Language of document : ECLI:EU:C:2008:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2008 (*)

“Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema”

Fil-kawża C‑346/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2006, fil-proċeduri

Dirk Rüffert, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG

vs

Land Niedersachsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Land Niedersachsen, minn R. Thode, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL, u B. O’Moore, SC,

–        għall-Gvern ta’ Ċipru, minn E. Neofitou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka u M. Szymańska, bħala aġenti, kif ukoll minn A. Dzięcielak, espert,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġjan, minn A. Eide u E. Sivertsen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Rüffert, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG (iktar’il quddiem l-“Objekt und Bauregie”) u l-Land Niedersachsen fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejn dan ta’ l-aħħar u l-imsemmija kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 5 Vol. 2 p. 431), fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, tipprovdi li:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw [jikkollokaw] ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)      jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Is[t]at Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kolloka[ment]; jew

[…]”

4        Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat “It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

–        skond liġi, regolament[i] jew dispożizzjonijiet amministrattivi

u/jew

–        bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

[…]

(ċ)      ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi kumplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

[…]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

[…]

7.      Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

[…]

8.      ‘Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

Fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala ta’ applikaz[z]joni universali [ġenerali] fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:

–        ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata

u/jew

–        ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,

sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-eww[e]l subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Il-Liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Landesvergabegesetz Nds., iktar’il quddiem il-“Liġi tal-Land”) fiha dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal valur minimu ta’ EUR 10 000. Il-preambolu ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“Din il-liġi tikkontrobatti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-bini u tat-trasport pubbliku lokali minħabba l-impjieg ta’ ħaddiema b’paga baxxa u ttaffi l-piżijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, hija tipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ bini u ta’ trasport pubbliku lokali biss lill-impriżi li jħallsu l-pagi stabbiliti fil-ftehim kollettivi fil-post fejn jiġi pprovdut is-servizz.

[…]”

6        Skond l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-Land, intitolat “Impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi”:

“Il-kuntratti għal xogħlijiet għandhom jingħataw biss lill-impriżi li, meta jippreżentaw l-offerta tagħhom, jintrabtu bil-miktub li bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi fil-mument previst mill-ftehim kollettiv. Għall-finijiet ta’ l-ewwel sentenza, il-kelma ‘servizzi’ tfisser is-servizzi pprovduti kemm minn appaltaturi kif ukoll minn subappaltaturi fis-setturi tal-bini u ta’ l-inġinerija ċivili.”

7        L-Artikolu 4(1) ta’ l-imsemmija liġi, intitolat “Użu ta’ subappaltaturi”, jipprovdi li:

“L-appaltatur jista’ jgħaddi s-servizzi li għalihom tkun stabbilita l-impriża tiegħu lil subappaltaturi każ b’każ biss u wara li jkun ġie awtorizzat speċifikatament bil-miktub mill-awtorità kontraenti. L-offerenti għandhom, minn meta jippreżentaw l-offerta tagħhom, jindikaw liema servizzi jkunu ser jgħaddu lil subappaltaturi. Meta s-servizzi jiġu subappaltati, l-appaltatur għandu jintrabat li jgħaddi l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 3, 4 u 7(2) lis-subappaltaturi u li jikkontrolla l-osservanza ta’ dawn l-obbligi mis-subappaltaturi.”

8        L-Artikolu 6 ta’ l-istess liġi, intitolat “Provi”, jipprovdi li:

“(1)      Sabiex l-offerta tiegħu tiġi eżaminata, l-offerent għandu jannetti magħha d-dokumenti li ġejjin:

[…]

3.      impenn li josserva l-ftehim kollettivi skond l-Artikolu 3.

[…]

(2)      Fil-każ li l-eżekuzzjoni ta’ parti minn kuntratt tiġi mgħoddija lil subappaltatur, il-provi msemmija fil-paragrafu 1 li jirrigwardaw is-subappaltatur għandhom ukoll jiġu ppreżentati meta jingħata l-kuntratt.”

9        L-Artikolu 8 tal-Liġi tal-Land, intitolat “Penali”, jipprovdi li:

“(1)      Sabiex jassiguraw l-osservanza ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 7(2), l-awtoritajiet kontraenti għandhom, għal kull nuqqas kolpuż, jiftehmu ma’ l-appaltatur dwar penali kuntrattwali ta’ 1 %, li tista’ titla’ sa 10 % f’każ ta’ diversi nuqqasijiet, tal-valur tal-kuntratt. L-appaltatur għandu jiġi obbligat ukoll iħallas il-penali kuntrattwali msemmija fl-ewwel sentenza meta n-nuqqas ikun imputabbli lil wieħed mis-subappaltaturi jew lil wieħed mis-subappaltaturi ta’ dan ta’ l-aħħar, sakemm l-appaltatur ma kienx jaf jew ma setax ikun jaf bin-nuqqas. Jekk il-penali kuntrattwali tkun ta’ ammont sproporzjonat, hija tista’ tiġi mnaqqsa għal ammont xieraq mill-awtorità kontraenti, fuq talba ta’ l-appaltatur.

(2)      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiftehmu ma’ l-appaltatur li huma jkunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr avviż minn qabel jekk ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 ma jiġux osservati mill-appaltatur jew mis-subappaltaturi tiegħu kif ukoll jekk l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7(2) ma jiġux osservati b’riżultat ta’ negliġenza grossolana jew jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi jkun ripetut.

(3)      Jekk jiġi ppruvat li impriża naqset, ta’ l-inqas b’negliġenza grossolana jew b’mod ripetut milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din il-liġi, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskluduha mill-kuntratt pubbliku, fil-qasam ta’ kompetenza rispettiva tagħhom, għal żmien massimu ta’ sena.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-ħarifa tas-sena 2003, wara sejħa għal offerti, il-Land Niedersachsen ta lill-konvenuta kuntratt ta’ appalt għal xogħol strutturali fil-bini tal-ħabs ta’ Göttingen-Rosdorf. L-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 8 493 331, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud. Il-kuntratt kien fih impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi u, b’mod iktar partikolari, dak li jipprovdi li l-ħaddiema fuq is-sit tal-bini jitħallsu ta’ l-inqas il-paga minima fis-seħħ fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi skond il-ftehim kollettiv imsemmi fil-lista tal-ftehim kollettivi taħt in-Nru 1 “Bini u xogħlijiet pubbliċi” (iktar’il quddiem il-“ftehim kollettiv ‘Bini u xogħlijiet pubbliċi’”).

11      Objekt und Bauregie użat impriża stabbilita l-Polonja bħala subappaltatur. Matul is-sena 2004, din l-impriża ġiet issuspettata li impjegat ħaddiema fuq is-sit tal-bini b’paga inqas minn dik stabbilita fil-ftehim “Bini u xogħlijiet pubbliċi”. Wara l-bidu ta’ l-investigazzjoni Objekt und Bauregie u l-Land Niedersachsen itterminaw il-kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejniethom. Il-Land Niedersachsen ibbaża din it-terminazzjoni, b’mod partikolari, fuq il-fatt li Objekt und Bauregie kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tosserva l-imsemmi ftehim kollettiv. Inħareġ digriet penali kontra l-persuna prinċipalment responsabbli fl-impriża stabbilita l-Polonja, fejn ġiet akkużata li lit-53 ħaddiem li kienu qed jaħdmu fuq is-sit tal-bini ħalsithom biss 46.57 % tal-paga minima prevista.

12      Fl-ewwel istanza, il-Landgericht Hannover ikkonstatat li l-kreditu ta’ Objekt und Bauregie li jirriżulta mill-kuntratt għal xogħlijiet kien paċut mal-penali kuntrattwali fl-ammont ta’ EUR 84 934,31 (jiġifieri 1 % ta’ l-ammont tal-kuntratt), favur il-Land Niedersachsen. Hija ċaħdet it-talba ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-kumplament.

13      Adita bl-appell, il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq dwar jekk hija għandhiex obbligu li ma tapplikax il-Liġi tal-Land, u b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) ta’ l-istess liġi, għar-raġuni li din mhijiex kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49 KE.

14      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva li l-impenji li jiġu osservati l-ftehim kollettivi jobbligaw lill-impriżi tal-bini fi Stati Membri oħra li jadattaw il-pagi mħallsin lill-ħaddiema tagħhom skond ir-rata ta’ paga, normalment ogħla, applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi fil-Ġermanja. Din il-kundizzjoni ttellef lil dawn l-impriżi l-vantaġġ kompetittiv li huma għandhom minħabba li l-kost tagħhom f’pagi huwa iktar baxx. Għaldaqstant, l-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi jirrappreżenta ostakolu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ġejjin minn Stati Membri oħra apparti r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

15      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi huwiex iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. B’mod iktar partikolari, impenn bħal dan imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema huwa definit mill-paga minima mandatarja li tirriżulta mill-applikazzjoni fil-Ġermanja tal-Liġi dwar il-kollokament tal-ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegesetz) tas-26 ta’ Frar 1996 (BGBl. 1996 I, p. 227, iktar’il quddiem l-“AEntG”). Għall-ħaddiema barranin, l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi ma jippermettix li jkun hemm ugwaljanza effettiva bejnhom u bejn il-ħaddiema Ġermaniżi, iżda jfixkel lill-ħaddiema ġejjin minn Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli jiġu impjegati fuq it-territorju ta’ din ta’ l-aħħar, peress li l-persuna li timpjegahom ma tistax tapprofitta mill-vantaġġ fil-kost fir-rigward tal-kompetizzjoni.

16      Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tinħtieġ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, l-Oberlandesgericht Celle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li l-awtorità kontraenti hija meħtieġa bil-liġi li tagħżel, bħala appaltatur ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, jikkostitwixxi restrizzjoni, li mhijiex iġġustifikata, fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt it-Trattat KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 49 KE jipprekludix liġi, adottata minn awtorità ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi.

18      Kif jissuġġerixxu diversi Gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju jinħtieġ li fl-eżami tad-domanda preliminari jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller, C-60/03, Ġabra p. I-9553, punt 27, kif ukoll tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 42).

19      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3)(a) tagħha, din id-direttiva tapplika, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni li fiha impriża stabbilita fi Stat Membru tibgħat ħaddiema, fil-kuntest ta’ prestazzjoni ta’ servizzi tranżnazzjonali, f’isimha u taħt il-kontroll tagħha, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fil-qafas ta’ kuntratt konluż bejn l-impriża li tibgħat lill-ħaddiema u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament. Din tidher li hija effettivament is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

20      Barra minn hekk, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-Liġi tal-Land, m’għandhiex l-għan li tirregola l-kollokament tal-ħaddiema ma jistax ikollu l-konsegwenza li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71.

21      Skond l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ servizzi tranżnazzjonali fis-settur tal-bini, il-ħaddiema kkollokati għandhom jiġu ggarantiti t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkludu, taħt is-subparagrafu (ċ), ir-rati minimi ta’ ħlas. Dawn it-termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg huma stabbiliti minn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew minn ftehim kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-direttiva, il-ftehim kollettivi u s-sentenzi ta’ arbitraġġ skond din id-dispożizzjoni huma dawk li għandhom jiġu osservati mill-impriżi kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernati.

22      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 jagħti possibbiltà oħra lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi jew tas-sentenzi ta’ arbitraġġ, li jibbażaw ruħhom fuq il-ftehim kollettivi jew sentenzi ta’ arbitragg li jkunu ġeneralment applikabbli għall-impriżi kollha simili fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernati, jew fuq il-ftehim konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq il-pjan nazzjonali u li jkunu applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu.

23      Huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rata ta’ ħlas, stabbilita minn miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’liġi adottata mil-Land Niedersachsen fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi u li tirrendi vinkolanti, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ impriża, bħall-impriża subappaltatriċi ta’ Objekt und Bauregie, ftehim kollettiv li jipprovdi għar-rata ta’ ħlas in kwistjoni, kinitx iffissata skond waħda mill-proċeduri deskritti fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza.

24      Fl-ewwel lok, liġi bħal-Liġi tal-Land, li hija stess ma tiffissa ebda rata minima ta’ ħlas, ma tistax titqies bħala liġi fis-sens ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, li ffissat rata minima ta’ ħlas, kif ipprovdut fis-subparagrafu (ċ) ta’ l-istess paragrafu.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ftehim kollettiv bħal dak fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix ftehim kollettiv iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-direttiva, mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-AEntG, li tittrasponi d-Direttiva 96/71, testendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagi minimi fil-ftehim kollettivi ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fil-Ġermanja għal kull min iħaddem, li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jibgħat lill-ħaddiema tiegħu l-Ġermanja.

26      B’risposta għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Land Niedersachsen ikkonferma li l-ftehim kollettiv “Bini u xogħlijiet pubbliċi” ma kienx ftehim kollettiv iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-AEntG. Barra minn hekk, l-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fihom ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-ftehim huwa ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-direttiva.

27      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija applikabbli biss fil-każ li ma jkunx hemm sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi, li mhuwiex il-każ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

28      Barra minn hekk, ftehim kollettiv bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ftehim kollettiv fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni u, b’mod iktar partikolari, bħala ftehim kollettiv, imsemmi fl-ewwel inċiż ta’ din l-istess dispożizzjoni, li huwa “ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata”.

29      Fil-fatt, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, l-effett vinkolanti ta’ ftehim kollettiv bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jestendi biss għal parti mis-settur tal-bini li jaqa’ taħt il-qasam ġeografiku tal-ftehim, peress li, minn naħa, il-liġi li tagħtih dan l-effett tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi u mhux għall-kuntratti privati, u min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim kollettiv ma kienx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

30      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiffissax rata ta’ ħlas skond waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) u fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71.

31      Għaldaqstant, rata ta’ ħlas bħal din ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi rata minima ta’ ħlas fis-sens tas-subparagrafu (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, li l-Istati Membri għandhom dritt jimponu, skond din id-direttiva, fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi tranżnazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C-341/05, Ġabra 2007 p. I-11767, punti 70 u 71).

32      Bl-istess mod, rata ta’ ħlas bħal din ma tistax titqies bħala terminu u kundizzjoni ta’ impjieg iktar favorevoli għall-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71.

33      B’mod iktar partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jissuġġetta t-twettiq ta’ prestazzjoni ta’ servizzi fit-territorju tiegħu għall-osservanza ta’ termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg li jmorru lil hinn mir-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 96/71 tipprovdi espressament il-livell ta’ protezzjoni li l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi li jiġi osservat mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra favur il-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din twassal sabiex l-imsemmija direttiva tkun ipprivata mill-effikaċja tagħha (sentenza Laval un Partneri, iċċitata iktar’il fuq, punt 80).

34      Għaldaqstant, u bla ħsara għall-possibbiltà ta’ l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jiffirmaw volontarjament ftehim kollettiv ta’ xogħol fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari fil-qafas ta’ impenn meħud fir-rigward tal-persunal ikkollokat tagħhom stess, li t-termini tiegħu jkunu iktar favorevoli, il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti huwa limitat, bħala prinċipju, għal dak previst fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, ħlief jekk, skond il-liġi jew il-ftehim kollettivi applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-imsemmija ħaddiema ma jkunux igawdu diġà minn termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg iktar favorevoli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (sentenza Laval un Partneri, iċċitata iktar’il fuq, punt 81). Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

35      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li Stat Membru m’għandux dritt li, bis-saħħa tad-Direttiva 96/71, jimponi fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, permezz ta’ miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, rata ta’ ħlas bħal dik stabbilita fil-ftehim kollettiv “Bini u xogħlijiet pubbliċi”.

36      Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71 hija kkonfermata minn qari tagħha fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE, peress li l-għan ta’ din id-direttiva huwa, b’mod partikolari, li titwettaq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

37      Kif sostnut mill-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tobbliga lill-appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom, josservaw il-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv “Bini u xogħlijiet pubbliċi”, liġi bħal-Liġi tal-Land tista’ timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn ir-rati minimi ta’ ħlas ikunu iktar baxxi, piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew irendi inqas attraenti l-prestazzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE.

38      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Land Niedersachen u diversi Gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, miżura bħal din ma tistax titqies li hija ġġustifikata mill-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema.

39      Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ ħlas stabbilita fi ftehim kollettiv bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rata tapplika biss, bħala riżultat ta’ l-effetti ta’ liġi bħal-Liġi tal-Land, għal parti mis-settur tal-bini, peress li, minn naħa, din il-liġi tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi u mhux għall-kuntratti privati, u min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim kollettiv ma kienx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

40      L-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fihom ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-protezzjoni li tirriżulta minn rata ta’ ħlas bħal din li, barra minn hekk, kif tosserva wkoll il-qorti tar-rinviju, teċċedi r-rata minima ta’ ħlas applikabbli skond l-AEntG, hija neċessarja għal ħaddiem fis-settur tal-bini fil-każ biss li huwa jkun impjegat fil-qafas ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u mhux fil-każ li jkun jaħdem fil-qafas ta’ kuntratt privat.

41      Għall-istess motivi esposti fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija restrizzjoni lanqas tista’ titqies li hija ġġustifikata mill-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-organizzazzjoni awtonoma tal-ħajja professjonali mit-trade unions li jirreferi għalih il-Gvern Ġermaniż.

42      Fl-aħħarnett, fir-rigward ta’ l-għan li jiġi assigurat il-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, invokat ukoll mill-Gvern Ġermaniż in sostenn ta’ l-argument tiegħu li l-effikaċja tas-sistema soċjali tiddependi mil-livell tal-pagi tal-ħaddiema, mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja sabiex jiġi evitat riskju ta’ ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, għan li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma jistax jiġi eskluż li jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I- 4325, punt 103 u il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 96/71, interpretata fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprekludi liġi, adottata minn awtorità ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, interpretata fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprekludi liġi, adottata minn awtorità ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.