Language of document : ECLI:EU:C:2017:949

Kawża C636/16

Wilber López Pastuzano

vs

Delegación del Gobierno en Navarra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Pamplona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 12 – Teħid ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija kontra residenti għat-tul – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi – Kompatibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2017

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Assenza

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109 – Protezzjoni kontra t-tneħħija – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix, kif interpretata minn parti mill-qrati ta’ dan l-Istat, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija elementi qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija li tirriżulta minn kundanna kriminali – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikolu 12)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-21)

2.      L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li, kif interpretata minn parti mill-qrati ta’ dan l-Istat, ma tipprevedix l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz residenti għat-tul fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi kollha ta’ tneħħija, irrispettivament min-natura jew mill-modalitajiet ġuridiċi ta’ din il-miżura.

Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/2019 huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul fl-Istati Membri (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66, kif ukoll tat-2 ta’ Settembru 2015, CGIL u INCA, C‑309/14, EU:C:2015:523, punt 21).

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva jiddikjara li, qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ tneħħija kontra ċittadin ta’ Stat terz, li huwa resident għat-tul, l-Istati Membri għandhom iqisu t-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom, l-età tal-persuna kkonċernata, il-konsegwenzi għaliha u għall-membri tal-familja tagħhom kif ukoll ir-rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza jew l-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini. Għaldaqstant huwa irrilevanti jekk tali miżura ġietx ippronunzjata bħala sanzjoni amministrattiva jew jekk hija l-konsegwenza ta’ kundanna kriminali.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punti 82 u 83), li t-teħid ta’ tali miżura ma jistax jiġi ordnat awtomatikament wara kundanna kriminali, iżda jeħtieġ evalwazzjoni każ każ li għandha, b’mod partikolari, tirrigwarda l-elementi msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tittieħed kontra ċittadin ta’ Stat terz, li huwa resident għat-tul, għall-motiv biss li ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena.

(ara l-punti 23, 26-29 u d-dispożittiv)