ssostni li hija kienet l-unika awtur tan-notifika, lill-Kummissjoni, intiża li tinkiseb l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Hija tfakkar barra minn hekk li, skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi inklużi f’dan l-Anness għandhom jitqiesu li ġew approvati skont dan ir-regolament. Minn dan l-appellanti tiddeduċi li hija kienet l-unika kawża tal-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi attivi tal-imsemmi anness, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009. Barra minn hekk, l-appellanti kienet l-unika li talbet it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza attiva u l-unika li ppreżentat fajl għan-nom tal-produtturi kollha.

75      It-tieni nett, l-appellanti pparteċipat fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-komposti tar-ram sal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. B’mod partikolari, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/232 ġie adottat abbażi ta’ studji u dokumenti trażmessi mill-appellanti u, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, wara li ġiet mistiedna mill-Kummissjoni sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ reviżjoni li jirrigwarda l-komposti tar-ram.

76      It-tielet nett, l-appellanti ssostni li l-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, stabbilita mir-regolament kontenzjuż, tfasslet unikament abbażi tar-riżultati ta’ dokument li kien ibbażat fuq ir-rapport ta’ reviżjoni finali li jirrigwarda l-komposti tar-ram, li ġie adottat mill-Kummissjoni bl-intervent esklużiv tal-appellanti fil-kwalità tagħha ta’ applikant.

77      Ir-raba’ nett, l-appellanti kienet l-interlokutur tal-Kummissjoni matul il-proċess kollu ta’ tfassil tar-regolament kontenzjuż, ikkorrispondiet magħha u pparteċipat f’laqgħa mar-rappreżentanti ta’ din l-istituzzjoni dwar, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

78      L-appellanti tikkonkludi li, fid-dawl tas-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 17 sa 32), kellu jiġi rrikonoxxut il-locus standi tagħha sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kienet taf li r-regolament kontenzjuż kien jikkonċernaha direttament u individwalment.

79      Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-membri tagħha huma wkoll ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż.

80      Minn naħa, l-appellanti tirrappreżenta lill-produtturi kollha ta’ komposti tar-ram, użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li joperaw fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li l-appellanti u l-membri tagħha kienu kkonċernati mir-regolament kontenzjuż bħal kull operatur ekonomiku ieħor.

81      L-appellanti żżid li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li t-talba għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha titressaq minn produttur tas-sustanza attiva kkonċernata. Għaldaqstant, huma biss l-appellanti u l-membri tagħha, li huma l-uniċi produtturi ta’ komposti tar-ram użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni, li jistgħu jitolbu t-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom. L-appellanti tfakkar, f’dan ir-rigward, li hija kienet l-unika li talbet it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza attiva u li ppreżentat fajl għan-nom tal-produtturi kollha.

82      Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-komposti tar-ram huma l-unika sustanza inorganika li tinsab fil-lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni tkompli tindividwalizza lill-appellanti u lill-membri tagħha.

83      L-appellanti ssostni għalhekk li r-regolament kontenzjuż, minkejja li jikkostitwixxi fuq livell formali regolament ta’ implementazzjoni, huwa, fir-realtà, deċiżjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-effetti li jipproduċi fuq il-komposti tar-ram u, għalhekk, fuq l-appellanti u l-membri tagħha bħala l-uniċi produtturi ta’ din is-sustanza attiva. Għaldaqstant, hija kkonċernata individwalment minn dan ir-regolament.

84      Għalhekk, l-appellanti tqis li d-digriet appellat għandu jiġi annullat u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tistħarreġ jekk hijiex, barra minn hekk, ikkonċernata direttament mir-regolament kontenzjuż.

85      F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-issuġġettar tal-komposti tar-ram għad-dispożizzjonijiet sostantivi previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 jimplika l-applikazzjoni, għal din is-sustanza, ta’ kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli għas-sustanzi attivi li ma humiex kandidati għas-sostituzzjoni. Hija tosserva, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tirriżulta direttament mir-regolament kontenzjuż u li la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali ma jiddisponu, fl-adozzjoni ta’ miżuri li jimplementaw ir-regoli speċjali applikabbli għall-komposti tar-ram, minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

86      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju ma huwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 19 tad-digriet appellat, assoċjazzjoni, bħall-appellanti, li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-produtturi ta’ komposti tar-ram, bħala prinċipju, tkun intitolata tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk hija tkun tista’ tinvoka l-interess tagħha stess jew jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew xi wħud minnhom ikollhom locus standi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti tistax tinvoka l-interess tagħha stess, għandu jiġi osservat, minn naħa, li hija ġurisprudenza stabbilita li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tad-digriet appellat, ir-rwol ta’ assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ att fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn din l-assoċjazzjoni, minkejja li l-membri tagħha ma humiex ikkonċernati direttament u individwalment mill-imsemmi att, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha bħala negozjatur tkun ġiet affettwata minn dan tal-aħħar (digriet tat-8 ta’ Diċembru 2006, Polyelectrolyte Producers Group vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑368/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:771, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi osservat li, permezz tal-argumenti li hija tressaq fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ma pprovatx li hija kellha rwol fit-tfassil tar-regolament kontenzjuż li jippermettilha tinvoka l-interess tagħha stess fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta fuq dan il-punt, l-appellanti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ drittijiet speċifiċi li ngħatawlha fil-kuntest tal-proċedura ta’ tfassil ta’ dan ir-regolament.

90      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 17 sa 32), għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-appellanti li jgħid li, skont ċerti ċirkustanzi fattwali li huma speċifiċi għaliha, hija għandha titqies bħala kkonċernata individwalment.

91      Fil-fatt, huwa minnu li, skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew il-Kummissjoni għandhom l-obbligu, skont dispożizzjonijiet speċifiċi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-att li jkollhom l-intenzjoni jadottaw fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti individwi jista’ jkun ta’ natura li jindividwalizza lil dawn tal-aħħar, meta jintwera li dawn huma affettwati minn dan l-att minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C‑142/00 P, EU:C:2003:217, punti 71 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, l-appellanti ma identifikatx l-eżistenza ta’ tali obbligu li huwa ta’ natura li jindividwalizzawha, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, fir-rigward tar-regolament kontenzjuż.

93      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-membri tal-appellanti jew xi wħud minnhom humiex ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 28 tad-digriet appellat, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk din id-deċiżjoni tkun taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93).

94      F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tad-digriet appellat, li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit iktar jew inqas preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm din l-applikazzjoni ssir bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma tikkontestax speċifikament il-punt 27 tad-digriet appellat, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-regolament kontenzjuż huwa att ta’ portata ġenerali, peress li, minn naħa, japplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv, jiġifieri, f’dan il-każ, minħabba karatteristiċi ta’ sustanza attiva, u li, min-naħa l-oħra, għandu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni maħsuba b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri kull operatur li l-attività tiegħu hija marbuta ma’ waħda mis-sustanzi inklużi fil-lista annessa ma’ dan ir-regolament.

96      L-appellanti lanqas ma sostniet li, fil-punt 30 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturat il-fatti, meta kkonstatat dan li ġej:

“[…] mill-premessa 4 tar-regolament [kontenzjuż] jirriżulta li l-lista annessa ma’ dan ir-regolament ġiet stabbilita abbażi ta’ informazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ reviżjoni, ta’ konklużjonijiet tal-[Awtorità Ewropea għas-sigurtà tal-ikel (EFSA)], tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u ta’ addenda li huma relatati, ta’ rapporti ta’ reviżjoni mit-tnejn, jew anki tal-klassifikazzjoni stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353 p. 1). Barra minn hekk, l-adozzjoni tar-regolament [kontenzjuż] kien previst mill-Artikolu 80(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, sa mhux iktar tard mill-14 ta’ Diċembru 2013, il-lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu stess, ir-regolament [kontenzjuż] huwa dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.”

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 31 u 32 tad-digriet appellat, li l-membri tal-appellanti huma kkonċernati mir-regolament kontenzjuż biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala produtturi ta’ komposti tar-ram, l-istess bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika, u li għalhekk ma humiex ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż.

98      L-ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari li fuqhom ibbażat ruħha l-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju sabiex turi li l-membri tagħha huma kkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż ma hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.

99      L-ewwel nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li l-appellanti tirrappreżenta l-produtturi kollha tal-komposti tar-ram użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li joperaw fl-Unjoni, u li huwa possibbli li jingħaddu jew jiġu identifikati dawn il-produtturi ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li l-membri tagħha huma kkonċernati mir-regolament kontenzjuż biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala produtturi ta’ komposti tar-ram. Barra minn hekk, jekk jintlaqa’ l-argument imressaq mill-appellanti f’dan ir-rigward, dan iwassal sabiex jirrendi bla skop il-kundizzjoni marbuta mal-fatt li persuna għandha tkun ikkonċernata individwalment, peress li jkun biżżejjed għal operaturi ekonomiċi li huma kkonċernati minn att tal-Unjoni biss minħabba l-fatt li huma jaqgħu taħt sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita minn dan l-att, li jingħaqdu fi ħdan assoċjazzjoni rappreżentattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, sabiex jiġi rrikonoxxut lilha locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

100    It-tieni nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, l-appellanti bl-ebda mod ma turi, permezz tal-elementi msemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li l-membri tagħha, jew xi wħud minnhom, huma affettwati mir-regolament kontenzjuż b’mod analogu għal kif huwa affettwat id-destinatarju ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, elementi bħal dawn, meħuda individwalment jew kollettivament, ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li tgħid li l-effetti legali tar-regolament kontenzjuż japplikaw għall-membri tal-appellanti biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala produtturi ta’ komposti tar-ram.

101    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fl-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni ġiet deċiża mhux billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet partikolari tal-membri tal-appellanti, iżda, kif jirriżulta mill-punt 6 tad-digriet appellat, għar-raġuni li din is-sustanza kienet tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex titqies bħala sustanza persistenti u tossika, fis-sens tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 66).

102    It-tielet nett, iċ-ċirkustanza, jekk tiġi preżunta li hija stabbilita, li l-komposti tar-ram huma l-unika sustanza inorganika li tinsab fil-lista inkwistjoni hija irrilevanti, peress li hija lanqas ma tqiegħed inkwistjoni il-fondatezza tal-konklużjoni mnissla mill-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tad-digriet appellat.

103    Fl-aħħar nett, peress li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 32 tad-digriet appellat, li l-membri tal-appellanti ma kinux ikkonċernati individwalment mir-regolament kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li persuna għandha tkun kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernata mill-att regolatorju tal-Unjoni li tiegħu jkun qiegħed jintalab l-annullament huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76), l-argumenti esposti fil-punti 84 u 85 ta’ din is-sentenza, dwar jekk l-appellanti u l-membri tagħha humiex ikkonċernati direttament mir-regolament kontenzjuż, huma ineffettivi u għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

104    Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

105    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 52 sa 60 tad-digriet appellat, li ċ-ċaħda tar-rikors tagħha bħala inammissibbli ma kinitx ċaħditha, flimkien mal-membri tagħha, minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

106    Mid-digriet appellat jirriżulta li l-membri tal-appellanti la ma jistgħu jikkontestaw miżura ta’ implementazzjoni nazzjonali tar-regolament kontenzjuż u lanqas iqiegħdu inkwistjoni l-effetti ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, sakemm is-sostituzzjoni tal-komposti tar-ram ma tiġix deċiża minn awtorità nazzjonali, din is-sustanza għandha tkun suġġetta għal evalwazzjonijiet komparattivi perijodiċi li l-membri tal-appellanti ma jkunux jistgħu jikkontestaw. L-appellanti tindika, f’dan ir-rigward, li deċiżjoni nazzjonali li ġġedded l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-komposti tar-ram ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-appellanti u għaldaqstant ma hijiex kontestabbli. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) u t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) qiesu wkoll li rikorrent la ma kellu interess ġuridiku u lanqas locus standi meta d-deċiżjoni li huwa jikkontesta ma tikkawżalux preġudizzju.

107    Għaldaqstant, il-membri tal-appellanti huma obbligati jikkawżaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jressqu rikors kontra din id-deċiżjoni u jikkontestaw, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni. Skont l-appellanti, l-użu tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, imsemmi mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, jeħtieġ ukoll l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni negattiva minn dawn l-awtoritajiet.

108    Wara li tfakkar il-kontenut tal-punti 54 u 55 tad-digriet appellat, l-appellanti tqis li l-aċċess għall-qrati nazzjonali u l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tar-regolament kontenzjuż ma jistgħux jiggarantixxu d-dritt tagħha jew dak tal-membri tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva li tirrigwarda t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram ma hijiex ċerta. Konsegwentement, l-appellanti u l-membri tagħha qatt ma jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jikkontestaw ir-regolament kontenzjuż, liema fatt ikompli għalhekk jipproduċi effetti legali b’mod indefinit. Min-naħa l-oħra, anki jekk deċiżjoni negattiva kienet adottata u irrispettivament mill-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-appellanti u l-membri tagħha jkollhom iġarrbu l-oneru amministrattiv u l-ispejjeż ekonomiċi li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

109    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li l-appellanti tikkuntenta ruħha li tirrepeti l-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, invokat fl-ewwel istanza, mingħajr ma ssemmi l-ebda żball ta’ liġi li jivvizzja d-digriet appellat. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

110    Qabelxejn, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra t-tieni aggravju. Kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ma tillimitax ruħha li tirrepeti l-motiv imressaq fl-ewwel istanza u bbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward billi tindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-digriet appellat.

111    Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, it-Trattat FUE stabbilixxa, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-individwi għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, billi jeċċepixxu l-invalidità ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

114    Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta qorti nazzjonali tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, ikunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116    Fir-rigward tal-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

117    Dan l-obbligu tal-Istati Membri ġie kkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li dawn “għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Tali obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata ġustament li r-regolament kontenzjuż jinkludi fil-konfront tal-membri tal-appellanti miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

119    Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 111 sa 117 ta’ din is-sentenza u esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 59 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 60 ta’ dan id-digriet, li kellu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li jgħid li ċ-ċaħda, bħala inammissibbli, tar-rikors tagħha għal annullament kontra r-regolament kontenzjuż tippreġudika d-dritt tagħha u dak tal-membri tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, għalkemm, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-appellanti tista’ biss tikkontesta direttament ir-regolament kontenzjuż quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija tista’, għall-kuntrarju, issostni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali kontra att ta’ Stat Membru li jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tal-imsemmi regolament, l-invalidità ta’ dan tal-aħħar u twassal lil din il-qorti sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, permezz ta’ domandi preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 59).

120    Barra minn hekk, l-appellanti tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta regolament tal-Kummissjoni li jġedded l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram quddiem il-qrati tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tikkontesta l-validità tar-regolament kontenzjuż permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra dan tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, sabiex, b’mod partikolari, tqiegħed inkwistjoni l-perijodu ta’ validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram.

121    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

122    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

124    Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      European Union Copper Task Force hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż