Language of document : ECLI:EU:C:2015:92

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑583/13 P

Deutsche Bahn AG

DB Mobility Logistics AG

DB Energie GmbH

DB Netz AG

DB Schenker Rail GmbH

DB Schenker Rail Deutschland AG

Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße mbH (DUSS)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Artikoli 20(4) u 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju — Dritt fundamentali għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv — Sentenza Dow Benelux — Oneru tal-prova — Konsegwenzi ta’ tfittxijiet illegali magħmula mill-Kummissjoni”





1.        Il-protezzjoni ġuridika kontra tfittxijiet mhux iġġustifikati ta’ djar privati minn awtoritajiet ta’ infurzar titqies ġeneralment bħala wieħed mill-prinċipji li jiddistingwi soċjetajiet ibbażati fuq l-istat ta’ dritt minn forom oħra, iktar repressivi, ta’ gvern.

2.        Madankollu, huwa rrikonoxxut universalment li anki f’komunitajiet fejn hemm l-istat ta’ dritt, bħall-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jingħataw setgħat ta’ investigazzjoni effettivi sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw ksur issuspettat.

3.        Għalhekk, il-leġiżlazzjoni trid issib bilanċ bejn, minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, infurzar effettiv tal-liġi.

4.        Din il-kawża tirrigwarda il-kwistjoni jekk kienx hemm bilanċ ġust, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, bejn il-bżonn għal għodod investigattivi effettivi u d-dritt għall-protezzjoni kontra tfittxijiet mhux iġġustifikati. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dawn iż-żewġ kwistjonijiet: (i) is-sistema kurrenti tal-UE ta’ spezzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) hija kompatibbli mal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)? u (ii) x’inhuma l-konsegwenzi, f’din is-sistema, ta’ tfittxija illegali mill-Kummissjoni?

I –    Il-kuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 (“Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”) jgħid:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)      li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

(b)       li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)      li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min[n] dawn il-kotba jew rekords[;]

[...]

4.      Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni [dritt ta’ reviżjoni] tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni. [...]

[...]

6.      Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat [għandu] jtihom l-assistenza neċessarja, titlob [billi jitlob] fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura [ta’ infurzar] oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom [iħallihom] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7.      Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista’ ukoll tapplika għaliha bħala miżura ta’ prekawzjoni.

8.      Fejn [issir applikazzjoni għal]l-awtorizzazzjoni kif msejħa fil-paragrafu 7 [...], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta’ sfurzar [koerċittivi] maħsuba huma la ta’ arbitraġġ u lanqas eċċessivi wara li kkunsidraw is-suġġett ta’ l-ispezzjoni. Fil-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sfurzar [koerċittivi], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett [suspett ta’ ksur] ta’ l-Artikoli [101 u 102 tat-Trattat FUE], kif ukoll għas-serjetà [fuq is-serjetà] tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta’ involviment ta’ l-impriża konċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix [ma tistax tikkontesta] in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Il-dritt legali [legalità] tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun soġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

6.        Barra minn hekk, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jgħid:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 15, l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 17 sa 22 ser jiġu wżati [għandha tintuża] biss għall-għan li għalih ġie akwistat [inkisbet].”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.        Fl-2011 il-Kummissjoni adottat tliet deċiżjonijiet, li kull waħda minnhom ordnat spezzjoni tal-bini tad-Deutsche Bahn AG u ta’ diversi sussidjarji tagħha (DB Mobility Logistics, DB Netz AG, DB Energie GmbH, DB Schenker Rail GmbH, DB Schenker Rail Deutschland AG, u Deutsche Umschlagegesellschaft Schiene-Straße mbH) (iktar ’il quddiem kollettivament “Deutsche Bahn” jew “l-appellanti”). Deutsche Bahn hija impriża li twettaq attivitajiet fis-settur tat-trasport nazzjonali u internazzjonali ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, fis-settur tal-loġistika u fis-settur għall-provvista ta’ servizzi anċillari ta’ trasport ferrovjarju.

8.        L-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni (3) ġiet innotifikata lil Deutsche Bahn fid-29 ta’ Marzu 2011 meta spetturi tal-Kummissjoni talbu li jingħataw aċċess għall-bini ta’ Deutsche Bahn f’Berlin, Frankfurt am Main u Mainz (il-Ġermanja). Id-deċiżjoni kienet tirrigwarda t-trattament preferenzjali potenzjalment inġustifikat li DB Energie tat lil sussidjarji oħra ta’ Deutsche Bahn fl-għamla ta’ sistema ta’ skontijiet għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ enerġija elettrika li tmexxi ferrovija (iktar ’il quddiem “l-ewwel ksur issuspettat”).

9.        Waqt l-ispezzjonijiet, l-ispetturi tal-Kummissjoni sabu dokumenti fil-bini ta’ Deutsche Bahn li l-Kummissjoni qieset li setgħu jindikaw l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv ieħor (iktar ’il quddiem “id-dokumenti DUSS”) u għaldaqstant ġiet innotifikata deċiżjoni ta’ spezzjoni oħra lil Deutsche Bahn fil-31 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni”), filwaqt li l-ewwel spezzjoni kienet għadha għaddejja. It-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet tirrigwarda ksur issuspettat tal-kompetizzjoni minn Deutsche Umschlagegesellschaft Schiene-Straße (iktar ’il quddiem “DUSS”) permezz tal-użu strateġiku tal-infrastruttura ġestita minn Deutsche Bahn (iktar ’il quddiem it-“tieni ksur issuspettat”) (4).

10.      L-ewwel u t-tieni spezzjoni spiċċaw fil-31 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2011 rispettivament.

11.      Sussegwentement, ġiet adottata deċiżjoni ta’ spezzjoni addizzjonali (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni”) (5), u ġiet innotifikata lil Deutsche Bahn fis-26 ta’ Lulju 2011. It-tielet spezzjoni kienet tkopri wkoll ksur issuspettat tal-kompetizzjoni minn DUSS. It-tielet spezzjoni saret bejn is-26 u d-29 ta’ Lulju 2011.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12.      Wara li saru l-ispezzjonijiet, Deutsche Bahn fetħet kawżi kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kkontestati”) għar-raġuni li kisru d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ Deutsche Bahn, id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

13.      B’sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) (6), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil Deutsche Bahn għall-ispejjeż.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14.      Fl-appell tagħhom, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2013, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjonijiet kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

16.      Il-Gvern Spanjol u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (iktar ’il quddiem l-“ESA”) ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub insostenn tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda għamlu wkoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li saret fl-4 ta’ Diċembru 2014, kif għamlu l-appellanti u l-Kummissjoni.

V –    Evalwazzjoni tal-aggravji tal-appell

17.      L-appellanti jinvokaw erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom li ser neżamina wieħed wieħed. Iżda qabel ma nagħmel hekk, ser nuri fil-qosor xi aspetti ewlenin tas-sistema kif stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ spezzjonijiet mill-Kummissjoni.

A –    Introduzzjoni

18.      Il-legalità ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fil-bini ta’ impriża tiddependi mill-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna lill-impriża tissottometti ruħha għall-ispezzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni għandha “tispeċifika s-suġġet[t] u l-għan tal-ispezzjoni”. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li b’dan il-mod, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tindika kemm jista’ jkun preċiżament l-provi mitluba u l-kwistjonijiet li l-investigazzjoni għandha tkopri, għalkemm ma hijiex meħtieġa tiddefinixxi b’mod preċiż is-suq rilevanti, jew tistabbilixxi n-natura legali eżatta tal-ksur preżunt, jew tindika l-perijodu li matulu twettaq dan il-ksur (7). Dan l-obbligu li jissemmew speċifikament ir-raġunijiet ġie deskritt, b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala “rekwiżit fundamentali mhux biss sabiex tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fl-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom” (8).

19.      Kuntrarjament għall-obbligi tagħha fir-rigward ta’ bini mhux użat għall-kummerċ (Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003), il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn, fil-każ ta’ kumpannija suġġetta għal spezzjoni skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, ikollha suspetti speċifiċi ta’ mġiba ħażina min-naħa ta’ dik il-kumpannija: biżżejjed tissuspetta li l-kumpannija jista’ jkollha informazzjoni rilevanti.

20.      Bla ħsara għar-rekwiżiti deskritti iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex, fiha nnifisha, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ex ante. Huwa biss meta jkun hemm il-ħsieb ta’ miżuri koerċittivi, u l-liġi nazzjonali applikabbli teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja a priori għal dak l-iskop, li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju inċidentali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Madankollu, minħabba l-limtazzjonijiet li l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi fuq dan l-istħarriġ ġudizzjarju, jidher improbabbli li qorti nazzjonali tirrifjuta li tawtorizza l-miżuri koerċittivi mitluba f’każ partikolari. Anki li kieku dan kellu jiġri, rifjut mill-impriża kkonċernata li tissottometti ruħha għall-ordni ta’ spezzjoni jista’ fi kwalunkwe każ jiġi ppenalizzat skont l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003 (9).

21.      Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, kwalunkwe dokument jew informazzjoni miġbura waqt spezzjoni għandhom jintużaw biss, ħlief għal eċċezzjonijiet li jipprevedi l-istess regolament, għall-għan li għalih ikunu nkisbu. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dak ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Dawn id-drittijiet ikunu serjament kompromessi jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tinvoka fir-rigward ta’ impriżi provi li jkunu nkisbu waqt spezzjoni iżda li ma jkunux relatati mas-suġġett jew mal-għan ta’ dik l-investigazzjoni partikolari (10).

22.      Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dow Benelux, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tiftaħ investigazzjoni sabiex tivverifika jew tissupplimenta informazzjoni li tkun sabet b’kumbinazzjoni matul investigazzjoni oħra, jekk din l-informazzjoni tkun tindika l-eżistenza possibbli ta’ ksur ieħor tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Jekk il-Kummissjoni tiġi pprojbita milli tagħmel hekk, dan ikun jikkostitwixxi ostakolu bla bżonn għas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha, billi l-impriża responsabbli għall-ksur potenzjali tkun libera li teżerċita d-drittijiet tad-difiża kollha tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni l-ġdida (11). Għaldaqstant, ma hemm l-ebda projbizzjoni għall-użu ta’ informazzjoni li tinstab b’kumbinazzjoni, bil-kundizzjoni li tinfetaħ investigazzjoni ġdida u li din titmexxa skont ir-Regolament Nru 1/2003.

23.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li impriża li tkun għaddiet minn spezzjoni ordnata mill-Kummissjoni tista’ tikkontesta d-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni quddiem il-qrati tal-UE. Jekk id-deċiżjoni tiġi annullata, il-Kummissjoni ma tkun tista’ tuża, għall-finijiet tal-proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, l-ebda dokument jew prova oħra li hija tkun kisbet matul dik l-investigazzjoni, u jekk tagħmel hekk, id-deċiżjoni fuq il-ksur tista’, sa fejn tkun ibbażata fuq tali provi, tiġi annullata mill-qrati tal-UE (12).

24.      Huwa f’dan il-kuntest li issa ser nevalwa l-erba’ aggravji tal-appell.

B –    L-ewwel aggravju tal-appell

25.      Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat id-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

26.      Fil-paragrafi 42 sa 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet, b’riferiment għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li livell aċċettabbli ta’ protezzjoni kontra ndħil fid-drittijiet skont l-Artikolu 8 tad-KEDB jirrikjedi qafas legali u limiti stretti. Il-Qorti Ġenerali spjegat ukoll li hemm ħames kategoriji ta’ garanziji: (i) il-motivazzjoni li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni; (ii) il-limiti imposti fuq il-Kummissjoni matul it-twettiq tal-ispezzjonijiet; (iii) l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li timponi spezzjoni sfurzata; (iv) l-intervent ta’ awtoritajiet nazzjonali; u (v) l-eżistenza ta’ rimedji ex post facto. Wara li eżaminat il-fatti u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-ħames kategoriji ta’ garanziji kollha kienu ġew kollha osservati fil-każijiet inkunsiderazzjoni. Minħabba dan il-fatt, il-qorti ċaħdet il-motiv invokat fl-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni.

27.      Essenzjalment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, fejn, f’sitwazzjoni bħal dik fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel mill-Qorti Ġenerali jew minn qorti nazzjonali. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali — fil-fehma tal-appellanti — interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi Colas Est (13), Liotard Frères (14) u Canal Plus (15) billi ddeċidiet li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel kienet biss wieħed mill-elementi kkunsidrati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta kkonkludiet li kien inkiser l-Artikolu 8 tal-KEDB. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha minflok tikkunsidra l-bżonn għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel bħala fattur ewlieni wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenzi Harju (16) u Heino (17) meta qalet li l-assenza ta’ mandat preċedenti setgħet tiġi “kkontrobilanċjata” bi stħarriġ ġudizzjarju sħiħ imwettaq ex post. Fil-fatt, f’dawk iż-żewġ każijiet l-azzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi kienu mmotivati minn raġunijiet ta’ urġenza. Sa fejn il-Kummissjoni, f’dawn il-kawżi, ma talbitx awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, minkejja l-fatt li ma kienx hemm urġenza, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li kienet aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

28.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ESA u mill-Gvern Spanjol, tirribatti li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod korrett il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju u ma interpretatx b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward.

29.      L-ewwel aggravju tal-appell iqajjem essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk is-sistema kurrenti ta’ spezzjonijiet tal-UE, prevista fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hijiex kompatibbli mar-rispett tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddetermina jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja ex ante għandhiex tintalab bħala regola ġenerali mill-Kummissjoni, tal-inqas meta ma jkunx hemm raġuni sabiex dik l-istituzzjoni taġixxi b’mod urġenti.

30.      L-istess bħall-Kummissjoni, il-Gvern Spanjol u l-ESA, nemmen li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx jew applikat b’mod żbaljat is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jirreferu għalihom l-appellanti. Fil-fatt, kif inhi bħalissa l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jistax jingħad, kif qed isostnu l-appellanti, li l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-KEDB teħtieġ li awtorità antitrust dejjem tikseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja qabel ma twettaq spezzjonijiet fil-post ta’ bini użat għall-kummerċ. Lanqas ma jista’ jingħad li, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, din l-awtorizzazzjoni tista’ titwarrab biss meta’ jkun hemm raġunijiet li jiġġustifikaw azzjoni urġenti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

31.      Qabelxejn għandu jitfakkar li, meta estendiet il-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tal-KEDB lil persuni ġuridiċi, bħall-impriżi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qagħdet attenta li ma tqisx lil dawn tal-aħħar bħala kompletament paragunabbli ma’ persuni fiżiċi (18), u li ma tittrattax bini użat għall-kummerċ bl-istess mod bħal djar privati. Fil-fatt, sa mill-ewwel kawża Niemitz (19), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qalet b’mod konstanti li awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu b’mod iktar estensiv fid-drittijiet protetti mill-Artikolu 8 meta jkun hemm involut bini użat għall-kummerċ.

32.      It-tieni nett, u iktar importanti, kuntrarjament għal li jgħidu l-appellanti, ma narax kif is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imsemmija iktar ’il fuq Colas Est, Liotard Frères u Canal Plus jistgħu jiġu interpretati b’mod li huwa meħtieġ li awtorità antitrust tikseb, bħala regola ġenerali, awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, fin-nuqqas ta’ liema tkun qed tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB. Lanqas ma jiena konvint li s-sentenzi Harju u Heino huma irrilevanti f’dawn il-proċeduri.

33.      L-ewwel nett, għandu jingħad li filwaqt li s-sentenza Colas Est tittratta speċifikament ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, fis-sentenzi Liotard Frères u Canal Plus il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iffukat l-attenzjoni tagħha esklużivament fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi raġonevolment ikkritikata mill-appellanti għaliex irreferiet biss għas-sentenza Colas Est meta kienet qed teżamina l-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta.

34.      Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-Qorti Ġenerali għamlet analiżi ddettaljata ta’ dawk is-sentenzi kollha u waslet għall-konklużjoni korretta li l-assenza ta’ mandat minn qabel kienet biss wieħed mill-fatturi kkunsidrati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dawk il-każijiet meta ddeċidiet fuq il-ksur tal-KEDB allegat mill-partijiet (20). Fil-fatt kien dejjem fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi legali u fattwali rilevanti tal-każijiet individwali li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet għal tali konklużjoni. B’mod iktar speċifiku, dik il-qorti eżaminat, fost fatturi oħra, il-portata tas-setgħat mogħtija lill-awtorità pubblika kompetenti, iċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-indħil fid-dritt fundamentali, u jekk is-sistema legali kkonċernata pprovdietx salvagwardji, kif ukoll, b’mod iktar importanti, il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post effettiv.

35.      Żewġ sentenzi reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kienu jirrigwardaw preċiżament il-ksur allegat tal-Artikolu 8 tal-KEDB, jidhru li jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

36.      Fis-sentenza Bernh Larsen, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem intalbet tiddeċiedi jekk l-Artikolu 8 tal-KEDB kienx jipprekludi talba mill-awtoritajiet tat-taxxa Norveġiżi, imressqa fil-konfront ta’ tliet kumpanniji fil-kuntest ta’ kontroll fiskali, sabiex jipprovdu lill-uffiċċju tat-taxxa kopja ta’ backup ta’ server għall-finijiet ta’ kontroll. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innotat li, għalkemm dan ma kienx paragunabbli ma’ qbid fi proċeduri kriminali jew eżegwibbli taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, talba bħal dik kienet legalment vinkolanti għat-tliet kumpanniji, li setgħu sabu ruħhom iffaċjati b’sanzjonijiet amministrattivi li kieku naqsu milli jikkonformaw ruħhom magħha. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li t-talba kienet tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ dawn il-kumpanniji għar-rispett tad-domiċilji u tal-korrispondenza tagħhom. Madankollu, minkejja l-fatt li l-ebda korp ġudizzjarju ma kien awtorizza t-talba minn qabel, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li dan l-indħil kien iġġustifikat. Fost fatturi oħra, dik il-qorti nnotat il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet timponi limiti importanti fuq is-setgħat tal-awtoritajiet inkwistjoni u kienet tistabbilixxi salvagwardji effettivi u adegwati kontra l-abbuż (21).

37.      Barra minn hekk, fis-sentenza reċenti tagħha Delta Pekárny, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat jekk spezzjoni li saret mill-awtorità nazzjonali Ċeka tal-kompetizzjoni fil-bini ta’ kumpannija fl-2003 waslitx għal ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, għall-kumpannija kkonċernata, l-ispezzjoni kkontestata kienet kissret id-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju. Madankollu, ir-raġuni kienet li d-deċiżjoni li tawtorizza l-ispezzjoni ma setgħetx tiġi mistħarrġa ġudizzjarjament, kemm ex ante kif ukoll ex post. B’mod partikolari, l-unika opportunità għar-rikorrenti li jqajmu kwistjonijiet dwar il-legalità tal-ispezzjoni kienet fi proċeduri li jindirizzaw id-deċiżjonijiet sostantivi meħuda mill-awtorità tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, kwistjonijiet bħan-neċessità, it-tul u l-portata tal-ispezzjoni kif ukoll in-natura proporzjonata tagħha ma setgħux jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament (22).

38.      Għandu jiġi osservat li fis-sentenza Delta Pekárny, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qalet espliċitament li l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel tista’ tiġi kkontrobilanċjata bi stħarriġ ġudizzjarju ex post effettiv li jittratta l-kwistjonijiet kollha ta’ dritt u ta’ fatt. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet riferiment espliċitu, inter alia, għas-sentenza tagħha Harju, li r-rilevanza tagħha — għall-finijiet ta’ din il-kawża — ġiet ikkontestata mill-appellanti, kif intqal iktar ’il fuq (23). Bl-istess mod, fis-sentenza Bernh Larsen, dik il-qorti waslet għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, mingħajr ma lanqas ġie evalwat jekk kienx hemm xi raġuni ta’ urġenza li kienet tiġġustifika l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi.

39.      Fuq din il-bażi, għandi nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li rreferew għaliha l-appellanti. Hija lanqas ma wettqet żball ta’ liġi billi applikat din il-ġurisprudenza fil-kawża mressqa quddiemha.

40.      Fil-fatt, skont is-sistema tal-UE, livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju huwa żgurat mill-istħarriġ ġudizzjarju ex post li jista’ jsir mill-qrati tal-UE. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-UE tkopri l-aspetti kollha ta’ liġi u ta’ fatt li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (24), b’mod konformi mas-sentenzi Chalkor u KME Germany (25). Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 23 iktar ’il fuq, l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni tipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħmel użu minn dokumenti misjuba waqt dik l-ispezzjoni.

41.      Għalhekk jidhirli li l-appellanti ma stabbilixxew l-ebda ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Barra minn hekk, l-appellanti ma jsostnux li l-Artikolu 7 tal-Karta jista’ jimponi standard ogħla ta’ protezzjoni minn dak stabbilit skont il-KEDB (26). Fi kwalunkwe każ, ma nara l-ebda element fid-dritt primarju jew sekondarju tal-UE li jindika konklużjoni bħal din. Fil-fatt, l-Artikolu 7 tal-Karta fih kliem simili għal dak tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1/2003 jeħtieġ speċifikament li jkun hemm awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel biss għall-ispezzjonijiet li jitwettqu bis-saħħa tal-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, biex b’hekk tiġi eskluża impliċitament il-ħtieġa għal din l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ spezzjonijiet bbażati fuq l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament.

42.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti tal-appellanti li allegaw ksur tad-dritt tagħhom għall-invjolabbiltà tal-bini użat għall-kummerċ. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell.

C –    It-tieni aggravju tal-appell

43.      Permezz tat-tieni aggravju tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

44.      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

45.      It-tieni aggravju tal-appell jidhirli li huwa fil-biċċa l-kbira repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rigward tal-ewwel aggravju tal-appell. L-appellanti sempliċiment isostnu li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għal spezzjoni ċċaħħad lill-impriżi minn protezzjoni ġudizzjarja adegwata, bi ksur tad-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Anki hawnhekk l-appellanti jagħmlu riferiment għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Colas Est, Canal Plus u Liotard Frères (27).

46.      Għaldaqstant, biżżejjed jingħad dak li ġie spjegat diġà: l-impriżi li jkunu għaddew minn spezzjoni jistgħu jikkontestaw quddiem il-qrati tal-UE l-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni maħruġa mill-Kummissjoni. Dawn il-proċeduri ġudizzjarji jistgħu jinbdew immedjatament wara li l-kumpannija tkun ġiet innotifikata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ġeneralment meta tibda l-ispezzjoni), billi ma hemmx bżonn li dak li jkun jistenna sakemm il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni finali fuq il-ksur issuspettat tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

47.      Barra minn hekk, ma hemmx dubju li l-qrati tal-UE għandhom is-setgħa li jistħarrġu l-aspetti kollha ta’ liġi u ta’ fatt tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, inkluża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni użatx is-setgħat diskrezzjonali tagħha b’mod xieraq, u li jannullawhom għal kollox jew parzjalment, fuq il-kwistjonijiet kollha (28).

48.      Dawn l-aspetti juru differenza sinjifikattiva bejn is-sistema tal-UE li qed tiġi kkunsidrata f’dawn il-proċeduri u s-sistema nazzjonali eżaminata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi Canal Plus u Liotard Frères. F’dawk il-kawżi, meta kkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet ibbażata fuq żewġ punti kruċjali: (i) il-kumpanniji setgħu jikkontestaw biss id-deċiżjoni ta’ spezzjoni fil-kuntest ta’ appell fuq punt ta’ liġi (“kassazzjoni”), li ma kienx jippermettilhom jikkontestaw il-punti ta’ fatt wara d-deċiżjoni (29), u (ii) id-deċiżjoni ta’ spezzjoni setgħet tiġi kkontestata biss konġuntament mad-deċiżjoni finali tal-awtorità antitrust, bil-konsegwenza li l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tkun inċerta u fi kwalunkwe każ iddum għal diversi snin (30).

49.      Dawn il-punti ġew spjegati b’mod ċar mill-Qorti Ġenerali fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata.

50.      Bl-istess mod, ma narax — u l-appellanti lanqas ma spjegaw lill-Qorti tal-Ġustizzja — għaliex, fuq dan il-punt, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jimponi standards iktar għoljin għall-Unjoni Ewropea minn dawk li għandha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

51.      Is-sempliċi fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju jsir ex post ma jidhirlix li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dan għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq.

52.      Għaldaqstant nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju li jissodisfa l-istandards ta’ effettività meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha ta’ dan il-prinċipju. Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud ukoll.

D –    It-tielet aggravju tal-appell

53.      Permezz tat-tielet aggravju tal-appell, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat id-“dokumenti DUSS” li nstabu matul l-ewwel spezzjoni bħala “misjuba b’kumbinazzjoni” fis-sens tas-sentenza Dow Benelux (31). Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-persunal tal-Kummissjoni li wettqu l-ispezzjoni kienu ġew infurmati minn qabel li kien hemm ilment li jallega ksur ieħor tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-appellanti. L-appellanti sostnew li dak kien jikkostitwixxi irregolarità li kienet affettwat l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

54.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ ammissibbiltà fil-konfront ta’ dan l-aggravju, sa fejn l-appellanti qegħdin jikkontestaw konstatazzjoni ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti mressqa mill-appellanti huma infondati.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

55.      Jidhirli li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda. Essenzjalment, dak li l-appellanti qegħdin jilmentaw fil-konfront tal-Qorti Ġenerali ma huwiex li d-dokumenti DUSS instabu b’kumbinazzjoni, imma pjuttost li ma jistgħux jitqiesu bħala tali fis-sens tas-sentenza Dow Benelux. F’din il-kawża, l-appell jirrigwarda, għalhekk, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet legali li hija siltet minnhom.

2.      Fuq il-mertu

56.      Mill-bidu nett, għandi nerġa’ nfakkar li, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, kull dokument jew informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ spezzjoni għandhom, ħlief għall-eċċezzjonijiet ipprovduti f’dan ir-regolament, jintużaw biss għall-finijiet li għalihom nkisbu. Madankollu, mis-sentenza Dow Benelux jirriżulta li, bħala deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 28, dokumenti u informazzjoni li jinstabu imma li ma jkunux koperti mis-suġġett tal-ispezzjoni jistgħu jintużaw sabiex tinbeda investigazzjoni ġdida.

57.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi li ressqu l-partijiet, li d-dokumenti DUSS ma kinux is-suġġett ta’ tfittxija speċifika peress li nstabu b’kumbinazzjoni f’żoni tal-bini użat għall-kummerċ li fihom il-Kummissjoni kienet qed tfittex sabiex tiġbor informazzjoni fuq is-suġġett tal-ewwel spezzjoni. Fuq din il-bażi, u l-iktar b’riferiment għall-ġurisprudenza Dow Benelux, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar l-irregolarità allegata fl-ewwel spezzjoni (32).

58.      Il-fatt li d-dokumenti DUSS nstabu meta kienet qed issir tfittxija għal tipi oħra ta’ dokument hija kwistjoni fattwali, li bħala prinċipju ma tistax tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-kwistjoni kruċjali hija din: dan huwa biżżejjed sabiex jiġi deċiż li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ġew debitament irrispettati fil-kuntest tal-ewwel spezzjoni? Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza Dow Benelux?

59.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

60.      Fil-fehma tiegħi, biex wieħed jifhem għaliex għandu jingħad li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm bżonn li tiġi eżaminata r-raġuni għar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Ma hemmx dubju li l-Kummissjoni ngħatat setgħat investigattivi wesgħin ħafna skont ir-Regolament Nru 1/2003 li jinterferixxu b’mod qawwi ma’ ċerti drittijiet fundamentali ta’ kumpanniji u individwi. Kif semmejt iktar ’il fuq, dawn is-setgħat jiġu eżerċitati fuq il-bażi tal-ebda (jew ftit li xejn) kontroll ġudizzjarju ex ante. Barra minn hekk, għandu jingħad li s-salvagwardji interni li huma tipikament previsti meta l-Kummissjoni tkun ser tadotta deċiżjonijiet u atti legali vinkolanti oħra (33) ma japplikawx fl-intier tagħhom għal deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 20 u 21 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet bis-saħħa ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ġiet fdata (34) f’idejn il-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-kompetizzjoni li, min-naħa tiegħu, iddelega din is-setgħa lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“DG Kompetizzjoni”) (35). Dan ifisser li d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jittieħdu prattikament mill-persunal tad-DG Kompetizzjoni waħdu, fejn id-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni jkollhom ftit li xejn jew ebda rwol fil-proċess deċiżjonali.

62.      Madankollu, huwa ġeneralment aċċettat li l-Kummissjoni għandha tiddisponi minn tali setgħat estensivi u minn marġni xieraq ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tagħhom għaliex il-ksur tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi ksur serju tal-liġijiet ekonomiċi li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, huwa raġonevoli li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni jiġu ddelegati lill-Kummissarju responsabbli għall-politika dwar il-kompetizzjoni, sabiex b’hekk l-ispezzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu malajr filwaqt li jiġi mminimizzat kull riskju ta’ żvelar ta’ informazzjoni (36).

63.      Iżda fl-istess żmien, preċiżament għaliex dawn is-setgħat huma tant estensivi, id-diskrezzjoni hija tant wiesgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet huwa suġġett għal ftit li xejn kontrolli (ġudizzjarji jew amministrattivi) minn qabel, huma l-qrati tal-UE li għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impriżi u taċ-ċittadini involuti f’investigazzjoni jiġu rrispettati għal kollox (37). Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni hija intitolata ġustament li tindaħal, kultant anki severament, fid-drittijiet fundamentali ta’ impriżi u ta’ ċittadini matul l-investigazzjonijiet antitrust. Madankollu, hija ma tistax tmur lil hinn mil-liġi billi dan ikun jammonta għall-ksur tal-invjolabbiltà, kif iggarantita mid-dritt tal-UE, tal-qofol ta’ dawn id-drittijiet fundamentali (38).

64.      L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jinqara f’dan l-isfond. Waħda mill-intenzjonijiet wara dik id-dispożizzjoni hija biex il-Kummissjoni tiġi prekluża milli tmur fuq dawk li bl-Ingliż jissejħu “fishing expeditions”, billi tuża bħala skuża investigazzjoni li tkun għada għaddejja dwar ksur possibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tfittex għal provi dwar ksur potenzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għajr għal dawk li jirrigwardaw is-suġġett tal-investigazzjoni.

65.      Min-naħa l-oħra, ir-ratio decidendi tas-sentenza Dow Benelux hija, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni ma tistax ma tagħtix kas, fl-eventwalità li ssib, purament b’koinċidenza, prova dokumentali li tkun tidher li qed tindika ksur possibbli ieħor tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tagħti kas dan, ma tkun qiegħda tabbuża jew tevita l-ebda regola proċedurali. Pereżempju, sitwazzjoni bħal din tista’ tiġi pparagunata, mutatis mutandis, ma’ dik ta’ aġenzija ta’ infurzar li, waqt li tkun qed tagħmel spezzjoni fil-post minħabba suspett ta’ evażjoni tat-taxxa, issib informazzjoni li tissuġġerixxi każ possibbli ta’ ħasil tal-flus. Ma hemmx raġuni valida għaliex l-awtorità għandha tinjora informazzjoni misjuba ġenwinament b’kumbinazzjoni. L-istess jgħodd għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet mwettqa skont ir-Regolament Nru 1/2003.

66.      Fid-dawl ta’ dan, il-kwistjoni kruċjali li tqum f’dan il-każ hija s-segwenti: il-Kummissjoni evitat ir-regola stabbilita fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003?

67.      Il-Qorti Ġenerali kkonfermat fis-sentenza appellata li, minnufih qabel ma saret l-ispezzjoni, il-persunal kollu tal-Kummissjoni kien ġie speċifikament informat li kien tressaq ilment ieħor kontra l-appellanti, u kien ġie mgħarraf bis-suġġett ta’ dak l-ilment. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet apertament dan il-fatt, kemm fil-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll matul dan l-appell. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma sabet xejn ħażin f’dan l-aġir, li jidher li kkunsidrat bħala irrilevanti fil-kuntest tas-sentenza Dow Benelux. Il-Qorti Ġenerali sempliċiment tgħid li, “għandu jiġi kkunsidrat li kien leġittimu li l-aġenti [membri tal-persunal] jiġu informati bil-kuntest ġenerali tal-każ” mingħajr ma spjegat, madankollu, x’kienu attwalment dawn ir-raġunijiet (39).

68.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tiddefendi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u sostniet li kien utli, għall-persunal tal-Kummissjoni, li jkunu jafu bil-kuntest li fih kienet ser ssir l-ispezzjoni.

69.      Bħala prinċipju, naqbel mal-Kummissjoni li, qabel ma ssir spezzjoni, huwa kruċjali li l-persunal tal-Kummissjoni jiġi mgħarraf bil-kuntest rilevanti tal-investigazzjoni. Għal dan l-iskop, jidhirli li huwa raġonevoli u utli li l-persunal ikkonċernat jingħata l-informazzjoni kollha li tista’ tikkontribwixxi għall-effikaċja tat-tfittxija għal provi fuq is-suġġett tal-ispezzjoni. Dan jinkludi, pereżempju, informazzjoni utli biex wieħed jifhem in-natura u l-portata tal-ksur possibbli (prodotti involuti, suq ġeografiku affettwat, kumpanniji oħra involuti, isem tal-persuni implikati f’isem il-kumpannija investigata u oħrajn) kif ukoll informazzjoni dwar il-loġistika tal-ispezzjoni (uffiċċji li għandhom jiġu mfittxija, tipi ta’ dokumenti rilevanti, kliem ewlieni jew tip ieħor ta’ informazzjoni speċifika li għandha tiġi mfittxija). Din it-tip ta’ informazzjoni mhux biss tista’ trendi t-tfittxija iktar effettiva, biex b’hekk jiġi żgurat li tilħaq l-għan tagħha, iżda tista’ tillimita wkoll l-indħil fid-drittijiet tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni, sal-punt li t-tfittxija taf tkun iktar iffukata u jinħela inqas ħin.

70.      Minkejja dan, għalija ma huwiex ċar għal xiex qed tirreferi l-Kummissjoni meta titkellem, f’din il-kawża, dwar il-“kuntest” tal-ispezzjoni. Lanqas ma nara għaliex it-tieni ksur issuspettat għandu jiġi kkunsidrat, fil-kliem tal-Qorti Ġenerali, li jifforma parti mill-“kuntest ġenerali” tal-ewwel ksur issuspettat.

71.      Meta saritilha mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, il-Kummissjoni sabet diffikultà sabiex tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex informazzjoni dwar it-tieni ksur issuspettat kien rilevanti fil-kuntest ta’ tfittxija għal informazzjoni dwar l-ewwel ksur issuspettat. Il-Kummissjoni sostniet li ż-żewġ każijiet jistgħu jkunu konnessi f’żewġ aspetti: l-ewwel nett għaliex kien hemm lanjant komuni għaż-żewġ investigazzjonijiet; it-tieni nett għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx dak iż-żmien teskludi l-possibbiltà li ż-żewġ prattiki li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni setgħu kienu l-espressjoni ta’ strateġija ġenerali segwita minn Deutsche Bahn sabiex tipprovdi lill-kompetituri tagħha b’aċċess diskriminatorju għall-infrastrutturi miżmuma mis-sussidjarji tagħha.

72.      Id-dgħjufija u l-ambigwità tal-argumenti tal-Kummissjoni fuq dan il-punt juru li, fil-verità, iż-żewġ każijiet ma għandhom xejn komuni bejniethom apparti mill-fatt li t-tnejn jirrigwardaw sussidjarji tad-Deutsche Bahn, għalkemm ma hijiex l-istess sussidjarja. Il-fatt li kumpannija waħda kienet fost il-lanjanti fiż-żewġ każijiet ma jidher li huwa ta’ ebda rilevanza, tant li l-prattiki kkritikati huma pjuttost differenti u jseħħu fi swieq distinti.

73.      Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li ż-żewġ prattiki kienu jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ strateġija waħda, ma hemm xejn fil-fajls li jidher li jsostni dikjarazzjoni bħal din. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-ġrajjiet li ppreżentat il-Kummissjoni nnifisha tissuġġerixxi l-kuntrarju. Il-Kummissjoni ammettiet li l-persunal tagħha kien ġie informat dwar is-suġġett tat-tieni lment qabel ma seħħet l-ewwel spezzjoni, imma żiedet tgħid li, f’dik l-okkażjoni, il-persunal tagħha kien ġie mfakkar ukoll li l-għan ta’ dik l-ispezzjoni kien is-suġġett tal-ewwel ilment u mhux tat-tieni. Naturalment, kieku l-Kummissjoni ssuspettat li ż-żewġ prattiki kienu l-espressjoni ta’ strateġija waħda, dan il-kliem ta’ prekawzjoni kien ikun mhux biss inutli iżda ukoll kontroproduttiv. Fil-fatt, il-ksur issuspettat kien ikun ta’ natura u ta’ portata ferm iktar sinjifikattiv. Kien ikun għalhekk loġiku għall-Kummissjoni li tfittex b’mod attiv għal rabtiet possibbli bejn iż-żewġ każijiet.

74.      Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li, inizjalment, kienet iddeċidiet li ma tinvestigax it-tieni ilment billi kien jidher li kien jirrigwarda aġir b’impatt limitat ħafna. Madankollu, huwa diffiċli li din id-dikjarazzjoni tiġi rrikonċiljata mal-argument tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dak iż-żmien, ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li Deutsche Bahn kienet fil-proċess li timplementa strateġija globali sabiex tipprovdi lill-kompetituri tagħha b’aċċess diskriminatorju għall-infrastrutturi tagħha.

75.      Fi kwalunkwe każ, għalija jidher ċar li, kieku l-Kummissjoni verament issuspettat tali strateġija globali min-naħa ta’ Deutsche Bahn, kellha tagħmel riferiment f’dan is-sens fl-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni. Anki wara li nstabu d-dokumenti DUSS matul l-ewwel spezzjoni, ma sar l-ebda riferiment għal din l-istrateġija ssuspettata la fit-tieni u lanqas fit-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni. Minn naħa, dan jidher li jikkontradixxi għal kollox l-argumenti tal-Kummissjoni u, minn naħa l-oħra, jitfa’ iktar dubju fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

76.      Fl-aħħar nett, meta kienet qed twieġeb mistoqsija oħra waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li t-tfittxija għall-informazzjoni dwar l-ewwel ksur issuspettat ma kinitx saret neċessarjament iktar effettiva bil-fatt li l-persunal tagħha kien ġie mgħarraf minn qabel dwar is-suġġett tat-tieni ksur issuspettat.

77.      Minħabba n-nuqqas evidenti ta’ kwalunkwe relazzjoni ċara bejn iż-żewġ ksur issuspettati, u r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija lill-persunal tagħha dwar it-tieni ksur issuspettat ma kienx verament utli għat-tfittxija għall-informazzjoni fuq l-ewwel wieħed, fil-fehma tiegħi l-konklużjoni inevitabbli hija li ried ikun hemm raġuni oħra għall-informazzjoni li ngħatat lill-persunal tal-Kummissjoni. Jidhirli li l-unika spjegazzjoni plawżibbli hija li l-informazzjoni fuq il-ksur issuspettat ta’ DUSS ingħatat lill-persunal tal-Kummissjoni sabiex “joqogħdu b’seba’ għajnejn” għall-provi li tirrigwardaw it-tieni lment.

78.      Fil-fatt, ma hemm l-ebda ċertezza li l-persunal tal-Kummissjoni — mingħajr dik l-informazzjoni minn qabel — setgħu jifhmu t-tifsira tad-dokumenti DUSS. Iktar u iktar billi l-ksur issuspettat f’dak il-każ ma kienx jikkonsisti fi ksur tipiku u faċilment identifikabbli tal-Artikolu 101 TFUE (kif jista’ jkun il-każ bid-dokumenti li jirrigwardaw akkordji intranżiġenti) iżda f’aġir li l-effetti antikompetittivi possibbli tiegħu jistgħu jiġu evalwati biss bl-għajnuna ta’ analiżi ta’ ċerta kumplessità (40).

79.      Essenzjalment, dan għandu jwassal għall-konklużjoni li, jew xjentement jew bi traskuraġni, il-Kummissjoni evitat ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003 li jirregolaw l-ispezzjonijiet, bl-użu ta’ spezzjoni biex tfittex għal dokumenti li jirrigwardaw kwistjoni oħra mhux relatata.

80.      F’dan il-kuntest, kważi ma huwiex meħtieġ li jiġi indikat li meta l-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ inkunsiderazzjoni, tiġi infurmata bi ksur allegat ieħor, differenti u distint, tar-regoli tal-kompetizzjoni minn ċerti kumpanniji li huma diġà taħt investigazzjoni, hija tista’ tinvestiga ż-żewġ prattiki fl-istess ħin. B’mod partikolari, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Kummissjoni, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti, milli tadotta żewġ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni indirizzati lill-istess kumpannija, kull waħda fil-qafas ta’ investigazzjoni differenti, sabiex jitwettqu fl-istess żmien. Madankollu, jekk ikollha l-intenzjoni tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk apertament, billi ssegwi l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003, sabiex is-salvagwardji u l-garanziji kollha previsti għall-benefiċċju tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni jiġu debitament osservati.

81.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet, inizjalment, iddeċidiet deliberatament li ma tadottax żewġ deċiżjonijiet distinti fl-istess ħin, u tinvestiga formalment ksur allegat wieħed biss. Iżda l-Kummissjoni qalet lill-persunal tagħha espliċitament jew impliċitament sabiex joqogħdu attenti speċifikament għall-informazzjoni li kienet tirrigwarda it-tieni ksur issuspettat, li kien differenti.

82.      Dan żgur li ma huwiex it-tip ta’ aġir li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tippermetti permezz tas-sentenza Dow Benelux. Fil-fehma tiegħi ma hemmx differenza bejn każ fejn il-Kummissjoni tagħmel spezzjoni mingħajr raġuni valida u waħda fejn il-Kummissjoni tipproċedi fuq il-bażi ta’ deċiżjoni valida, imma tfittex għal informazzjoni li tirrigwarda investigazzjoni oħra li ma hijiex koperta b’dik id-deċiżjoni.

83.      Bħala konklużjoni, l-evitar tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 wassal mhux biss għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti iżda, iktar importanti minn hekk, għal ksur manifest tad-dritt tal-invjolabbiltà tad-domiċilju. Għal din ir-raġuni, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi milqugħ u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata sa fejn ċaħdet il-motiv, invokat mill-appellanti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-irregolarità tal-ewwel spezzjoni.

E –    Ir-raba’ aggravju tal-appell

84.      Permezz tar-raba’ aggravju tal-appell, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta poġġiet fuq l-appellanti l-oneru li jipprovaw li d-dokumenti DUSS ma kinux nstabu “b’kumbinazzjoni”. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha minflok tidderiġi lill-Kummissjoni sabiex tipprova li l-kundizzjonijiet fil-ġurisprudenza Dow Benelux kienu ġew issodisfatti.

85.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-aggravju tal-appell huwa inammissibbli u infondat. Fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti qegħdin jitolbu essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-provi prodotti mill-appellanti fl-ewwel istanza sabiex jiġi stabbilit li d-dokumenti DUSS ma nstabux b’kumbinazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn il-provi ma kinux ta’ sostenn għall-argumenti li ressqu l-appellanti u dik l-evalwazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell.

86.      Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-aggravju tal-appell li qed jiġi kkunsidrat, il-Kummissjoni ssostni li bl-ebda mod ma kien impossibbli għall-appellanti li jipproduċu provi insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li, matul l-ewwel spezzjoni, il-Kummissjoni kienet fittxet ukoll għal dokumenti dwar it-tieni ksur allegat. Fil-fatt, l-appellanti kienu ressqu fl-ewwel istanza numru ta’ dokumenti li kellhom jikkostitwixxu prova tal-aġir illegali tal-Kummissjoni iżda li l-Qorti Ġenerali — b’mod korrett fil-fehma tal-Kummissjoni — ma sabitx konvinċenti.

87.      Huwa evidenti li dan l-aggravju tal-appell jirrigwarda wkoll iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-motiv tal-appellanti dwar l-użu mill-Kummissjoni tad-dokumenti DUSS li nstabu matul l-ewwel spezzjoni bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tat-tieni u tat-tielet spezzjoni. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi fuq it-tielet aggravju tal-appell, ma jkunx hemm il-ħtieġa li jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju tal-appell. Għaldaqstant, ser neżamina fil-qosor biss dan l-aggravju tal-appell għal raġunijiet ta’ kompletezza, jew fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra t-tielet aggravju tal-appell bħala inammissibbli jew infondat.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

88.      Qabelxejn, mhinix konvint mill-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Jidhirli li l-appellanti ma humiex qed jikkritikaw l-evalwazzjoni, li għamlet il-Qorti Ġenerali, tal-provi prodotti insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, iżda pjuttost, u qabel kollox, il-fatt li l-oneru biex tingħata prova tal-intenzjoni vera tal-Kummissjoni kien waqa’ fuqhom. Għaldaqstant, hija l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova li tikkostitwixxi l-problema mqajma mill-appellanti: huwa ċar li din hija kwistjoni ta’ dritt u, bħala tali, hija suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

2.      Fuq il-mertu

89.      Dan l-aggravju tal-appell iqajjem essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk, fi proċeduri quddiem il-qrati tal-UE, humiex l-impriżi li għandhom jipprovaw li dokumenti misjuba fil-kuntest ta’ spezzjoni, imma li ma jkunux relatati mal-għan iddikjarat ta’ dik l-ispezzjoni, intużawx illegalment mill-Kummissjoni f’kuntest ieħor, jew viċi versa.

90.      Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat għal darba oħra li s-setgħat mogħtija lill-persunal tal-Kummissjoni matul spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huma ddelimitati fid-deċiżjoni tal-ispezzjoni li tidentifika s-suġġett tal-ispezzjoni. Madankollu, matul spezzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha relatati man-negozju li raġonevolment taħseb li huma sors ta’ informazzjoni fir-rigward tal-investigazzjoni. Dan ifisser li inevitabbilment, il-persunal tal-Kummissjoni jaqraw numru kbir ta’ dokumenti li jistgħu ma jidħlux fil-kuntest tas-suġġett tal-ispezzjoni sabiex jivverifikaw jekk humiex rilevanti jew le. Madankollu, il-persunal tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu kopji ta’ dawk id-dokumenti biss li jqisu rilevanti għall-investigazzjoni (41).

91.      Għalhekk, sakemm il-Kummissjoni tieħu biss kopji ta’ dokumenti koperti mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-aġir tagħha għandu jiġi preżunt bħala validu. F’dawn il-każijiet, għandha tkun l-impriża li tkun qed tiġi spezzjonata li trid tipprova quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-invalidità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni (billi tikkontesta direttament dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-UE) jew l-illegalità tal-mod ta’ kif saret l-ispezzjoni (ġeneralment fil-kuntest ta’ azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni dwar il-ksur issuspettat) (42).

92.      Min-naħa l-oħra, bħala prinċipju, kwalunkwe użu ta’ informazzjoni li ma jidħolx fil-kamp tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa pprojbit. Madankollu, kif ġie ċċarat fis-sentenza Dow Benelux, dokumenti li jinstabu b’kumbinazzjoni waqt spezzjoni u li ma jkunux relatati magħha xorta jistgħu jintużaw sabiex tinbeda investigazzjoni ġdida.

93.      Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tuża dokumenti jew informazzjoni misjuba matul spezzjoni u li ma humiex koperti minn deċiżjoni ta’ spezzjoni, hija l-Kummissjoni — fil-każ ta’ tilwim legali — li għandha tinvoka eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali msemmi iktar ’il fuq, bħall-eċċezzjoni li tirriżulta mis-sentenza Dow Benelux, u li turi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni ġew issodisfatti (43).

94.      F’ċirkustanzi normali, sakemm ma jkunx hemm fatturi li jindikaw il-kuntrarju, l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni jista’ jiġi ssodisfatt faċilment. Fil-fatt, ġeneralment ma hemmx raġuni għaliex il-Kummissjoni għandha tkun interessata f’li tistħarreġ u tiġbor informazzjoni li hija estranea għall-investigazzjoni li tkun għaddejja. Għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li, normalment, spjegazzjoni qasira dwar kif instabet l-informazzjoni estranea hija biżżejjed sabiex il-Kummissjoni turi, prima facie, li ma wettqitx żball ta’ liġi matul it-tfittxija tagħha. Sussegwentement, hija l-impriża kkonċernata li għandha tikkonvinċi lill-qrati tal-UE li d-dokumenti inkwistjoni kienu fil-fatt imfittxija sa mill-bidu nett. Fi kliem ieħor, jiena tal-fehma li, ħlief meta jkun hemm provi li juru l-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tassumi li l-aġir tal-Kummissjoni jaqa’ fl-ambitu tar-regola stabbilita fis-sentenza Dow Benelux.

95.      Iżda fil-każ preżenti s-sitwazzjoni hija differenti. Il-partijiet jaqblu bejniethom li: (i) id-dokumenti DUSS li nstabu mill-Kummissjoni matul l-ewwel spezzjoni ma jirrigwardawx is-suġġett ta’ dik l-ispezzjoni; (ii) dawn id-dokumenti kienu ntużaw bħala l-bażi għall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet li ordnaw żewġ spezzjonijiet sussegwenti li kienu jirrigwardaw ksur possibbli differenti; u (iii) il-persunal tal-Kummissjoni kien ġie mgħarraf fuq is-suġġett tat-tieni lment minnufih qabel ma saret l-ewwel spezzjoni.

96.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naqbel mal-appellanti li, bħala prinċipju, kienet il-Kummissjoni, li invokat l-eċċezzjoni tas-sentenza Dow Benelux, li kellha turi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ġew issodisfatti.

97.      Madankollu, din il-kwistjoni hija pjuttost irrilevanti fil-każ preżenti. Fil-fatt, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fi stadju iktar bikri tar-raġunament tagħha fis-sentenza appellata. Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni tas-sentenza Dow Benelux tapplika biss għal informazzjoni li tinstab verament b’kumbinazzjoni: jiġifieri, informazzjoni li tinstab waqt tfittxija, imwettqa bi bona fides, għal informazzjoni li tirrigwarda s-suġġett tal-ispezzjoni. Min-naħa l-oħra, din l-eċċezzjoni ma tistax tapplika għal każijiet fejn id-dokumenti misjuba huma l-frott ta’ tfittxija illegali. Fil-każ inkunsiderazzjoni, kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, l-ewwel spezzjoni kienet tikkostitwixxi tfittxija illegali tant li l-persunal tal-Kummissjoni kien ġie espressament jew impliċitament mitlub sabiex joqgħod attent għal dokumenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-ispezzjoni kif iddelimitat fl-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni. L-ewwel spezzjoni kienet, fi kliem ieħor, illegali sa fejn kienet tirrigwarda tfittxija għad-dokumenti DUSS.

98.      Għalhekk, l-iżball tal-Qorti Ġenerali ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk kellhiex tkun il-Kummissjoni li tipprova li l-kriterji tas-sentenza DOW Benelux kinux ġew issodisfatti jew jekk kinux l-appellanti li kellhom jipprovaw il-kuntrarju. L-iżball li għamlet kien iżjed radikali. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, il-kwistjoni tal-allokazzjoni tal-oneru tal-prova lanqas biss tqum. Kieku l-Qorti Ġenerali waslet għall-konsegwenzi korretti mill-fatt li l-Kummissjoni kienet għamlet tfittxija illegali fir-rigward tad-dokumenti DUSS, ma kienx ikun hemm bżonn ta’ provi addizzjonali mill-appellanti sabiex jipprovaw li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Bl-istess mod, l-ebda prova prodotta mill-Kummissjoni ma setgħet turi li d-dokumenti kienu nstabu b’kumbinazzjoni u għalhekk legalment.

99.      Għal din ir-raġuni nemmen li r-raba’ aggravju tal-appell huwa fondat ukoll.

VI – Konsegwenzi tal-evalwazzjoni

100. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jekk l-appell ikun fondat. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

101. Jiena kkonkludejt li t-tielet u r-raba’ aggravji tal-appell għandhom jintlaqgħu. Bħala konsegwenza, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, fil-punti 115 sa 165, din ċaħdet il-motiv invokat mill-appellanti fl-ewwel istanza dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom matul l-ewwel spezzjoni.

102. Fid-dawl tal-fatti disponibbli u l-iskambju ta’ fehmiet quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament din il-kawża.

103. Fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienu talbu, inter alia, l-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni peress li huma bbażati fuq informazzjoni miksuba illegalment matul l-ewwel spezzjoni.

104. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, wasalt għall-konklużjoni li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u d-dritt tagħhom għall-invjolabbiltà tad-domiċilju nkisru minħabba ksur tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni kruċjali hija għalhekk is-segwenti: il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u d-dritt tagħhom għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-annullament tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni?

105. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’l isfel, fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tkun fl-affermattiv.

106. Fl-ewwel lok, kif għedt diġà, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, fil-każ li deċiżjoni ta’ spezzjoni tiġi annullata mill-qrati tal-UE, il-Kummissjoni hija prekluża milli tuża, għall-finijiet tal-proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, kwalunkwe dokument jew prova li setgħet inkisbet waqt dik l-investigazzjoni. Altrimenti d-deċiżjoni tista’, sa fejn tkun ġiet ibbażata fuq tali provi, tiġi annullata mill-qrati tal-UE (44).

107. Il-prinċipju li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza huwa ta’ importanza ewlenija billi jiżgura l-kompatibbiltà tas-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 mal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-fatt iddeċidiet b’mod kostanti li ndħil fid-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jkun iġġustifikat, inter alia, meta l-leġiżlazzjoni tipprevedi “salvagwardji kontra l-abbużi” min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Dawn is-salvagwardji jistgħu jikkonsistu, inter alia, f’regoli li jipprevedu r-restituzzjoni jew il-qerda ta’ dokumenti maqbuda jew ikkopjati illegalment, jew f’projbizzjonijiet fuq l-użu, għal skop ieħor, tal-informazzjoni miġbura (45).

108. Fit-tieni lok, nosserva li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa fformulat f’termini wesgħin ħafna. B’mod partikolari, il-verb magħżul (“uża”) għandu tifsira komprensiva. Ir-regola kkodifikata f’din id-dispożizzjoni hija, x’aktarx, projbizzjoni ġenerali fuq kull użu ta’ informazzjoni miġbura matul spezzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet differenti, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni speċifika. Wara kollox, dan huwa loġiku billi dan il-prinċipju huwa tal-ikbar importanza, intiż sabiex jipproteġi mhux biss is-segretezza professjonali tal-impriżi kkonċernati iżda wkoll, u iktar importanti, id-drittijiet tad-difiża ta’ dawk l-impriżi (46).

109. Għalhekk niddeduċi li l-Kummissjoni ma hijiex prekluża milli tirreferi għal din l-informazzjoni bħala prova ta’ ksur iżda, b’mod iktar ġenerali, ma tistax tuża din l-informazzjoni bħala bażi għal kwalunkwe deċiżjoni oħra li hija sfavorevoli jew ta’ preġudizzju għall-impriża kkonċernata (jew għal kwalunkwe impriża oħra, wara kollox). Ma narax għaliex din il-projbizzjoni ma għandhiex tkopri wkoll deċiżjonijiet li jordnaw lill-impriżi jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

110. Fit-tielet lok, nosserva li, fil-punti 130 sa 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-informazzjoni miġbura matul l-ewwel spezzjoni setgħet taffettwa l-“legalità tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni”. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet irċeviet minn qabel ilment fuq ksur allegat imwettaq minn DUSS tqies — b’mod korrett fil-fehma tiegħi — bħala irrilevanti mill-Qorti Ġenerali, sa fejn l-avveniment li wassal għat-tieni u għat-tielet spezzjoni kien l-informazzjoni misjuba matul l-ewwel spezzjoni. Fil-fatt, it-test tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni għamel riferiment (espressament fit-tielet deċiżjoni u impliċitament fit-tieni deċiżjoni) għall-informazzjoni li nstabet matul l-ewwel spezzjoni. Il-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt.

111. Barra minn hekk ninnota li fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-dokumenti misjuba matul l-ewwel spezzjoni żiedu informazzjoni importanti ma’ dik li kienet teżisti diġà fil-fajls tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qalet espliċitament li d-dokumenti DUSS dehru li indikaw ksur possibbli li n-natura u l-portata tiegħu dehru iktar sinjifikattivi minn dak li kien s-suġġett tal-ilment riċevut qabel. In-natura limitata tal-informazzjoni disponibbli dwar it-tieni ksur issuspettat qabel ma saret l-ewwel spezzjoni ġiet enfasizzata wkoll mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

112. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha qabel ma nstabu d-dokumenti DUSS ma kinitx biżżejjed sabiex tippermetti spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-Kummissjoni kellha biżżejjed provi sabiex tordna spezzjoni ad hoc dwar it-tieni ksur issuspettat, ma narax kif dak ikun biżżejjed sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur manifest tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

113. Fir-raba’ lok, huwa irrilevanti li wħud mid-dokumenti DUSS ġew iffotokopjati biss wara li t-tieni deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lill-appellanti. Sa fejn il-Kummissjoni sabet dawk id-dokumenti matul l-ewwel spezzjoni u warrbithom sabiex tikkopjahom iktar tard, ma jistax jingħad li dawk id-dokumenti nkisbu mill-ġdid fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġdida.

114. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar it-tieni ksur issuspettat, dawn id-dokumenti nstabu matul spezzjoni li kienet illegali. Bħala tali, dan l-iżball proċedurali ma jistax jiġi “ssanat” bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida (jew, x’aktarx, bil-ħruġ ta’ talba għal informazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003).

115. Fehma kuntrarja bażikament tneħħi l-effettività kollha tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-prattika, il-Kummissjoni tkun tista’ tinjora r-regoli proċedurali previsti fir-regolament, inkluża dik fl-Artikolu 20(4) tiegħu u tevita l-projbizzjoni previst fl-Artikolu 28, peress li kwalunkwe dokument misjub illegalment jkun jista’ jiġi “rregolarizzat” faċilment ħafna. Apparti minn kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà li jqumu fil-konfront tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma huwiex raġonevolment possibbli li tingħata tali interpretazzjoni lir-Regolament Nru 1/2003.

116. Huwa minnu li, fis-sentenza PVC, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sempliċiment għaliex il-Kummissjoni tkun kisbet, għall-ewwel darba, dokumenti f’każ partikolari, dan ma jikkonferixxix protezzjoni tant assoluta li dawn id-dokumenti ma jkunux jistgħu jintalbu legalment f’każ ieħor u jiġu użati bħala provi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Kummissjoni kienet kisbet mill-ġdid id-dokumenti kkontestati f’dak il-każ fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjonijiet jew deċiżjonijiet, u kienet użathom għall-finijiet indikati f’dawk l-awtorizzazzjonijiet jew deċiżjonijiet, hija kienet irrispettat debitament id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-impriżi inkwistjoni (47).

117. Madankollu, il-fatti ta’ dak il-każ huma differenti sew minn dawk tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, fil-kawża PVC, l-ebda waħda mill-partijiet ma kien sostna li, matul l-ewwel spezzjoni, il-Kummissjoni kienet għamlet xi ħaġa ħażina — kuntrarjament għall-każ preżenti. Barra minn hekk, kopja ġdida tad-dokumenti inkwistjoni kienu ġew ipprovduti volontarjament mill-impriżi kkonċernati, wara talba mill-Kummissjoni (48). Iżda f’dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq l-istess kopja tad-dokumenti li hija kienet kisbet illegalment waqt l-ewwel spezzjoni.

118. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza PVC huwa, fil-fehma tiegħi, raġonevoli (49). Għal darba oħra, l-għan wara l-Artikolu 28 huwa li l-Kummissjoni ma tevitax ir-regoli, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-impriżi suġġetti għal investigazzjoni. Jekk jitqies li l-kisba ta’ dokument fil-kuntest ta’ investigazzjoni tista’ tipprekludi kull użu fil-futur ta’ dak id-dokument f’kuntest ieħor, anki jekk ma tkunx ġiet evitata regola proċedurali u d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi jkunu ġew debitament irrispettati, dan ikun jikkostitwixxi estensjoni eċċessiva tal-portata tal-Artikolu 28. Biex jingħata eżempju, ma jkun hemm l-ebda raġuni li jiġi pprojbit l-użu ta’ dokument inkriminanti, misjub mill-Kummissjoni waqt spezzjoni jew miksub wara talba għal informazzjoni dwar ksur ieħor, f’investigazzjoni sussegwenti — sakemm kopja tal-istess dokument tinstab jew tinkiseb sussegwentement, fil-kuntest ta’ dik l-investigazzjoni l-ġdida, b’osservanza tar-regoli previsti fir-Regolament Nru 1/2003.

119. Madankollu, din ma hijiex is-sitwazzjoni li għandna quddiemna.

120. Fil-ħames u l-aħħar lok, għalija huwa daqstant ieħor irrilevanti li — kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha — ir-rappreżentanti tal-appellanti li qagħdu josservaw il-persunal tal-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni ma qajmu l-ebda oġġezzjoni dakinhar (50), jew talbu li jiġi rreġistrat ilment formali fir-rapport ippreparat mill-persunali tal-Kummissjoni fl-aħħar tal-ispezzjoni.

121. L-ewwel nett, l-ebda regola tar-Regolament Nru 1/2003 jew tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġ li l-impriżi jqajmu immedjatament kwalunkwe kwistjoni possibbli f’dak l-istadju sabiex il-kwistjoni tkun tista’ tiġi eżaminata mill-qrati tal-UE. Is-sempliċi silenzju tal-impriża f’dak il-mument ma jistax jingħad li jfisser aċċettazzjoni tal-aġir potenzjalment illegali min-naħa tal-Kummissjoni. It-tieni nett, jista’ jkun diffiċli għar-rappreżentanti tal-impriża li jindunaw minnufih li hemm ksur possibbli tar-regoli proċedurali mill-Kummissjoni. Il-persunal tal-Kummissjoni ma għandux u mhux suppost jagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni speċifika, pereżempju, tat-tip ta’ dokumenti jew materjal imfittex, jew ir-raġunijiet wara tfittxija f’uffiċċju speċifiku.

122. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li, billi dokumenti miksuba bi ksur tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2003 ntużaw mill-Kummissjoni bħala bażi għall-adozzjoni tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati.

VII – Spejjeż

123. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, skont l-Artikoli 137, 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellanti — billi kellhom suċċess fi tnejn biss mill-erba’ aggravji invokati insostenn tal-appell — għandhom jiġu kkundannati jbatu nofs l-ispejjeż tagħhom stess u jħallsu nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni għal dan l-appell. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tħallas nofs l-ispejjeż tal-appellanti u għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess relatati ma’ dan l-appell.

124. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ewwel istanza, l-appellanti kellhom, minn naħa, suċċess fir-rigward tal-annullament tat-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ spezzjoni. Min-naħa l-oħra, il-validità tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni ġiet ikkonfermata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tħallas l-ispejjeż relatati mal-Kawżi T‑290/11 u T‑521/11, filwaqt li l-appellanti għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑289/11.

125. L-ESA u l-Gvern Spanjol, bħala intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VIII – Konklużjoni

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l‑Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza fil-Kawżi magħquda T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11 (EU:T:2013:404), Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, tas-6 ta’ Settembru 2013, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti minħabba l-irregolaritajiet li affettwaw l-eżekuzzjoni tal-ewwel spezzjoni;

–        tannulla id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2011) 2365, tat-30 ta’ Marzu 2011, u C(2011) 5230 tal-14 ta’ Lulju 2011;

–        tiċħad il-kumplament tal-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti jbatu nofs l-ispejjeż tagħhom u jħallsu nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati ma’ dan l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess u tħallas nofs l-ispejjeż tal-appellanti relatati ma’ dan l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż relatati mal-Kawżi T‑290/11 u T‑521/11, u tikkundanna lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑289/11;

–        tikkundanna lill-Gvern Spanjol u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3 – Deċiżjoni C(2011) 1774 tal-14 ta’ Marzu 2011.


4 – Deċiżjoni C(2011) 2365 tat-30 ta’ Marzu 2011.


5 – Deċiżjoni C(2011) 5230 tal-14 ta’ Lulju 2011.


6 – EU:T:2013:404.


7 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8Ibid., punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 – Jekk jiġi kkonstatat li impriża kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, anki dewmien fil-kooperazzjoni mal-Kummissjoni jġib żieda fil-multa: ara, pereżempju, is-sentenza Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, EU:T:2012:488, punti 220 sa 240.


10 – Ara s-sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11 – Ara s-sentenza Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dow Benelux”), punti 17 sa 19. Ara wkoll, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582 (iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC”), punt 301.


12 – Ara s-sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Société Colas Est et vs Franza, 16 ta’ Mejju 2002, Nru 37971/97, KEDB 2002‑III.


14 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza, 5 ta’ Mejju 2011, Nru 29598/08, KEDB 2011.


15 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Société Canal Plus et vs Franza, 21 ta’ Diċembru 2010, Nru 29408/08, KEDB 2010.


16 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Harju vs Finlandja, 15 ta’ Frar 2011, Nru 56716/09, KEDB 2011.


17 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Heino vs Finlandja, 15 ta’ Frar 2011, Nru 56720/09, KEDB 2011.


18 – Ara, pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Bernh Larsen Holding AS et vs In‑Norveġja, 14 ta‘ Marzu 2013, Nru 24117/08, § 159 u l-ġurisprudenza ċċitata, KEDB 2013.


19 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Niemietz vs Il‑Ġermanja, 16 ta’ Diċembru 1992, § 31, Serja A Nru 251‑B. Ara wkoll is-sentenza Société Colas Est et vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


20 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 64 sa 73 u 108 sa 110 tas-sentenza appellata.


21 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Bernh Larsen Holding AS et vs In‑Norveġja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


22 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Delta Pekárny AS vs Ir‑Repubblika Ċeka, 2 ta’ Ottubru 2014, Nru 97/11, §§ 82 sa 94, KEDB 2014.


23Ibid., punti 83, 87 u 92 sa 93.


24 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punt 85.


25 – Ara s-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815; u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810.


26 – Ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta: “… Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva [minn dik prevista fil-KEDB]”.


27 – Imsemmija iktar ’il fuq, noti ta’ qiegħ il-paġna 13 sa 15. F’dan il-kuntest nixtieq ngħid li l-appellanti ma spjegawx b’mod ċar għaliex is-sentenza Colas Est hija rilevanti f’dan il-kuntest billi, kif ingħad iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda biss ksur tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja (Artikolu 8 tal-KEDB).


28 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 40. Għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara b’mod partikolari l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Menarini Diagnostics Srl vs L‑Italja, 5 ta’ Mejju 2011, Nru 43509/08, §§ 57 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, KEDB 2011.


29 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Société Canal Plus et vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, § 37, u Société Métallurgique Liotard Frères vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, §§ 18 u 19.


30 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Société Canal Plus et vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, § 40.


31 – EU:C:1989:379.


32 – Ara l-punti 115 sa 165 tas-sentenza appellata.


33 – Dawn is-salvagwardji jinkludu, b’mod partikolari, deliberazzjoni kolleġjali mill-Kummissarji kollha, wara konsultazzjoni bejn id-dipartimenti.


34 – Fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (C(2000) 3614) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Kap. 3, p. 213), kif emendati l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Novembru 2011, li temenda r-Regolament intern tagħha (2011/737/EU, Euratom) (ĠU 2011 L 296, p. 58).


35 – Ara prinċipalment, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni PV(2004) 1655, SEC(2004) 520/2, u PV(2006) 1763, SEC(2006) 1368.


36 – Dwar il-legalità ta’ delega bħal din, ara s-sentenzi AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 5/85, EU:C:1986:328, punti 28 sa 40, u Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 58.


37 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, EU:C:2003:85, punt 26. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, C‑227/92 P, EU:C:1999:360, punti 14 u 15 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) tal-Karta.


39 – Punt 162 tas-sentenza appellata.


40 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-punti 15 u 22 tas-sentenza appellata.


41 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2014:223, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.


42 – Ara s-sentenzi Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 49, u Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 115 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata.


43 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑24/00, EU:C:2004:70, punt 53, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 199/85, EU:C:1987:115, punt 14.


44 – Ara s-sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Bernh Larsen Holding AS et vs In‑Norveġja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, §§ 171 u 172; Klass et vs Il‑Ġermanja, 6 ta’ Settembru 1978, Nru 5029/71, §§ 47 u 52, Serje A Nru 28; Z vs Il‑Finlandja, 25 ta’ Frar 1997, § 103, Reports of Judgments and Decisions 1997‑I; u Delta Pekárny AS vs Ir‑Repubblika Ċeka, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, § 92.


46 – Ara s-sentenza Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 18.


47 – Ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99‑P, EU:C:2002:582, punti 294 sa 307.


48 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 470 u 471 tas-sentenza tal-ewwel istanza: sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, EU:T:1999:80.


49Ibid., punt 477.


50 – Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jidhrux li huma korretti billi dokumenti mehmuża mal-fajl jindikaw li, inizjalment, diversi avukati tal-appellanti oġġezzjonaw għat-tfittix ta’ dokumenti li jirrigwardaw DUSS.