Language of document : ECLI:EU:C:2013:127

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Frar 2013 (*)

“Ordni ta’ accountants – Regolament dwar is-sistema ta’ taħriġ obbligatorju tal-accountants – Artikolu 101 TFUE – Assoċjazzjoni ta’ impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Ġustifikazzjonijiet – Artikolu 106(2) TFUE”

Fil-Kawża C‑1/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Portugall), permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas

vs

Autoridade da Concorrência,

fil-preżenza ta’:

Ministério Público,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (President tal-Awla), G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, minn D. Abecassis, L. Vilhena de Freitas u R. Leandro Vasconcelos, avukati,

–        għall-Ministério Público, minn F. de Jesus Marques de Oliveira, procuradora-geral adjunta,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn M. Caldeira, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Khan, L. Parpala u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE, 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (Ordni tal-accountants, iktar ’il quddiem l-“OTOC”) u l-Autoridade da Concorrência (Awtorità tal-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“AdC”) dwar, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE tar-regolament dwar il-ksib ta’ krediti ta’ taħriġ (Regulamento da Formação de Créditos, Diário da República, it-tieni serje, Nru°133, tat-12 ta’ Lulju 2007, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”). Dan ir-regolament ġie adottat fit-18 ta’ Mejju 2007 mill-Kamra tal-Accountants, li ġiet sostitwita bl-OTOC.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Istatut tal-OTOC

3        L-Artikolu 1 tal-Istatut tal-Ordni tal-Accountants (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-OTOC”), li jinsab fl-Anness I tad-Digriet Nru 310/2009 tas-26 ta’ Ottubru 2009, huwa redatt kif ġej:

“L-[OTOC] huwa persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku, tat-tip assoċjattiv, li huwa responsabbli li jirrappreżenta, permezz tal-iskrizzjoni obbligatorja tal-accountants, l-interessi professjonali ta’ dawn tal-aħħar u li jħares l-aspetti kollha marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istatut jistabbilixxi:

“1.      Is-setgħat tal-ordni huma s-segwenti:

a)      jagħti t-titolu professjonali ta’ accountant u joħroġ il-karta professjonali marbuta miegħu;

b)      jiddefendi d-dinjità u l-prestiġju tal-professjoni, iħares li josserva l-prinċipji ta’ etika u ta’ deontoloġija kif ukoll jiddefendi l-interessi, id-drittijiet u l-prerogattivi tal-membri tagħha;

c)      jippromwovi t-titjib u t-taħriġ professjonali tal-membri tiegħu u jikkontribwixxi għal dan partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet u ta’ programmi ta’ taħriġ professjonali, ta’ korsijiet u ta’ konferenzi;

[...]

n)      jeżerċita setgħa dixxiplinarja fuq l-accountants;

o)      jistabbilixxi prinċipji u regoli ta’ etika u ta’ deontoloġija professjonali;

[...]

r)      jimplementa, jorganizza u jeżegwixxi sistemi ta’ kontroll tal-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-accountants;

s)      joħloq, jorganizza u jeżegwixxi, għall-membri tiegħu, sistemi ta’ taħriġ obbligatorju;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi statut:

“1.      L-accountants għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet segwenti:

a)      jippjanaw, jorganizzaw u jikkordinaw il-kontabbiltà tal-entitajiet li għandhom, jew li għandhom ikollhom, kontabbiltà debitament organizzata skont il-pjanijiet kontabbli uffiċjalment applikabbli jew, skont il-każ, is-sistema ta’ normalizzazzjoni tal-kontijiet billi jiġu osservati d-dispożizzjonijiet legali, il-prinċipji kontabbli viġenti u l-orjentazzjoni tal-korpi kompetenti fil-qasam tan-normalizzazzjoni kontabbli;

b)      jassumu r-responsabbiltà tar-regolarità teknika, fl-oqsma kontabbli u fiskali, tal-entitajiet imsemmija fil-punt preċedenti;

c)      jiffirmaw, flimkien mar-rappreżentant legali tal-entitajiet imsemmija fil-punt (a), l-istat finanzjarju u d-dikjarazzjonijiet fiskali, li jixhdu l-kwalità tagħhom, bi kliem u l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-ordni, bla ħsara għall-kompetenza u għar-responsabbiltajiet mogħtija bil-liġi kummerċjali u fiskali lill-korpi kkonċernati;

d)      fuq il-bażi tal-elementi pprovduti mill-persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom huma responsabbli għall-kontabbiltà tagħhom, jassumu r-responsabbiltà tal-kontroll tal-atti dikjarattivi għas-sigurtà soċjali u għall-finijiet fiskali marbuta mal-amministrazzjoni tas-salarji.

2.      Barra minn hekk, l-accountants huma responsabbli li:

a)      jeżerċitaw funzjonijiet ta’ konsultazzjoni fl-oqsma tal-kontabbiltà, tal-fiskalità u tas-sigurtà soċjali;

b)      jintervjenu, bħala rappreżentanti tal-persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom huma responsabbli għall-kontabbiltà tagħhom, fl-istadju amministrattiv tal-proċedura fiskali, fil-kuntest ta’ kwistjonijiet dwar il-kompetenzi speċifiċi tagħhom;

c)      iwettqu kull funzjoni oħra ddefinita mil-liġi, meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari dik ta’ perit maħtur mill-qrati jew minn entitajiet pubbliċi oħra jew privati.

[...]”.

6        Skont l-Artikolu 57(1)(a) tal-Istatut tal-OTOC, l-accountants għandhom josservaw ir-regolamenti kollha u jeżegwixxu d-deċiżjonijiet kollha tal-OTOC.

7        Skont l-Artikolu 59(2) ta’ dan l-istatut, ksur dixxiplinari jfisser “ksur, mill-accountant, b’azzjoni jew b’ommissjoni, anki b’negliġenza, ta’ wieħed mill-obbligi ġenerali jew speċjali previsti fl-[...] Istatut [...] jew minn dispożizzjonijiet oħra jew deċiżjonijiet adottati mill-Ordni”.

8        Tali ksur huwa, skont l-Artikoli 63 u 64 tal-Istatut tal-OTOC, ikkundannat bis-sanzjonijiet dixxiplinari segwenti, jiġifieri bi twissija, b’multa, b’sospensjoni sa tliet snin jew bit-tneħħija mill-Ordni.

 Ir-regolament dwar il-kontroll tal-kwalità

9        Fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Kamra tal-Accountants adottat Regolament dwar il-kontroll ta’ kwalità (Regulamento do Controlo de Qualidade, Diário da República, it-tieni serje, Nru 175, tas-27 ta’ Lulju 2004). L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.      L-evalwazzjoni tal-kontroll transversali għandu jgħaddi mill-verifika tal-elementi segwenti:

[...]

e)      il-ksib, matul l-aħħar sentejn, ta’ 35 kreditu ta’ taħriġ annwali medju mgħallem mill-[OTOC] jew approvat [minn dan tal-aħħar];

[...]”

 Ir-regolament kontenzjuż

10      L-Artikolu 3 tar-regolament kontenzjuż jistabbilixxi:

“Tipi ta’ taħriġ mgħallem mill-[OTOC]

1.      L-[OTOC] jippromwovi t-tip ta’ taħriġ segwenti:

a)      taħriġ istituzzjonali;

b)      taħriġ professjonali.

2.      It-taħriġ istituzzjonali jikkonsisti f’interventi mwettqa mill-[OTOC] għall-membri tagħha, ta’ tul massimu ta’ sittax-il siegħa, fejn l-għan huwa b’mod partikolari li l-persuni fil-professjoni jsiru jafu bl-inizjattivi u bil-bidliet leġiżlattivi kif ukoll bil-kwistjonijiet ta’ natura etika u deontoloġika.

3.      It-taħriġ professjonali jikkonsisti f’sessjonijiet ta’ studju u ta’ approfondament ta’ temi inerenti għall-professjoni, ta’ tul minimu li jkun iktar minn sittax-il siegħa. ”

11      Abbażi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, l-OTOC jista’ jipprovdi kull tip ta’ taħriġ rilevanti għall-eżerċizzju tal-professjoni kkonċernata. Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, l-OTOC biss jista’ jipprovdi t-taħriġ istituzzjonali.

12      Mill-Artikoli 6 u 7 tal-istess regolament jirriżulta li l-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri u l-korpi awtorizzati, abbażi ta’ din il-liġi, li jipprovdu taħriġ kif ukoll il-korpi skritti mal-OTOC jistgħu jipprovdu l-korsijiet fil-kuntest tat-taħriġ professjonali tal-accountants.

13      Il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-korpi ta’ taħriġ biex jiġu awtorizzati mill-OTOC sabiex jipprovdu korsijiet li jwasslu għal krediti ta’ taħriġ huma, skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament kontenzjuż, is-segwenti:

“(a)  kapaċità pprovata biex jipprovdu t-taħriġ;

(b)       pussess ta’ mezzi meħtieġa (finanzjarji, materjali u umani) biex jipprovdu taħriġ ta’ kwalità;

(c)       kapaċità ppruvata tal-membri tal-korpi ta’ tmexxija tal-korp inkwistjoni u tal-persuni responsabbli mill-organizzazzjoni tat-taħriġ;

(d)       interventi ta’ professuri universitarji u/jew ta’ personalitajiet b’kompetenzi magħrufa fil-kuntest tal-professjoni u/jew ta’ persuni fil-professjoni b’kompetenzi magħrufa fl-oqsma marbuta mal-eżerċizzju tal-professjoni.”

14      Skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni li taċċetta jew li tiċħad l-iskrizzjoni tal-korpi ta’ taħriġ għall-finijiet tat-twettiq tal-azzjonijiet ta’ taħriġ li jagħtu dritt għal krediti ta’ taħriġ tittieħed mid-direttorat tal-OTOC f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jiddekorru mit-tressiq tat-talba.

15      L-Artikoli 10 sa 12 tal-imsemmi regolament jirregolaw il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-azzjonijiet ta’ taħriġ li jagħtu dritt għal krediti ta’ taħriġ mgħallma minn korpi li ma humiex l-OTOC. Id-deċiżjoni li tapprova jew le azzjoni ta’ taħriġ tittieħed mill-OTOC.

16      Skont l-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, il-parteċipazzjoni tal-accountants f’azzjoni ta’ taħriġ istituzzjonali jew professjonali, sa fejn din tal-aħħar hija eżentata mill-OTOC jew approvata minnu, tagħti lill-imsemmija accountants 1.5 kreditu għal kull siegħa ta’ taħriġ. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, kull accountant għandu jikseb 12-il kreditu ta’ taħriġ istituzzjonali fis-sena.

17      L-Artikolu 16 tar-regolament kontenzjuż jistabbilixxi li l-korpi ta’ taħriġ li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament għandhom iħallsu, lill-OTOC, taxxa kemm meta jressqu talba għal iskrizzjoni bħala korp ta’ taħriġ kif ukoll fl-okkażjoni tat-talba ta’ approvazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ taħriġ li huma jixtiequ jwettqu. Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, l-ammont ta’ din it-taxxa tikkorrispondi għall-ispejjeż totali sostnuti mill-OTOC fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, mingħajr ma dawn ġew stabbiliti fir-regolament kontenjuż.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      L-AdC irċeviet, fl-2006 u fl-2009, żewġ ilmenti li jikkritikaw is-sistema ta’ taħriġ obbligatorju tal-accountants implementata mill-OTOC.

19      Matul dan il-perijodu, numru ta’ korpi ta’ taħriġ ressqu talba biex jiġu iskritti mal-OTOC, sabiex jipprovdu l-azzjonijiet ta’ taħriġ professjonali intiżi għall-accountants, billi ħallsu taxxa ta’ EUR 200. Dawn il-korpi matul l-imsemmi perijodu talbu wkoll l-approvazzjoni tal-azzjonijiet ta’ taħriġ li huma kellhom f’moħħhom li jwettqu, billi ħallsu taxxa ta’ EUR 100 għal kull azzjoni ppjanata.

20      Għalkemm l-OTOC laqgħet il-part il-kbira ta’ dawn it-talbiet, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti każijiet, l-OTOC irrifjuta li japprova azzjonijiet ta’ taħriġ.

21      Barra minn hekk, żewġ korpi ta’ taħriġ espressament irrifjutaw li jiġu iskritti mal-OTOC, għaliex ir-regolament kontenzjuż indebitament jirrestrinġi l-libertà tagħhom li jwettqu azzjonijiet ta’ taħriġ intiżi għall-accountants.

22      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, f’ċerti każijiet, l-OTOC ma ħax deċiżjoni, għalkemm għaddew iktar minn ħames xhur mit-tressiq tat-talba għal approvazzjoni jew wieġeb għal tali talba f’terminu ta’ iktar minn sena.

23      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-AdC ikkonstatat, wara li ddefinixxiet is-suq rilevanti bħala dak tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants fit-territorju nazzjonali kollu, li, billi adotta r-regolament kontenzjuż, l-OTOC kien kiser l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u imponietlu multa.

24      L-OTOC talba l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal do comércio de Lisboa.

25      Din il-qorti qabelxejn iddeċidiet li, minn naħa, billi impona fuq l-accountants kollha l-obbligu li jiksbu medja ta’ 35 kreditu ta’ taħriġ fis-sena matul l-aħħar sentejn fil-kuntest ta’ taħriġ mgħallem mill-OTOC jew approvat minnu, li fosthom 12-il kreditu miksuba fil-kuntest tat-taħriġ huma esklużivament mgħallma mill-OTOC stess, u, min-naħa l-oħra, billi ddeċieda liema huma l-korpi ta’ taħriġ awtorizzati li jagħtu t-taħriġ u l-azzjonijiet ta’ taħriġ li jippermettu li jinkisbu krediti ta’ taħriġ, l-OTOC ikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants. Hija kkunsidrat ukoll li r-regolament kontenzjuż seta’ joħloq xkiel fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

26      Sussegwentement, it-Tribunal do comércio de Lisboa ċaħad l-argument li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-imsemmi regolament kienu meħtieġa biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju tajjeb tal-professjoni tal-accountants.

27      Fl-aħħar nett, din il-qorti qieset li l-OTOC ma kienx abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fuq is-suq rilevanti. Għalhekk, hija annullat id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

28      L-OTOC talab l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tribunal do comércio de Lisboa quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna li huwa responsabbli minn inkarigu ta’ servizz pubbliku li jirriżulta direttament mil-liġi u li jikkonsisti fil-promozzjoni u fil-kontribuzzjoni tat-taħriġ tal-membri tiegħu. L-attività ta’ taħriġ tiegħu ma taqax għalhekk taħt l-isfera ta’ skambji ekonomiċi u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Fi kwalunkwe każ, dan l-artikolu ma japplikax għal din il-kawża, kif jirriżulta mill-punti 97 et seq tas-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577), peress li l-effetti restrittivi eventwali tal-aġir tal-OTOC huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jiġi ggarantit l-eżerċizzju tajjeb tal-professjoni tal-accountants. Barra minn hekk, ir-regolament kontenzjuż jikkontribwixxi għat-titjib tal-offerta, għad-distribuzzjoni u għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku u jagħti lill-utenti parti xierqa tal-qligħ fis-sens tal-Artikolu 101(3) TFUE. Barra minn hekk, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ taħriġ obbligatorju intiż għall-accountants jikkostitwixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE.

29      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-Tribunal do comércio de Lisboa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Entità bħall-[OTOC] għandha tiġi kkunsidrata kollha kemm hi bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi għall-finijiet tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (fis-suq tat-taħriġ)? Fejn applikabbli, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(2) TFUE fis-seħħ, fis-sens li entità li, bħall-OTOC, tadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali — sabiex tissodisfa r-rekwiżiti legali — għat-taħriġ obbligatorju ta’ accountants, sabiex jiggarantixxu liċ-ċittadini l-għoti ta’ servizz kredibbli u ta’ kwalità, hijiex ukoll suġġetta għal dawn ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni?

2)       Jekk entità bħall-OTOC hija obbligata bil-liġi, li tistabilixxi sistema ta’ taħriġ obbligatorju għall-membri tagħha, l-Artikolu 101 TFUE fis-seħħ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi kkontestat il-ħolqien, mill-OTOC u mir-regolament li ħoloqha, ta’ sistema ta’ taħriġ obbligatorju skont il-liġi, sakemm hija limitata strettament sa biex tissodisfa r-rekwiżit legali? Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni taqa’, fl-ambitu tal-Artikolu 101 TFUE u għandha tiġi evalwata skont l-Artikoli 56 et seq TFUE fis-seħħ?

3)       Minħabba l-fatt li s-sentenza Wouters [et] [iċċitata iktar ’il fuq,] kif ukoll f’sentenzi simili, qamet il-kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni li għandha effett fuq l-attività ekonomika tal-membri tal-assoċjazzjoni professjonali inkwistjoni, l-Artikoli 101 u 102 TFUE fis-seħħ jipprekludu leġiżlazzjoni dwar it-taħriġ ta’ accountants li ma għandha l-ebda influwenza diretta fuq l-attività ekonomika ta’ dawn il-professjonisti?

4)       Fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (dwar is-suq tat-taħriġ), tistax assoċjazzjoni professjonali tista’ teżiġi, għall-eżerċizzju tal-professjoni li hija tirrappreżenta, taħriġ speċifiku li tipprovdi hija biss?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

30      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-AdC ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, billi adotta r-regolament kontenzjuż, l-OTOC kien kiser kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE. Issa, din id-deċiżjoni sussegwentement ġiet annullata mit-Tribunal do comércio de Lisboa inkwantu permezz tagħha l-imsemmija awtorità kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-OTOC jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ din il-qorti biss sa fejn din tikkonferma l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

31      Għalhekk, jidher b’mod manifest li, f’dan l-istadju tal-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikoli 56 TFUE et seq, kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett ta’ din il-kawża, b’mod li ma għandhiex rilevanza mas-soluzzjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, il-kompatibbiltà tar-regolament kontenzjuż mal-Artikoli 56 TFUE et seq ma hijiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-annullament parzjali ta’ din tal-aħħar mit-Tribunal do comércio de Lisboa, inkwantu hija kkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE, ma ġiex ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju.

32      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel sat-tielet domanda preliminari jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

 Fuq id-domandi magħmula

33      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien fil-limiti speċifikati fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk regolament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottat minn ordni professjonali bħall-OTOC, għandux jitqies bħala deċiżjoni meħuda minn assoċjazzjoni ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija b’mod partikolari tixtieq tkun taf jekk il-fatt li, minn naħa, l-OTOC huwa obbligat, abbażi tal-liġi, li jadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali intiżi li jimplementaw sistema ta’ taħriġ obbligatorju intiż għall-membri tiegħu, sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti bil-provvista ta’ servizz kredibbli u ta’ kwalità u, min-naħa l-oħra, li dawn ir-regoli ma għandhomx influwenza diretta fuq l-attività ekonomika tal-accountants, għandux effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

34      Sabiex jiġi ddeterminat jekk regolament bħar-regolament kontenzjuż għandux jitqies bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-accountants humiex impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt  46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Wouters et, punt  47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’din il-kawża, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-accountants joffru, bi ħlas, servizzi kontabbli li b’mod partikolari jikkonsistu, skont l-Artikolu 6 tal-Istatut tal-OTOC, fl-ippjanar, fl-organizzazzjoni u fil-koordinazzjoni tal-kontabbiltà tal-entitajiet, fl-iffirmar tal-istati finanzjarji tagħhom u tad-dikjarazzjonijiet fiskali tagħhom, fil-konsultazzjoni fl-oqsma tal-kontabbiltà, tal-fiskalità u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fir-rappreżentazzjoni għal persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom huma responsabbli mill-kontabbiltà tagħhom, fl-istadju amministrattiv tal-proċedura fiskali. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-accountants jassumu, bħala membri ta’ professjoni liberali, riskji finanzjarji marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, għaliex, f’każ ta’ żbilanċ bejn l-ispejjeż u d-dħul, l-accountant huwa msejjaħ isostni huwa stess id-defiċit ikkonstatat.

38      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-accountants, fid-dawl tal-mod ta’ kif il-professjoni tagħhom hija regolata fil-Portugall, jeżerċitaw attività ekonomika u, għaldaqstant, huma kkunsidrati impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, mingħajr man-natura kumplessa u teknika tas-servizzi li huma joffru u l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom huwa regolat jbiddel din il-konklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

39      Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ordni professjonali bħall-OTOC għandux jitqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, meta jadotta regolament bħar-regolament kontenzjuż jew, kuntrarjament, bħala awtorità pubblika.

40      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività li, min-natura tagħha, mir-regoli li għalihom hija suġġetta u mill-għan tagħha, ma tappartjenix għall-isfera ta’ skambji ekonomika jew li hija konnessa mal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ awtorità pubblika ma taqax taħt l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsiti mit-Trattat FUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt  57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, l-ewwel nett, regolament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala li ma jappartjenix għall-isfera ta’ skambji ekonomiċi.

42      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, minn naħa, l-OTOC joffri huwa stess azzjonijiet ta’ taħriġ intiżi għall-accountants u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għall-fornituri oħra li jixtiequ jipprovdu tali taħriġ huwa suġġett għal regoli li jinsabu fir-regolament kontenzjuż. Konsegwentement, tali regolament għandu impatt dirett fuq l-iskambju ekonomiku fis-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants.

43      Barra minn hekk, l-obbligu għall-accountant li jsegwi taħriġ skont il-modalitajiet stabbiliti minn dan ir-regolament huwa strettament marbut mal-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, kif isostnu l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, il-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ għalhekk iwassal, skont l-Artikoli 57(1)(a), 59(2), 63 u 64 tal-Istatut tal-OTOC, għal sanzjonijiet dixxiplinari, bħas-sospensjoni għal perijodu massimu ta’ tliet snin jew it-tneħħija minn dan l-ordni professjonali.

44      Anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmi regolament ma għandux influwenza diretta fuq l-attività ekonomika tal-accountants stess, kif il-qorti tar-rinviju tidher li qed tissuġġerixxi fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, dan il-fatt waħdu ma huwiex ta’ natura li jneħħi deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

45      Fil-fatt, tali deċiżjoni tista’ tkun ta’ natura li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, mhux biss fis-suq li fih membri ta’ ordni professjonali jeżerċitaw l-attività tagħhom, iżda wkoll f’suq ieħor li fih dan l-ordni professjonali jeżerċita huwa stess attività ekonomika.

46      It-tieni nett, meta jadotta regolament bħar-regolament kontenzjuż, ordni professjonali bħall-OTOC ma jeżerċitax setgħat tipiċi ta’ setgħa pubblika, iżda pjuttost jidher bħala korp ta’ regolazzjoni ta’ professjoni li l-eżerċizzju tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, f’attività ekonomika.

47      Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-korpi direttorjali tal-OTOC huma esklużivament komposti minn membri ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali bl-ebda mod ma jintervjenu fil-ħatra tal-membri ta’ dawn il-korpi.

48      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-OTOC huwa regolata minn statut tad-dritt pubbiku ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, skont il-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 101 TFUE japplika għal akkordji bejn impriżi u għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Il-qafas legali li fih jiġu konklużi tali akkordji u jittieħdu tali deċiżjonijiet, kif ukoll il-mod kif id-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jikklassifikaw lil dan il-qafas legali hu irrilevanti għall-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt  66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Min-naħa l-oħra, is-setgħa regolamentorja li għandu l-OTOC ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet jew kritierji li dan l-ordni professjonali għandu josserva meta jadotta atti bħar-regolament inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1)(ċ) u (s) tal-Istatut tal-OTOC sempliċement jattribwixxi li dan tal-aħħar il-kompiti, rispettivament, li “jippromwovi t-titjib u t-taħriġ professjonali tal-membri tiegħu u jikkontribwixxi għal dan partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet u ta’ programmi ta’ taħriġ professjonali, ta’ korsijiet u ta’ konferenzi”, u li “joħloq, jorganizza u jeżegwixxi, għall-membri tiegħu, sistemi ta’ taħriġ obbligatorju”.

50      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet iħallu lill-OTOC marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li fir-rigward tagħhom is-sistema ta’ taħriġ obbligatorju tal-accountants għandha tissodisfa.

51      B’mod partikolari, l-Istatut tal-OTOC ma jagħtix lil dan tal-aħħar id-dritt esklużiv li jipprovdi l-azzjonijiet ta’ taħriġ intiżi għall-accountants u ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-korpi ta’ taħriġ fis-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants. Ir-regoli marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet jinsabu, min-naħa l-oħra, fir-regolament kontenzjuż.

52      Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan ir-regolament ġie adottat mill-OTOC mingħajr l-intervent tal-Istat.

53      Il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din it-tieni domanda, li l-OTOC jista’ legalment jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorju intiża għall-membri tiegħu ma jqiegħedx inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

54      Ċertament, meta Stat Membru jagħti poteri regolatorji lil assoċjazzjoni professjonali, billi jiddefinixxi l-kriterji ta’ interess pubbliku u l-prinċipji essenzjali li għandhom josservaw ir-regoli ta’ din l-assoċjazzjoni professjonali kif ukoll billi jirriżerva d-dritt tiegħu li jadotta deċiżjonijiet fl-aħħar stadju, ir-regoli adottati mill-assoċjazzjoni professjonali jibqgħu ta’ natura statali u ma jaqgħux taħt il-portata tar-regoli tat-Trattat applikabbli għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt  68).

55      Madankollu, tali ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza.

56      F’tali kundizzjonijiet, ir-regoli dwar il-kisba ta’ krediti ta’ taħriġ stabbiliti mill-ordni professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma attribwiti lilu biss.

57      Għandu jiġi rrilevat li l-impatt li jista’ jkollu fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE il-fatt, invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-OTOC ma għandux skop ta’ lukru, ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq tranżazzjonijiet fis-suq titqies bħala impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar  2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 122 u 123, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 27).

58      Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-OTOC jipproponi azzjonijiet ta’ taħriġ professjonali intiżi għall-accountants filwaqt li jinsab f’kompetizzjoni ma’ korpi oħra ta’ taħriġ li jsegwu skop ta’ lukru.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li:

–        Regolament bħar-regolament kontenjuż, adottat minn ordni professjonali bħall-OTOC, għandu jitqies bħala deċiżjoni meħuda minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

–        Il-fatt li ordni professjonali, bħall-OTOC, huwa legalment obbligat li jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorja intiża għall-membri tiegħu ma jistax iwassal biex ir-regoli stabbiliti minn dan l-ordni professjonali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn l-imsemmija regoli huma attribwiti esklużivament lil dan tal-aħħar.

–        Il-fatt li dawn ir-regoli ma għandhomx influwenza dirett fuq l-attività ekonomika tal-membri tal-imsemmi ordni professjonali ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-ksur attribwit lill-imsemmi ordni professjonali jikkonċerna suq li fih dan tal-aħħar jeżerċita huwa stess attività ekonomika.

 Fuq ir-raba’ domanda

60      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jipprekludi li ordni professjonali jimponi fuq il-membri tiegħu l-obbligu li jsegwu taħriġ mgħallem esklużivament minnu skont il-kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Il-Gvern Portugiż jirrileva li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jirrigwardax biss il-fatt li jimponi fuq il-membri tal-OTOC taħriġ li dan tal-aħħar biss jimponi.

62      F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mid-deċiżjoni tat-Tribunal do comércio de Lisboa, u kif ġie kkonfermat mill-OTOC u mill-Gvern Portugiż matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li jirriżulta li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE attribwit lill-OTOC jikkonsisti fl-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, li abbażi tiegħu s-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants ġie essenzjalment maqsum b’mod artifiċjali billi terz minnu ġie rriżervat lill-OTOC stess, u billi ġew imposti, fuq il-partijiet l-oħra ta’ dan is-suq, kundizzjonijiet diskriminatorji, għad-detriment tal-kompetituri ta’ dan l-ordni professjonali.

63      Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni huma inkompatibbli mas-suq komuni.

64      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

65      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt  34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Peress li jirrigwarda t-territorju kollu tal-Istat Membru inkwistjoni, regolament bħar-regolament ikkontestat jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants imposti mir-regolament kontenzjuż jidhru, fid-dawl tal-premessi li jinsabu fil-punti 73 sa 92 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jkollhom effett mhux negliġibbli fuq l-għażla tal-impriżi stabbiliti fl-Istati Membri li ma huwiex ir-Repubblika Portugiża li jeżerċitaw jew le l-attivitajiet tagħhom f’dan l-aħħar Stat Membru.

68      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk regolament bħar-regolament kontenzjuż għandux bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li dan ir-regolament huwa intiż li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi offruti mill-accountants billi jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorju.

69      Konsegwentement, jekk jiġi preżunt li l-imsemmi regolament ma għandux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern.

70      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE timplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih dawn jinsabu, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-proprjetà jew servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt  49).

71      L-Artikolu 101(1) TFUE ma jillimitax tali evalwazzjoni biss għall-effetti attwali, peress li l-imsemmi artikolu għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk ir-regolament kontenzjuż pproduċiex jew hemmx riskju li jipproduċi effetti mhux mixtieqa fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern, hija l-Qorti tal-Ġusitzzja li għandha tipprovdilha għal dan il-għan l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, Ġabra p. I‑9419, punt 42).

73      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel nett, tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants, hekk kif jirriżulta minn dan ir-regolament.

74      Għalhekk għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament stabbilixxa żewġ tipi ta’ taħriġ, wieħed imsejjaħ “istituzzjonali”, u l-ieħor imsejjaħ “professjonali”, li huma differenti skont l-għan tagħhom, il-korpi awtorizzati li jgħallmuh u t-tul tal-azzjonijiet ta’ taħriġ li jistgħu jiġu pprovduti.

75      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-għan tat-taħriġ istituzzjonali, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tar-regolament kontenzjuż, għandu jiġi rrilevat li dan jikkonsisti fis-sensibilizzazzjoni tal-accountants mhux biss għall-kwistjonijiet ta’ natura etika u deontoloġika, iżda wkoll għall-“inizjattivi u bidliet leġiżlattivi”. Issa, ma huwiex eskluż li l-iżviluppi leġiżlattivi rilevanti jagħmlu wkoll parti mit-taħriġ professjonali, li jikkonsisti, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 3, f’“sessjonijiet ta’ studji u ta’ approfondiment ta’ temi inerenti għall-professjoni”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, kull azzjoni ta’ taħriġ, kemm istituzzjonali kif ukoll professjonali – bil-kundizzjoni li din tiġi pprovduta mill-OTOC jew approvata minn dan tal-aħħar – tagħti dritt għal 1.5 kreditu għal kull siegħa.

76      Dawn l-elementi jistgħu juru li dawn iż-żewġ tipi ta’ taħriġ jistgħu jitqiesu, tal-inqas parzjalment, bħala interkambjali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77      Jekk dan huwa il-każ, id-distinzjoni magħmula fir-regolament kontenzjuż bejn it-taħriġ istituzzjonali u t-taħriġ professjonali skont l-għan tagħhom ma hijiex iġġustifikata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 7 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155), is-suq tal-prodotti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinkludi l-prodotti kollha u/jew servizzi li l-konsumatur iqis bħala interkambjali jew sostitwibbli minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu intiż tagħhom.

78      It-tieni nett, id-diviżjoni tas-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants, kif jirriżulta mir-regolament kontenzjuż, hija mfassla fuq il-ħatra ta’ korpi awtorizzati li jipprovdu kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ taħriġ. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li t-taħriġ istituzzjonali jista’ jiġi pprovdut biss mill-OTOC. Barra minn hekk, mill-medja ta’ 35 kreditu annwali li l-acocuntants għandhom jiksbu matul l-aħħar sentejn skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament dwar il-Kontroll tal-Kwalità, 12-il kreditu għandu imperattivament jinkiseb fil-kuntest tat-taħriġ istituzzjonali, kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-regolament kontenzjuż.

79      Minn dan isegwi li dan l-aħħar regolament jagħti lill-OTOC parti mhux negliġibbli tas-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants.

80      It-tielet nett, dawn iż-żewġ tipi ta’ taħriġ huma differenti f’dak li jirrigwarda t-tul rispettiv tal-azzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ wieħed minnhom. Għalhekk, l-Artikolu 3(2) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li t-taħriġ istituzzjonali huwa ta’ tul massimu ta’ sittax-il siegħa, filwaqt li t-tul tat-taħriġ professjonali għandu jkun iktar minn sittax-il siegħa.

81      Dan il-fatt jista’ jkollu bħala konsegwenza, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, li l-korpi ta’ taħriġ li ma humiex l-OTOC li jixtiequ jipproponu programmi ta’ taħriġ ta’ tul iqsar jiġu preklużi milli jagħmlu dan.

82      Għalhekk, tali regola tidher li tista’ twassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-taħriġ obbligatorju tal-accountants, billi taffettwa r-ritmu normali tal-offerta u tat-talba.

83      Ir-raba’ nett, filwaqt li r-regolament kontenzjuż jimponi fuq l-accountants il-ħtieġa li jiksbu imperattivament tal-inqas 12-il kreditu ta’ taħriġ istituzzjonali fis-sena, l-ebda rekwiżit simili ma huwa previst għat-taħriġ professjonali. Minn dan isegwi, kif isostni l-Gvern Portugiż, li l-accountants jistgħu jagħżlu t-23 kreditu li baqa’ jew fil-kuntest tat-taħriġ professjonali, jew fil-kuntest tat-taħriġ istituzzjonali. Dan il-fatt jista’ wkoll iwassal għal vantaġġ kompetittiv għall-azzjonijiet ta’ taħriġ mgħallem mill-OTOC fil-kuntest tat-taħriġ istituzzjonali, fid-dawl, mod partikolari, tal-fatt li t-taħriġ istituzzjonali huma iqsar, kif ġie rrilevat fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

84      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq inkwistjoni għall-korpi li ma humiex l-OTOC.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-korpi ta’ taħriġ, bl-eċċezzjoni tal-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri u l-korpi awtorizzati, abbażi tal-liġi, li jipprovdu taħriġ, li jixtiequ jipprovdu azzjonijiet li jagħtu dritt għal krediti ta’ taħriġ, għandhom minn qabel jiġu iskritti mal-OTOC. Huwa d-direttorat ta’ dan tal-aħħar li jaċċetta jew jiċħad talba għall-iskrizzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tar-regolament kontenzjuż.

86      Barra minn hekk, fil-każ li dawn il-korpi jixtiequ li l-azzjonijiet ta’ taħriġ li huma jixtiequ jwettqu jagħtu dritt għal krediti ta’ taħriġ, huma għandhom, abbażi tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, jippreżentaw, għal kull azzjoni, talba ta’ approvazzjoni mingħand l-OTOC. Din it-talba għandha titressaq tal-inqas tliet xhur qabel l-azzjoni kkonċernata u għandha tinkludi ċertu numru ta’ tagħrif, bħal, b’mod partikolari, il-prezz u l-programm dettaljat tal-azzjoni inkwistjoni. Il-persuna li tressaq it-talba għandha wkoll tħallas it-taxxa għal kull azzjoni ppjanata, li tmur għall-OTOC. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni jew ta’ ċaħda tittieħed mid-direttorat ta’ dan l-ordni professjonali.

87      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, minn naħa, l-OTOC jipprovdi wkoll azzjonijiet ta’ taħriġ professjonali f’kompetizzjoni ma’ korpi ta’ taħriġ oħra, u li, min-naħa l-oħra, it-taħriġ professjonali mgħallem mill-OTOC ma huwiex suġġett għal ebda proċedura ta’ approvazzjoni.

88      Issa, sistema ta’ kompetizzjoni li ma toħloqx distorzjoni, bħal dik prevista mit-Trattat, tista’ biss tiġi ggarantita jekk l-ugwaljanza tal-possibbiltà bejn l-operaturi ekonomiċi differenti hija żgurata (sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

89      L-elementi rrilevati fil-punti 85 sa 87 ta’ din is-sentenza jistgħu jkollhom bħala konsegwenza li r-regolament kontenzjuż ma jiżgurax l-ugwaljanza ta’ possibbiltà bejn l-operaturi ekonomiċi differenti.

90      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-korpi ta’ taħriġ sabiex, minn naħa, jiġu iskritt mal-OTOC, u, min-naħa l-oħra, sabiex azzjoni ta’ taħriġ professjoni tiġi approvata, huma redatti, rispettivament fl-Artikoli  8 u 12 tar-regolament kontenzjuż, b’mod ftit li xejn preċiż.

91      Tali regolament, li jagħti lil persuna ġuridika bħall-OTOC is-setgħa li tiddeċiedi b’mod unilaterali fuq it-talbiet ta’ iskrizzjoni jew ta’ approvazzjoni mressqa sabiex jiġu organizzati azzjonijiet ta’ taħriġ, mingħajr ma din is-setgħa hija suġġetta, minn dan ir-regolament, għal limiti, obbligi jew kontroll, jista’ jwassal biex il-persuna ġuridika li għandha l-imsemmi setgħa tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi l-azzjonijiet ta’ taħriġ li hija stess torganizza (ara, b’analoġija, is-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punt  52).

92      It-tieni nett, il-mod ta’ kif il-proċedura ta’ approvazzjoni hija organizzata mir-regolament kontenzjuż jista’ jirrestrinġi l-offerta ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ proposti mill-korpi li ma humiex l-OTOC. Effettivament, il-fatt li hemm bżonn li ssir talba minn qabel għall-approvazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ taħriġ ippjanata, u dan tliet xhur qabel il-bidu ta’ dan tal-aħħar tipprekludihom milli immedjatament joffru azzjonijiet ta’ taħriġ li jwasslu għall-imsemmija krediti, filwaqt li huwa impost fuqhom il-ħtieġa li jiżvelaw sistematikament tagħrif dettaljat dwar kull azzjoni ppjanata.

93      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mhux kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tista’ tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet neċessarjament taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, hemm l-ewwel nett lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni tal-impriżi inkwistjoni ttieħdet jew tipproduċi l-effetti tagħha, u iktar partikolarment l-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt  97).

94      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kif ġie rrilevat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi regolament huwa intiż li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi offruti mill-accountants.

95      Peress li jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorju għall-accountants, li tista’ tiżgura l-ħtieġa ta’ titjib u ta’ taħriġ professjonali kontinwu, billi b’hekk tikkontribwixxi għal amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-kontabbiltà tal-impriżi u tal-fiskalità, dan ir-regolament effettivament jikkontribwixxi għat-tilħiq ta’ dan l-għan.

96      Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti restrittivi li jirriżultaw mir-regolament kontenzjuż setgħux raġonevolment jitqiesu bħala meħtieġa biex jiggarantixxu l-kwalità ta’ servizzi offruti mill-accountants u jekk l-imsemmija effetti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97, 107 u 109).

97      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmi regolament essenzjalment jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 73 sa 92 ta’ din is-sentenza, fl-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fuq parti sostanzjali tas-suq ikkonċernat u fl-iffissar ta’ kundizzjonijiet diskriminatorji fuq il-parti l-oħra ta’ dan is-suq.

98      Issa, l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’dak lil jirrigwarda l-azzjonijiet ta’ taħriġ ta’ tul inqas minn sittax-il siegħa ma tista’ bl-ebda każ titqies bħala meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi offruti mill-accountants.

99      Bl-istess mod, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq ta’ taħriġ obbligatorju tal-accountants, l-għan li jikkonsisti fl-iżgurar tal-kwalità tas-servizzi offruti minn dawn tal-aħħar jista’ jintlaħaq permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll organizzata fuq il-bażi ta’ kriterji ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji, kontrollabbli u li jistgħu jiggarantixxu lill-korpi ta’ taħriġ aċċess ugwali għas-suq inkwistjoni.

100    Minn dan isegwi li tali restrizzjonijiet jidhru li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi offruti mill-accountants.

101    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li r-regolament kontenzjuż huwa fi kwalunkwe każ kopert mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE jew jaqa’ taħt l-Artikolu 106(2) TFUE.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-applikabbiltà tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE hija suġġetta għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li d-deċiżjoni kkonċernata tikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, jew sabiex tippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku, fit-tieni lok, li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta jkun riżervat għall-konsumaturi, fit-tielet lok, li ma timponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli għall-impriżi parteċipanti, u, fir-raba’ lok, li ma tagħtihomx il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

103    Sa fejn, l-ewwel nett, ir-regolament kontenzjuż jista’ jagħti lill-OTOC il-possibbiltà li jelimina l-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tas-servizzi ta’ taħriġ intiżi għall-accountants, kif ġie kkonstatat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, u, it-tieni nett, għal raġunijiet invokati fil-punti 98 sa 100 ta’ din is-sentenza, ir-restrizzjonijiet imposti minn dan ir-regolament ma jistgħux jitqiesu bħala indispensabbli, l-Artikolu 101(3) TFUE ma japplikax għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

104    Fir-rigward tal-użu tal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tad-dmirijiet partikolari assenjati lilhom.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, la mill-atti tal-proċess mibgħuta mill-qorti nazzjonali u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li t-taħriġ obbligatorju tal-accountants huwa ta’ interess ekonomiku ġenerali li jippreżenta natura speċifika meta mqabbel ma’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika u li, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari, dawk stabbiliti fil-qasam tal-kompetizzjoni, huma ta’ natura li jfixklu t-twettiq ta’ tali inkarigu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru  1991, Merci convenzionali porto di Genova SpA, C-179/90, Ġabra p. I-5889, punt  27).

106    Fi kwalunkwe każ, l-impriżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 106(2) TFUE jistgħu biss jinvokaw din id-dispożizzjoni tat-Trattat biex jiġġustifikaw miżura li tikser l-Artikolu 101 TFUE jekk ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew saħansitra l-esklużjoni ta’ kull kompetizzjoni, hija meħtieġa biex jiġi żgurat it-twettiq ta’ inkarigu partikolari li huwa mogħti lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et, C-203/96, Ġabra p. I-4075, punt 65; tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punt  14, kif ukoll tas-27 ta’ April 1994, Commune d’Almelo et, C-393/92, Ġabra p. I-1477, punt  46).

107    Issa, għar-raġunijiet invokati fil-punti 98 sa 100 ta’ din is-sentenza, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni imposti bir-regolament kontenzjuż jidhru li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-inkarigu partikolari mogħti lill-OTOC, u għalhekk l-Artikolu 106(2)TFUE ma japplikax.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-regolament li jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorju għall-accountants sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi offruti minn dawn tal-aħħar, bħar-regolament kontenzjuż, adottat minn ordni professjonali bħall-OTOC, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, sa fejn jelimina, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kompetizzjoni fuq parti sostanzjali tas-suq rilevanti, favur dan l-ordni professjonali, u li jimponi, fuq l-parti l-oħra f’dan is-suq, kundizzjonijiet diskriminatorji għad-detriment tal-kompetituri tal-imsemmi ordni professjonali.

 Fuq l-ispejjeż

109    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Regolament bħar-Regolament dwar il-Kisba ta’ Krediti ta’ Taħriġ (Regulamento da Formação de Créditos), adottat minn ordni professjonali bħall-Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (ordni ta’ accountants), għandu jitqies bħala deċiżjoni meħuda minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Il-fatt li ordni professjonali, bħall-Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, huwa legalment obbligat li jimplementa sistema ta’ taħriġ intiża għall-membri tiegħu ma jistax iwassal biex ir-regoli stabbiliti minn dan l-ordni professjonali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn l-imsemmija regoli huma attribwiti esklużivament lil dan tal-aħħar.

Il-fatt li dawn ir-regoli ma għandhomx influwenza dirett fuq l-attività ekonomika tal-membri tal-imsemmi ordni professjonali ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-ksur attribwit lill-imsemmi ordni professjonali jikkonċerna suq li fih dan tal-aħħar jeżerċita huwa stess attività ekonomika.

2)      Regolament li jimplementa sistema ta’ taħriġ obbligatorju għall-accountants sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi offruti minn dawn tal-aħħar, bħar-regolament dwar il-kisba ta’ krediti ta’ taħriġ, adottat minn ordni professjonali bħall-Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, sa fejn jelimina, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kompetizzjoni fuq parti sostanzjali tas-suq rilevanti, favur dan l-ordni professjonali, u li jimponi, fuq l-parti l-oħra f’dan is-suq, kundizzjonijiet diskriminatorji għad-detriment tal-kompetituri tal-imsemmi ordni professjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.