Language of document : ECLI:EU:T:2018:108

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

1 ta’ Marzu 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’żewġ strixxi paralleli fuq żarbun – Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta tliet strixxi paralleli fuq żarbun – Raġuni relattiva għal rifjut – Dannu għar-reputazzjoni – Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑629/16,

Shoe Branding Europe BVBA, stabbilita f’Oudenaarde (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Løje, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Lukošiūtė u A. Söder, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

adidas AG, stabbilita f’Herzogenaurach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Fowler u I. Junkar, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑8 ta’ Ġunju 2016 (Każ R 597/2016-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn adidas u Shoe Branding Europe,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u K. Kowalik-Bańczyk (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Settembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2016,

wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑1 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti, Shoe Branding Europe BVBA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        It-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, identifikata mir-rikorrenti bħala trade mark “oħra”, hija rriprodotta hawn taħt:

Image not found

3        Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark hija deskritta b’dan il-mod:

“It-trejdmark hi marka ta’ pożizzjoni. Il-marka tikkonsisti f’żewġ linji paralleli pożizzjonati fuq il-wiċċ ta’ barra tan-naħa ta’ fuq ta’ żarbuna. Il-linji paralleli jibdew mit-tarf tas-suletta taż-żarbuna u jiżżerżqu lura għan-nofs tal-wiċċ taż-żarbuna. Il-linja ittikkjata timmarka l-pożizzjoni tat-trejdmark u ma tiffurmax parti mill-marka.”

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xedd is-saqajn”.

5        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 107/2010, tal‑14 ta’ Ġunju 2010.

6        Fit‑13 ta’ Settembru 2010, l-intervenjenti, adidas AG, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-drittijiet preċedenti segwenti:

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea, irreġistrata fis‑26 ta’ Jannar 2006 taħt in-numru 3517646, għal “xedd is-saqajn”, li taqa’ fil-klassi 25, bid-deskrizzjoni li jmiss: “It-trade mark tikkonsisti fi tliet strixxi paralleli tal-istess daqs u tal-istess wisa’, imqiegħda fuq iż-żraben; l-istrixxi tqiegħdu fuq il-wiċċ tal-parti ta’ fuq taż-żraben, fiż-żona bejn il-lazzijiet u l-pett” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din it-trade mark (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) hija rriprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark Ġermaniża tat-tip “trade mark oħra”, irreġistrata fl‑14 ta’ Diċembru 1999 taħt in-numru 39950559 u mġedda kif xieraq, għal “xedd is-saqajn, inkluż xedd is-saqajn sportiv u ta’ rikreazzjoni”, li taqa’ fil-klassi 25, bid-deskrizzjoni li jmiss: “It-trade mark hija magħmula minn tliet strixxi li jifformaw kuntrast mal-kulur bażiku taż-żarbun. Il-forma taż-żarbuna għandha l-iskop biss li tirrappreżenta l-mod kif titqiegħed it-trade mark kummerċjali, din ma tagħmilx parti bħala tali mit-trade mark kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din it-trade mark (iktar ’il quddiem it-“trade mark Ġermaniża Nru 39950559”) hija rriprodotta hawn taħt:

Image not found

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu, b’mod partikolari, dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 [li saru, rispettivament, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 2017/1001].

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni.

10      Fit‑2 ta’ Lulju 2012, l-intervenjenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-trade marks f’kunflitt kienu globalment differenti u li din iċ-ċirkustanza kienet biżżejjed, minn naħa, biex tiġi eskluża, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, kull probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, isir improbabbli l-istabbiliment, f’moħħ dan l-istess pubbliku, ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt u, konsegwentement, id-dehra ta’ wieħed mid-danni intiżi fl-Artikolu 8(5) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013”).

12      L-intervenjenti għalhekk ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

13      Permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, adidas vs UASI – Shoe Branding Europe (Żewġ strixxi paralleli fuq żarbun) (T‑145/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”, EU:T:2015:303), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, għar-raġuni li l-Bord tal-Appell, bi żball, ikkonkluda dwar l-assenza ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade marks f’kunflitt u li dan l-iżball ta’ evalwazzjoni kien ħoloq distorsjoni fl-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza, f’moħħ il-pubbliku, ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jew, a fortiori, ta’ probabbiltà ta’ approssimazzjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

14      Ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat appell minn din is-sentenza.

15      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Frar 2016, Shoe Branding Europe vs UASI (C‑396/15 P, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet dwar l-appell”, EU:C:2016:95), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

16      Wara li siltet il-konsegwenzi tas-sentenza ta’ annullament u tad-digriet dwar l-appell, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO eżamina mill-ġdid l-appell ippreżentat mill-intervenjenti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell laqa’ dan l-appell u laqa’ l-oppożizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. B’mod partikolari, huwa qies li, b’kunsiderazzjoni ta’ ċertu xebh bejn it-trade marks f’kunflitt, tal-identità tal-prodotti indikati minn dawn it-trade marks kif ukoll tar-reputazzjoni għolja tat-trade mark preċedenti, teżisti probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks f’kunflitt u li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jislet vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, mingħajr ma dan l-użu, f’dan il-każ, ikun iġġustifikat minn raġuni ġġustifikata.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Bord tal-Appell għall-ispejjeż.

19      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-tieni kap ta’ talbiet tagħha kellu jiġi mifhum bħala li huwa intiż għall-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

20      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, bi żball, li l-kundizzjonijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark previsti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

22      Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, it-tieni nett, tal-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv ta’ din it-trade mark u, it-tielet nett, l-assenza ta’ raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

23      Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, malli ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2017/1001), it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk din tkun identika jew ikollha xebh mat-trade mark preċedenti u jekk din tkun maħsuba li tiġi rreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jkollhomx xebh ma’ dawk li ġiet irreġistrata għalihom it-trade mark preċedenti, meta, fil-każ ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea preċedenti, din ikollha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea u, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, din ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat u li l-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jislet vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew ikun ta’ dannu għalihom.

24      Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tippreżumi għalhekk li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet. L-ewwel nett, it-trade mark preċedenti għandha tkun irreġistrata. It-tieni nett, din tal-aħħar u t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu identiċi jew simili. It-tielet nett, it-trade mark preċedenti għandu jkollha reputazzjoni fl-Unjoni, fil-każ ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali. Ir-raba’ nett, l-użu, mingħajr raġuni ġġustifikata, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jwassal għall-probabbiltà li jkun jista’ jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li jkun jista’ jsir dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Peress li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom tkun biżżejjed sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Kunċett ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

25      Sabiex tibbenefika mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark irreġistrata għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi koperti minnha (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2007, Aktieselskabet af 21. november 2001 vs UASI – TDK Kabushiki Kaisha (TDK), T‑477/04, EU:T:2007:35, punt 48; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408, punt 26).

26      Fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li t-trade mark għandha, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tirreklamahom (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2007, TDK, T‑477/04, EU:T:2007:35, punt 49; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408, punt 27).

27      Fil-livell territorjali, il-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni, fil-preżenza ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta meta din it-trade mark ikollha reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punt 27). F’ċerti każijiet, it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi parti sostanzjali ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punt 28).

28      Barra minn hekk, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv partikolari u r-reputazzjoni tagħha, jinvoka provi tal-użu tagħha taħt forma differenti, bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra u li għandha reputazzjoni, bil-kundizzjoni li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin mill-istess impriża. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandu jiġi vverifikat li l-elementi ta’ differenza bejn iż-żewġ trade marks ma jipprekludux lill-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li ġejjin minn impriża speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spa Monopole vs UASI – Orly International (SPARITUAL), T‑131/12, EU:T:2015:257, punti 33 u 35).

 Neċessità ta’ rabta jew approssimazzjoni bejn it-trade marks f’kunflitt

29      Għandu jitfakkar li d-danni previsti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta jseħħu, ikunu l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, grad li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-grad ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun tali li, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Ikun biżżejjed li l-grad ta’ xebh bejn it-trade mark li għandha reputazzjoni u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkollu bħala effett li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn dawn it-trade marks (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, VIPS, T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 41; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, EU:C:2003:582, punt 29, u tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 36).

30      L-eżistenza ta’ rabta trid tkun evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, l-ewwel nett, in-natura u l-grad ta’ prossimità jew ta’ differenza tal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, it-tieni nett, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt, it-tielet nett, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-raba’ nett, il-grad tal-karattru distintiv, intrinseku jew miksub mill-użu, tat-trade mark preċedenti jew anki, jekk ikun il-każ, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 41 u 42).

31      Hemm ukoll lok sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 26, u tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42). Huwa għalhekk li l-grad ta’ attenzjoni tal-imsemmi pubbliku huwa wkoll fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2012, Ella Valley Vineyards vs UASI – HFP (ELLA VALLEY VINEYARDS), T‑32/10, EU:T:2012:118, punti 27, 28, 45 u 55 sa 57; tad‑9 ta’ April 2014, EI du Pont de Nemours vs UASI – Zueco Ruiz (ZYTeL), T‑288/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:196, punti 74 u 75, u tad‑19 ta’ Mejju 2015, Swatch vs UASI – Panavision Europe (SWATCHBALL), T‑71/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:293, punt 33).

32      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-koeżistenza f’suq iddeterminat taż-żewġ trade marks tista’ eventwalment tikkontribwixxi, flimkien ma’ elementi oħra, sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ approssimazzjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, IG Communications vs UASI – Citigroup u Citibank (CITIGATE), T‑301/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:473, punt 128; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 82, u tal‑11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, EU:T:2005:169, punt 86).

33      Madankollu, tali eventwalità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk jintwera debitament li l-imsemmija koeżistenza tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ approssimazzjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, bejn l-imsemmija trade marks u bla ħsara għall-fatt li dawn tal-aħħar u t-trade marks f’kunflitt ikunu identiċi (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2012, CITIGATE, T‑301/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:473, punt 128; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2005, GRUPO SADA, T‑31/03, EU:T:2005:169, punt 86) jew, fi kwalunkwe każ, biżżejjed simili.

34      L-assenza ta’ riskju ta’ approssimazzjoni tista’, b’mod partikolari, tiġi dedotta min-natura “paċifika” tal-koeżistenza tat-trade marks fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 82). Il-koeżistenza bejn żewġ trade marks madankollu ma tistax tiġi kklassifikata bħala “paċifika” meta l-użu ta’ waħda minn dawn it-trade marks ġie kkontestat mill-proprjetarju tat-trade mark l-oħra quddiem il-qrati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 83, u tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, EU:T:2005:438, punt 74).

 Tipi ta’ danni għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

35      L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt f’moħħ il-pubbliku rilevanti tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda, fiha nnifisha, mhux suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li jeżisti xi dannu li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura l-protezzjoni kontra tiegħu favur trade marks li għandhom reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Dan id-dannu jinkludi fl-ewwel lok, dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark, fit-tieni lok, dannu lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u, fit-tielet lok, vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jiġi nnotat li, ħlief meta l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun iġġustifikat minn raġuni ġġustifikata, wieħed biss minn dawn it-tliet tipi ta’ danni jkun biżżejjed sabiex ikun japplika l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Minn dan jirriżulta li l-vantaġġ miksub minn terz mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jista’ jkun indebitu, anki jekk l-użu tas-sinjal identiku jew simili la jkun jippreġudika l-karattru distintiv u lanqas ir-reputazzjoni tat-trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punti 42 u 43).

 Regoli ta’ prova u rabta bejn l-eżistenza ta’ dannu u l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata

38      Sabiex jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu, fl-ewwel lok, jipproduċi prova tal-fatt li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew jippreġudika dan il-karattru distintiv jew anki din ir-reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 37).

39      F’dan ir-rigward, l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jitqies bħala indikazzjoni, illustrazzjoni tal-probabbiltà għolja ta’ riskju ta’ dannu għat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Għalhekk, meta t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun diġà fl-użu u jiġu prodotti elementi konkreti bl-għan li tingħata prova tal-eżistenza ta’ rabta f’moħħ il-pubbliku rilevanti u tal-ksur allegat, ovvjament dawn ikollhom piż kunsiderevoli fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ dannu għat-trade mark preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2002, Viaguara vs UASI – Pfizer (VIAGUARA), T‑332/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:26, punt 72; tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Coca-Cola vs UASI – Mitico (Master), T‑480/12, EU:T:2014:1062, punti 88 u 89, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:370, punt 84).

40      Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ dannu effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Fil-fatt, meta jkun jista’ jiġi previst li se jiġi kkawżat tali dannu mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma jistax jiġi obbligat jistenna t-twettiq effettiv sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti madankollu għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li, prima facie, teżisti probabbiltà serja li jseħħ tali dannu fil-futur (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T‑67/04, EU:T:2005:179, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 38).

41      Barra minn hekk, huwa possibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti li tibbenefika minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta’ riskju futur ta’ preġudizzju għat-trade mark preċedenti jew ta’ vantaġġ indebitu miksub minn din it-trade mark tant tkun evidenti li l-opponent ma jkollux għalfejn jinvoka u jipproduċi prova ta’ xi fatt ieħor għal dan l-għan (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, VIPS, T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 48).

42      Fl-ipoteżi fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkollu juri l-eżistenza ta’ dannu effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ riskju serju li jiġi kkawżat tali dannu fil-futur, huwa għalhekk, fit-tieni lok, il-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li għandu jistabbilixxi li l-użu ta’ din it-trade mark għandu raġuni ġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 39).

 Kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

43      Hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, denominat ukoll bit-termini “parassitiżmu” u “free-riding”, jintrabat mal-vantaġġ miksub mill-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni identika jew simili. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każ fejn, minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew tal-karatteristiċi tagħha lejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar it-trade mark li għandha reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 41).

44      Għalhekk, meta terz jipprova, permezz tal-użu ta’ trade mark simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 49).

45      Konsegwentement, ir-riskju li jseħħ tali dannu jista’, b’mod partikolari, jiġi ammess meta tiġi prodotta l-prova ta’ assoċjazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mal-kwalitajiet pożittivi tat-trade mark preċedenti identika jew simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2012, You-Q vs UASI – Apple Corps (BEATLE), T‑369/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:177, punti 71 u 72; tas‑27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI – Pucci International (Emidio Tucci), T‑373/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:500, punti 66 u 68, u tat‑2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling), T‑624/13, EU:T:2015:743, punti 140 sa 143 u 146).

46      Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ inkwistjoni, l-użu, mingħajr raġuni ġġustifikata, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiksibx vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 68 u 79, u tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 44).

47      Fost dawn il-fatturi hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt kif ukoll in-natura u l-grad ta’ prossimità tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 44).

48      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, iktar ma jkunu kunsiderevoli l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dannu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408, punt 30; tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 69, u tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 44).

49      Bl-istess mod, iktar ma jkun kunsiderevoli x-xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks f’kunflitt, iktar tiżdied il-probabbiltà li t-trade mark preċedenti tikseb vantaġġ minn rabta stabbilita bejn iż-żewġ trade marks f’moħħ il-pubbliku rilevanti (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:370, punt 65).

50      Barra minn hekk, għandu jingħad li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju ta’ taħlit jew ta’ titbigħ tat-trade mark, u għalhekk li jseħħ wieħed miż-żewġ tipi l-oħra ta’ danni msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq. tista’, jekk ikun il-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 45).

51      Fl-aħħar nett, l-eżistenza tad-dannu kkostitwit mill-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-konsumatur medju tal-prodotti jew is-servizzi indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 36).

 Kunċett ta’ raġuni ġġustifikata

52      Għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata li tippermetti l-użu ta’ trade mark li tippreġudika trade mark li għandha reputazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, The Body Shop International vs UASI – Spa Monopole (SPA WISDOM), T‑201/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:148, punt 65).

53      Madankollu, hemm lok li jitfakkar li r-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż, b’mod ġenerali, sabiex jibbilanċja, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark li jħares il-funzjonijiet proprji ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jiddisponu minn sinjali li jistgħu jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punt 29, u tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 41).

54      Fis-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks stabbilita mir-Regolament Nru 207/2009, l-interessi ta’ terz li juża, fil-kummerċ, sinjal identiku jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni u li jirreġistraha bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, permezz tal-possibbiltà għall-utent tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jinvoka “raġuni ġġustifikata” (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 43).

55      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “raġuni ġġustifikata” jista’ jiġi interpretat biss bħala li huwa limitat għal raġunijiet oġġettivament imperattivi, iżda jista’ wkoll ikun marbut mal-interessi suġġettivi ta’ terz li diġà jagħmel użu minn sinjal identiku jew simili għat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni u li jixtieq jirreġistraha bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 45 u 48).

56      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ trade mark seta’ jkollu, minħabba “raġuni ġġustifikata”, jittollera l-użu minn terz ta’ sinjal simili għal din it-trade mark, inkluż għal prodott jew servizz identiku għal dak li għalih din it-trade mark kienet irreġistrata, meta, minn naħa, irriżulta li dan is-sinjal kien intuża qabel il-preżentazzjoni tal-imsemmija trade mark u, min-naħa l-oħra, li l-użu li għalhekk sar mill-imsemmi sinjal kien sar in bona fide (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 60).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk it-terz inkwistjoni kienx uża in bona fide s-sinjal simili għat-trade mark li għandha reputazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-istabbiliment u r-reputazzjoni tal-imsemmi sinjal fost il-pubbliku rilevanti, it-tieni nett, il-grad ta’ prossimità bejn il-prodotti u s-servizzi li għalihom kien oriġinarjament użat l-imsemmi sinjali u l-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark li għandha reputazzjoni, it-tielet nett, il-kronoloġija tal-ewwel użu tal-imsemmi sinjal għal prodott identiku għal dak tal-imsemmija trade mark u l-kisba mill-istess trade mark tar-reputazzjoni tagħha u, ir-raba’ nett, ir-rilevanza ekonomika u kummerċjali tal-użu tas-sinjal simili għal din it-trade mark (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 54 sa 60).

58      Għaldaqstant, l-użu preċedenti minn terz ta’ sinjal jew ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala “raġuni ġġustifikata” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux talli jippermetti lil dan it-terz ikompli juża dan is-sinjal, talli jippermettilu wkoll jirreġistrah bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, minkejja li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Future Enterprises vs EUIPO – McDonald’s International Property (MACCOFFEE), T‑518/13, EU:T:2016:389, punt 113).

59      Madankollu, biex dan ikun il-każ, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jissodisfa diversi kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kkonfermata r-realtà ta’ dan l-użu kif ukoll il-bona fide tal-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

60      B’mod partikolari, l-ewwel nett, is-sinjal li jikkorrispondi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jkun is-suġġett ta’ użu reali u effettiv.

61      It-tieni nett, l-użu ta’ dan is-sinjal għandu, fil-prinċipju, ikun beda f’data qabel il-preżentazzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni jew, mill-inqas, il-kisba minn din it-trade mark tar-reputazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 56 sa 59, u tal‑5 ta’ Lulju 2016, MACCOFFEE, T‑518/13, EU:T:2016:389, punt 114).

62      It-tielet nett, is-sinjal li jikkorrispondi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jkun intuża fit-territorju kollu li għalih ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Minn dan isegwi li, meta t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni tkun trade mark tal-Unjoni Ewropea, is-sinjal li jikkorrispondi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jkun intuża fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2008, CITI, T‑181/05, EU:T:2008:112, punt 85, u tal‑5 ta’ Lulju 2016, MACCOFFEE, T‑518/13, EU:T:2016:389, punt 115).

63      Ir-raba’ nett, dan l-użu, fil-prinċipju, ma għandux ikun is-suġġett ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Fi kliem ieħor, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni għandhom ikunu eżistew flimkien b’mod paċifiku fit-territorju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2008, CITI, T‑181/05, EU:T:2008:112, punt 85, u tal‑5 ta’ Lulju 2016, MACCOFFEE, T‑518/13, EU:T:2016:389, punt 114).

64      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati t-tliet partijiet tal-motiv uniku tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

65      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu biżżejjed biex jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni fl-Unjoni.

66      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li, bħalma ġie nnotat fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, trade mark tal-Unjoni Ewropea, bħat-trade mark preċedenti, tista’ tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk din ikollha reputazzjoni fl-Unjoni.

67      F’dan il-każ, l-intervenjenti pproduċiet, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, dokumenti differenti maħsuba biex jagħtu prova tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti tagħha kif ukoll ir-reputazzjoni tagħhom meta dawn jitqiegħdu fuq ilbies jew xedd is-saqajn sportivi. Fost dawn id-dokumenti kien hemm, b’mod partikolari, memorandum dwar il-prova tal-użu ta’ diversi trade marks Ġermaniżi kif ukoll ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, dikjarazzjoni bil-ġurament relatata mad-dħul mill-bejgħ tat-“trade mark adidas”, investigazzjonijiet li jirrigwardaw il-partijiet tas-suq tal-impriża kif ukoll ir-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks, deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali, katalogi, siltiet tal-istampa u avviżi pubbliċitarji.

68      Kemm id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fid-Deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Mejju 2012 (paġni 3 u 4), kif ukoll il-Bord tal-Appell, qabel kollox fid-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013 (punt 66), sussegwentement, mill-ġdid, fid-deċiżjoni kkontestata (punti 33 sa 42 u 59), qiesu li dawn il-provi, meqjusa b’mod globali, kienu juru li t-trade mark figurattiva magħmula minn tliet strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun kellhom reputazzjoni fl-Unjoni.

69      Fost l-elementi invokati mill-intervenjenti u msemmija mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tqis li xi wħud minnhom huma partikolarment rilevanti, sa fejn, b’mod partikolari, dawn jikkonċernaw ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-intervenjenti mqiegħda fuq żarbun.

70      L-ewwel nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell fakkru li t-trade mark figurattiva magħmula minn tliet strixxi paralleli kienet ilha titqiegħed fuq żraben mill-intervenjenti sa mill‑1949 u li din illum kienet tinsab fuq 70 % taż-żraben ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. Dawn id-dipartimenti semmew ukoll ir-riżultati ta’ studju mwettaq fl‑2004 li minnu kien jirriżulta li, fis-suq Ġermaniż, il-partijiet tas-suq tal-intervenjenti għaż-żraben sportivi kienu jinkludu, matul is-snin 2000 sa 2004, bejn 23.1 u 25.7 %. Barra minn hekk, l-intervenjenti pproduċiet quddiem l-EUIPO dikjarazzjoni bil-ġurament li tagħti fid-dettall, għas-snin 2005 sa 2009, l-ammont tal-bejgħ tagħha ta’ żraben kif ukoll dak tal-ispejjeż tagħha f’reklamar fi tlettax‑il Stat Membru, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Isvezja kif ukoll, meqjusa globalment, it-tliet Stati tal-Benelux. Minn din id-dikjarazzjoni bil-ġurament, li ma hijiex nieqsa minn valur probatorju, jirriżulta li l-intervenjenti wettqet dħul mill-bejgħ kunsiderevoli fl-Istati Membri msemmija iktar ’il fuq u għamlet spejjeż sinjifikattivi f’reklamar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn l-elementi differenti, meqjusa globalment, huma ta’ natura li tistabbilixxi t-tixrid kbir ħafna, fuq perijodu twil, ta’ żraben tal-intervenjenti bit-trade mark figurattiva magħmula minn tliet strixxi paralleli.

71      It-tieni nett, id-dipartimenti msemmija iktar ’il fuq indikaw fid-deċiżjonijiet tagħhom li diversi investigazzjonijiet dwar l-opinjoni kienu żvelaw konoxxenza kbira, mill-pubbliku rilevanti, tat-trade mark magħmula minn tliet strixxi paralleli, b’mod partikolari meta din kienet imqiegħda fuq żarbun. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-intervenjenti pproduċiet quddiem l-EUIPO diversi investigazzjonijiet intiżi biex jiġi ddeterminat, fost kampjun ta’ persuni mistoqsija, il-proporzjon ta’ persuni li, affaċċjati minn żarbun li fuqu tqiegħdet trade mark simili għat-trade mark preċedenti u magħmula minn tliet strixxi paralleli, iqisu li dan huwa prodott tal-intervenjenti jew, mill-inqas, jassoċjaw dan iż-żarbun ma’ din tal-aħħar. Għalhekk, pereżempju, minn investigazzjoni mwettqa fl‑2008 fi Spanja, jirriżulta li, f’dan l-Istat Membru, 61.3% tal-persuni mistoqsija jirrikonoxxu l-imsemmi żarbun bħala li huwa prodott tal-intervenjenti jew jassoċjawh ma’ din tal-aħħar, b’dan il-proporzjon jilħaq saħansitra 83.3% fost il-persuni ta’ bejn il-15 u l-34 sena, li jikkostitwixxu l-qalba tal-pubbliku mmirat mill-intervenjenti. Bl-istess mod, skont investigazzjoni mwettqa fl-Italja fl‑2005, 42 % tal-persuni mistoqsija – u sa 55 % ta’ dawk li jappartjenu għall-pubbliku mmirat miż-żraben sportivi – jassoċjaw b’mod spontanju tali żarbun mal-intervenjenti. Ir-rata ta’ assoċjazzjoni spontanja mal-intervenjenti tilħaq saħansitra 71 % fl-Isvezja skont investigazzjoni mwettqa f’dan l-Istat Membru fl‑2003. Fl-aħħar nett, studji oħrajn, imwettqa b’mod partikolari fil-Ġermanja fl‑1983, f’Liverpool (ir-Renju Unit) fl‑1995 u fil-Finlandja fl‑2005, jidhru li juru li, anki f’dawn l-Istati Membri tal-aħħar, il-pubbliku ġenerali jirrikonoxxi t-trade mark tal-intervenjenti li tikkonsisti fi tliet strixxi paralleli meta din titqiegħed fuq żarbun.

72      It-tielet nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell semmew il-fatt li diversi deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali kienu semmew ir-reputazzjoni tat-trade mark tal-intervenjenti li tikkonsisti fi tliet strixxi paralleli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-intervenjenti pproduċiet b’mod effettiv quddiem l-EUIPO diversi deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali li ddeċidew li din it-trade mark, meta kienet imqiegħda fuq żraben, kellha reputazzjoni jew popolarità sinjifikattiva. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 1987 tal-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1998 tal-Audiencia Provincial de Valencia (il-Qorti Provinċjali ta’ Valencia, Spanja), ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2002 tal-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid, Spanja), ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2003 tal-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), ta’ diversi sentenzi mogħtija fl‑2004 mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) kif ukoll mill-Polymeles Protodikeio Thessaloniki (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja), ta’ sentenza tal‑31 ta’ Awwissu 2005 tal-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2005 tal-Landesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz, l-Awstrija), ta’ sentenza tal‑31 ta’ Lulju 2009 tal-Juzgado de lo Mercantil de Zaragoza (il-Qorti Kummerċjali ta’ Zaragoza, Spanja) u ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010 tat-Tribunale civile di Roma (il-Qorti Ċivili ta’ Ruma, l-Italja). Barra minn hekk, mill-elementi prodotti mill-intervenjenti jirriżulta li, fi Spanja u fir-Renju Unit, awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti fil-qasam tad-dritt tat-trade marks waslu wkoll għall-istess konklużjoni.

73      Ir-raba’ nett, id-dipartimenti msemmija iktar ’il fuq tal-EUIPO ħadu inkunsiderazzjoni wkoll l-attività sinjifikattiva ta’ sponsorizzazzjoni tal-intervenjenti. B’mod partikolari, din kienet preżenti f’manifestazzjonijiet sportivi prestiġjużi, bħat-Tazza tad-Dinja tal-futbol tal‑1998 fi Franza, il-Kampjonat Ewropew tan-Nazzjonijiet tal‑2000 fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi jew it-Tazza tad-Dinja tal-futbol tal‑2002 fir-Repubblika tal-Korea u fil-Ġappun, u hija l-fornitur uffiċjali tal-kittijiet ta’ diversi timijiet tal-futbol, bħall-FC Bayern jew ir-Real Madrid. Għalhekk, permezz ta’ din l-attività ta’ sponsorizzazzjoni, diversi plejers tal-futbol u tat-tenis magħrufa sew jilbsu, b’mod partikolari, żraben li fuqhom tkun tqiegħdet it-trade mark magħmula minn tliet strixxi paralleli.

74      Ir-rikorrenti madankollu tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell u, qabel dan, mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, billi fformulat tliet sensiliet ta’ oġġezzjonijiet.

75      Fl-ewwel lok, hija tilmenta li d-dokumenti prodotti mill-intervenjenti fil-parti l-kbira tagħhom ma humiex relatati mat-trade mark preċedenti, iżda ma’ trade marks oħra tal-intervenjenti, użati prinċipalment fil-Ġermanja u, għal xi wħud, imqiegħda fuq ilbies. Madankollu, il-prova tal-użu, fil-Ġermanja, ta’ dawn it-trade marks differenti ma tippermettix li tiġi stabbilita r-reputazzjoni, fl-Unjoni kollha, tat-trade mark preċedenti.

76      Fir-rigward, qabel kollox, tal-fatt li ċerti provi huma relatati ma’ trade marks tal-intervenjenti li ma humiex it-trade mark preċedenti nnifisha, hemm lok li jitfakkar, li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tagħha, jinvoka elementi li jagħtu prova tar-reputazzjoni tagħha taħt forma differenti u b’mod partikolari taħt il-forma ta’ trade mark irreġistrata oħra, bil-kundizzjoni li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin mill-istess impriża.

77      Madankollu, f’dan il-każ, mill-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell, ġustament, qies li, għalkemm il-provi prodotti mill-intervenjenti kienu jikkonċernaw it-trade marks preċedenti kollha, dawk relatati mat-trade mark preċedenti nnifisha kif ukoll mat-trade mark Ġermaniża Nru 39950559 kienu partikolarment rilevanti.

78      Fil-fatt, fid-dawl tal-prossimità viżiva kbira ħafna li teżisti bejn dawn iż-żewġ trade marks, it-tnejn li huma magħmula minn tliet strixxi paralleli mqiegħda, fl-istess pożizzjoni, fuq żraben, ma hemm l-ebda dubju li, affaċċjat b’waħda mill-imsemmija trade marks, il-pubbliku rilevanti se jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin mill-istess impriża. Għaldaqstant, il-provi relatati mat-trade mark Ġermaniża Nru 39950559 huma rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. L-istess japplika, għalhekk, għall-provi relatati ma’ trade marks oħra li jikkonsistu fi tliet strixxi paralleli mqiegħda, fl-istess pożizzjoni, fuq żraben, bħal, pereżempju, it-trade marks Ġermaniżi Nri 944623 u 944624.

79      Fir-rigward, sussegwentement, tal-fatt li ċerti provi jikkonċernaw trade marks imqiegħda fuq ilbies, ċertament, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala mhux rilevanti f’dan il-każ. Madankollu, hemm lok li jiġi nnotat li mill-punt 77 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma bbażax prinċipalment fuq tali elementi u li, għall-kuntrarju, l-elementi l-iktar rilevanti prodotti mill-intervenjenti, elenkati fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq, jikkonċernaw trade marks imqiegħda fuq żraben u mhux fuq ilbies.

80      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-fatt li ċerti trade marks tal-intervenjenti jintużaw prinċipalment fil-Ġermanja, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq sabiex tibbenefika mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark irreġistrata, li hija trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi koperti minnha, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, li tista, f’ċerti każijiet, tkun ikkostitwita mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

81      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-territorju tal-Ġermanja jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni.

82      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi nnotat li ċerti provi prodotti, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq, huma ta’ natura li tistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti f’diversi Stati Membri oħrajn, fosthom Spanja, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja. Madankollu, evidentement, dawn l-Istati Membri, meqjusa globalment, jikkostitwixxu parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, a fortiori jekk tiżdied il-Ġermanja, Stat Membru li minnu l-intervenjenti żviluppat l-attività tagħha.

83      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti relatati mal-attività tal-intervenjenti u mal-popolarità ta’ isimha ma humiex rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-użu u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kif ukoll dawk tat-trade mark Ġermaniża Nru 39950559.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali elenkat, fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq, l-elementi l-iktar rilevanti prodotti mill-intervenjenti u meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ma jirrigwardawx l-attività inġenerali tal-intervenjenti u l-popolarità tal-isem adidas u li xi wħud minnhom, fil-parti l-kbira, huma relatati mal-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ żraben sportivi u mat-tixrid ta’ tali prodotti bi trade mark figurattiva magħmula minn tliet strixxi paralleli. Sa fejn l-elementi msemmija iktar ’il fuq, meqjusa globalment, huma fihom infushom biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti l-użu u r-reputazzjoni ta’ ċerti trade marks preċedenti tal-intervenjenti mqiegħda fuq żraben, u b’mod partikolari tat-trade mark preċedenti nnifisha u tat-trade mark Ġermaniża Nru 39950559, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-fatt li, fost id-dokumenti kollha prodotti mill-intervenjenti, xi wħud għandhom natura iktar ġenerali u huma relatati mal-attività ta’ din tal-aħħar u mal-popolarità ta’ isimha.

85      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li jsemmu speċifikament it-trade mark preċedenti huma ftit u jikkonsistu f’investigazzjonijiet li jirrigwardaw numri żgħar ta’ parteċipanti f’żoni ġeografiċi limitati, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma humiex ibbażati fuq provi ta’ reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

86      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat, minn naħa, li l-investigazzjonijiet imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq twettqu f’diversi Stati Membri u b’kampjuni sinjifikattivi, jiġifieri 319‑il persuna għall-investigazzjoni mwettqa fil-Finlandja, 330 persuna għal dik imwettqa fi Spanja – u mhux biss fil-belt ta’ Zaragoza –, 500 persuna għall-investigazzjoni mwettqa fl-Italja, 675 persuna għal dik imwettqa fil-Ġermanja u 18 000 persuna għal dik imwettqa fl-Isvezja. Il-kampjun, ta’ 82 persuna, li jikkorrispondi għall-investigazzjoni mwettqa f’Liverpool biss jidher, waħdu, insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita, b’mod ċert, ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fir-Renju Unit kollha, minkejja li jidher li jikkonferma ċerta reputazzjoni ta’ din it-trade mark f’waħda mill-bliet prinċipali ta’ dan l-Istat Membru.

87      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax b’mod utli l-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li jsemmu r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti billi llimitat ruħha li tafferma li dawn ma humiex ibbażati fuq provi ta’ reputazzjoni.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-oġġezzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda u l-elementi msemmija fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq jidhru biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti, u dan f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni.

89      Konsegwentement, hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sussegwentement mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

90      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ dannu kkawżat lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

91      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, għall-kuntrarju ta’ dak li qies il-Bord tal-Appell, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jiksibx vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u lanqas ma jippreġudikahom.

92      Din il-parti tinqasam f’erba’ lmenti, sa fejn ir-rikorrenti tafferma li r-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ evalwazzjoni li jikkonsistu, l-ewwel nett, f’applikazzjoni ħażina tat-“test tal-konsumatur medju”, it-tieni nett, f’nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt, it-tielet nett, fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru distintiv intrinseku dgħajjef ħafna tat-trade mark preċedenti u, ir-raba’ nett, fl-assenza ta’ evalwazzjoni awtonoma u, fi kwalunkwe każ, f’evalwazzjoni żbaljata tar-riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-applikazzjoni ħażina tat-“test tal-konsumatur medju”

93      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell applika ħażin it-“test tal-konsumatur medju” u li huwa vvizzja, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tiegħu b’diversi żbalji ta’ analiżi, li, fil-parti l-kbira, kienu diġà twettqu mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament.

94      Hija tikkritika, qabel kollox, lill-Bord tal-Appell li qies, bi żball, li l-ilbies u ż-żraben sportivi kienu oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, filwaqt li fir-realtà dawn huma oġġetti speċjalizzati. Hija tafferma, sussegwentement, li l-Bord tal-Appell injora l-fatt li ċerti partijiet tal-ilbies u ż-żraben sportivi kellhom funzjoni pubbliċitarja jew viżiva u li, b’mod partikolari, kien frekwenti ħafna li t-trade marks jew is-sinjali figurattivi bħal strixxi jitqiegħdu fuq dawn il-prodotti. Hija tispjega li l-konsumatur medju taż-żraben sportivi huwa mdorri jafda f’dawn is-sinjali meta jagħżel oġġetti li jixtri u li, għal din ir-raġuni, ġeneralment huwa jkun kapaċi jagħmel distinzjoni bejn trade marks differenti ta’ żraben sportivi, anki jekk simili. Hija ssostni, fl-aħħar nett, li l-Bord tal-Appell injora l-fatt li l-konsumatur medju kien jagħti attenzjoni partikolarment insistenti għall-parti tal-ġenb taż-żraben sportivi u t-trade marks figurattivi mqiegħda fuqhom. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-konsumatur medju taż-żraben sportivi ma kienx juri livell għoli ta’ attenzjoni, iżda biss livell baxx ta’ attenzjoni.

95      Fid-dawl ta’ dan l-argument, jidher li l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu l-għan, essenzjalment, li jqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u li jitlob it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ grad għoli ta’ attenzjoni.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Bord tal-Appell ma ddefinixxiex b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata l-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

97      Madankollu, minn naħa, il-Bord tal-Appell semma, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li huwa kien qies, fil-punt 51 tad-deċiżjoni preċedenti tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2013, li l-grad ta’ attenzjoni mogħtija mill-konsumatur medju għall-prodotti inkwistjoni ma kienx ogħla mill-medja. Min-naħa l-oħra, huwa jfakkar, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali kienet qieset ukoll, fil-punt 40 tas-sentenza ta’ annullament, li l-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti kien juri livell medju ta’ attenzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell għandu jitqies bħala li żamm, fid-deċiżjoni kkontestata, grad medju ta’ attenzjoni, konformement mas-sentenza ta’ annullament.

98      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex ammissibbli u, jekk ikun il-każ, fondat li r-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula f’dan il-każ mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

99      Fil-fatt, l-EUIPO u l-intervenjenti jaffermaw li l-kwistjoni tal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kienet deċiża definittivament mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis-sentenza ta’ annullament u d-digriet dwar l-appell. L-EUIPO jippreċiża li dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità ta’ res judicata.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, sabiex iddeċiediet li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt u sabiex annullat id-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, il-Qorti Ġenerali bbażat b’mod partikolari, fil-punti 33 u 40 tas-sentenza ta’ annullament, fuq iċ-ċirkustanza doppja, minn naħa, li ż-“żraben sportivi” kienu oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku rilevanti, ikkostitwit mill-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u għaqli, kien juri grad medju ta’ attenzjoni mal-akkwist tal-imsemmija “żraben sportivi”. Ir-rikorrenti ppruvat tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet ta’ fatt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda din tal-aħħar ċaħdet l-argument tagħha bħala li kien, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat (digriet dwar l-appell, punti 11 sa 18). Minn dan isegwi li s-sentenza ta’ annullament tad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013 saret finali.

101    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sentenza ta’ annullament, ladarba ssir finali, tingħata l-awtorità assoluta ta’ res judicata (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-awtorità tintrabat kemm mad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa ta’ dan id-dispożittiv u li, għalhekk, huma inseparabbli minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001), l-EUIPO huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tikkonforma mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 41).

103    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivi tas-sentenza ta’ annullament, imfakkra fil-punt 100 iktar ’il fuq, relatati mal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, dawn il-motivi għandhom huma stess l-awtorità assoluta ta’ res judicata u l-Bord tal-Appell kien marbut li jikkonforma magħhom.

104    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, billi qies, bħalma ġie nnotat fil-punt 97 iktar ’il fuq, grad medju ta’ attenzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonforma b’mod effettiv u sħiħ mal-motivi msemmija iktar ’il fuq tas-sentenza ta’ annullament.

105    Minn dan isegwi li ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kklassifikax il-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti bħala baxx. Fil-fatt, mill-punti 97 sa 104 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell, fir-realtà, żamm grad medju ta’ attenzjoni.

107    Iktar minn hekk, l-ebda element tal-proċess ma huwa ta’ natura li tqajjem dubju dwar din l-evalwazzjoni u li tiġġustifika li l-grad ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala għoli. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li, fid-Deċiżjoni preċedenti tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2013, il-Bord tal-Appell kien diġà qies, ġustament, li dan il-konsumatur ma kienx juri grad ta’ attenzjoni ogħla mill-medja, għar-raġunijiet li l-prodotti inkwistjoni, li jaqgħu fil-klassi 25 (xedd is-saqajn u ilbies) kienu prodotti ta’ konsum kbir, mixtrija u użati b’mod frekwenti mill-konsumatur tal-Unjoni, li dawn la kienu jiswew ħafna flus u lanqas kienu rari, li l-akkwist tagħhom u l-użu tagħhom ma kienx jeħtieġ konoxxenzi speċifiċi u li ma kellhomx impatt serju fuq is-saħħa, il-baġit jew il-ħajja tal-konsumatur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà qieset f’diversi drabi li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25, u b’mod partikolari “xedd is-saqajn”, iż-“żraben sportivi” jew anki ż-“żraben”, kienu oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum li għalihom l-pubbliku rilevanti kien juri grad medju ta’ attenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Zoo Sport vs UASI – K-2 (zoo sport), T‑455/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:531, punti 28, 30, 36, 39 u 42, u tal‑25 ta’ Frar 2016, Puma vs UASI – Sinda Poland (Rappreżentazzjoni ta’ annimal), T‑692/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:99, punt 25). Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha l-konsumatur medju tal-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri “xedd is-saqajn” li jaqgħu fil-klassi 25, juri grad medju ta’ attenzjoni tista’ biss, fi kwalunkwe każ, tiġi approvata.

108    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat, b’tali mod li għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt

109    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma evalwax korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt. Fil-fatt, huwa jillimita ruħu li jadotta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament, li skontha t-trade marks f’kunflitt huma, sa ċertu punt, simili, minflok ma wettaq l-analiżi proprja tiegħu tax-xebh u tad-differenzi bejn l-imsemmija trade marks. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, kellu jieħu inkunsiderazzjoni ċerti differenzi, relatati mat-tul u mal-kulur tal-istrixxi, li ma ssemmewx fid-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013 u, għal din ir-raġuni, ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015. Hija żżid li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, min-naħa tagħha, ipproċediet għal tqabbil fil-fond tat-trade marks f’kunflitt, fejn ibbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija “trade mark ta’ pożizzjoni”, filwaqt li t-trade mark preċedenti hija trade mark figurattiva.

110    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell effettivament qies, fil-punti 58, 60 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks f’kunflitt kienu, sa ċertu punt, simili mil-lat viżiv.

111    Madankollu, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-punti 18, 20 u 57 tagħha, jirriżulta wkoll li, sabiex wasal għal din il-konklużjoni, il-Bord tal-Appell ibbaża fuq il-fatt li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet analizzat ix-xebh u d-differenzi bejn it-trade marks f’kunflitt (sentenza ta’ annullament, punti 34, 35, 39 u 40) u kienet ikkonkludiet li dawn it-trade marks kienu, sa ċertu punt, simili mil-lat viżiv (sentenza ta’ annullament, punt 43),

112    Madankollu, l-EUIPO afferma, ġustament, li l-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks f’kunflitt ġiet deċiża b’mod finali mill-motivi tas-sentenza ta’ annullament li għandhom l-awtorità ta’ res judicata.

113    Fil-fatt, il-motivi ta’ din is-sentenza li jikkonkludu dwar l-eżistenza ta’ ċertu xebh tat-trade marks f’kunflitt jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza li tannulla d-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-annullament deċiż mill-imsemmija sentenza huwa bbażat fuq il-motiv li l-evalwazzjoni żbaljata magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh tat-trade marks f’kunflitt kienet influwenzat, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tar-riskju li l-pubbliku jistabbilixxi rabta bejn dawn it-trade marks u li jseħħ wieħed mid-danni intiżi mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza ta’ annullament, punti 51 sa 54).

114    Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell, waqt l-eżami tal-fondatezza tal-oppożizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ma setax jiċħad l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament fir-rigward tat-trade marks f’kunflitt.

115    Għaldaqstant, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti tikkontesta l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jirriproduċu l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ix-xebh tat-trade marks f’kunflitt. Konsegwentement, hija ma tistax tikkritika b’mod utli lill-Bord tal-Appell li llimita ruħu li jadotta l-imsemmija konklużjoni minflok ma wettaq l-analiżi proprja tiegħu tal-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt.

116    Din il-konklużjoni bħall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali sussegwentement mill-Bord tal-Appell ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiegħdu f’dubju mill-argumenti l-oħrajn tar-rikorrenti msemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq.

117    Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa minnu li, bħalma tinnota r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 44 tas-sentenza ta’ annullament, li ċerti elementi invokati quddiemha mill-EUIPO u mir-rikorrenti, li huma intiżi biex juru li t-trade marks f’kunflitt kienu differenti minħabba l-kulur u t-tul differenti tal-istrixxi paralleli mqiegħda fuq il-prodotti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, “[ma kinux] rilevanti sa fejn dawn [ma kinux] imsemmija mill-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni [tat‑28 ta’ Novembru 2013]”. Il-Qorti Ġenerali żiedet ukoll, fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, li “[d]awn l-elementi ġodda ma jistgħux jikkompletaw il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni [tat‑28 ta’ Novembru 2013] u ma jinfluwenzawx l-evalwazzjoni tal-validità tagħha”.

118    Madankollu, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, dejjem fil-punt 44 tas-sentenza ta’ annullament, li fir-rigward tal-argument relatat mad-differenza fit-tul tal-istrixxi li tirriżulta mid-differenza fl-inklinazzjoni, din id-differenza żgħira bejn it-trade marks f’kunflitt ma tistax tiġi pperċepita mill-konsumatur medju, sa fejn dan juri grad medju ta’ attenzjoni, u li din ma tinfluwenzax il-perċezzjoni tal-prodott kollu mit-trade marks f’kunflitt li tirriżulta mill-preżenza ta’ strixxi kbar dijagonali fuq il-parti tal-ġenb taż-żarbun. Għalhekk, jidher li, għall-kuntarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istrixxi li jikkostitwixxu t-trade marks f’kunflitt setgħu jippreżentaw differenza fit-tul.

119    Minn naħa, għalkemm huwa veru li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu l-kulur tal-istrixxi, hemm lok li jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li hija r-rikorrenti, jekk hija kienet taħseb li dan kien fondat, li kellha tikkontesta, fl-appell li hija ppreżentat mis-sentenza ta’ annullament, din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 59 tad-digriet dwar l-appell, li, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet dwar l-argument mislut mid-differenza fit-tul bejn l-istrixxi, il-Qorti Ġenerali għamlet b’mod xieraq, fis-sentenza ta’ annullament, evalwazzjoni globali tax-xebh u tad-differenzi bejn it-trade marks f’kunflitt. Fl-aħħar nett, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti u l-intervenjenti talbu r-reġistrazzjoni, rispettivament, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u tat-trade mark preċedenti b’indikazzjoni tal-kulur, konformement mar-Regola 3(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 3(3)(b) u (f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1431 tat‑18 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 (ĠU 2017, L 205, p. 39)). Barra minn hekk, għalkemm l-istrixxi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma ta’ kulur griż filwaqt li dawk tat-trade mark preċedenti huma ta’ kulur iswed, it-trade marks f’kunflitt it-tnejn li huma jinkludu strixxi ta’ kulur skur, b’tali mod li d-differenza żgħira fil-kulur bejn dawn it-trade marks ma tidhirx li tista’ tikkontradixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali sussegwentement mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt.

120    Fit-tieni lok, il-fatt li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, min-naħa tagħha, ipproċediet għal tqabbil fil-fond tat-trade marks f’kunflitt, fih innifsu, ma għandux effett fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali sussegwentement mill-Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh tat-trade marks. Barra minn hekk għandu jiġi nnotat li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma qisitx biss, fil-paġna 5 tad-Deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Mejju 2012, li d-differenzi viżivi bejn it-trade marks f’kunflitt kienu jikkontrobilanċjaw ix-xebh bejniethom, iżda indikat ukoll, fil-paġni 2, 5, 7 u 8 ta’ din id-deċiżjoni, li t-trade marks f’kunflitt kienu jippreżentaw xebh u kienu, konsegwentement, sa ċertu punt simili.

121    Iktar minn hekk, fir-rigward tal-argument mislut mill-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija “trade mark ta’ pożizzjoni”, filwaqt li t-trade mark preċedenti hija trade mark figurattiva, hemm lok li jiġi nnotat li, bħalma afferma l-EUIPO waqt is-seduta, it-trade mark preċedenti, irriprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq, setgħet ukoll tiġi kklassifikata bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”. Fil-fatt, bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, it-trade mark preċedenti hija magħmula biss minn tliet strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun, fejn id-dawra hija rrappreżentata minn linja ttikkjata, u dan jikkostitwixxi indizju li din ma tagħmilx parti mit-trade mark.

122    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax, u l-Qorti Ġenerali ma tipperċepixxix, kif id-differenza allegata bejn it-trade marks f’kunflitt tkun ta’ natura li tnaqqas il-grad ta’ xebh bejn dawn it-trade marks.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, għall-kuntrarju tar-Regolament 2017/1431, ir-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95 ma jsemmux it-“trade marks ta’ pożizzjoni” bħala kategorija partikolari ta’ trade marks. Barra minn hekk, it-“trade marks ta’ pożizzjoni” huma simili għal kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l-applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, X Technology Swiss vs UASI (Kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta), T‑547/08, EU:T:2010:235, punmhut 20; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2014, Sartorius Lab Instruments vs UASI (Ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen), T‑331/12, EU:T:2014:87, punt 14).

124    Iktar minn hekk, ir-rikorrenti tindika hija nnifisha, billi tibbaża fuq id-direttivi tal-EUIPO, li d-differenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks tintrabat mal-fatt li trade mark figurattiva tagħti protezzjoni globali lit-trade mark kollha, filwaqt li trade mark ta’ pożizzjoni tagħti protezzjoni fir-rigward tal-mod kif tiġi ppreżentata t-trade mark.

125    Għalhekk, jekk tiġi preżunta bħala stabbilita, id-differenza allegata bejn it-trade marks f’kunflitt, li jikkonsistu t-tnejn li huma fi strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun, tista’ taffettwa biss, f’dan il-każ, il-portata tal-elementi protetti minn dawn it-trade marks u, għaldaqstant, ma tidhirx li jista’ jkollha effett fuq il-grad ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks, u lanqas fuq il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jista’ jkollu tal-imsemmija trade marks.

126    Għalhekk hemm lok li jiġi nnotat li mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma jirriżultax li din tal-aħħar siltet xi konsegwenza mid-differenza fil-klassifikazzjoni bejn it-trade marks f’kunflitt fl-evalwazzjoni tagħha tal-grad ta’ xebh tal-imsemmija trade marks.

127    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika b’mod utli lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni din id-differenza bejn it-trade marks f’kunflitt.

128    Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni parti tal-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru distintiv intrinseku dgħajjef ħafna tat-trade mark preċedenti

129    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ma ddeċidiex, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti u, b’mod partikolari, meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li din it-trade mark kellha karattru distintiv intrinseku dgħajjef wisq. Fil-fatt, il-grad tal-karattru distintiv, b’mod partikolari intrinseku, tat-trade mark preċedenti huwa kriterju partikolarment importanti sabiex tiġi evalwata, minn naħa, il-probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jitgerfex, jassoċja jew jassimila t-trade marks f’kunflitt u, min-naħa l-oħra, il-probabbiltà li jseħħ wieħed mid-danni intiżi fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, anki l-preżenza ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, il-grad tal-karattru distintiv ta’ trade mark jiddependi mill-karattru distintiv intrinseku ta’ din it-trade mark. Iktar minn hekk, il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħat-trade mark preċedenti u konformement ma’ prattika frekwenti, titqiegħed fuq xedd is-saqajn u li, konsegwentement, it-trade marks f’kunflitt jintużaw fuq prodotti identiċi jagħmel it-trade mark preċedenti inqas unika milli kieku t-trade marks f’kunflitt kellhom jintużaw għal prodotti differenti.

130    Minn dan l-argument jirriżulta li r-rikorrenti, minn naħa, tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma eżaminax u ma ddefinixxiex il-grad tal-karattru distintiv, b’mod partikolari intrinseku, tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, tafferma li l-grad tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark huwa baxx minħabba, b’mod partikolari, il-karattru distintiv intrinseku dgħajjef ħafna tal-imsemmija trade mark.

131    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li huwa minnu li l-Bord tal-Appell ma ħax pożizzjoni espliċita, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-grad tal-karattru distintiv, intrinseku jew miksub mill-użu, tat-trade mark preċedenti.

132    Madankollu, il-Bord tal-Appell kien ippreċiża, fil-punti 65, 67 u 83 tad-Deċiżjoni preċedenti tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2013, li, għalkemm it-trade marks preċedenti tal-intervenjenti, u b’mod partikolari t-trade mark preċedenti u t-trade mark Ġermaniża Nru 39950559, kellhom karattru distintiv intrinseku dgħajjef, din id-dgħufija kienet ikkumpensata minn użu kostanti matul iż-żmien u fuq skala kbira ta’ dawn it-trade marks, b’tali mod li dawn kisbu, mill-inqas, karattru distintiv normali. Din l-evalwazzjoni tal-grad tal-karattru distintiv tal-imsemmija trade marks preċedenti ma tqegħditx f’dubju mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, il-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li jkompli r-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, isemmi l-imsemmija evalwazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell għandu jitqies bħala li żamm, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni preċedenti tiegħu tal-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

133    Għaldaqstant, ma huwiex fondat li r-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas għalkollox, fid-deċiżjoni kkontestata, milli jieħu inkunsiderazzjoni l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

134    Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li mill-eżami tal-ewwel parti tal-motiv (ara l-punti 65 sa 90 iktar ’il fuq) jirriżulta li t-trade mark preċedenti għandha reputazzjoni fl-Unjoni. Barra minn hekk, fil-punt 162 iktar ’il quddiem se jiġi nnotat li din ir-reputazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala għolja.

135    Madankollu, meta tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ trade mark, ma jkunx rilevanti li jiġi stabbilit il-karattru distintiv intrinseku ta’ din it-trade mark sabiex din titqies bħala li għandha karattru distintiv (digriet dwar l-appell, punti 75 u 76). Fil-fatt, trade mark preċedenti jista’ jkollha karattru distintiv partikolari mhux biss b’mod intrinseku, iżda wkoll bis-saħħa tal-popolarità li hija jkollha fost il-pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 24), b’tali mod li, meta trade mark tkun kisbet karattru distintiv partikolari bis-saħħa tal-popolarità tagħha, argument mislut mill-fatt li hija għandha biss karattru distintiv intrinseku dgħajjef ħafna jkun ineffettiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt u, għaldaqstant, ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C‑488/06 P, EU:C:2008:420, punti 67 u 68).

136    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha t-trade mark preċedenti għandha, minħabba l-użu estensiv tagħha, karattru distintiv normali jista’ biss jiġi kkonfermat.

137    Għaldaqstant, ma huwiex fondat li r-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-grad tal-karattru distintiv intrinseku tat-trade mark preċedenti u, it-tieni nett, li, minħabba d-dgħufija ta’ dan il-karattru distintiv intrinseku, il-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kellu jiġi rivedut bi tnaqqis.

138    It-tielet ilment tat-tieni parti tal-motiv, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni awtonoma u, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni żbaljata tar-riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

139    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jiksibx vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u lanqas ma jippreġudikahom.

140    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tippreżenta żewġ sottolmenti fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa, l-Bord tal-Appell ma evalwax, “b’mod awtonomu”, jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiksibx vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jekk jippreġudikahomx. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-intervenjenti ma wrietx, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sussegwentement tal-appell, l-eżistenza ta’ vantaġġ miksub jew ta’ dannu, filwaqt li t-trade marks f’kunflitt eżistew flimkien b’mod paċifiku fis-suq għal numru kbir ta’ snin u li, f’dawn il-kundizzjonijiet, id-dannu allegat kellu jidher b’mod ċar fis-suq.

141    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ sottolmenti humiex fondati, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-elementi rilevanti kollha li jinsabu fil-fajl.

 Fuq l-ewwel sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami awtonomu tal-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

142    Qabel kollox, hemm lok li jiġi ppreżentat fil-qosor ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

143    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qabel kollox irrikonoxxa, essenzjalment, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kieku t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet irreġistrata, il-grad ta’ assoċjazzjoni bejn, minn naħa, it-trade mark preċedenti, li tevoka “goodwill”, immaġni prestiġjuża u reputazzjoni tajba, u, min-naħa l-oħra, l-intervenjenti jkun dgħajjef, b’tali mod li l-esklużività tat-trade mark preċedenti ssib ruħha “ddilwita”. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi “goodwill” sostanzjali, li tirriżulta minn diversi deċennji ta’ promozzjoni ta’ din it-trade mark, ta’ reklamar intensiv u ta’ żamma ta’ preżenza kbira fis-suq.

144    Il-Bord tal-Appell sussegwentement innota, fil-punti 60, 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni sinjifikattiva u dinjija, li t-trade marks f’kunflitt kienu simili, li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi u li, konsegwentement, il-pubbliku rilevanti kien identiku wkoll. Fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa żied li, f’dawn il-kundizzjonijiet, kien inevitabbli li l-klijenti tar-rikorrenti jirrikonoxxu t-trade mark preċedenti u jistabbilixxu “rabta ta’ assoċjazzjoni” mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

145    Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, kien probabbli ħafna li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kiseb, intenzjonalment jew le, vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni stabbilita sew tat-trade mark preċedenti kif ukoll mill-investiment kunsiderevoli magħmul mill-intervenjenti sabiex tikseb din ir-reputazzjoni.

146    Mill-kliem imfakkar hawnhekk tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell fil-fatt evalwa, huwa nnifsu, jekk, f’dan il-każ, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienx probabbli li jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod inċidentali, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-possibbiltà li dan l-użu kkawża dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, minħabba d-“dilwizzjoni” tal-esklużività tat-trade mark preċedenti.

147    Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell, minn naħa, ma ddeċidiex dwar l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, ma ddeċidiex b’mod indirett dwar l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, sabiex aċċetta l-oppożizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qabel kollox ibbaża fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fejn dan il-motiv fih innifsu jkun ibbażat biss parzjalment u indirettament fuq ir-riskju ta’ telf fis-saħħa jew ta’ “dilwizzjoni” tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark.

148    Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-karattru alternattiv, imfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, ta’ tliet tipi ta’ danni previsti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jekk kien effettivament fondat, kien biżżejjed biex jiġi fondat rifjut ta’ reġistrazzjoni, bla ħsara għall-fatt li ma teżistix raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tikkritika b’mod utli lill-Bord tal-Appell li ma ddeċidiex dwar l-eżistenza jew le ta’ tip ieħor ta’ dannu minbarra dak li qies. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ eżami mill-Bord tal-Appell tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huma ineffettivi.

149    Għalhekk, l-ewwel sottolment tar-raba’ lment tat-tieni parti tal-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

150     Bħalma ġie nnotat fil-punt 140 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-intervenjenti ma wrietx li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’, fil-futur, jikkawża dannu lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, ix-xebh bejn it-trade marks f’kunflitt ma huwiex biżżejjed sabiex il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks f’kunflitt. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fil-passat, intużat għal numru kbir ta’ snin flimkien mat-trade mark preċedenti u, minkejja dan, l-ebda vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni jew mill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u lanqas l-ebda dannu kkawżat lil din it-trade mark, ma ġew evidenzjati, sa issa, fis-suq.

151    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, bħalma ġie nnotat fil-punti 147 u 148 iktar ’il fuq, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata hija qabel kollox ibbażata fuq motiv ibbażat fuq il-fatt li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li jseħħ tali dannu huwa, fih innifsu, biżżejjed biex jiġi fondat rifjut ta’ reġistrazzjoni, bla ħsara għall-fatt li ma teżistix raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ prova mill-intervenjenti tal-eżistenza ta’ ksur intiż mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jkun effettiv biss meta jkollu l-għan li jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Minn dan isegwi li ma jkunx neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikkawża dannu lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

152    Bħalma ġie indikat fil-punti 30 u 46 iktar ’il fuq, l-eżistenza jew le, minn naħa, ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt u, min-naħa l-oħra, ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

153    Xi wħud minn dawn il-fatturi, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 30, 31 u 47 iktar ’il fuq, jimplikaw analiżi minn qabel min-naħa tal-korpi kompetenti tal-EUIPO, jiġifieri d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, jekk ikun il-każ, il-Bord tal-Appell. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-grad ta’ prossimità tal-prodotti inkwistjoni, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kif ukoll il-grad tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark tal-aħħar.

154    Barra minn hekk, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jista’ jipproduċi, u l-korpi kompetenti tal-EUIPO jistgħu jżommu, elementi rilevanti oħrajn sabiex tiġi stabbilita, b’mod iktar speċifiku, l-eżistenza jew le ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

155    F’dawn il-kundizzjonijiet, qabel kollox, fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru u, jekk ikun il-każ, jiġu mistħarrġa l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell dwar il-fatturi rilevanti msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq. Sussegwentement, fit-tieni u t-tielet lok, se jkollu jiġi mistħarreġ, fid-dawl tal-imsemmija fatturi, ta’ elementi oħrajn prodotti mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell jew miżmuma minnu fid-deċiżjoni kkontestata u tal-effett possibbli tal-koeżistenza tat-trade marks f’kunflitt invokat mir-rikorrenti, jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, f’dan il-każ, dwar l-eżistenza, rispettivament, ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt u ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

 Evalwazzjonijiet minn qabel dwar il-fatturi rilevanti

 Grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti

156    Mill-eżami tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv (ara l-punti 93 sa 108 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju tal-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kien juri grad medju ta’ attenzjoni.

 Grad ta’ prossimità tal-prodotti inkwistjoni

157    Fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jindikaw it-tnejn li huma “xedd is-saqajn”, b’tali mod li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi.

158    Ir-rikorrenti ma tikkontesta bl-ebda mod l-identità, evidenti, tal-prodotti inkwistjoni, affermata mill-ġdid fil-punti 60, 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata. Hemm lok, konsegwentement, li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula, dwar dan il-punt, mill-Bord tal-Appell.

 Grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt

159    Mill-eżami tat-tieni lment tat-tieni parti tal-motiv (ara l-punti 109 sa 128 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks f’kunflitt kienu, sa ċertu punt, simili.

 Intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

160    Qabel kollox, għandu jitfakkar li mill-eżami tal-ewwel parti tal-motiv (ara l-punti 65 sa 90 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies, ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni fl-Unjoni.

161    Fir-rigward tal-intensità ta’ din ir-reputazzjoni, mill-punti 33, 36 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni għolja. Huwa ppreċiża wkoll, fil-punti 41 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li din ir-reputazzjoni kien ilha teżisti, kienet persistenti, sinjifikattiva u dinjija. Min-naħa l-oħra, huwa ma għamilx tiegħu l-argument tal-intervenjenti li kien isostni, fil-paġna 11 tal-oppożizzjoni tiegħu, li t-trade mark kienet tibbenefika minn reputazzjoni eċċezzjonali.

162    Ir-rikorrenti, li tikkontesta l-eżistenza nnifisha tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ma ppreżentat l-ebda kritika speċifika fil-konfront tal-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-intensità ta’ din ir-reputazzjoni. Madankollu, il-provi eżaminati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv jidhru biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, minbarra l-eżistenza nnifisha ta’ din ir-reputazzjoni, il-livell għoli tagħha. Iktar minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali semmiet, mingħajr ma qegħditha f’dubju, il-konklużjoni misluta mill-Bord tal-Appell fil-punt 66 tad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, li skontha t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni għolja (“sinjifikattiva” skont il-Qorti Ġenerali).

163    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

 Grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

164    Mill-eżami tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-motiv (ara l-punti 129 sa 138 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha, minħabba l-użu estensiv tagħha, karattru distintiv normali.

 Evalwazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt

165    Bħalma ġie nnotat fil-punt 144 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell, fejn ibbaża b’mod partikolari fuq ix-xebh, anki jekk “minimu”, tat-trade marks f’kunflitt, l-identità tal-prodotti inkwistjoni u l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ikkonkluda, fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt.

166    Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni minħabba li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat il-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-grad ta’ xebh tat-trade marks f’kunflitt kif ukoll is-sinjifikanza tar-reputazzjoni u, konsegwentement, tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.

167    Madankollu għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-argument tar-rikorrenti relatat mal-allegati żbalji tal-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv kif ukoll tat-tliet ilmenti tat-tieni parti tal-imsemmi motiv.

168    Min-naħa l-oħra, il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell huma fost dawk meqjusa rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell, ġustament, innota, fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, grad ta’ xebh “minimu” bejn it-trade marks f’kunflitt seta’ jkun biżżejjed sabiex il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejniethom (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq).

169    Ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument indirizzat b’mod speċifiku kontra l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li skontha l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks f’kunflitt.

170    Madankollu, sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti ssemmi l-koeżistenza paċifika tat-trade marks f’kunflitt fis-suq għal numru kbir ta’ snin u l-assenza ta’ konfużjoni, f’moħħ il-pubbliku, fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti tagħha. Barra minn hekk, sabiex issostni li kellha raġuni ġġustifikata biex tuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija tippreċiża li teżisti possibbiltà li din il-koeżistenza tnaqqas il-probabbiltà li tiġi stabbilita rabta f’moħħ il-konsumaturi bejn iż-żewġ trade marks.

171    Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq, il-koeżistenza fil-passat tat-trade marks f’kunflitt fis-suq tista’ tikkontribwixxi biex tnaqqas il-probabbiltà ta’ approssimazzjoni, fil-futur, bejn dawn it-trade marks u, għaldaqstant, il-probabbiltà li tiġi stabbilita, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, rabta bejniethom, bil-kundizzjoni madankollu, b’mod partikolari, li din il-koeżistenza tkun ippreżentat karattru paċifiku u, konsegwentement, hija stess tkun tibbaża fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ approssimazzjoni.

172    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta.

173    F’dan il-każ, sabiex tiġġustifika l-koeżistenza tat-trade marks f’kunflitt, ir-rikorrenti tirreferi għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll ta’ diversi trade marks oħra jew sinjali simili li jikkonsistu f’żewġ strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun.

174    Ma huwiex neċessarju, f’dan l-istadju, li jiġu eżaminati l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet, essenzjalment fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv, dwar din il-koeżistenza. B’mod partikolari, ma huwiex utli, għall-ħtiġijiet ta’ dak li jmiss, li jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti tipproduċix, u sa fejn tipproduċi, il-prova tar-realtà u tal-portata tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li huwa kkontestat ukoll mill-intervenjenti.

175    Fil-fatt, huwa stabbilit, fl-ewwel lok, li l-intervenjenti kkontestat quddiem qorti Ġermaniża, il-Landgericht München (il-Qorti Ġenerali ta’ München, il-Ġermanja), l-użu mill-kumpannija Patrick International SA, ippreżentata bħala l-predeċessur tar-rikorrenti, ta’ trade mark li tikkonsisti f’żewġ strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun u li, permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1990, l-imsemmija qorti pprojbixxiet lil din il-kumpannija milli tikkummerċjalizza prodotti li jinkludu din it-trade mark minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ ċerti trade marks nazzjonali tal-intervenjenti. It-trade mark ikkontestata f’dak iż-żmien kienet ippreżentata kif ġej:

Image not found

176    Ċertament, it-trade mark użata f’dak iż-żmien mill-kumpannija Patrick International ma kinitx identika għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, fit-tilwima li kienet adita biha biex tiddeċiedi dwarha, il-qorti Ġermaniża msemmija iktar ’il fuq qieset li t-trade mark inkwistjoni kienet tagħti l-impressjoni ta’ trade mark bi tliet strixxi. Madankollu, irrispettivament mill-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti, it-trade mark inkwistjoni hija qrib biżżejjed tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex il-kontestazzjoni, mill-intervenjenti, tal-użu tagħha tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru paċifiku jew kunfliġġenti tal-koeżistenza allegata bejn, minn naħa, it-trade marks b’żewġ strixxi tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, it-trade marks bi tliet strixxi tal-intervenjenti meta dawn it-trade marks differenti jitqiegħdu fuq żraben.

177    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li din it-tilwima ma hijiex l-ewwel waħda bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti dwar ir-reġistrazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’żewġ strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun.

178    Fil-fatt, meta r-rikorrenti talbet, fl‑1 ta’ Lulju 2009, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-intervenjenti kienet diġà ppreżentat oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ippreżentata mir-rikorrenti u li kellha l-istess karatteristiċi bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li hija kienet opponiet, fit‑30 ta’ Lulju 2004, għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark b’żewġ strixxi simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18, 25 u 28.

179    Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tat-tilwima li seħħet fil-Ġermanja fl‑1990 u tal-oppożizzjoni preċedenti ppreżentata fl‑2004, il-koeżistenza allegata fis-suq bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew trade marks oħra simili tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti jew trade marks oħra simili tal-intervenjenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala paċifika. Għaldaqstant, din il-koeżistenza ma kinitx ibbażata hija nnifisha fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ approssimazzjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

180    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt.

 Evalwazzjoni globali dwar ir-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

181    Fl-ewwel lok, mill-punti 60 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jikkonkludi f’dan il-każ dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell ibbaża b’mod iktar partikolari, minn naħa, fuq il-grad għoli tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, u, min-naħa l-oħra, fuq l-identità tal-prodotti inkwistjoni.

182    Ċertament, huwa veru, bħalma ġie nnotat fil-punt 161 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell ma kklassifikax ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti bħala eċċezzjonali, b’tali mod li l-eżistenza ta’ dannu ma tistax, b’dan il-fatt biss, tiġi preżunta bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq. Madankollu, il-Bord tal-Appell, ġustament, ikkunsidra li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni għolja, li ilha teżisti u persistenti.

183    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, iktar ma tkun kunsiderevoli r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, iktar ikun probabbli li l-użu ta’ trade mark simili għal din it-trade mark jikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq).

184    Bl-istess mod, iktar ma jkun kunsiderevoli x-xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks f’kunflitt, iktar ikun probabbli li jidher tali vantaġġ (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Għalhekk, ġustament, il-Bord tal-Appell innota, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn, fil-każ inkwistjoni, il-prodotti inkwistjoni kienu identiċi, kien loġiku li vantaġġ indebitu seta’ jidher iktar milli fil-każijiet fejn il-prodotti inkwistjoni kienu differenti.

185    Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza doppja, innotata mill-Bord tal-Appell u misluta, minn naħa, mill-fatt li t-trade mark preċedenti għandha reputazzjoni għolja, li ilha teżisti u persistenti u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-prodotti indikati mit-trade marks f’kunflitt huma identiċi, hija ta’ natura li żżid bil-qawwa l-probabbiltà li jidher vantaġġ indebitu.

186    Fit-tieni lok, bħalma ġie diġà nnotat fil-punt 143 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell afferma, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kienet tevoka “goodwill” sostanzjali, immaġni prestiġjuża u reputazzjoni tajba u li din il-“goodwill” ġiet miksuba bis-saħħa ta’ diversi deċennji ta’ promozzjoni ta’ din it-trade mark, ta’ reklamar intensiv u ta’ żamma ta’ preżenza kbira fis-suq. Huwa semma wkoll, fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, l-investiment kunsiderevoli magħmul mill-intervenjenti sabiex tikseb ir-reputazzjoni li kellha t-trade mark preċedenti.

187    F’dan ir-rigward, mill-paġni 12 sa 14 tal-oppożizzjoni jirriżulta li l-intervenjenti ma kinitx semmiet biss quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha, tax-xebh tat-trade marks f’kunflitt u tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni, iżda wkoll il-fatt li t-trade mark preċedenti kellha setgħa ta’ attrazzjoni, marbuta ma’ immaġni ta’ kwalità u ta’ prestiġju u miksuba wara diversi deċennji ta’ investiment, ta’ innovazzjoni u ta’ reklamar. F’din l-okkażjoni, l-intervenjenti kienet spjegat li, fil-każ ta’ użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kwalitajiet pożittivi assoċjati mal-prodotti li jinkludu t-trade mark preċedenti jiġu ttrasferiti lejn il-prodotti tar-rikorrenti.

188    Għalhekk ma jkunx preċiż li jiġi affermat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-intervenjenti ma pproduċiet l-ebda element rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

189    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà u s-sinjifikanza tal-isforzi kummerċjali magħmula mill-intervenjenti matul diversi deċennji sabiex toħloq u żżomm l-immaġni tat-trade mark tagħha, takkumula “goodwill” u żżid għalhekk il-valur ekonomiku intrinseku ta’ din it-trade mark.

190    Madankollu, is-sinjifikanza tal-isforzi magħmula għalhekk mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni jagħmlu dejjem iżjed plawżibbli r-riskju li terzi jkollhom it-tentazzjoni, bl-użu ta’ trade mark simili għall-imsemmija trade mark, li jibbenefikaw minn fuq dahar din tal-aħħar mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha u jisfruttaw għalhekk, mingħajr l-ebda kumpens finanzjarju u mingħajr il-ħtieġa ta’ sforzi proprji, l-isforzi kummerċjali magħmula mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

191    Fit-tielet lok, l-EUIPO u l-intervenjenti jaffermaw li r-rikorrenti, jew tal-inqas il-predeċessur allegat tagħha, jalludu b’mod ċar għat-trade mark preċedenti, li tinkludi tliet strixxi, bl-użu tal-islogan “two stripes are enough” (żewġ strixxi huma biżżejjed) f’kampanja promozzjonali magħmula fl‑2007 fi Spanja u fil-Portugall u intiża biex tippromwovi l-prodotti proprji tagħha, mibjugħa taħt trade mark li tinkludi żewġ strixxi.

192    Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-islogan “two stripes are enough” intuża effettivament sabiex jiġu promossi xi wħud mill-prodotti tagħha. Madankollu, huwa ċar li l-użu ta’ tali slogan kien intiż biex jevoka t-trade mark preċedenti, magħrufa mill-konsumatur minħabba r-reputazzjoni tagħha, u biex jissuġġerixxi li l-prodotti mibjugħa mir-rikorrenti taħt trade mark b’żewġ strixxi kienu jippreżentaw kwalitajiet ekwivalenti għal dawk mibjugħa mill-intervenjenti taħt trade mark bi tliet strixxi. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kampanja promozzjonali magħmula fl‑2007 fi Spanja u fil-Portugall għandha tiġi analizzata bħala tentattiv ta’ sfruttament tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Tali aġir, ikkonstatat mal-użu effettiv ta’ trade mark simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jikkostitwixxi element konkret partikolarment rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq).

193    Fir-raba’ lok, sabiex jiġi kkonstatat ir-riskju li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li dan ir-riskju ma ġiex ikkonkretizzat fil-passat, meta t-trade marks f’kunflitt kienu jeżistu flimkien fis-suq.

194    Madankollu, mill-punt 174 sa 179 iktar ’il fuq jirriżulta li l-koeżistenza allegata tat-trade marks f’kunflitt ma tistax titqies bħala li għandha karattru paċifiku. Barra minn hekk, fil-punt 192 iktar ’il fuq ġie nnotat li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni diġà wassal għal mill-inqas tentattiv wieħed intiż biex jinkiseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

195    Minn dan isegwi li l-koeżistenza allegata, fil-passat, tat-trade marks f’kunflitt fis-suq ma tippermettix li tiġi eskluża d-dehra, fil-futur, tad-dannu għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti meqjusa mill-Bord tal-Appell.

196    F’dawn il-kundizzjonijiet, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, l-elementi prodotti mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell u dawk miżmuma minn dan tal-aħħar huma biżżejjed biex juru l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ parassitiżmu. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li kien probabbli li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tislet vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

197    Għalhekk, it-tieni sottolment tar-raba’ lment tat-tieni parti tal-motiv u, konsegwentement, dan l-ilment u din il-parti kollha kemm huma għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

198    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li qies il-Bord tal-Appell, hija wriet l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata meta pproduċiet, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, provi li jistabbilixxu użu, għal perijodu twil, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

199    Din il-parti tista’ tinqasam f’żewġ ilmenti, sa fejn ir-rikorrenti tidher li tikkritika lill-Bord tal-Appell, minn naħa, li ma eżaminax il-provi tagħha relatati mal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, li ma kkunsidrax li dawn il-provi kienu juru l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata.

 Fuq l-ewwel sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-provi relatati mal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

200    Għandu jitfakkar li, bħalma ġie nnotat fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-użu minn terz ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, jiġi kklassifikat bħala raġuni ġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

201    Għalhekk, ir-rikorrenti tista’ tinvoka b’mod utli l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-provi prodotti għal dan l-għan quddiem l-EUIPO mir-rikorrenti.

202    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tidher issostni, filwaqt li tibbaża fuq il-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-provi tagħha relatati mal-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata.

203    Madankollu, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell mhux talli indika, fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx tat raġunijiet li juru l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata, tali ppreċiża wkoll, fil-punt 66 ta’ din l-istess deċiżjoni, li l-koeżistenza allegata tat-trade marks f’kunflitt ma kellhiex karattru paċifiku. B’hekk, il-Bord tal-Appell, bħalma nnota l-EUIPO fir-risposta tiegħu, wieġeb prinċipalment għal argument imressaq mir-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi tagħha.

204    Għalhekk, l-ewwel ilment tat-tielet parti tal-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata

205    Ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li t-trade marks f’kunflitt eżistew flimkien għal diversi deċennji, bil-kunsens tal-intervenjenti. Hija tikkritika wkoll lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ projbizzjoni eventwali fuq l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex jikkostitwixxi raġuni ġġustifikata, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jissodisfa diversi kundizzjonijiet, imfakkra fil-punti 59 sa 63 iktar ’il fuq.

207    B’mod partikolari, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, meta t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni tkun trade mark tal-Unjoni Ewropea, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tkun intużat fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara l-punt 62 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Madankollu, f’dan il-każ, bħalma jinnotaw l-EUIPO u l-intervenjenti, ir-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma allegat, li użat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni. Għalhekk, fl-osservazzjonijiet ippreżentati fl‑14 ta’ Ġunju 2011 quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, hija kienet semmiet biss koeżistenza tat-trade marks f’kunflitt fis-suq Ġermaniż biss u ma kinitx indikat li użat effettivament it-trade marks tagħha li jikkonsistu f’żewġ strixxi paralleli mqiegħda fuq żarbun irreġistrati fi Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, il-provi prodotti quddiem l-EUIPO mir-rikorrenti kienu relatati, essenzjalment, ma’ użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew trade marks oħra simili fil-Ġermanja jew fi Franza.

209    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, sabiex jikkostitwixxi raġuni ġġustifikata, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fil-prinċipju, ma għandux ikun is-suġġett ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Għalhekk, il-koeżistenza allegata bejn it-trade marks f’kunflitt għandu jkollha karattru paċifiku (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq).

210    Madankollu, fil-punti 179 u 194 iktar ’il fuq diġà ġie nnotat li, bħalma sostnew l-EUIPO u l-intervenjenti, il-koeżistenza allegata tat-trade marks f’kunflitt ma kellhiex karattru paċifiku. Konsegwentement, ma huwiex fondat li r-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ttollerat jew ippermettiet l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

211    Fit-tielet lok, b’mod iktar ġenerali u bħalma ġie nnotat fil-punti 56 u 59 iktar ’il fuq, il-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jew il-predeċessur tiegħu, kellu jkollu bona fide fl-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

212    Madankollu, f’dan il-każ, it-tfassil u l-użu tal-islogan “two stripes are enough” jiżvela, bħalma ġie nnotat diġà fil-punti 192 u 194 iktar ’il fuq, li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni diġà wassal għal mill-inqas tentattiv wieħed intiż biex jinkiseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, bħalma affermat l-intervenjenti, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax, f’dan il-każ, jitqies bħala li sar dejjem in bona fide.

213    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni invokat mir-rikorrenti ma jistax jitqies bħala motiv ta’ natura li tiġġustifika li din tal-aħħar tkun tista’ tirreġistra din it-trade mark bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, għar-riskju li tikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

214    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-argument tar-rikorrenti mislut mill-effetti li jkollha fuqha projbizzjoni eventwali tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda dettall fir-rigward tan-natura u tas-sinjifikanza ta’ dawn l-effetti. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, għandha l-uniku skop u l-uniku effett li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea u mhux li tipprojbixxi lir-rikorrenti milli tuża din it-trade mark fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar li fihom din it-trade mark tkun irreġistrata jew sempliċement użata bis-saħħa ta’ raġuni ġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

215    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

216    Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tielet parti tal-motiv uniku għandu jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, din it-tielet parti u l-motiv kollu kemm hu.

217    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

218     Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

219    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Shoe Branding Europe BVBA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Marzu 2018.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

Kunċett ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Neċessità ta’ rabta jew approssimazzjoni bejn it-trade marks f’kunflitt

Tipi ta’ danni għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

Regoli ta’ prova u rabta bejn l-eżistenza ta’ dannu u l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata

Kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Kunċett ta’ raġuni ġġustifikata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ dannu kkawżat lir-reputazzjoni jew lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-applikazzjoni ħażina tat-“test tal-konsumatur medju”

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru distintiv intrinseku dgħajjef ħafna tat-trade mark preċedenti

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni awtonoma u, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni żbaljata tar-riskju ta’ dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Fuq l-ewwel sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami awtonomu tal-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

Fuq it-tieni sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

Evalwazzjonijiet minn qabel dwar il-fatturi rilevanti

Grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti

Grad ta’ prossimità tal-prodotti inkwistjoni

Grad ta’ xebh bejn it-trade marks f’kunflitt

Intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

Evalwazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt

Evalwazzjoni globali dwar ir-riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

Fuq l-ewwel sottolment, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-provi relatati mal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.